EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52022DC0139

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp imtejba u rapport tal-progress tal-2021

COM/2022/139 final

Brussell, 24.3.2022

COM(2022) 139 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp imtejba u rapport tal-progress tal-2021


Dan id-dokument huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, adottati fl-14 ta’ Ġunju 2021, li fihom il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-objettivi u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet, u biex tirrapporta kull sena dwar il-progress miksub. Dan il-pjan direzzjonali għal arkitettura finanzjarja mtejba għandu l-għan li jwessa’ l-impatt, l-effiċjenza u l-viżibbiltà tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, permezz ta’:

-L-affermazzjoni ta’ direzzjoni b’saħħitha tal-politika tal-UE,

-Il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni mtejba,

-Il-bini ta’ arkitettura finanzjarja aktar inklużiva,

-L-iżgurar ta’ viżibbiltà u influwenza akbar tal-UE u tal-Istati Membri tagħha f’approċċ ta’ Tim Ewropa.

Huwa jiffoka fuq l-azzjonijiet li huma fil-kompetenza tal-Kummissjoni b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Viċi President (HR/VP) tal-UE. Barra minn hekk, dan ir-rapport jippreżenta l-istat ta’ implimentazzjoni fuq dawn l-azzjonijiet sa minn tmiem l-2021.

1.IL-ĦTIEĠA LI TITTEJJEB L-ARKITETTURA FINANZJARJA EWROPEA

2.Kuntest

Tradizzjonalment, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, li tikkostitwixxu madwar 46 % tal-għajnuna globali fl-2020 (EUR 66.8 biljun) 1 . L-għajnuna tal-UE kienet strumentali biex tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar, biex tnaqqas il-vulnerabbiltajiet u l-inugwaljanzi, u biex tgħin lill-pajjiżi sħab jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (‘Sustainable Development Goals’ - SDGs) u l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Madankollu, ir-riżorsi pubbliċi ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-kobor tal-ħtiġijiet dejjem jikbru biex jintlaħqu l-SDGs. B’riżultat ta’ dan, l-UE u l-Istati Membri tagħha qed imorru dejjem aktar lil hinn mill-mezzi ta’ għajnuna aktar tradizzjonali u qed jużaw l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (‘official development assistance’ - ODA) biex jiġġeneraw sorsi addizzjonali ta’ finanzjament, b’mod partikolari billi jinkludu kapital privat. B’hekk, huma qed jaħdmu dejjem aktar fi sħubija mal-istituzzjonijiet finanzjarji u jiddependu aktar fuq strumenti finanzjarji innovattivi, bl-użu ta’ fondi pubbliċi biex jingranaw l-investimenti, pereżempju, permezz ta’ taħlit jew permezz ta’ garanziji.

B’hekk, l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp saret aktar kumplessa matul is-snin minħabba l-ħolqien ta’ dawn l-istrumenti ġodda u l-għadd dejjem jikber ta’ atturi li hija tinkludi, inklużi l-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President, l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tagħhom tal-finanzi għall-iżvilupp, kif ukoll il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni timpenja ruħha wkoll b’mod intensiv ma’ varjetà ta’ atturi finanzjarji internazzjonali. Dawn l-atturi kollha jaħdmu lejn l-ilħuq tal-SDGs, iżda għandhom prijoritajiet u modalitajiet speċifiċi ta’ intervent, li joffru punti ta’ saħħa u vantaġġi komparattivi differenti, b’mod partikolari f’termini ta’ għarfien espert ġeografiku, settorjali jew finanzjarju.

Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet mal-urġenza li jiġu indirizzati l-isfidi tal-iżvilupp u, b’hekk, mal-urġenza li tissaħħaħ l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp. L-impatt ekonomiku tal-COVID-19 żied il-ħtiġijiet ta’ finanzjament u kellu impatt drammatiku fuq il-pajjiżi sħab tal-UE, filwaqt li reġġa’ lura s-snin ta’ progress li sar lejn il-kisba tal-SDGs. Fl-2020, id-diskrepanza fil-finanzjament annwali għall-SDGs fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp kienet stmata għal EUR 3.7 triljun 2 . Huma meħtieġa investimenti kbar aktar minn qatt qabel sabiex titnaqqas din id-diskrepanza fil-finanzjament. Is-sorsi kollha ta’ finanzjament (pubbliċi/privati, domestiċi/internazzjonali) flimkien ma’ riformi effettivi tal-politika jeħtieġ li jiġu skjerati b’mod effiċjenti biex jerġgħu jinbnew aħjar, filwaqt li ma jħallu lil ħadd jaqa’ lura. B’hekk, il-finanzjament sostenibbli se jkun kruċjali biex jiġi mobilizzat il-kapital privat domestiku u internazzjonali biex jiġu ffinanzjati investimenti infrastrutturali sostenibbli.

Barra minn hekk, fi sfond ta’ sfidi ġeopolitiċi globali sinifikanti, u r-rwol li qed jiżdied ta’ donaturi emerġenti, l-UE teħtieġ approċċ ġdid biex tippromwovi l-mudell ta’ żvilupp tagħha bbażat fuq il-valuri u ffokat fuq il-bniedem, kif ukoll biex tipproteġi u tippromwovi l-interessi politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà tal-UE madwar id-dinja.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi ta’ żvilupp globali, l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp jeħtieġ li tkun saħansitra aktar effettiva, effiċjenti, koerenti u tħalli impatt. Aktar koordinazzjoni permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa hija aktar kritika minn qatt qabel biex jiġu evitati azzjonijiet frammentati u jiġu żgurati sinerġiji u effiċjenzi aħjar. Dan jinkludi wkoll kapitalizzazzjoni aħjar fuq l-esperjenza fit-tul tad-diversi atturi u, fejn possibbli, il-ġbir flimkien tar-riżorsi finanzjarji, għal impatt ogħla u mobilizzazzjoni akbar tal-investiment tas-setturi privati.

Barra minn hekk, arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba għall-iżvilupp b’direzzjoni politika msaħħa hija ta’ importanza kbira biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali u jista’ jkollha rwol kruċjali vis-à-vis l-ambizzjonijiet ġeopolitiċi tagħna, b’mod partikolari fil-promozzjoni tal-interessi u l-valuri strateġiċi tagħna madwar id-dinja. L-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp għandha twassal għal komplementarjetà aħjar bejn l-għajnuna, l-investiment fl-iżvilupp, l-aġenda ta’ riforma, u d-diplomazija. Huwa biss b’dan il-mod li l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp tista’ timmassimizza l-użu tar-riżorsi eżistenti tal-ODA u taċċellera l-flussi finanzjarji lejn l-oqsma fejn il-ħtiġijiet huma l-akbar, iżżid l-impatt fuq l-iżvilupp u tattira viżibbiltà aħjar tal-isforzi kollha tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lejn il-kisba tal-SDGs. 

Dan id-dokument ifassal għadd ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu biex ittejjeb l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp. Ir-rapport juri wkoll il-passi importanti li diġà ttieħdu f’din id-direzzjoni. F’dan ir-rigward, it-tnedija tal-istrateġija Global Gateway 3 f’Diċembru 2021 u tal-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa tal-Global Gateway tagħha 4 huma riflessjoni ewlenija tal-ambjent il-ġdid, u jindikaw evoluzzjoni ulterjuri fil-mod kif l-UE se tipproċedi bl-attivitajiet esterni tagħha fis-snin li ġejjin. Sostnut minn approċċ xprunat mill-valuri, Global Gateway huwa pjan għal investiment kbir fl-iżvilupp tal-infrastruttura madwar id-dinja biex jissaħħu n-networks diġitali, tat-trasport u tal-enerġija permezz ta’ proġetti sostenibbli u ta’ kwalità għolja. Dan joffri ċertezza u kundizzjonijiet ekwi għall-investituri u għan-negozji, u livelli għoljin ta’ trasparenza u standards sabiex jiġu pprovduti benefiċċji soċjali u ekonomiċi dejjiema għan-nies.

Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (‘Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument’ - NDICI) – Ewropa Globali 5 (b’baġit totali ta’ EUR 79 biljun) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III 6 (EUR 14-il biljun) adottati fl-2021 huma fatturi importanti sinifikanti li se jkunu strumentali fit-titjib tal-arkitettura finanzjarja kurrenti. Huma jġibu titjib sostanzjali f’termini ta’ simplifikazzjoni, direzzjoni politika strateġika tal-UE, filwaqt li jipprovdu wkoll inċentivi għal koordinazzjoni strateġika u ġeopolitika aħjar fost l-atturi Ewropej u jżidu l-potenzjal għall-ingranaġġ tal-kapital mis-settur privat sabiex iħallu impatt trasformattiv fil-prattika.

Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-diskrepanza tremenda fil-finanzjament tal-SDGs, il-Kummissjoni għadha kif nediet sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li twaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li se jipprovdi lill-Kummissjoni b’rakkomandazzjonijiet sabiex hija tkun tista’ tkompli taċċellera l-fluss ta’ kapital privat lil pajjiżi b’introjtu baxx u medju.

3.Diskussjonijiet imġedda dwar kif tista’ tissaħħaħ l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp

Id-diskussjonijiet dwar kif tista’ tittejjeb l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp ilhom isiru għal aktar minn deċennju 7 f’diversi livelli u jinvolvu gruppi ta’ partijiet ikkonċernati differenti. Fl-2018, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Lejn arkitettura finanzjarja aktar effiċjenti għall-investiment barra mill-Unjoni Ewropea 8 , li enfasizzat xi wħud min-nuqqasijiet tal-istruttura eżistenti u ddeskriviet xi miżuri inizjali biex tittejjeb l-arkitettura finanzjarja.

Wara r-rapport tal-2019 mill-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Persuni Għorrief 9 u l-istudju tal-Fattibbiltà tal-2021 10 dwar l-għażliet għat-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea futura għall-iżvilupp, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2021 11 enfasizzaw l-importanza li tissaħħaħ u tittejjeb l-istruttura istituzzjonali kurrenti tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp (Status Quo+) u ssottolinjaw “il-ħtieġa li l-EFAD issir aktar effettiva, effiċjenti, iffukata fuq l-iżvilupp, koerenti u viżibbli, f’konformità mal-prinċipju li l-politiki jiġu l-ewwel u mal-interessi u l-valuri strateġiċi tal-UE.” Il-Kunsill qabel ukoll li l-arkitettura finanzjarja tal-UE “għandha tkun ibbażata fuq arkitettura miftuħa, kollaborattiva u inklużiva, li taħdem mal-banek għall-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej kollha, filwaqt li tibni fuq il-pajjiż, l-għarfien settorjali jew finanzjarju rispettiv tagħhom”.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li “jiġi mobilizzat il-finanzjament sostenibbli tas-settur privat”. Filwaqt li, tradizzjonalment, is-settur privat ma kienx fiċ-ċentru tal-istrateġiji ta’ investiment għall-iżvilupp, hemm kunsens dejjem jikber li l-kontribut tiegħu huwa kruċjali għall-finanzjament tal-iżvilupp (bħala komplement għar-riżorsi limitati tas-settur pubbliku) u għat-trawwim ta’ impjiegi u tkabbir sostenibbli fil-pajjiżi sħab.

Il-Kunsill stieden lill-BEI u lill-BERŻ “ikomplu bl-approfondiment sistematiku tal-koordinazzjoni tagħhom kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f’dak tekniku”, “jikkoordinaw ma’ istituzzjonijiet finanzjarji globali oħra attivi fil-pajjiżi ta’ operazzjoni tagħhom” u “jsaħħu l-vantaġġi komparattivi tagħhom fil-finanzjament għall-iżvilupp, jevitaw il-frammentazzjoni u jimmassimizzaw l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp”. B’mod aktar ġenerali, il-Kunsill jistieden lill-atturi Ewropej kollha tal-iżvilupp biex iżidu l-kollaborazzjoni tagħhom.

Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan direzzjonali biex tittejjeb l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp. Fost l-oħrajn, il-Kunsill qajjem l-oqsma li ġejjin għal titjib: il-koordinazzjoni u d-direzzjoni tal-politika mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, filwaqt li jiġu pprovduti aktar inċentivi għall-kofinanzjament u l-kondiviżjoni tar-riskji; it-tisħiħ tar-rwol tal-Bord Strateġiku tal-EFSD+; is-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament; it-tisħiħ tal-inklużività; l-appoġġ lil atturi iżgħar fil-valutazzjoni tal-pilastri tagħhom; l-appoġġ għall-ħolqien ta’ sensiliet ta’ proġetti permezz ta’ assistenza teknika; it-tisħiħ tal-approċċ ta’ Tim Ewropa biex tiżdied il-viżibbiltà tal-involviment konġunt.

4.Inizjattivi mmexxija mill-istituzzjonijiet sħab biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom

L-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp tinkludi għadd kbir ta’ atturi (ara l-Anness għal immappjar tentattiv).

F’konformità mad-diskussjonijiet imsemmija hawn fuq, u filwaqt li bnew fuq it-tagħlimiet meħuda, l-atturi Ewropej tal-iżvilupp kienu qed jistinkaw biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ inizjattivi differenti. L-Istati Membri, il-banek u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-iżvilupp tagħhom u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali ssieħbu taħt networks differenti skont l-iskop tal-intervent, il-prijoritajiet strateġiċi, l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom.

Bosta inizjattivi jlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati skont in-natura/l-iskop tagħhom u jimplikaw gradi differenti ta’ kooperazzjoni:

·L-Assoċjazzjoni tal-EDFI 12  (1992): tlaqqa’ flimkien l-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp (‘development finance institutions’ - DFIs) (inklużi xi membri mhux tal-UE), li l-mandat tagħhom huwa li jappoġġaw lis-settur privat. Ġiet stabbilita kumpanija maniġerjali tal-EDFI.

·Sħubija msaħħa 13  (2016): magħmula mill-Kummissjoni, minn tliet banek pubbliċi tal-iżvilupp u minn aġenzija waħda tal-iżvilupp (kollha vvalutati skont il-pilastri).

·Network tal-prattikanti 14  (2007): magħmul prinċipalment minn organizzazzjonijiet Ewropej ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ivvalutati skont il-pilastri (inklużi xi membri mhux tal-UE) li jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika.

B’mod parallel, hemm ukoll il-memorandum ta’ qbil tal-2012 15 bejn il-BEI u l-BERŻ flimkien mal-Kummissjoni, li wassal għal laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari bejn il-banek. Dan witta wkoll it-triq għall-“Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni tal-Proġetti” konkluż miż-żewġ banek f’Ottubru 2021 (ara hawn taħt).

Il-grafika li ġejja 16 tipprovdi rappreżentazzjoni viżwali tentattiva u mhux eżawrjenti tal-inizjattivi ta’ kollaborazzjoni eżistenti mmexxija mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp:

 

Inizjattivi oħrajn jinkludu, pereżempju, l-Inizjattiva ta’ Dipendenza Reċiproka tal-BEI/KfW/AFD  17 jew il-qafas ta’ proċedura tal-akkwist tal-BEI-BERŻ. Tnedew ukoll bosta inizjattivi ta’ kofinanzjament mill-istituzzjonijiet sħab 18 ..

Żviluppi tal-2021 fost l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament Ewropej

F’Novembru 2021, il-BEI u l-BERŻ irrapportaw b’mod konġunt lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet imwettqa b'segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp 19 .

Barra minn hekk, kemm il-BEI kif ukoll il-BERŻ reċentement kienu qed jikkunsidraw orjentazzjonijiet strateġiċi li jista’ jkollhom impatt fuq l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp:

·Il-BERŻ qed jikkunsidra espansjoni limitata u inkrementali possibbli tal-operazzjonijiet tiegħu għal pajjiżi magħżula, li għandha tiġi deċiża fil-laqgħa annwali tal-Bord tal-Gvernaturi tiegħu f’Mejju 2022.

·Fir-rigward tal-BEI, il-Bord tad-Diretturi tiegħu approva l-ħolqien ta’ fergħa globali, EIB global, għall-operazzjonijiet kollha barra mill-UE, li tnediet f’Jannar 2022.

L-istituzzjonijiet ta’ finanzjament reċentement fittxew li jżidu l-koordinazzjoni u l-attivitajiet konġunti. Eżempji reċenti jinkludu:

·Il-BERŻ u l-Assoċjazzjoni tal-EDFI ffirmaw memorandum ta’ qbil (Frar 2021) biex jintensifikaw il-kollaborazzjoni fost id-DFIs Ewropej b’enfasi qawwija fuq is-settur privat, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-kofinanzjament.

·Il-membri tas-sħubija msaħħa nedew inizjattiva ta’ kofinanzjament imsejħa “Team Europe finance platform” (Mejju 2021) bl-objettiv li tissaħħaħ il-kooperazzjoni effiċjenti bejniethom, b’mod partikolari permezz ta’ proċeduri komuni u l-istabbiliment ta’ proġetti komuni. Bħala parti mill-pjattaforma, AECID, AFD, CDP u KfW se jniedu qafas ta’ kofinanzjament fl-2022.

·Il-BERŻ u l-BEI kkonkludew “Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni tal-Proġetti” (Ottubru 2021) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa dwar proġetti u pjattaformi ta’ finanzjament konġunti barra mill-Unjoni Ewropea. Il-qafas għandu l-għan li jkopri t-tipi kollha ta’ strutturi ta’ finanzjament tad-dejn fis-settur privat jew pubbliku.

5.L-isforzi preċedenti tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp

F’konformità mad-diskussjonijiet imsemmija hawn fuq u filwaqt li bniet fuq it-tagħlimiet meħuda, il-Kummissjoni introduċiet titjib kbir fl-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp matul is-snin. Pass ewlieni ’l quddiem kien it-tnedija fl-2016-2017 tal-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew 20 u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) 21 , li jibnu fuq faċilitajiet ta’ taħlit tal-UE stabbiliti sewwa 22 u joffru garanzija baġitarja ġdida tal-UE biex ikopru l-investimenti fil-pajjiżi Afrikani u fil-Viċinat tal-UE, filwaqt li jikkapitalizzaw fuq l-għarfien espert tal-atturi pubbliċi u privati rilevanti biex jgħinu fl-inklużjoni tal-investiment fis-settur privat abbażi ta’ tliet pilastri komplementari. Il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent huwa wkoll eżempju tajjeb ta’ djalogu u kooperazzjoni msaħħa li jintegraw il-pajjiżi benefiċjarji flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali.

Għandha ssir referenza speċifika għall-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna (EUBEC) 23  imnedija mill-Kummissjoni fl-2012 bl-għan li jiġi ottimizzat il-funzjonament tal-mekkaniżmi għat-taħlit tal-għotjiet u s-self fil-qasam tal-azzjoni esterna.

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll djalogi strateġiċi regolari ta’ livell għoli mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali (eż. il-BEI, il-BERŻ, il-Grupp tal-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp, il-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp) biex jiddiskutu objettivi politiċi u ta’ politika konġunti.

Fl-2015, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa mal-BEI, mal-BERŻ, mal-Grupp tal-Bank Dinji u mal-Fond Monetarju Internazzjonali, bil-ħsieb li ssaħħaħ l-ingranaġġ u l-allinjament tal-politika. Hija tinkludi missjonijiet konġunti lejn pajjiżi speċifiċi tal-Viċinat u tat-Tkabbir u ħidma konġunta f’setturi ewlenin bħall-effiċjenza enerġetika u l-investiment fil-klima.

Fl-2020 kien hemm ukoll innovazzjoni importanti, hekk kif il-pandemija tal-COVID-19 kienet qed tara xi ssarraf l-azzjoni esterna tal-UE. Il-kobor tal-kriżi kien jeħtieġ l-isforzi, ir-riżorsi u l-għarfien espert ikkombinati tal-atturi Ewropej kollha. L-UE ressqet approċċ ta’ Tim Ewropa 24 li ppermetta li jiġi offrut b’mod kollettiv appoġġ sostanzjali lil pajjiżi sħab tal-UE, li tiġi pprovduta għajnuna umanitarja, li jiġu appoġġati s-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità tagħhom, u li jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi. Ir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għall-kriżi tal-COVID-19 f’approċċ ta’ Tim Ewropa 25 wera l-iskala u l-viżibbiltà li jistgħu jinkisbu meta dawn jaħdmu flimkien. Din il-kollaborazzjoni b’saħħitha għandha tkun sors ta’ ispirazzjoni għal koordinazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fil-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi sħab tal-UE.

6.PJAN DIREZZJONALI GĦAL ARKITETTURA FINANZJARJA EWROPEA GĦALL-IŻVILUPP MTEJBA

7.Objettivi

Il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għandu l-għan li jsaħħaħ l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp billi jibni fuq l-approċċ ta’ Tim Ewropa. Il-Kummissjoni tfittex li tiżgura arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp li tħalli impatt akbar u li tkun aktar effiċjenti, ikkoordinata, xprunata mill-politika, inklużiva u viżibbli. Tali arkitettura finanzjarja msaħħa hija meħtieġa biex jiġu ġġenerati inizjattivi trasformattivi, tingħata spinta lill-investimenti pubbliċi f’pajjiżi sħab, u jiġi żgurat li dawn ikollhom l-effett katalitiku u ta’ dimostrazzjoni meħtieġ biex jinġiebu investituri privati, u jitrawwem settur privat b’saħħtu, li huma essenzjali biex jinħolqu impjiegi u tkabbir sostenibbli.

Il-pjan direzzjonali huwa informat mis-sejbiet tal-istudju tal-fattibbiltà u mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Grupp ta’ Persuni Għorrief, mir-rapport relatat tal-Kummissjoni 26 u minn diversi dokumenti informali jew dokumenti ta’ pożizzjoni sottomessi minn istituzzjonijiet finanzjarji. Jibni wkoll fuq is-suċċess rikonoxxut tal-approċċ ta’ Tim Ewropa u l-isforzi ta’ koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE.

Huwa jħares ukoll lejn l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp f’kuntest internazzjonali usa’ fejn il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà mal-partijiet interessati internazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali.

It-titjib propost għandu l-għan li jikseb l-erba’ objettivi li ġejjin:

L-affermazzjoni ta’ direzzjoni b’saħħitha tal-politika tal-UE

Arkitettura finanzjarja Ewropea aktar effettiva għall-iżvilupp teħtieġ direzzjoni saħansitra aktar b’saħħitha tal-politika tal-UE. Il-koerenza tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-iżvilupp tal-attivitajiet tal-UE f’pajjiżi terzi u l-allinjament tagħhom mal-interessi strateġiċi tal-UE.

Promozzjoni ta’ koordinazzjoni msaħħa

L-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq koordinazzjoni akbar, filwaqt li tibbaża fuq id-diversità tal-atturi kollha tagħha sabiex tkun “magħquda fl-azzjonijiet tagħha” u żżid il-koerenza tal-azzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab għal effiċjenza akbar u impatt fuq l-iżvilupp trasformattiv, filwaqt li tinkludi l-investituri privati.

Bini ta’ arkitettura finanzjarja aktar inklużiva

L-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp għandha tkun inklużiva u tippermetti l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp interessati kollha, inklużi sħab iżgħar u ta’ daqs medju.

Żgurar ta’ viżibbiltà u influwenza akbar għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri f’approċċ ta’ Tim Ewropa

Il-viżibbiltà akbar tal-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri madwar id-dinja titlob għal promozzjoni aħjar tal-marka tal-UE, anki permezz tal-approċċ ta’ Tim Ewropa u l-kontribut għall-istabbiliment tal-marka ġdida Global Gateway. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rwol perċepit tal-UE fid-dinja jkun jaqbel mal-kobor tal-appoġġ tagħha. Il-parteċipazzjoni azzjonarja mdaqqsa tal-UE fl-istituzzjonijiet ta’ finanzjament internazzjonali titlob “vuċi tal-UE” aktar koerenti u konsistenti biex tiddefendi l-interessi strateġiċi tal-UE b’mod aktar effiċjenti.

8.Miżuri

B’appoġġ għal dawn l-objettivi, il-pjan direzzjonali jagħti dettalji dwar il-miżuri speċifiċi li l-Kummissjoni qed tressaq biex tilħaq dawn l-erba’ objettivi. Dawn huma mnaqqsa f’azzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-NDICI-Ewropa Globali u dokumenti strateġiċi oħrajn adottati reċentement, u azzjonijiet addizzjonali li se jappoġġaw it-titjib fid-direzzjoni tal-politika, il-koordinazzjoni, l-inklużività u l-viżibbiltà, rispettivament.

2.2.1    NDICI-Ewropa Globali u dokumenti strateġiċi oħrajn

Direzzjoni u orjentazzjonijiet ta’ politika aktar ċari

Kif imsemmi hawn fuq, id-direzzjoni u l-orjentazzjonijiet ta’ politika msaħħa huma essenzjali biex jiġu massimizzati l-effetti tal-azzjoni esterna tal-UE u biex jiġi żgurat kontribut qawwi għall-għanijiet u l-objettivi politiċi ġenerali. Ir-Regolamenti tal-NDICI-Ewropa Globali u tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (‘Instrument for Pre-accession Assistance III’ - IPA III) jispjegaw il-prijoritajiet li l-UE qed timmira li tappoġġa u jispeċifikaw il-miri ta’ nfiq għal oqsma speċifiċi bħall-klima, il-migrazzjoni u l-ispostament furzat, jew l-iżvilupp tal-bniedem. Il-Komunikazzjoni dwar il-Global Gateway 27 ipprovdiet direzzjoni addizzjonali dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi globali urġenti, mit-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, għat-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni, it-titjib tas-sigurtà tas-saħħa, it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u l-iżgurar tal-ktajjen tal-provvista globali. Il-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa tal-Global Gateway 28 , li tnieda fis-Summit bejn l-UE u l-UA fi Frar 2022, jispeċifika wkoll il-prijoritajiet għall-impenn fl-Afrika biex jiġu appoġġati rkupru u trasformazzjoni b’saħħithom, inklużivi, ekoloġiċi u diġitali. Fl-aħħar nett, l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fir-Reġjun Indo-Paċifiku (Settembru 2021) hija l-bażi għall-investiment fir-Reġjun tal-Asja u l-Paċifiku. Għall-Viċinat, ir-riżultati tanġibbli l-ġodda għas-Sħubija tal-Lvant u l-Komunikazzjoni Konġunta dwar Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar, kif ukoll iż-żewġ Pjanijiet ta’ Investiment Ekonomiku li jakkumpanjawhom għandhom l-għan li jixprunaw l-irkupru fit-tul ta’ dawn ir-reġjuni u l-konverġenza ekonomika tagħhom mal-UE.

Il-prinċipju “il-politika l-ewwel” huwa stabbilit fl-NDICI-Ewropa Globali u fl-IPA III. Dan jimplika li l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE – inklużi dawk koperti mill-garanziji baġitarji tal-UE – jeħtieġ li jappoġġaw il-prijoritajiet ta’ politika miftiehma b’mod konġunt bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha, kif definiti fid-dokumenti ta’ programmazzjoni rilevanti. Dawn id-dokumenti ta’ programmazzjoni, kif ukoll il-pjanijiet ta’ investiment jipprovdu direzzjoni politika ċara għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni kollha tal-UE. Barra minn hekk, id-differenzjazzjoni ġeografika fost l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għal impatt ogħla fuq l-iżvilupp billi toffri miżuri ta’ appoġġ u attivitajiet ta’ investiment li huma mfassla għall-pajjiżi u r-reġjuni benefiċjarji, biex b’hekk jissaħħaħ l-approċċ strateġiku u konsistenti tal-arkitettura ta’ investiment.

Fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’“il-politika l-ewwel” fil-kuntest tal-EFSD+, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President jippresiedu flimkien il-Bord Strateġiku tal-EFSD+ li jagħti d-direzzjoni politika għall-operazzjonijiet li ġejjin. Bl-NDICI-Ewropa Globali, il-Bord Strateġiku tal-EFSD+ u l-Bordijiet Operazzjonali Reġjonali għandhom rwol aktar prominenti, billi jmexxu kemm l-operazzjonijiet ta’ taħlit kif ukoll il-garanziji baġitarji (inklużi dawk li qabel kienu ġestiti indirettament taħt il-Mandat ta’ Self Estern jew il-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP). Barra minn hekk, il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent għadu l-korp ewlieni biex imexxi l-appoġġ u l-investimenti madwar il-Balkani tal-Punent f’approċċ miftuħ u inklużiv ta’ Tim Ewropa (u lil hinn), filwaqt li jaħdem f’koerenza sħiħa mal-Bord Strateġiku tal-EFSD+.



Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Viċi President, se:

-tipprovdi direzzjoni politika ċara fid-dokumenti ta’ programmazzjoni u fil-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment u tiżgura li l-azzjonijiet ta’ investiment kollha tal-UE taħt l-NDICI-Ewropa Globali u l-IPA III ikunu allinjati mal-prijoritajiet stabbiliti fid-dokumenti ta’ programmazzjoni;

-tippubblika d-dokumenti ta’ programmazzjoni kollha, sabiex il-prijoritajiet ta’ politika jkunu ċari għall-atturi kollha li jieħdu sehem fl-arkitettura finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp;

-tiżgura li l-Bord Strateġiku tal-EFSD+ 29 jappoġġa l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza ġenerali tal-operazzjonijiet implimentati taħt l-EFSD+;

-tkompli tipprovdi inċentivi biex jiġu mħeġġa prijoritajiet politiċi speċifiċi u jinkiseb impatt ogħla, pereżempju, biex jiġi żgurat li l-investimenti jkunu mmirati lejn dawk ir-reġjuni, il-pajjiżi (inklużi l-pajjiżi l-inqas żviluppati u reġjuni/pajjiżi prijoritarji oħrajn, kif xieraq), il-prijoritajiet tematiċi (eż. il-klima, il-konnettività…) jew gruppi (eż. iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti...) li huma prijorità politika għall-UE.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President:

-adottat u ppubblikat online l-programmi indikattivi pluriennali (‘multi-annual indicative programmes’ - MIPs) kollha għal aktar minn 130 pajjiż u reġjun sħab, kif ukoll il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment 30 ;

-f’Novembru 2021, issottomettietorjentazzjonijiet strateġiċi u oqsma ta’ investiment prijoritarju (twieqi ta’ investiment), inklużi Inizjattivi ta’ Tim Ewropa għall-użu tal-garanziji tal-EFSD+, li se jiggwidaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex iħejju programmi ta’ investiment proposti (PIPs) lill-Bord Strateġiku tal-EFSD+ .

Inizjattivi ta’ Tim Ewropa u portal ta’ sħubijiet u inizjattivi ewlenin

Il-koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha, essenzjali biex jiġu żgurati sinerġiji u effiċjenzi aħjar, se tiġi promossa permezz ta’ programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta. Il-koordinazzjoni attiva fost l-Istati Membri u d-DFIs tagħhom għandha tmur ukoll lil hinn mill-użu tal-fondi tal-UE u sseħħ fuq bażi sistematika, anki meta jintużaw ir-riżorsi proprji tagħhom. Il-programmazzjoni 31   fil-livell tal-pajjiżi u f’dak reġjonali tinkludi wkoll appoġġ għal Inizjattivi ta’ Tim Ewropa (TEIs) u inizjattivi ewlenin (skont il-Pjanijiet ta’ Investiment Ekonomiku, Global Gateway u l-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa) fejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jaħdmu flimkien bl-għan li jiksbu bidla sistemika f’konformità mal-prinċipju ta’ “il-politika l-ewwel” u mal-objettivi u l-valuri strateġiċi tal-UE. It-TEIs jgħaqqdu flimkien l-eżerċizzji ta’ programmazzjoni u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri permezz ta’ approċċ ikkoordinat u strateġiku fil-prattika. Skont prijoritajiet ta’ politika maqbula b’mod konġunt f’pajjiżi u reġjuni tad-dinja speċifiċi, it-TEIs jippromwovu azzjonijiet ikkoordinati b’impatt trasformattiv f’pajjiżi/reġjuni sħab, billi jużaw riżorsi kkombinati mill-atturi kollha. It-TEIs huma inkorporati bis-sħiħ fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-UE b’parti sostanzjali mill-baġits pluriennali ddedikati għalihom.

F’konformità ma’ dan l-approċċ, fil-Viċinat u fil-Balkani tal-Punent, il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment għal kull reġjun, żviluppati wara konsultazzjoni intensa mal-pajjiżi sħab u mal-Istati Membri, jistabbilixxu l-għanijiet prinċipali u l-inizjattivi ewlenin bl-għan li jinkiseb impatt massimu fir-reġjun. Dawn ġew inkorporati bis-sħiħ fid-dokumenti ta’ programmazzjoni bilaterali u reġjonali għall-Viċinat u fil-Qafas ta’ Programmazzjoni tal-IPA III.

L-NDICI-Ewropa Globali jistabbilixxi l-prinċipju ta’ arkitettura finanzjarja miftuħa u kollaborattiva għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni se tikkapitalizza fuq l-esperjenza twila tal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp tal-Istati Membri eliġibbli biex tiżgura l-aħjar użu tal-għarfien espert settorjali u ġeografiku wiesa’ tagħhom.

Minbarra l-għodod għall-bini tal-istituzzjonijiet, li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali taħt programmi bħal TAIEX jew Ġemellaġġ, il-Kummissjoni se tfittex li tappoġġa aktar il-ħolqien ta’ sħubijiet.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President, se:

-tipprivileġġa l-inizjattivi ewlenin u Inizjattivi jew proposti ta’ Tim Ewropa mibnija fuq approċċ ta’ Tim Ewropa (inklużi, pereżempju, konsorzji jew pjattaformi ta’ investiment);

-tesplora l-possibbiltà li jiġu pprovduti inċentivi taħt l-EFSD+ biex jiġu promossi l-proposti konġunti mressqa minn diversi istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom interess komuni biex jilħqu l-objettivi ta’ politika stabbiliti, b’mod partikolari billi tinkludi dawk ta’ daqs iżgħar, parteċipanti ġodda jew dawk li ma humiex ivvalutati skont il-pilastri (sakemm l-istituzzjoni ewlenija tiġi vvalutata skont il-pilastri);

-issaħħaħ l-għodod għall-bini tal-istituzzjonijiet skont TAIEX u ġemellaġġ biex jissaħħaħ il-bini tal-kapaċità f’oqsma ewlenin ta’ riforma u allinjament;

-tipprovdi trasparenza akbar dwar l-Inizjattivi ta’ Tim Ewropa;

-tniedi portal ta’ sħubijiet fl-2022 biex tiffaċilita t-tqabbil tad-domanda minn pajjiżi sħab ma’ offerta minn atturi Ewropej f’termini ta’ appoġġ.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-bdiet tfassal għadd ta’ Inizjattivi ta’ Tim Ewropa fuq livell nazzjonali, reġjonali u globali flimkien mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-finanzi għall-iżvilupp, il-BERŻ u l-BEI;

-għażlet, flimkien mal-Istati Membri, l-inizjattivi ewlenin murija bħala parti mill-Global Gateway u mill-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa;

-bdiet, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa mekkaniżmu konġunt ta’ monitoraġġ u rapportar għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Inizjattivi ta’ Tim Ewropa u r-riżultati tagħhom;

-ħolqot prototip ta’ portal għas-sħubija li jipprovdi informazzjoni ewlenija dwar l-oġġetti u s-servizzi offruti mill-fornituri tal-UE u tal-Istati li jaġixxu bl-approċċ ta’ Tim Ewropa. Se jibda jaħdem f'April tal-2022.

Lejn mobilizzazzjoni akbar tal-investimenti privati

Anki qabel ma bdiet il-pandemija tal-COVID-19, ir-riżorsi pubbliċi kienu ferm ’il bogħod minn biżżejjed biex jindirizzaw id-diskrepanza tremenda fil-finanzjament tal-SDGs u l-finanzjament għall-iżvilupp kien qed jintuża dejjem aktar biex jimmobilizza t-triljuni meħtieġa. Bil-kriżi, il-ħtiġijiet li qed jiżdiedu u r-riżorsi li qed jonqsu, huwa aktar urġenti minn qatt qabel li jiġu mmobilizzati riżorsi addizzjonali biex jgħinu lill-pajjiżi sħab jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom u jilħqu l-SDGs u l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Huwa kruċjali li l-UE timmobilizza l-finanzjament tas-settur privat biex tgħin fil-finanzjament ta’ rkupru ekoloġiku, sostenibbli u inklużiv u taċċellera l-progress fl-SDGs kollha. L-użu aħjar tal-finanzjament uffiċjali għall-iżvilupp huwa essenzjali biex jgħin għall-inklużjoni tal-finanzjament privat u għall-ingranaġġ tas-swieq kapitali b’appoġġ għall-SDGs fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp. F’dak ir-rigward, il-finanzjament sostenibbli huwa kruċjali għall-mobilizzazzjoni tal-kapital privat internazzjonali u domestiku għall-finanzjament ta’ investimenti sostenibbli f’pajjiżi sħab. Il-fergħa finanzjarja tal-NDICI-Ewropa Globali ssaħħet, billi pprovdiet aktar saħħa għall-istrumenti finanzjarji, b’mod partikolari bil-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (‘External Action Guarantee’ - EAG) li se tkopri investimenti sa EUR 53,4 biljun, inklużi EUR 40 biljun fl-operazzjonijiet tal-EFSD+ għall-perjodu 2021-2027, b’mod partikolari biex tgħin timmobilizza investiment pubbliku u privat addizzjonali. Bil-Global Gateway, l-Ewropa se taqdi r-rwol sħiħ tagħha fit-tnaqqis tad-distakk globali fl-investiment u fl-ingranaġġ aħjar tar-riżorsi b’appoġġ għall-finanzjament tal-SDGs fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp, b’mod partikolari billi tesplora r-rwol potenzjali ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn, lil hinn mill-atturi tradizzjonali fix-xenarju tal-finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli. 

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-tfittex li tingrana investimenti addizzjonali bis-saħħa tal-opportunitajiet ta’ taħlit u s-saħħa ta’ garanzija akbar tal-EFSD+ u tappoġġa l-isforzi biex jiżdiedu l-istrumenti finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà fil-pajjiżi sħab tagħna;

-tiżviluppa strateġija komprensiva 32 li għandha l-għan li tappoġġa lill-pajjiżi b’introjtu baxx u medju biex jaċċelleraw il-fluss ta’ kapital privat domestiku u internazzjonali lejn investimenti sostenibbli f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, li jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ grupp ta’ esperti ta’ livell għoli;

-tesplora, fil-kuntest tal-istrateġija tal-Global Gateway, il-possibbiltà li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni biex tikkomplementa l-arranġamenti eżistenti ta’ kreditu għall-esportazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u żżid is-saħħa ġenerali tal-UE f’dan il-qasam.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-ħejjiet it-triq għas-sejħa għall-applikazzjonijiet li ġejja taħt il-Garanzija l-ġdida tal-EFSD+ li se tfittex proposti innovattivi, trasformattivi u li jħallu impatt li se jkunu strumentali fl-ingranaġġ ta’ finanzjament addizzjonali għall-pajjiżi sħab;

-bdiet in-negozjati tal-ftehimiet ta’ garanzija għat-tieqa esklużiva tal-BEI dwar self sovran u self sottosovran mhux kummerċjali u ż-żewġ twieqi ddedikati għas-self sottosovran kummerċjali u għas-self fis-settur privat;

-ipproponiet lill-Bord Strateġiku tal-EFSD+ tieqa ddedikata għall-Finanzi Sostenibbli tal-EFSD+ immirata lejn l-appoġġ għal strumenti finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà - b’mod partikolari bonds ekoloġiċi - biex timmobilizza l-kapital privat fuq skala, filwaqt li tħalli impatt fuq l-iżvilupp;

-bdiet tħejji mmappjar tal-għodod finanzjarji tal-UE bil-ħsieb li tippromwovi koordinazzjoni msaħħa tal-istrumenti tal-UE, inklużi rabtiet potenzjali mal-krediti tal-esportazzjoni tal-UE;

-bdiet tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni biex tikkomplementa l-arranġamenti eżistenti ta’ kreditu għall-esportazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u żżid is-saħħa ġenerali tal-UE f’dan il-qasam, biex b’hekk tgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji tal-UE fi swieq ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti infrastrutturali.

Qafas u proċeduri legali mtejba biex jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv

Permezz tal-NDICI-Ewropa Globali, il-qafas legali tal-UE għall-azzjoni esterna ġie ssimplifikat b’mod sinifikanti u se jkun essenzjali biex titwassal arkitettura finanzjarja Ewropea msaħħa għall-iżvilupp. Ir-Regolament jiġbor flimkien diversi strumenti u modalitajiet ta’ finanzjament (li kellhom mekkaniżmi ta’ governanza differenti u bażijiet ġuridiċi differenti fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti 33 ) taħt qafas legali wieħed u mekkaniżmu ta’ governanza wieħed. L-istruttura preċedenti kienet irriżultat fi frammentazzjoni tal-azzjonijiet esterni li kienet għamlitha diffiċli li jiġu żgurati sinerġiji u koerenza tal-istrumenti finanzjarji. Il-qafas il-ġdid jissimplifika l-implimentazzjoni tal-appoġġ għall-investiment, billi jipprovdi sett koerenti ta’ regoli, proċeduri u governanza, filwaqt li joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp bilaterali u multilaterali. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq diversi inizjattivi ġodda biex tagħmilha aktar faċli għall-istituzzjonijiet sħab biex japplikaw għall-appoġġ taħt l-EFSD+, u b’hekk tappoġġa l-objettivi tal-inklużività.

Barra minn hekk, ir-regolament dwar l-NDICI-Ewropa Globali jistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tar-riskju indipendenti, imparzjali, inklużiva u trasparenti permezz tal-Grupp ta’ Valutazzjoni Teknika tal-Garanziji plus (GTAG+), miftuħa għal esperti minn istituzzjonijiet sħab u Stati Membri interessati, organizzata u mmexxija mill-Kummissjoni. Il-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju u tar-remunerazzjoni għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti għat-twieqi kollha tal-investiment. Il-GTAG+ se jrawwem fehim komuni fost l-istituzzjonijiet finanzjarji dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha, biex b’hekk itejjeb it-trasparenza ġenerali u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effiċjenza tal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju.

Fl-aħħar nett, l-NDICI-Ewropa Globali u l-IPA III jinkludu dispożizzjonijiet għal monitoraġġ u rapportar imsaħħa. Il-monitoraġġ tar-riżultati bbażat fuq l-evidenza, kif ukoll fuq l-evalwazzjonijiet, jista’ jappoġġa wkoll il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà skont il-prijoritajiet identifikati fil-pjanijiet strateġiċi fil-livell tal-pajjiżi, reġjonali u globali.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-tistabbilixxi qafas regolatorju ġdid b’sett koerenti u simplifikat ta’ regoli u proċeduri biex tiffaċilita l-appoġġ għall-investimenti;

-tistabbilixxi kapaċità msaħħa ta’ ġestjoni tar-riskju (il-Grupp ta’ Valutazzjoni Teknika tal-Garanziji Plus, GTAG+), abbażi ta’ sistemi u metodoloġiji li huma miftuħa u trasparenti għall-istituzzjonijiet finanzjarji sħab;

-timmonitorja l-istadji importanti u r-riżultati tal-operazzjonijiet ta’ investiment tagħha skont is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-NDICI-Ewropa Globali tagħha (parti mill-qafas usa’ ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-NDICI-Ewropa Globali) u l-Qafas ta’ Prestazzjoni tal-IPA III.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-adottat, f’Ġunju, ir-regolament dwar l-NDICI-Ewropa Globali, li jissimplifika r-regoli u, b’hekk, jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-appoġġ għall-investiment permezz tal-garanzija tal-EFSD+;

-stabbiliet strutturi xierqa għall-ġestjoni tar-riskju, li jikkonsistu minn:

oUnità tal-Ġestjoni tar-Riskju, li taġixxi bħala l-GTAG+ u li għandha r-responsabbiltà ġenerali li tiżgura ġestjoni tar-riskju soda u indipendenti tal-EFSD+;

ofi ħdan il-GTAG+, Grupp ta’ Esperti ta’ Garanzija (GrEG) indipendenti u inklużiv, miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ esperti tar-riskju minn istituzzjonijiet finanzjarji u Stati Membri interessati u inkarigat mill-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-profil tar-riskju tal-programmi ta’ garanzija individwali;

-nediet Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-NDICI-Ewropa Globali 34 .

Filwaqt li l-NDICI-Ewropa Globali jinsab fil-qalba tat-titjib fl-arkitettura finanzjarja kurrenti, il-Kummissjoni se timplimenta azzjonijiet addizzjonali biex twassal impatt aktar b’saħħtu u ssaħħaħ id-direzzjoni, il-koordinazzjoni, l-inklużività u l-viżibbiltà tal-politika.

2.2.2    Miżuri biex tiġi affermata direzzjoni b’saħħitha tal-politika tal-UE

Din it-taqsima tippreżenta azzjonijiet addizzjonali mmirati lejn it-tisħiħ tad-“direzzjoni tal-politika tal-UE”, minbarra dawk imsemmija fit-taqsima relatata mal-NDICI-Ewropa Globali u f’dokumenti strateġiċi oħrajn.

Nitkellmu b’vuċi waħda f’istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali

Fl-UE, sa fejn huma kkonċernati l-formazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President jappoġġaw it-talba espressa minn diversi Stati Membri li d-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-finanzjament għall-iżvilupp għandhom jinvolvu liż-żewġ konfigurazzjonijiet rilevanti: il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) u l-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB - formazzjoni tal-iżvilupp). Dan jiżgura li l-angoli rilevanti kollha (is-sostenibbiltà finanzjarja, il-politika barranija u l-impatt fuq l-iżvilupp) jitqiesu fuq kwistjonijiet relatati mal-finanzjament għall-iżvilupp u jiffaċilita l-bini ta’ pożizzjoni tal-UE. Dan jista’ jgħinna nitkellmu b’pożizzjoni komuni waħda fl-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali. Dan huwa aktar u aktar sinifikanti bit-tnedija ta’ Global Gateway, li tfittex li tiżgura approċċ orizzontali għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE permezz ta’ appoġġ għall-investiment f’pajjiżi terzi – li jkopri kemm l-assistenza għall-iżvilupp kif ukoll dik mhux għall-iżvilupp.

Fil-livell internazzjonali, huwa essenzjali li tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti, ikkoordinata u koerenti tal-prijoritajiet politiċi tal-UE fil-fora u l-korpi fejn huma rrappreżentati diversi atturi Ewropej. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jitkellmu b’vuċi waħda sabiex jimmassimizzaw l-impatt u l-ingranaġġ tagħha. L-UE għandha tkompli trawwem sħubijiet ma’ varjetà ta’ istituzzjonijiet ta’ finanzjament Ewropej u internazzjonali fuq aġenda ta’ riforma wiesgħa u prijoritajiet politiċi ewlenin. Bl-istess mod, għandhom jiġu mfittxija pożizzjonijiet komuni dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-banek multilaterali tal-iżvilupp kollha li għandhom l-Istati Membri tal-UE bħala azzjonisti.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-tesplora aktar l-opportunitajiet għal koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha biex tiżgura l-promozzjoni tal-valuri u l-objettivi strateġiċi tal-UE, kif ukoll il-bini ta’ pożizzjonijiet komuni f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u multilaterali. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni se tibbaża fuq l-esperjenzi eżistenti ta’ koordinazzjoni mad-Diretturi Eżekuttivi Ewropej fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), fil-Grupp tal-Bank Dinji (WBG) u fil-BERŻ.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-ipprovdiet inputs qabel il-laqgħat tal-Bord u kellha laqgħat ta’ koordinazzjoni mad-Diretturi Eżekuttivi tal-UE fil-Grupp tal-Bank Dinji, fil-BERŻ u fil-FMI, rispettivament, filwaqt li fittxet pożizzjonijiet komuni dwar ħafna kwistjonijiet.

2.2.3    Miżuri għall-promozzjoni ta’ koordinazzjoni msaħħa

Din it-taqsima tippreżenta azzjonijiet addizzjonali mmirati lejn it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, lil hinn minn dawk diġà msemmija fit-taqsima relatata mal-NDICI-Ewropa Globali u f’dokumenti strateġiċi oħrajn.

Koordinazzjoni msaħħa fil-livell tal-pajjiżi u f’dak reġjonali

F’konformità mal-enfasi msaħħa fuq approċċ ġeografiku, l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiżi jew dawk reġjonali (inklużi, pereżempju, kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà tad-dejn) jeħtieġ li jitqiesu meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar proġetti li għandhom jiġu koperti permezz ta’ strumenti finanzjarji, it-tip ta’ investimenti meħtieġa u l-istituzzjoni(jiet) finanzjarja/i li għandhom jiġu involuti. B’hekk, il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-livell tal-pajjiżi u f’dak reġjonali se tkun kruċjali.

Filwaqt li jibnu fuq l-għarfien espert lokali tagħhom, id-Delegazzjonijiet tal-UE għandu jkollhom rwol ċentrali fit-tfassil ta’ inizjattivi ta’ Tim Ewropa u attivitajiet oħrajn ta’ kooperazzjoni konġunta fil-pajjiżi sħab tal-UE u fl-appoġġ ta’ riformi speċifiċi ta’ politika. L-atturi Ewropej tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għandhom ikunu jiddependu b’mod partikolari b’mod aktar estensiv fuq id-Delegazzjonijiet tal-UE meta jibnu sensiliet ta’ proġetti ta’ investiment li jista’ jkollhom impatt trasformattiv fuq l-iżvilupp. Id-djalogu upstream bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-atturi ewlenin tal-iżvilupp se jsaħħaħ ukoll il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni konġunti fil-livell tal-pajjiżi mas-sħab Ewropej.

Lil hinn mill-istrumenti finanzjarji, u sabiex jiżdied il-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi sħab, l-assistenza teknika se tissaħħaħ ukoll, anki permezz tal-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert tas-settur pubbliku Ewropew, b’mod partikolari biex tappoġġa r-riformi amministrattivi u regolatorji tal-pajjiżi sħab u biex tinkoraġġixxi l-aderenza mal-istandards Ewropej u internazzjonali.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President, se:

-ssaħħaħ aktar ir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE bħala koordinaturi/punti fokali sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet upstream mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament tagħhom u ma’ partijiet interessati oħrajn fil-prattika, u sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

-tesplora l-possibbiltà li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta’ assistenza teknika, implimentati minn istituzzjonijiet differenti ta’ finanzjament għall-iżvilupp li jaħdmu b’mod konġunt, fejn possibbli, sabiex jappoġġaw it-tfassil ta’ proġetti bankabbli fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għas-settur privat;

-torganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari fil-livell reġjonali/subreġjonali/tal-pajjiżi bil-parteċipazzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-UE u tal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp u l-kwartieri ġenerali/kapitali rilevanti;

-tkompli torganizza missjonijiet konġunti u jiem tal-pajjiżi f’xi reġjuni.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-żiedet il-livell ta’ interazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet matul l-istadju ta’ programmazzjoni u permezz ta’ sforzi komuni biex jinħolqu sensiliet ta’ proġetti bankabbli;

-kellha laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament (u mad-Delegazzjonijiet tal-UE) skont ir-reġjuni / il-pajjiżi, li kienu jkopru l-prijoritajiet ta’ politika, id-djalogu ta’ politika dwar ir-riformi mal-pajjiżi sħab u r-rieżamijiet tas-sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit u ta’ garanzija (kif stabbilit fil-ftehimiet ta’ garanzija kollha);

-nediet il-komponent ta’ assistenza teknika tal-Faċilità l-ġdida ta’ Investiment għall-Amerika Latina u l-Karibew;

-bdiet kampanja ta’ taħriġ għall-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex tinkorpora d-diskussjonijiet dwar l-EFSD+ fi ħdan il-ħidma usa’ tagħhom;

-organizzat missjonijiet konġunti u jiem tal-pajjiżi f’xi pajjiżi Afrikani (eż. it-Togo, il-Kosta tal-Avorju) u fir-reġjuni tal-Viċinat (b’mod partikolari fil-Lvant) u tat-Tkabbir;

-kellha l-ewwel laqgħat fil-kuntest tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent għall-implimentazzjoni tal-EFSD+. 

Djalogu u kooperazzjoni estiżi ma’ istituzzjonijiet finanzjarji mhux Ewropej

Impenn globali b’suċċess ifisser ukoll li l-UE trid testendi d-djalogu u l-kooperazzjoni għall-banek tal-iżvilupp mhux tal-UE u tapprofondixxi s-sħubijiet u l-alleanzi mal-partijiet interessati lil hinn mill-UE.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-torganizza djalogi ta’ livell għoli ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali lil hinn mill-isfera tal-UE, bħad-djalogu profond (imsejjaħ ‘Deep Dive’) mal-Grupp tal-Bank Dinji, jew laqgħat oħrajn ta’ livell għoli mal-Fond Monetarju Internazzjonali, mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, mal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp, mal-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp;

-tesplora oqsma potenzjali ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn tal-finanzi għall-iżvilupp (eż. il-Fond Nordiku għall-Iżvilupp, il-Bank Iżlamiku tal-Iżvilupp, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Għarbi, fost l-oħrajn).

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-kompliet id-djalogu ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, lil hinn minn dawk li diġà ġew ivvalutati skont il-pilastri, inklużi l-Banque Ouest-Africaine de Développement, il-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura, il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp, il-Bank Iżlamiku tal-Iżvilupp, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Għarbi, il-Bank tal-Amerika Ċentrali għall-Integrazzjoni Ekonomika, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Karibew, il-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Amerika Latina.

2.2.4    Miżuri biex tinbena arkitettura finanzjarja aktar inklużiva

Din it-taqsima tippreżenta azzjonijiet addizzjonali mmirati lejn it-tisħiħ tal-inklużività fl-arkitettura finanzjarja għall-iżvilupp lil hinn minn dawk diġà msemmija fit-taqsima relatata mal-NDICI-Ewropa Globali u f’dokumenti strateġiċi oħrajn.

L-ambizzjoni tal-Kummissjoni hija li tikseb sistema inklużiva u integrata, li fiha l-atturi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw bl-għodod u l-għarfien espert tagħhom biex jagħtu spinta lill-finanzjament pubbliku, iġibu investituri privati u jsaħħu l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika.

Fluss aħjar ta’ informazzjoni u skambji regolari kif proposti fit-taqsima dwar il-koordinazzjoni se jikkontribwixxu biex iwittu t-triq għal inklużività akbar, filwaqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha u l-atturi tal-iżvilupp tagħhom ikunu jafu bl-għażliet ta’ investiment u li tintuża l-aktar taħlita effiċjenti ta’ għodod u atturi biex jinkiseb impatt ogħla fil-prattika.

Żgurar ta’ diskussjonijiet inklużivi fil-livelli kollha

Il-partijiet interessati kollha – u notevolment il-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għall-iżvilupp, l-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u bilaterali Ewropej u l-organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp – se jqisu b’mod regolari l-progress li jkun sar fit-titjib tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp. Dan se jiżgura inklużività akbar billi jiġbor flimkien ir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri għall-iżvilupp, l-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u bilaterali Ewropej u l-organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, flimkien mal-Kummissjoni. 

Lil hinn mid-diskussjonijiet ta’ livell għoli dwar ir-rendikont u t-tmexxija, jeħtieġ li tissaħħaħ il-koordinazzjoni inklużiva fil-livell tekniku dwar kwistjonijiet orizzontali.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-tiżgura li l-aspetti strateġiċi relatati mal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp jiġu diskussi fil-qafas tal-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali tal-UE għall-Iżvilupp, li huwa forum inklużiv 35 , kemm-il darba jkun meħtieġ u mill-inqas darba fis-sena u, bl-istess mod, li l-kwistjonijiet tekniċi jiġu diskussi f’laqgħat tekniċi inklużivi (pereżempju, is-simplifikazzjoni tal-formoli ta’ applikazzjoni għall-finanzjament tal-EFSD+ 36 ,l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, il-kofinanzjament, l-istrateġiji armonizzati, il-proċeduri ta’ dipendenza u rikonoxximent reċiproċi, il-kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza, eċċ.).

Rapport ta’ progress tal-2021:

Is-servizzi tal-Kummissjoni:

-iddiskutew mad-Diretturi Ġenerali tal-UE għall-Iżvilupp, fil-laqgħa tagħhom li saret fil-5 ta’ Ottubru, il-bidliet meħtieġa għat-tfassil mill-ġdid u t-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp;

-kellhom sessjoni teknika fid-9 ta’ Diċembru 2021 ma’ istituzzjonijiet finanzjarji sħab, li ffukat, fost l-oħrajn, fuq il-proċess tal-applikazzjoni għall-Garanzija tal-EFSD+.

Appoġġ imsaħħaħ għall-valutazzjonijiet tal-pilastri

Il-Kummissjoni tapprezza ħafna l-possibbiltà li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej kollha jaqdu r-rwol tagħhom fl-arkitettura finanzjarja għall-iżvilupp. Għandu jiġi nnotat li l-valutazzjoni tal-pilastri ma hijiex prerekwiżit għall-parteċipazzjoni f’investimenti konġunti (bħal TEIs) u, kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tipprovdi inċentivi biex jiġu privileġġati proposti konġunti ma’ entitajiet Ewropej mhux ivvalutati skont il-pilastri (sakemm l-entità ewlenija tiġi vvalutata skont il-pilastri).

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni se:

-tkompli tassisti u tipprovdi pariri metodoloġiċi lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej li jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ valutazzjoni tal-pilastri.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni:

-ipprovdiet pariri metodoloġiċi lil 7 DFIs Ewropej li għaddejjin minn valutazzjonijiet komplementari tal-pilastri u 2 DFIs applikanti ġodda, inkluż permezz ta’ laqgħat ta’ informazzjoni ddedikati u kontrolli tal-eliġibbiltà għal applikanti ġodda.

2.2.5    Miżuri biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-influwenza tal-UE

Din it-taqsima tippreżenta azzjonijiet addizzjonali mmirati lejn it-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-viżibbiltà ġenerali tal-UE, lil hinn minn dawk diġà msemmija fit-taqsima relatata mal-NDICI-Ewropa Globali u f’dokumenti strateġiċi oħrajn.

tisħiħ tal-isforzi ta’ komunikazzjoni f’approċċ ta’ Tim Ewropa

Sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet ta’ żvilupp tal-UE u tal-Istati Membri kemm madwar id-dinja kif ukoll lokalment, u sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tiġi pperċepita bħala attur globali influwenti li jaqbel mal-importanza tal-intervent finanzjarju tagħha, huwa essenzjali li l-atturi tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp jingħaqdu fl-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom.

Bil-ħolqien ta’ donaturi ġodda, huwa importanti li tkun tista’ turi b’mod akkurat il-firxa tal-appoġġ Ewropew lill-pajjiżi sħab. Il-komunikazzjoni effiċjenti dwar l-appoġġ ġenerali mobilizzat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha se teħtieġ li tingħeleb l-iskarsezza ta’ data komparabbli fl-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

L-approċċ ta’ Tim Ewropa se jkun parti ċentrali mill-komunikazzjoni strateġika tal-UE u mill-isforzi tad-diplomazija pubblika, kemm globalment kif ukoll fil-livelli tal-pajjiżi u reġjonali. F’dak ir-rigward, it-TEIs jistgħu jipprovdu opportunità utli u viżibbli biex jitfasslu l-isforzi ta’ komunikazzjoni. Għall-Viċinat u l-Balkani tal-Punent, in-narrattiva se tkun iffokata fuq il-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment bħala l-għodod ewlenin biex jitwettqu f’approċċ ta’ Tim Ewropa.

Pjan direzzjonali:

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/mal-Viċi President, se:

-tesplora l-possibbiltà li tiżviluppa flimkien mal-Istati Membri u mad-DFIs qafas ta’ rapportar konġunt għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri madwar id-dinja fuq bażi annwali, sabiex jiġu ppreżentati ċifri u kisbiet aggregati kkonsolidati u komparabbli tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri b’appoġġ għall-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni strateġika; 

-tħejji pjanijiet ta’ komunikazzjoni strateġika tal-pajjiżi f’pajjiżi sħab li jlaqqgħu flimkien attivitajiet ta’ komunikazzjoni strateġika u attivitajiet ta’ diplomazija pubblika biex jinbena network fit-tul, biex jintwerew il-valuri u l-prinċipji tal-UE, kif ukoll l-iskala u l-iskop tal-impenn Ewropew għall-udjenzi lokali;

-tipprovdi aktar gwida għall-komunikazzjoni u materjali ta’ komunikazzjoni lid-Delegazzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej dwar l-approċċ ta’ Tim Ewropa li jistgħu jintużaw fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom (pereżempju, stejjer ta’ suċċess tal-UE u tal-Istati Membri li jaġixxu f’approċċ ta’ Tim Ewropa li juru għaliex naġixxu u x’nirrappreżentaw (angolu lokali, valuri komuni, approċċ iċċentrat fuq il-bniedem));

-tikkoordina mal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE parteċipanti u mal-Istati Membri t-tħabbira ta’ operazzjonijiet ġodda f’approċċ ta’ Tim Ewropa permezz ta’ aħbarijiet (stqarrijiet għall-istampa jew mezzi tal-media soċjali) u parteċipazzjoni konġunta, fejn xieraq, fiċ-ċerimonji tal-iffirmar tal-operazzjonijiet inklużi fil-portafolli koperti mill-Garanzija tal-EFSD+;

-tiżviluppa preżenza ċara fuq l-internet għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE bl-użu ta’ finanzjament imħallat, garanziji baġitarji u assistenza teknika.

Rapport ta’ progress tal-2021:

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President:

-saħħet il-koordinazzjoni fil-komunikazzjoni, anki permezz ta’:

omissjoni konġunta ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni ta’ livell għoli u banek pubbliċi tal-iżvilupp fit-Togo f’Novembru 2021;

otħabbiriet ta’ Inizjattivi ta’ Tim Ewropa fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Membri parteċipanti kollha (pereżempju, TEIs dwar il-manifattura tal-vaċċini, dwar Ninvestu fin-Negozji Li Jkunu Għadhom Jibdew fl-Afrika, dwar it-TEI Ekoloġika fi sħubija max-Xlokk tal-Asja jew dwar l-inizjattiva ta’ Demokrazija Globali ta’ Tim Ewropa);

oċerimonji tal-iffirmar fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-UE, tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet ta’ finanzjament (pereżempju, il-Faċilità għall-Ġestjoni tal-Ilma u tar-Riżorsi Naturali għall-prevenzjoni tal-għargħar fil-belt ta’ Dien Bien Phu fil-Vjetnam);

-ipprovdiet gwida u mudelli f’termini ta’ komunikazzjoni strateġika u diplomazija pubblika lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jappoġġaw l-elaborazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom;

oirrieżaminat is-settur tal-web kollu tagħha dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex tiżgura li l-approċċ ta’ Tim Ewropa u l-impatt tat-TEIs ikunu riflessi bis-sħiħ fuq is-sit web estern.

9.KONKLUŻJONI

Hija meħtieġa azzjoni rapida, ikkoordinata u ambizzjuża biex jiġi żgurat li l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp titjieb u twassal l-impatt mixtieq, kemm għall-UE kif ukoll għas-sħab tagħha.

Ir-rispons ta’ Tim Ewropa għall-kriżi tal-COVID-19 wera li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom ikunu aktar b’saħħithom meta jaħdmu flimkien u jsegwu objettivi komuni. L-arkitettura finanzjarja jeħtieġ li tibni fuq dan l-approċċ, biex tiżgura li s-sħab finanzjarji u l-partijiet interessati rilevanti jikkondividu l-informazzjoni fil-ħin u jaħdmu flimkien mill-għoti ta’ assistenza teknika għall-ħolqien tal-proġett u l-valutazzjoni minn qabel tiegħu sal-evalwazzjoni, filwaqt li jibnu fuq l-għarfien espert tal-pajjiż, tas-settur jew finanzjarju rispettiv tagħhom. L-azzjoni tagħhom għandha tkun iggwidata minn objettivi komuni, taħt tmexxija politika b’saħħitha tal-UE. Din se ġġib ukoll viżibbiltà u rikonoxximent lill-UE bħala sieħba internazzjonali ewlenija.

Il-parteċipazzjoni attiva u l-isforzi tas-sħab kollha involuti huma kruċjali biex tiġi ottimizzata l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, tittejjeb il-kooperazzjoni, jiġi massimizzat l-impatt u jiġi żgurat li l-UE tkun debitament rikonoxxuta bħala attur globali essenzjali. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President huma lesti li jkollhom rwol ċentrali f’dan l-isforz fi sħubija mill-qrib mal-partijiet interessati Ewropej kollha u diġà bdew jimplimentaw l-azzjonijiet proposti tagħhom għat-titjib.

Anness: L-atturi tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp

Stati Membri

PDBs

DFIs

Aġenzija għall-Iżvilupp

L-Awstrija

AWS

OeEB

ADA

Il-Belġju

BIO

Enabel

Il-Bulgarija

 

 

Global Affairs General Directorate- MFA

Il-Kroazja

 

 

Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp - MFEA

Ċipru

 

 

MFA

Ir-Repubblika Ċeka

 

Il-Bank Nazzjonali għall-Iżvilupp (‘National Development Bank’ - NDB) 

CzechAid

Id-Danimarka

 

IFU

Danida - MFA

Il-Fond Nordiku għall-Iżvilupp (‘Nordic Development Fund’ - NDF)

Il-Bank Nordiku tal-Investiment (‘Nordic Investment Bank’ - NIB)

L-Estonja

 

NIB

MFA

Il-Finlandja

 

Finnfund

MFA tal-Finlandja

NDF

NIB

Franza

AFD

Proparco

AFD

 

Expertise France - MFA

Il-Ġermanja

KfW

DEG

GIZ

Il-Greċja

 

 

Hellenic Aid - Id-Direttorat Ġenerali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp - MFA

L-Ungerija

 

EXIM Hungary

MFAT

Hungary Helps Agency - koordinazzjoni tal-Prim Ministru

L-Irlanda

 

 

IrishAid - Dipartiment tal-MFA

L-Italja

CDP

SIMEST

AICS

MFA tal-Italja

Il-Latvja

 

NIB

MFA

Il-Litwanja

 

NIB

CPMA

Il-Lussemburgu

 

 

LuxDev

Malta

 

 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

In-Netherlands

 

FMO

SNV

MFA tan-Netherlands

Il-Polonja

 

 

PolishAid - Id-Dipartiment tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp - MFA

Il-Portugall

 

SOFID

Camões

Ir-Rumanija 

 

 

RoAid

Is-Slovakkja

EXIMBANKA SR 

SAIDC - SlovakAid

Is-Slovenja

 

Id-Dipartiment għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Assistenza Umanitarja - MFA

Spanja

 

COFIDES

AE

CID

FIIAPP

L-Iżvezja

 

Swedfund

SIDA

NDF

NIB

Pajjiżi terzi

In-Norveġja

 

NIB

NORAD

Norfund

L-Iżvizzera

 

SIFEM

SDC

Ir-Renju Unit

 

CDC

DFID (FCDO)

British Council

Membri tas-sħubija msaħħa

Membri tal-Assoċjazzjoni tal-EDFI

Membri tan-Network ta’ Prattikanti

Banek multilaterali tal-iżvilupp: Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)

Banek globali/reġjonali/internazzjonali: Il-Grupp tal-Bank Dinji (WBG), il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB), il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank Interamerikan tal-Iżvilupp (IDB), eċċ.

(1)

 Il-Kummissjoni Ewropea (2021), It-Tim Ewropa żied l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp għal €66.8 biljun bħala l-akbar donatur fid-dinja fl-2020 , it-13 ta’ April 2021 .

(2)

OECD (2020), Global Outlook on Financing for Sustainable Development 2021: A New Way to Invest for People and Planet , OECD Publishing, Pariġi.

(3)

 Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-BEI dwar Il-Portal Globali , l-1 ta’ Diċembru 2021, JOIN(2021) 30 final.

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea (2022), UE-Afrika: Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway , it-18 ta’ Frar 2022.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1-78).

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).

(7)

Ara, pereżempju, Camdessus, M (2010), European Investment Bank’s external mandate 2007‐2013 Mid‐Term Review - Report and recommendations of the Steering Committee of “wise persons”, EIB Publishing, il-Lussemburgu.

(8)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-BEI dwar Lejn arkitettura finanzjarja aktar effiċjenti għall-investiment barra mill-Unjoni Ewropea , it-12 ta’ Settembru 2018, COM(2018) 644 final.

(9)

High-Level Group of Wise Persons on the European financial architecture for development (2019), Europe in the world – The future of the European financial architecture for development , Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE, Brussell.

(10)

Nota mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-Delegazzjonijiet tal-UE dwar Feasibility study on options for strengthening the future European financial architecture for development – Executive Summary , l-14 ta’ April 2021, GSC(2021) 6961/1/21 REV 1.

(11)

 Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Titjib tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp , l-14 ta’ Ġunju 2021, GSC(2021) 9462/1/21 REV 1.

   Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp , il-5 ta’ Diċembru 2019, GSC(2019) 14434/19.

(12)

15-il membru: Bio (BE), CDC (UK), COFIDES (ES), DEG (DE), Finnfund (FI), FMO (NL), IFU (DK), Norfund (NO), OeEB (AT), Proparco (FR), SBI/BMI (BE), SIFEM (CH), Sace Simest (IT), SOFID (PT), Swedfund (SE).

(13)

AFD, KfW, CDP, AECID u l-Kummissjoni Ewropea.

(14)

 Membri: ADA (AT), AECID (ES), AICS (IT), AFD (FR), British Council (UK), Camoes (PT), CPVA (LT), CzechAid (CZ), Enabel (BE), Expertise France (FR), FIIAPP (ES), GIZ (DE), LuxDev (LU), SlovakAid (SK), Sida (SE), SNV (NL), RoAid (RO); Kumpaniji assoċjati: Danida (DK), FCDO (UK), MFA (EE) u MFA (NL); Osservatur: Il-Kummissjoni. In-network tal-Prattikanti jipprovdi feedback dwar il-politiki minn perspettiva tal-prattikanti.

(15)

  Memorandum ta’ qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-BEI u l-BERŻ (2012) fir-rigward tal-Kooperazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea , Brussell.

(16)

 Jekk jogħġbok irreferi għall-anness għal-lista sħiħa.

(17)

Il-BEI, KfW, AFD - operazzjonijiet ta’ kofinanzjament u raggruppament tar-riżorsi għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni.

(18)

Bħall-“Faċilità ta’ Interazzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima”, fejn l-azzjonisti tal-ICCF bħalissa jinkludu: AFD, il-BEI, CDC, DEG, PROPARCO, BIO, Finnfund, COFIDES, Norfund, OeEB, SIFEM, Swedfund, ‘European Financing Partners’, fejn l-azzjonisti huma l-BEI u 13-il DFI tal-UE: BIO, CDC, COFIDES, DEG, Finnfund, FMO, IFU, PROPARCO, Norfund, SBI-BMI, Swedfund, SIFEM u OeEB jew il-‘Friendship Facility’ (PROPARCO - Franza, FMO - in-Netherlands u DEG - il-Ġermanja).

(19)

 Nota mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-Delegazzjonijiet tal-UE dwar European Financial Architecture for Development – EIB-EBRD Joint Report , il-25 ta’ Novembru 2021, GSC(2021) 14398/21.

(20)

L-EIP jiġbor flimkien f’approċċ komprensiv tliet pilastri komplementari (il-finanzjament għall-ingranaġġ ta’ riżorsi addizzjonali permezz tat-taħlit u l-garanzija tal-EFSD, l-assistenza teknika, il-klima għall-investiment). Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-BEI dwar It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta’ Investiment Estern għall-Ewropa , l-14 ta’ Settembru 2016, COM(2016) 581 final.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).

(22)

Faċilitajiet reġjonali: Il-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Afrika, il-Faċilità ta’ Investiment tal-Karibew, il-Faċilità ta’ Investiment għall-Paċifiku, il-Faċilità ta’ Investiment tal-Asja, il-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali, il-Faċilità ta’ Investiment tal-Amerika Latina, il-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat u l-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent. Minn perspettiva tematika: l-inizjattivi ta’ finanzjament għall-agrikoltura u l-elettrifikazzjoni, agriFI u electriFI.

(23)

Il-Kummissjoni Ewropea (2019), EU Platform for Blending in External Cooperation .

(24)

L-approċċ ta’ “Tim Ewropa” jislet mill-kontribuzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea u jikkombina r-riżorsi mmobilizzati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-UE u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi r-regoli tal-votazzjoni, stabbiliti mit-Trattati tal-UE. L-approċċ ta’ Tim Ewropa jiddependi fuq l-UE, l-Istati Membri tagħha, l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom, inklużi l-banek nazzjonali tal-iżvilupp u l-aġenziji ta’ implimentazzjoni, kif ukoll fuq il-BEI u l-BERŻ. Huwa implimentat ukoll fil-pajjiżi sħab tal-UE, anki permezz ta’ delegazzjonijiet tal-UE, biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-UE fil-prattika.

(25)

Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 , it-8 ta’ April 2020, JOIN(2020) 11 final.

(26)

  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ livell għoli ta’ persuni għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp , il-31 ta’ Jannar 2020, COM(2020) 43 final.

(27)

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-BEI dwar Il-Portal Globali , 1 ta’ Diċembru 2021, JOIN(2021) 30 final.

(28)

Il-Kummissjoni Ewropea (2022), UE-Afrika: Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway , it-18 ta’ Frar 2022.

(29)

Il-kontributuri, il-kontropartijiet eliġibbli, il-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti u partijiet interessati oħrajn jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, fejn xieraq.

(30)

Ara hawnhekk: https://ec.europa.eu/international-partnerships/global-europe-programming_en , https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/funding-and-technical-assistance/neighbourhood-development-and-international-cooperation-instrument-global-europe-ndici-global-europe_en u https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/enlargement-policy/overview-instrument-pre-accession-assistance_en  

(31)

Kemm jekk programmazzjoni konġunta kif ukoll jekk programmazzjoni bilaterali. Permezz ta’ programmazzjoni konġunta, l-UE u l-Istati Membri jaqblu fuq rispons konġunt mill-UE u mill-Istati Membri tagħha għall-istrateġija ta’ żvilupp tal-pajjiż / tar-reġjun sieħeb, biex b'hekk tingħata opportunità immedjata biex jiżdiedu l-koordinazzjoni, l-effiċjenza u l-impatt.

(32)

 Kif imħabbar fl- Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli , ippubblikata fis-6 ta’ Lulju 2021.

(33)

Fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020, l-intestatura “Ewropa Globali” ġiet implimentata permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament. Huma jinkludu:

• Ir-Regolament (UE) 2015/322 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

• Ir-Regolament (UE) 230/2014 li jistabbilixxi l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi;

• Ir-Regolament (UE) 232/2014 li jistabbilixxi l-istrument Ewropew tal-viċinat;

• Ir-Regolament (UE) 233/2014 li jistabbilixxi l-istrument ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

• Ir-Regolament (UE) 234/2014 li jistabbilixxi l-istrument ta’ sħubija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

• Ir-Regolament (UE) 235/2014 li jistabbilixxi l-istrument Ewropew għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem;

• Ir-Regolament (UE) 2017/1601 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD;

• Id-Deċiżjoni (UE) 2018/412 li temenda d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta’ finanzjament li jappoġġaw proġetti ta’ investiment barra mill-Unjoni (Mandat ta’ Self Estern);

• Ir-Regolament (UE) 2018/409 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna.

(34)

 Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Launching the Global Europe Performance Monitoring System containing a Revised Global Europe Results Framework , il-25 ta’ Jannar 2022, SWD(2022) 22 final.

(35)

 Il-forum huwa magħmul mid-Diretturi Ġenerali inkarigati mill-iżvilupp mill-Istati Membri kollha, kif ukoll mid-Diretturi Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni għas-sħubijiet Internazzjonali, għan-negozjati tal-Viċinat u t-Tkabbir, għall-Protezzjoni Ċivili Ewropea u għall-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja u s-Segretarju Ġenerali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. F’format estiż ta’ Tim Ewropa, dan jinkludi wkoll il-maniġment superjuri tal-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll il-BEI u l-BERŻ.

(36)

 Il-forom simplifikati ta’ finanzjament xorta għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u, b’mod partikolari, għandhom jiġu żgurati l-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-ebda finanzjament doppju.

Arriba