This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE5604
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on ambient air quality and cleaner air for Europe (COM(2022) 542 final — 2022/0347 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (COM(2022) 542 final — 2022/0347 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (COM(2022) 542 final — 2022/0347 (COD))
EESC 2022/05604
ĠU C 146, 27.4.2023, p. 46–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/46 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa
(COM(2022) 542 final — 2022/0347 (COD))
(2023/C 146/08)
Relatur: |
Kęstutis KUPŠYS |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 19.1.2023 Kunsill, 24.1.2023 |
Bażi legali |
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.2.2023 |
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
145/9/12 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-arja nadifa hija dritt fundamentali tal-bniedem, u għalhekk il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-Proposta għal reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE (inkluż għall-ożonu, fil-forma ta’ valuri limitu) jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Linji Gwida Globali dwar il-Kwalità tal-Arja aġġornati tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sa mhux aktar tard mill-2030, u li jiġi definit qafas ta’ abilitazzjoni b’saħħtu bbażat fuq valuri ta’ limitu, mekkaniżmi ta’ infurzar u regoli ċari ta’ ġestjoni. It-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja għandu kobenefiċċji kbar għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-bijodiversità, u jżid ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet għall-pandemiji. |
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni biex tiffoka fuq “l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji”, iżda jiddispjaċih li l-proporzjon, u mhux il-protezzjoni massima tal-ħajja tal-bniedem u l-indikaturi tas-saħħa, huwa meqjus bħala l-aktar indikatur importanti li għandu jitqies f’din ir-reviżjoni. Dan iwassal biex l-għażla ta’ politika ppreferuta tkun “l-allinjament aktar mill-qrib” iktar milli “l-allinjament sħiħ”. Bl-eċċezzjoni tad-diossidu tan-nitroġenu, il-Proposta tidher li tfittex allinjament mal-Linji Gwida tad-WHO tal-2005, u mhux dawk l-iktar reċenti, ippubblikati fl-2021. |
1.3. |
L-istandards tal-arja nadifa jiffurmaw qafas legali, iżda t-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa fil-kompetenza ta’ pakketti leġiżlattivi oħra. Il-Kumitat huwa kunfidenti li l-limiti u r-regoli tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, stabbiliti u infurzati b’mod ambizzjuż u f’waqtu, flimkien ma’ miżuri settorjali effettivi, se jwasslu għal azzjonijiet kuraġġużi fil-livelli nazzjonali u lokali. |
1.4. |
Iċ-ċittadini għandhom jaġixxu wkoll u jitgħallmu dwar ir-rabta bejn l-istil ta’ ħajja tagħhom, l-azzjonijiet tagħhom, ix-xejriet tal-konsum tagħhom u l-livelli tat-tniġġis. Nies infurmati aħjar huma ħafna aktar motivati biex jaġixxu, u l-bidla fl-imġiba fit-tul tista’ tinkiseb aktar faċilment. Għalhekk, il-KESE jappella għal żieda fil-finanzjament għal proġetti tax-xjenza taċ-ċittadini relatati mat-tniġġis taħt il-programm Orizzont Ewropa. |
1.5. |
Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ id-dritt għal kumpens għal persuni li sofrew dannu għas-saħħa mit-tniġġis tal-arja u penali għal persuni fiżiċi u ġuridiċi fi ħdan l-Istat Membru li kiser ir-regoli. |
2. Sfond
2.1. |
It-tniġġis tal-arja ambjentali (ta’ barra) huwa l-kawża ambjentali ewlenija tal-impatti fuq is-saħħa fl-UE, bi stimi ta’ aktar minn 300 000 mewta prematura fis-sena (1). Id-WHO tgħid li t-tniġġis tal-arja kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali kien stmat li jikkawża 4,2 miljun mewta prematura madwar id-dinja kull sena (2). Dan huwa dovut għall-effetti kumulattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa pubblika. Pereżempju, l-esponiment għal materja partikolata fina ta’ 2,5 mikroni jew inqas fid-dijametru (PM2,5) jikkawża ħafna problemi tas-saħħa, inklużi l-mard kardjovaskulari u respiratorju u l-kanċers. It-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara wkoll lill-ambjent tagħna, u jikkawża l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u t-telf tal-għelejjel. |
2.2. |
L-eċċessi tal-valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja huma reġistrati b’mod wiesa’ madwar l-UE (3), b’konċentrazzjonijiet ferm ogħla mill-aħħar rakkomandazzjonijiet tad-WHO (4). |
2.3. |
Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa u d-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali jistabbilixxu regoli għall-ġestjoni tat-tniġġis tal-arja u l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għal 12-il sustanza niġġiesa tal-arja: diossidu tal-kubrit (SO2), diossidu tan-nitroġenu (NO2)/ossidi tan-nitroġenu (NOx), materja partikolata (PM10 u PM2,5)), ożonu (O3), benżen (C6H6), ċomb (Pb), monossidu tal-karbonju (CO), arseniku (As), kadmju (Cd), nikil (Ni) u benżo(a)piren (C20H12). |
2.4. |
Il-kontroll tal-idoneità (7) kkonkluda li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent attwali għenu biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. Hemm 70 % inqas imwiet bikrija attribwibbli għat-tniġġis tal-arja meta mqabbel mas-snin 90. Madankollu, l-arja ambjentali fil-kontinent tagħna għadha mniġġsa wisq, għad-detriment tas-saħħa tan-nies u tal-ambjent. |
2.5. |
Fir-rigward tal-ħsara tagħhom lis-saħħa tal-bniedem, l-aktar sustanzi niġġiesa li jagħmlu impatt fl-Ewropa huma PM2,5, NO2 u l-ożonu troposferiku. L-Unjoni Ewropea trid tikseb tniġġis żero sa mhux aktar tard mill-2050, f’sinerġija mal-isforzi tan-newtralità klimatika. Sadanittant, ir-reviżjoni attwali tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent għandha l-għan li, fost l-oħrajn:
|
3. Kummenti ġenerali
Perkors għal Tniġġis Żero
3.1. |
Id-dritt għal arja nadifa huwa dritt fundamentali tal-bniedem rikonoxxut internazzjonalment (8). Għalhekk, il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-Proposta għal reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja wriet li hija għodda ewlenija u fundamentali biex jiġi xprunat it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fl-UE. |
3.2. |
Il-livell ta’ allinjament tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mal-aktar Linji Gwida riċenti tad-WHO huwa kwistjoni ta’ għażla politika u jiddependi fuq l-ambizzjonijiet fil-livelli tal-istati u tal-ibliet. Tliet xenarji (u għażliet ta’ politika korrispondenti) kienu ġew eżaminati mill-Kummissjoni u deskritti fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha (9). L-għażla fosthom hija waħda politika, u mhux waħda “purament xjentifika”. It-tliet għażliet huma distinti minħabba livelli differenti ta’ ambizzjoni: “allinjament sħiħ” (I-1), “allinjament aktar mill-qrib” (I-2) u “allinjament parzjali” (I-3). |
3.3. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni biex tiffoka fuq “l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji”, iżda jiddispjaċih li l-proporzjon, u mhux l-indikaturi tal-protezzjoni massima tal-ħajja tal-bniedem u tas-saħħa, huwa kkunsidrat bħala l-aktar indikatur importanti li għandu jitqies f’din ir-reviżjoni, u b’hekk iwassal għall-għażla ta’ politika I-2 ta’ “allinjament aktar mill-qrib”. Bl-eċċezzjoni tal-NO2, il-Proposta tassew tidher li tfittex allinjament mal-Linji Gwida tad-WHO tal-2005, u mhux dawk ġodda, ippubblikati fl-2021. |
3.4. |
Il-KESE jħeġġeġ, sal-iskadenza l-aktar bikrija possibbli, il-valutazzjoni tal-progress u r-rieżami tal-miri, bil-għan li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE jiġu allinjati bis-sħiħ mal-linji gwida aġġornati tad-WHO sa mhux aktar tard mill-2030. Dan l-allinjament għandu jkun akkumpanjat minn qafas ta’ abilitazzjoni b’saħħtu, li jwassal għal valuri ta’ limitu, mekkaniżmi ta’ infurzar u regoli ta’ ġestjoni ċari. |
Limitazzjonijiet tal-Proposta attwali
3.5. |
B’dispjaċir, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma jikkonformawx mal-istandards eżistenti tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u mhumiex qed jieħdu azzjoni effettiva biex itejbu l-kwalità tal-arja – kif jixhed l-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur li għaddejjin bħalissa. Għalhekk, ir-reviżjoni kienet mistennija li mhux biss tistabbilixxi l-livell xieraq ta’ ambizzjoni, f’koerenza max-xjenza, sabiex tistimula inizjattivi aktar deċiżivi, iżda wkoll ittejjeb ir-regoli ta’ implimentazzjoni u infurzar, sabiex tassisti u tiggwida aħjar lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti. |
3.6. |
Il-Kumitat jappella għat-tneħħija ta’ lakuni potenzjali mil-leġiżlazzjoni, relatati mas-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali. L-Artikoli 16 u 17 fihom ir-regoli għat-tnaqqis tat-tixrid ta’ ramel/tat-tmelliħ fix-xitwa u tas-sorsi naturali tat-tniġġis tal-arja mill-obbligu ta’ konformità. Fil-fehma tal-Kumitat, dan l-approċċ jikkontradixxi l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni. Sorsi naturali u magħmula mill-bniedem jikkombinaw u jamplifikaw l-effett tas-sustanzi niġġiesa. Billi ninjoraw is-sorsi naturali tat-tniġġis tal-arja, inkomplu npoġġu ħajjet in-nies fil-periklu. |
3.7. |
Bl-istess mod, fl-Artikolu 29, l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu penali “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għal “persuni fiżiċi u ġuridiċi” fl-Istat Membru li kiser ir-regoli. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ, peress li huwa estremament importanti li jkun hemm reġim ta’ sanzjonijiet li jaħdem biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità, flimkien mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 28 dwar id-dritt għal kumpens għal persuni li jkunu sofrew ħsara għas-saħħa (anke parzjalment) mit-tniġġis tal-arja. Il-Kumitat jappella li tiġi stabbilita rabta ċara u strettament razzjonali bejn is-sors ta’ sustanza niġġiesa u dak li jniġġes, li tiċċara r-responsabbiltajiet u l-penalizzazzjonijiet relatati tagħhom; jitlob ukoll kjarifika ulterjuri tad-dispożizzjonijiet dwar il-pjani dwar il-kwalità tal-arja u r-rimedji (inklużi penali finanzjarji) marbuta man-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità tal-arja sal-iskadenzi. |
3.8. |
Għandha ssir enfasi speċjali fuq l-ożonu. Skont l-istima tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 24 000 mewta prematura fis-sena huma dovuti għall-esponiment għall-ożonu (10). L-ożonu huwa sustanza niġġiesa li ma tiġix emessa direttament minn sorsi primarji. Huwa ffurmat permezz ta’ serje ta’ reazzjonijiet kumplessi fl-atmosfera xprunati mill-enerġija trasferita għall-molekuli tad-diossidu tan-nitroġenu meta dawn jassorbu d-dawl mir-radjazzjoni solari (11). L-effetti fuq is-saħħa tal-ożonu troposferiku (ożonu “tossiku”) huma identifikati sew: riċerka epidemjoloġika reċenti wriet li l-esponimenti għall-ożonu huma assoċjati ma’ żieda fil-mortalità u l-morbidità (12) u ma’ ħsara serja għan-natura u l-għelejjel. Għad ma hemm l-ebda azzjoni effettiva fis-seħħ biex jitnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-prekursuri tal-ożonu bħall-metan, minkejja l-pubblikazzjoni reċenti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Metan skont il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan. Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni li, matul ir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet fl-2025, tiġi esporata l-possibbiltà li l-metan jiġi inkluż fost is-sustanzi niġġiesa regolati. |
3.9. |
Fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni qed tipproponi li taqleb f’“valuri ta’ limitu” kważi s-sustanzi niġġiesa kollha fl-arja li bħalissa huma soġġetti għal “valuri fil-mira”, ħlief għall-ożonu, li għadu kopert biss mill-“valuri fil-mira”. Din l-eżenzjoni hija ġġustifikata mill-karatteristiċi kumplessi tal-formazzjoni tagħha fl-atmosfera li jikkumplikaw il-kompitu tal-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-konformità ma’ valuri ta’ limitu stretti. |
3.10. |
Fil-fehma tal-Kumitat, valuri fil-mira bħal dawn mhux se jinċentivaw biżżejjed lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex inaqqsu l-ożonu troposferiku – wieħed mill-aktar tliet sustanzi niġġiesa serji. Jeżistu soluzzjonijiet biex jitnaqqas l-ożonu tossiku. It-tnaqqis tal-prekursuri tal-ożonu bħall-NO2, il-komposti organiċi volatili (KOV) mhux metaniċi u l-emissjonijiet tal-metan, se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu. It-titjib tal-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi, it-tnaqqis tal-użu jew il-projbizzjoni ta’ solventi, żebgħa jew sprejers b’kontenut għoli ta’ KOV, it-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-metan mill-enerġija, mill-iskart u mill-agrikoltura (l-akbar kontributur) huma modi effiċjenti biex konsegwentement jitnaqqas l-ożonu troposferiku. Dawn l-għodod magħrufa għandhom jiġu sfruttati kompletament. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istandards tal-ożonu tal-UE jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Linji Gwida Globali tal-2021 tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja fil-forma ta’ valur ta’ limitu. |
3.11. |
Minbarra l-Proposta tal-Kummissjoni, għandhom jiġu introdotti siti ta’ monitoraġġ addizzjonali għall-Partiċelli Ultrafini, il-karbonju iswed u l-ammonijaka. Id-densità proposta mhijiex biżżejjed biex isservi l-iżvilupp ta’ studji epidemjoloġiċi. Is-siti ta’ monitoraġġ iridu jiġu ppjanati b’tali mod li d-data tagħhom tkun biżżejjed biex tinforma b’mod adegwat lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali dwar ir-riskji għas-saħħa kkawżati mit-tniġġis lokali, inklużi s-sustanzi niġġiesa emerġenti ta’ tħassib, speċjalment fir-rigward ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli u żoni mniġġsa ħafna. |
Miżuri settorjali speċifiċi
3.12. |
Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-Proposta, il-Kumitat jissuġġerixxi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mill-inqas monitoraġġ ta’ “supersiti” wieħed għal kull belt b’aktar minn 250 000 abitant f’ post bi sfond urban. L-Istati Membri li ma għandhomx bliet b’aktar minn 250 000 abitant jeħtiġilhom jistabbilixxu mill-inqas monitoraġġ ta’ “supersiti” f’post bi sfond urban. |
3.13. |
Minbarra l-gwida purament medika, id-WHO tirrakkomanda l-protezzjoni tan-natura, il-preservazzjoni tal-arja nadifa, u l-investiment fl-enerġija nadifa biex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u b’saħħitha tal-enerġija, li se ġġib ukoll kobenefiċċji fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Id-WHO tirrakkomanda wkoll il-bini ta’ bliet tajbin għas-saħħa u abitabbli: tiġi promossa mobilità aktar nadifa u attiva bħat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi; jitwaqqaf l-użu ta’ flus tal-kontribwenti biex jiġu ssussidjati l-fjuwils fossili li jikkawżaw it-tniġġis tal-arja; u jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa. |
3.14. |
Dawn il-punti ta’ azzjoni għandhom jiggwidaw ukoll it-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropej. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-inizjattivi rilevanti wiesgħa daqs “lesti għall-mira ta’ 55 %” jew REPowerEU jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati fid-dawl tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni ambjentali (13), waqt li jservu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi. |
3.15. |
Huwa għalhekk li l-KESE jara lok għal aktar titjib fil-Proposta. In-nuqqas tal-Proposta tal-Kummissjoni jinsab b’mod ċar fil-fatt li ma tħarisx lil hinn minn dak li huwa teknikament kwantifikabbli llum. L-impatti mill-azzjonijiet ta’ politika huma mmudellati sat-tnaqqis massimu teknikament fattibbli, bix-xenarju bażi diġà jissottovaluta l-potenzjal. Leġiżlazzjoni settorjali b’saħħitha addizzjonali (eż. fit-trasport, it-tisħin domestiku u s-settur agroalimentari) bla dubju tgħin fil-provvista ta’ arja aktar nadifa:
|
3.16. |
Ir-regoli tal-arja nadifa jiffurmaw qafas legali, iżda t-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa fil-kompetenza ta’ pakketti leġiżlattivi oħra. Fil-fehma tal-Kumitat, il-kunċett ta’ żona b’emissjonijiet baxxi/emissjonijiet żero joffri eżempju perfett ta’ “l-aħjar prattika”. Pereżempju, jista’ jkun li ma kienx ikun hemm Żona b’Emissjonijiet Baxxi (LEZ) fi Brussell jekk ma kienx hemm normi biex jiġu infurzati miżuri biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Aktar tard, hekk kif aktar u aktar bliet jilħqu n-normi, il-miri gwida jeħtieġ li jiġu aġġornati abbażi ta’ data xjentifika biex il-kwalità tal-arja tittejjeb kontinwament. |
3.17. |
Il-proċess deskritt hawn fuq joħloq ċiklu virtuż ta’ azzjonijiet u konsegwenzi. Il-limiti u r-regoli tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, stabbiliti u infurzati b’mod ambizzjuż u f’waqtu, flimkien ma’ miżuri settorjali effettivi, se jwasslu biex jittieħdu azzjonijiet kuraġġużi fil-livell nazzjonali u lokali. Dan se jwassal biex il-miri ambizzjużi għall-arja nadifa jintlaħqu aktar faċilment. Fil-fehma tal-Kumitat, l-opportunitajiet fattibbli kollha ta’ din il-katina ta’ azzjonijiet mhumiex ikkunsidrati bis-sħiħ fil-valutazzjoni tal-impatt u fil-Proposta. Kieku kienet preżenti fl-ippjanar inizjali tal-Proposta, l-għażla ta’ “allinjament sħiħ” (I-1) setgħet intgħażlet bħala t-triq ’il quddiem, mhux l-għażla inqas ambizzjuża I-2 ta’ “allinjament aktar mill-qrib”. |
Biex jikber l-għarfien pubbliku
3.18. |
Minkejja t-titjib mis-snin disgħin, il-kwalità tal-arja għadha ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini Ewropej. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej (aktar minn 80 %) jaħsbu li l-kundizzjonijiet tas-saħħa bħall-mard respiratorju, l-ażma, u l-mard kardjovaskulari huma problemi serji f’pajjiżhom li jirriżultaw mit-tniġġis tal-arja (15). |
3.19. |
Filwaqt li l-maġġoranza tal-Ewropej ma jħossuhomx infurmati tajjeb (60 %), kważi nofs dawk li wieġbu l-istħarriġ huma tal-fehma li l-kwalità tal-arja marret għall-agħar f’dawn l-aħħar għaxar snin (47 %). Minkejja l-fatt li l-għadd ta’ persuni esposti għall-arja mniġġsa ħafna naqas b’mod kostanti, dawk li huma esposti għadhom ibatu minn problemi kbar tas-saħħa u ma jesperjenzaw l-ebda evidenza tanġibbli li l-kwalità tal-arja ambjentali tjiebet. |
3.20. |
Għadu mhuwiex ċar kemm iċ-ċittadini jkunu lesti li jagħmlu, b’mod proattiv, sabiex itejbu, direttament jew indirettament, il-kwalità tal-arja ambjentali. Madankollu, is-sensibilizzazzjoni għandha effetti doppji: |
3.20.1. |
L-ewwel, l-Ewropej għandhom jitgħallmu dwar ir-rabta bejn l-istil ta’ ħajja tagħhom, l-azzjonijiet tagħhom, ix-xejriet tal-konsum tagħhom u l-livelli ta’ tniġġis. Rabta ċara bħal din tirriżulta f’aċċettazzjoni pubblika aħjar għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ politika, relatati mal-bidla fl-imġiba. |
3.20.2. |
It-tieni, l-effettività ta’ tali miżuri ta’ politika tkun ħafna ogħla u ġġib riżultati kumulattivi jekk iċ-ċittadini jitgħallmu dwar l-eżiti tal-bidla fl-imġiba tagħhom. It-titjib fil-kwalità tal-arja ambjentali huwa viżibbli għall-għajnejn b’mod ċar, speċjalment fl-ambjent urban, madankollu, id-data xjentifika, ippreżentata b’mod interattiv u faċli biex tinftiehem, tista’ tiffaċilita ċirku virtuż. Nies infurmati aħjar huma ħafna aktar motivati biex jaġixxu u l-bidla fl-imġiba fit-tul tista’ tinkiseb aktar faċilment. |
3.21. |
Ix-xjenza taċ-ċittadini taġixxi bħala fattur deċiżiv fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mat-tniġġis u l-impatti tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-suċċess ta’ inizjattivi bħal “CurieuzeNeuzen” (16), li aġixxew bħala xprun biex il-pubbliku jaċċetta ż-żoni b’emissjonijiet baxxi f’diversi bliet fil-Belġju, u jitlob li jiżdied il-finanzjament taħt il-programm Orizzont Ewropa għal proġetti tax-xjenza taċ-ċittadini relatati mat-tniġġis. |
4. Kummenti speċifiċi dwar is-sustanzi niġġiesa tal-arja ta’ tħassib emerġenti
Partiċelli ultrafini
4.1. |
Il-partiċelli ultrafini huma partiċelli b’dijametru ta’ 0,1 μm (100 nm inqas. Dawn il-partiċelli jirriżultaw minn sorsi naturali jew antropoġeniċi bħal attivitajiet ta’ kombustjoni. Minkejja l-evidenza dejjem tikber tal-impatt tal-partiċelli ultrafini fuq is-saħħa, dawn is-sustanzi niġġiesa mhumiex regolati mid-Direttivi attwali dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-KESE jinnota ambizzjoni dejjem akbar biex l-għarfien eżistenti dwar l-impatt fuq is-saħħa jiġi ttrasformat f’rakkomandazzjonijiet ta’ politika, madankollu, hemm bżonn li tinġabar informazzjoni addizzjonali dwar il-kwistjoni. |
4.2. |
Għalhekk, il-KESE jappella għal azzjoni mmirata addizzjonali, permezz tal-programm Orizzont Ewropa, biex tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar il-partiċelli ultrafini b’mod sistematiku. Minkejja n-nuqqas ta’ indikaturi speċifiċi dwar il-partiċelli ultrafini, jista’ jkun utli li tinbeda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati dwar ir-riskji “emerġenti” minn din il-klassi ta’ sustanzi niġġiesa mhux esposti biżżejjed. |
Karbonju iswed
4.3. |
Il-karbonju iswed huwa partiċelli fini ġġenerati mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili jew tal-bijomassa. Il-karbonju iswed għandu effetti negattivi fuq is-saħħa, għax jipprovoka mard tal-qalb jew tal-pulmun, iżda huwa wkoll aċċelleratur tat-tibdil fil-klima, peress li tunnellata ta’ karbonju iswed għandha effett ta’ tisħin globali sa 1 500 darba aktar b’saħħtu minn tunnellata ta’ CO2. |
4.4. |
Il-Kumitat iqis ir-referenzi għal studji, ipprovduti mid-WHO (17), li jsibu impatti statistikament sinifikanti fuq is-saħħa mill-esponiment għall-karbonju iswed f’livelli ta’ 1,08 sa 1,15 μg/m3. Madankollu, id-WHO ma tapprovax dawn il-livelli fir-rakkomandazzjoni tagħha dwar prattika tajba. Fil-fehma tal-Kumitat, dan m’għandux iservi ta’ skuża biex ma tittieħed l-ebda azzjoni dwar il-karbonju iswed. Bl-istess mod, għandhom jittieħdu azzjonijiet biex jitnaqqsu l-livelli ta’ partiċelli ultrafini bħal fuq PM2,5 u PM10,. L-istennija għal tliet jew ħames snin oħra ta’ evidenza minn xi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE jew għal dokument ta’ gwida ieħor tad-WHO tfisser li ħajjet eluf ta’ ċittadini se tintilef u l-kriżi klimatika se tiġi aċċellerata. |
Ammonijaka
4.5. |
L-ammonijaka (NH3) hija kompost inorganiku tan-nitroġenu u tal-idroġenu. Il-livelli għoljin ta’ ammonijaka jagħmlu ħsara lill-pulmuni u huma kawża ta’ mortalità. L-NH3 huwa kontributur importanti għal-livelli eċċessivi tal-PM sekondarju. Dan jiddeterjora wkoll l-ambjent tagħna u jagħmel ħsara lill-bijodiversità permezz tal-aċidifikazzjoni u l-ewtrofikazzjoni. It-tnaqqis tal-ammonijaka jista’ jinkiseb fis-settur agroalimentari, fis-settur tat-trasport, u fis-settur tal-“użu tas-solventi u tal-prodotti”. |
4.6. |
Ma teżisti l-ebda rakkomandazzjoni tad-WHO għall-konċentrazzjonijiet tal-ammonijaka fl-arja ambjentali relatata mal-impatti fuq is-saħħa. Madankollu, l-impatt tagħha fuq is-saħħa u l-ambjent huwa ddokumentat sew (18), peress li l-emissjonijiet tal-ammonijaka jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ PM2,5 sekondarju, li għalih jeżistu l-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja. L-esperti ssuġġerew livell kritiku fit-tul għall-veġetazzjoni (pjanti ogħla) ta’ 3 μg/m3. |
4.7. |
Il-Proposta reċenti biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (19) u l-ambizzjoni ogħla tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet industrijali u tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-akbar farms tal-bhejjem tal-UE, tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka, minħabba li s-sors prinċipali tal-emissjonijiet tal-NH3 huwa l-agrikoltura, u madwar ¾ tal-emissjonijiet fl-UE huma kkawżati mill-ġestjoni tad-demel mit-trobbija tal-bhejjem (20). Madankollu, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandha tiġi implimentata b’mod proporzjonat u kosteffettiv sabiex tiġi evitata żieda addizzjonali fil-kostijiet tal-produzzjoni fis-settur agroalimentari (21). |
4.8. |
Sabiex jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri tal-għajxien tal-individwi, il-KESE jsostni li huwa meħtieġ ukoll mekkaniżmu ta’ appoġġ robust għall-individwi u l-industriji vulnerabbli biex is-soluzzjonijiet prattiċi dwar l-emissjonijiet tal-NH3 fit-trobbija tal-bhejjem ikunu disponibbli “fuq il-post”. Dan l-appoġġ għandu jinkludi finanzjament għal avvanzi teknoloġiċi magħrufa u aktar riċerka. B’mod ġenerali, l-impriżi tat-trobbija tal-bhejjem għandhom jitħeġġu jagħmlu bidliet favur l-ambjent u s-saħħa filwaqt li jżommu l-funzjoni kritika tal-provvista tal-oġġetti għall-popolazzjoni (22). |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) EEA, Health impacts of air pollution in Europe (Impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (mhux disponibbli bil-Malti)).
(2) WHO, Ambient (outdoor) air pollution (Tniġġis tal-arja ambjentali (ta’ barra) (mhux disponibbli bil-Malti)).
(3) EEA, Europe’s air quality status 2022 (L-istatus tal-kwalità tal-arja tal-Ewropa fl-2022 (mhux disponibbli bil-Malti)).
(4) WHO, Global air quality guidelines (Linji gwida globali dwar il-kwalità tal-arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(5) Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3).
(7) CIRCABC, Air Policy (Politika dwar l-Arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(8) Ir-Riżoluzzjoni A/76/L.75 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u NAT/824
(9) Kummissjoni Ewropea, Il-kwalità tal-arja – reviżjoni tar-regoli tal-UE
(10) EEA, Health impacts of air pollution in Europe (Impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (mhux disponibbli bil-Malti)).
(11) WHO, Global air quality guidelines (Linji gwida globali dwar il-kwalità tal-arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(12) EPA, Health Effects of Ozone in the General Population (Effetti fuq is-Saħħa tal-Ożonu fil-Popolazzjoni Ġenerali (mhux disponibbli bil-Malti)).
(13) Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istandards il-ġodda tal-emissjonijiet tal-vetturi Euro 7, peress li t-trasport bit-triq huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja ambjentali fit-territorji urbani. In-nuqqas li tintlaħaq l-aspettattiva dwar l-Euro 7 huwa espress minn ħafna partijiet ikkonċernati (eż. Trasport u l-Ambjent).
(14) Il-KESE jinnota li l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti (COM (2020) 789 final) tinkludi l-impenn tal-Kummissjoni li tniedi studju ddedikat dwar soluzzjonijiet li jippermettu “skemi ta’ restrizzjoni tal-aċċess għall-vetturi urbani” aktar effettivi u faċli għall-utent, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
(15) Ewrobarometru, L-Attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-Kwalità tal-Arja. Fil-COM(2021) 44 titqies rabta bejn il-kanċer u t-tniġġis. Il-KESE jqis li, fl-istħarriġiet futuri tal-Ewrobarometru, jeħtieġ li tiżdied mistoqsija dwar l-attitudnijiet għall-kanċer (kif ukoll id-dijabete u d-dimenzja) bħala konsegwenza tat-tniġġis tal-arja.
(16) CurieuzeNeuzen Vlaanderen Kampanji simili tmexxew minn gruppi tas-soċjetà ċivili fil-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u diversi pajjiżi oħra tal-UE.
(17) UNEP, Health effects of black carbon (Effetti fuq is-saħħa tal-karbonju iswed (mhux disponibbli bil-Malti)).
(18) UNECE, Towards Cleaner Air, Scientific Assessment Report 2016 (Lejn Arja Aktar Nadifa, Rapport ta’ Valutazzjoni Xjentifika 2016 (mhux disponibbli bil-Malti)).
(19) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(20) 76,2 % fl-2020, skont National air pollutant emissions dashboard (Id-dashboard nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja) (mhux disponibbli bil-Malti).
(21) Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) u tar-Regolament dwar il-PRTR Ewropew, (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130).
(22) Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) u tar-Regolament dwar il-PRTR Ewropew, (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130).