Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0456

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu (riformulazzjoni) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu (riformulazzjoni)

SWD/2021/456 final

Brussell, 15.12.2021

SWD(2021) 456 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu (riformulazzjoni)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu (riformulazzjoni)

{COM(2021) 803 final} - {COM(2021) 804 final} - {SEC(2021) 431 final} - {SWD(2021) 455 final} - {SWD(2021) 457 final} - {SWD(2021) 458 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar il-pakkett dwar is-suq tal-idroġenu u l-gass dekarbonizzat

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ipoġġi lill-UE fil-perkors lejn in-newtralità klimatika sal-2050, li jeħtieġ sehem ferm akbar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’sistema tal-enerġija integrata. Il-gass naturali jirrappreżenta 95 % tal-fjuwils gassużi kkunsmati fl-UE llum u jammonta għal 25 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-UE. Filwaqt li s-sehem tal-gass naturali se jonqos progressivament, il-bijometan, il-metan sintetiku u l-idroġenu huma mistennija jsiru aktar rilevanti. Madankollu, dawn l-alternattivi għall-gass naturali jiffaċċjaw għadd ta’ ostakli regolatorji u mhumiex koperti mill-arranġamenti attwali dwar is-sigurtà tal-enerġija. Dan ifixkel l-introduzzjoni tagħhom u jaffettwa l-kosteffettività tagħhom meta jitqiesu l-kundizzjonijiet u r-regoli attwali tas-suq. L-istruttura regolatorja attwali la tiffaċilita l-kummerċ transfruntier u l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju, u lanqas ma tiffaċilità l-aċċess bla xkiel tagħhom għas-swieq tal-gass madwar l-UE. Għalhekk, għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal kollu tal-provvista tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju, bl-inqas kostijiet u b’mod sigur. Fl-aħħar nett, il-konsumaturi tal-gass ma għandhomx id-drittijiet u l-għodod meħtieġa biex jagħżlu l-aktar alternattivi tad-dekarbonizzazzjoni kosteffettivi fis-suq.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ġenerali huwa li tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni kosteffettiva bil-ħolqien ta’ suq Ewropew tal-idroġenu u d-dekarbonizzazzjoni gradwali tas-swieq tal-fjuwils gassużi, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. L-objettivi speċifiċi huma li 1) jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq tal-idroġenu miftuħ u kompetittiv tal-UE, 2) jiġi żgurat l-aċċess tal-gassijiet rinnovabbli għan-networks u s-swieq tal-metan eżistenti, u s-sigurtà tal-provvista tagħhom 3) jiġi żgurat l-ippjanar infrastrutturali trasparenti u inklużiv, u 4) jingħataw id-drittijiet u l-għodod lill-konsumaturi biex jagħżlu l-orħos alternattivi tad-dekarbonizzazzjoni.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-inizjattiva għandha l-għan li timmodifika l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u li toħloq qafas ġdid għal suq intern tal-idroġenu biex tinkiseb ekonomija kosteffiċjenti tal-idroġenu nadif. It-trawwim ta’ swieq tal-UE aktar effiċjenti u integrati għall-gassijiet rinnovabbli jeħtieġ approċċ regolatorju armonizzat u kkoordinat madwar l-UE u ma jistax jinkiseb biss fil-livell tal-Istati Membri. L-inizjattiva għandha l-għan ukoll li tevita l-effetti distorsivi ta’ inizjattivi ta’ politika li jkunu frammentati u mhux ikkoordinati peress li ħafna Stati Membri jiżviluppaw soluzzjonijiet purament nazzjonali. Din l-inizjattiva tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu objettivi vinkolanti fil-livell tal-UE. Ir-rwol tal-fjuwils gassużi fit-taħlita enerġetika fid-deċennji li ġejjin jeħtieġ id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass bi tfassil progressiv ta’ swieq kompetittivi tal-gass dekarbonizzat li jistgħu jagħtu s-setgħa u jipproteġu b’mod adegwat lill-konsumaturi kollha tal-UE. Il-ħolqien ta’ qafas regolatorju fil-livell tal-UE għall-infrastruttura u s-swieq dedikati tal-idroġenu jrawwem l-integrazzjoni u l-interkonnessjoni tas-swieq nazzjonali tal-idroġenu.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Il-qasam problematiku I iqis dawn l-għażliet: issir sejħa għall-offerti għad-drittijiet tal-operazzjoni tan-network (Għażla 1); jiġu introdotti prinċipji regolatorji ewlenin ispirati minn dawk applikabbli attwalment għas-suq tal-gass naturali iżda li jkunu adattati għall-istadju tal-iżvilupp tas-swieq tal-idroġenu (Għażla 2); u jiġi stabbilit reġim regolatorju żviluppat bis-sħiħ għall-idroġenu (simili għal dak applikabbli attwalment għas-settur tal-gass naturali) mingħajr il-ħtieġa ta’ tranżizzjoni lejn suq tal-idroġenu aktar matur (Għażla 3).

L-għażla ppreferuta għall-qasam problematiku I hija li jiġu introdotti l-prinċipji regolatorji ewlenin filwaqt li tiġi pprovduta gwida għall-iżviluppi regolatorji futuri (Għażla 2b “Prinċipji regolatorji ewlenin b’viżjoni”). Din l-għażla hija l-aktar adattata għall-partikolaritajiet tas-settur tal-idroġenu u tikseb uħud mill-benefiċċji li setgħu nkisbu b’għażliet oħra, filwaqt li tevita l-iżvantaġġi tagħhom. Permezz tal-gwida, jinfirxu l-pedamenti għal suq tal-idroġenu aktar matur.

Il-qasam problematiku II jinkludi għażliet li jippromwovu l-aċċess tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju għas-suq u l-infrastruttura tal-gass eżistenti. L-għażliet kollha jinkludu wkoll livell progressiv ta’ intervent biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari l-estensjoni tal-għodod, tal-istandards u tal-proċeduri eżistenti għall-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju u l-indirizzar tar-riskji relatati maċ-ċibersigurtà għas-settur tal-gass. L-Għażla 3 “Nippermettu u nippromwovu aċċess sħiħ għas-suq għall-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju u nindirizzaw il-kwistjoni tal-kuntratti ta’ provvista fit-tul tal-gass naturali” hija l-għażla ppreferuta għall-qasam problematiku II. Din l-għażla fiha miżuri li jappoġġaw l-aċċess tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju għas-suq tal-operaturi, għat-terminals tal-LNG, u għall-grilja ta’ trażmissjoni (irrispettivament mill-post tal-konnessjoni), inkluż l-iskonti fit-tariffi għall-injezzjoni fil-grilja u t-trasport transfruntier. Din tipprojbixxi l-kuntratti ta’ provvista fit-tul għall-gass fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa mill-2050. Il-kwalità tal-gass tkun regolata minn approċċ armonizzat tal-UE għall-punti ta’ interkonnessjoni transfruntieri filwaqt li tħalli flessibbiltà lill-Istati Membri. Il-limitu massimu permess għat-taħlitiet tal-idroġenu huwa stabbilit għal 5 % għall-punti transfruntieri kollha – livell li huwa kosteffiċjenti f’termini tal-kostijiet ta’ adattament u ta’ tnaqqis.

Il-qasam problematiku III jqis għażliet rigward l-ippjanar integrat tan-network. L-għażla ppreferuta għall-qasam problematiku III hija l-Għażla 2 “Ippjanar Nazzjonali bbażat fuq ix-Xenarji Ewropej”. Din l-għażla tippermetti l-ippjanar nazzjonali iżda teħtieġ li dan ikun ibbażat fuq xenarji konġunti għall-gass u l-elettriku, allinjati mat-TYNDP u marbuta mal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima rilevanti. Din tinkludi lill-atturi rilevanti kollha (DSOs) u tippermetti l-identifikazzjoni tal-pipelines li jistgħu jintużaw għal skop ġdid mill-metan għall-idroġenu, b’ċertu livell ta’ dettall li ma jistax jinkiseb faċilment fil-livell Ewropew.

Il-Qasam Problematiku IV jinkludi għażliet li jissuġġerixxu approċċ nonregolatorju għall-indirizzar tal-kompetizzjoni u l-involviment tal-konsumaturi jew inkella approċċ li jara li l-fatturi ewlenin tal-problema jiġu indirizzati b’leġiżlazzjoni ġdida, li fil-biċċa l-kbira tkun tirrifletti dak li diġà ġie stabbilit fis-settur tal-elettriku. Fid-dawl tal-analiżi, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2 “Leġiżlazzjoni flessibbli”, li tirrifletti l-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq tal-elettriku u, fejn rilevanti, anke d-dispożizzjonijiet tal-awtonomizzazzjoni. B’mod ġenerali, din l-għażla aktarx tkun l-aktar effettiva, effiċjenti, u konsistenti ma’ Oqsma problematiċi oħra.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Fil-qasam problematiku I, maġġoranza kbira tar-rispondenti tappoġġa l-introduzzjoni tar-regolazzjoni fi stadju bikri biex jitrawmu suq u infrastruttura tal-idroġenu kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb. Ir-rispondenti appoġġaw bil-qawwa qafas leġiżlattiv tal-UE li jiddefinixxi l-prinċipji regolatorji ewlenin u li jħaddem approċċ gradwali. Maġġoranza kbira tappoġġa eż. TPA regolat, ir-regoli tal-aċċess għat-terminals tal-importazzjoni u l-ħażna tal-idroġenu, u hija favur is-separazzjoni tal-attivitajiet tan-network. Ħafna mir-rispondenti jidhrilhom li hu importanti li r-rwol tal-partijiet privati fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu jiġi definit minn kmieni. Maġġoranza kbira tar-rispondenti jidhrilhom ukoll li n-networks privati eżistenti u futuri jistgħu jiġu eżentati (temporarjament) minn ċerti rekwiżiti regolatorji iżda li jeħtieġ tiġi żgurata l-konverġenza fuq qafas regolatorju uniku. Il-maġġoranza assoluta tar-rispondenti jidhrilhom li d-drittijiet u r-rekwiżiti ta’ permess għal infrastruttura tal-idroġenu ġdida għandhom ikunu simili għal dawk li llum huma applikabbli għall-pipelines tal-gass tal-metan.

Għall-qasam problematiku II, il-partijiet ikkonċernati jaqblu dwar il-ħtieġa li l-qafas regolatorju attwali jiġi rivedut biex jgħin fil-kisba tal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tqis li hu importanti li jiġi żgurat aċċess sħiħ għas-suq u li tiġi ffaċilitata l-injezzjoni tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju fil-grilja tal-gass. Ħafna rispondenti huma favur l-obbligu tal-operaturi tan-network li jgħaqqdu lill-produtturi tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju u li jintroduċu tnaqqis fl-imposti tal-injezzjoni. Il-maġġoranza tar-rispondenti tappoġġa wkoll it-titjib tal-qafas ta’ trasparenza għat-terminals tal-LNG. Hemm ukoll appoġġ qawwi għall-applikazzjoni armonizzata tal-istandards tal-kwalità tal-gass madwar l-UE, għal koordinazzjoni transfruntiera msaħħa u aktar trasparenza. Ir-rispondenti għandhom fehmiet differenti dwar it-taħlit tal-idroġenu, iżda l-maġġoranza taqbel li dan jista’ jipprovdi l-ewwel pass kosteffiċjenti u rapidu, minkejja l-kostijiet tekniċi għaljin għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Ftit mill-partijiet ikkonċernati appoġġaw it-tneħħija tat-tariffi transfruntieri intra-UE. Il-maġġoranza tar-rispondenti jidhrilhom li l-isfidi għas-sigurtà speċifiċi għall-gass u l-miżuri dwar iċ-ċibersigurtà huma importanti.

Fil-qasam problematiku III, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati tappoġġa l-allinjament taż-żmien tal-pjanijiet nazzjonali tal-iżvilupp tan-network (NDPs) mat-TYNDP, bi pjan tal-gass uniku irrispettivament mill-mudell ta’ separazzjoni magħżul. Maġġoranza sinifikanti tar-rispondenti esprimiet appoġġ ferm aktar qawwi għal xenarju konġunt tal-elettriku u tal-gass. Numru sostanzjali ta’ partijiet ikkonċernati jappellaw biex il-proġetti tal-idroġenu jiġu inklużi fl-NDP. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jaqblu mar-rwol tad-DSOs li jipprovdu u jaqsmu l-informazzjoni, u diversi rispondenti jappoġġaw ukoll l-idea li d-DSOs jipprovdu l-pjan proprju tagħhom inkluż l-ottimizzazzjoni tas-sistema f’setturi differenti. Ir-rispondenti ppreferew kemxejn aktar ukoll li jsir pjan konġunt tal-gass u l-elettriku għax-xenarji konġunti bi pjanijiet separati. Diversi partijiet ikkonċernati indikaw li pjan konġunt tal-metan u l-idroġenu, bi pjan separat tal-elettriku, ikun l-għażla ppreferuta.

Fil-qasam problematiku IV, il-maġġoranza assoluta tal-partijiet ikkonċernati talbet għal ambizzjonijiet akbar fid-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadini/il-konsumaturi billi jiġu riflessi dawk tas-suq tal-elettriku. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-faqar enerġetiku għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li l-konsumaturi mhumiex qed iħallsu l-kost tal-bidla lejn alternattivi bbażati fuq il-gass. Ir-rappreżentanti tas-settur privat jappoġġaw il-pjanijiet tal-eliminazzjoni gradwali tal-prezzijiet regolati, filwaqt li xi organizzazzjonijiet tal-konsumatur jippreferu li jibqgħu biex jipproteġu lill-konsumaturi foqra fl-enerġija u vulnerabbli. Kważi nofs ir-rispondenti kollha jridu li jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-komparabbiltà tal-offerti u l-aċċessibbiltà tad-data, it-trasparenza, is-sistemi ta’ kejl intelliġenti u t-tibdil. L-ebda rispondent ma appoġġa espliċitament l-approċċ nonregolatorju.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Qasam problematiku I: L-għażla li jiġu applikati l-prinċipji regolatorji ewlenin b’viżjoni dwar l-infrastruttura u s-swieq tal-idroġenu għandha l-benefiċċju ewlieni li trawwem l-integrazzjoni tas-suq, tipprovdi ċ-ċarezza għall-investituri (tal-infrastruttura), tevita l-emerġenza ta’ strutturi tas-suq mhux kompetittivi u l-ostakli għall-integrazzjoni tas-suq minħabba kwistjonijiet ta’ kwalità tal-idroġenu. Waqt il-qawmien tas-settur tal-idroġenu, din tipprovdi flessibbiltà lill-investituri filwaqt li ċ-ċarezza dwar ir-reġim regolatorju futur tevita l-kostijiet tal-aġġustamenti ex post li jkunu meħtieġa ladarba s-suq jimmatura.

Qasam problematiku II: Nippermettu u nippromwovu aċċess sħiħ għas-suq tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju. Il-benefiċċju ewlieni huwa li l-miżuri se jnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju, iżidu l-kompetizzjoni, il-likwidità u l-kummerċ tal-gassijiet rinnovabbli. B’dan il-mod, il-konsumaturi u l-kontribwenti se jibbenefikaw peress li l-appoġġ ikun jista’ jitnaqqas. Dan se jillimita wkoll ir-riskji għas-sigurtà tal-enerġija u jiffranka l-ħin u r-riżorsi, inaqqas l-inċertezzi, itejjeb l-effiċjenza tal-miżuri ta’ emerġenza, u jsaħħaħ ir-rekwiżiti speċifiċi għas-sigurtà għall-kumpaniji tal-gass.

Qasam problematiku III: Isir Ippjanar Nazzjonali abbażi tax-Xenarji Ewropej. Il-benefiċċju ewlieni huwa li dan jelimina r-riskji li t-TSOs tal-elettriku u tal-gass jippjanaw l-evoluzzjoni tas-sistemi tagħhom abbażi ta’ suppożizzjonijiet inkompatibbli. Dan jippermetti l-integrazzjoni tas-settur u pjan tas-sistema kunċettwali filwaqt li jżomm il-benefiċċji ta’ pjanijiet tal-iżvilupp tan-network speċifiċi għas-settur aktar dettaljati. Dan jiżgura viżjoni komuni tal-partijiet ikkonċernati differenti, jiġifieri waħda li permezz tagħha l-ippjanar tan-network ikun iqis l-istrateġiji tad-dekarbonizzazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE, u jonqos ir-riskju ta’ intrappolamenti potenzjali jew ta’ assi mhux rekuperabbli.

Qasam problematiku IV: L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni flessibbli li tindirizza l-fatturi ewlenin tal-problema kollha. Il-benefiċċju ewlieni huwa li din toffri potenzjal ta’ ffrankar sinifikanti, se tgħin lill-fornituri u lill-fornituri tas-servizzi ġodda biex jidħlu fis-suq, jiżviluppaw prodotti innovattivi, u dan iżid il-kompetizzjoni, l-impenn tal-konsumaturi u l-benefiċċji ekonomiċi. Dan jippermetti wkoll li ċ-ċittadini u l-komunitajiet iżidu l-aċċettazzjoni soċjali, jimmobilizzaw il-kapital privat u jiffaċilitaw l-użu tal-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju. It-tnaqqis tar-riskju ta’ investimenti żejda se jkollu impatt ambjentali pożittiv.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-implimentazzjoni tal-miżuri fil-qasam problematiku I timplika kostijiet ekonomiċi u amministrattivi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tan-network peress li se jkun jeħtieġ jiġu introdotti u ssorveljati l-prinċipji ewlenin. Madankollu, dawn il-kostijiet jingħelbu faċilment mill-benefiċċji ekonomiċi tal-għażla ppreferuta.

L-implimentazzjoni tal-miżuri fil-qasam problematiku II timplika kostijiet ekonomiċi u amministrattivi peress li se żżid il-prezz tas-suq tal-gass naturali, u teħtieġ aktar kooperazzjoni bejn id-DSOs u t-TSOs. L-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari r-regolaturi, se jkun jeħtieġ ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, l-elaborazzjoni ta’ approċċ regolat għaċ-ċibersigurtà tista’ tinvolvi wkoll aktar kostijiet għall-konformità.

L-ebda kwantifikazzjoni pubblika tal-kostijiet mhi disponibbli għall-qasam problematiku III, iżda l-benefiċċji (sinerġiji miżjuda li jnaqqsu l-kostijiet tas-soċjetà) mistennija jegħlbu l-kostijiet tal-koordinazzjoni addizzjonali.

L-ebda kwantifikazzjoni pubblika tal-kostijiet mhi disponibbli għall-qasam problematiku IV. Il-kostijiet ewlenin huma ekonomiċi u soċjali peress li l-benefiċċji tal-konsumatur jaf ikunu inqas mill-kost tal-arloġġi intelliġenti biex jingħata aċċess nondiskriminatorju għad-data tal-konsumaturi.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-għażliet ippreferuti fl-oqsma ta’ politika differenti se jirriżultaw f’żieda fil-kompetizzjoni għall-gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju. Il-kompetizzjoni mtejba fis-suq bl-imnut flimkien mat-titjib fil-protezzjoni tal-konsumatur se jirriżultaw f’rati ogħla ta’ qlib fost konsumaturi iżgħar inkluż l-SMEs. Il-kompetizzjoni tista’ tiżdied ukoll b’aċċess nondiskriminatorju għad-data tal-konsumaturi u arranġamenti armonizzati b’mod razzjonali kif ukoll b’miżuri li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà fl-UE. It-twessigħ tar-rekwiżiti ta’ omoġenizzazzjoni tas-suq se jiżgura aktar kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi taċ-ċibersigurtà u jnaqqas il-kostijiet minħabba l-ekonomiji ta’ skala.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-maġġoranza tal-għażliet ippreferuti għall-oqsma ta’ politika differenti għandhom impatti negattivi eżistenti u limitati fuq l-Istati Membri, u ħafna drabi jkunu jinvolvu piżijiet amministrattivi limitati. Madankollu, fil-qasam problematiku IV (leġiżlazzjoni flessibbli għas-swieq bl-imnut), il-protezzjoni u l-involviment tal-konsumaturi jillimitaw tali piżijiet għall-amministrazzjonijiet. B’mod ġenerali, matul konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi inkluż mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, ma ġiet indikata l-ebda żieda sinifikanti fl-impatti fuq l-Istati Membri.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Iva, l-għażla ppreferuta skont il-qasam problematiku IV tidentifika l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u se tiżgura aċċess u użu mifrux tat-teknoloġiji diġitali u tas-servizzi mmexxija mid-data filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi livell għoli tad-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali.

Proporzjonalità? 

Is-sett ta’ għażliet ippreferuti huwa meqjus proporzjonat u sa fejn hu possibbli jibni fuq l-approċċi eżistenti. Il-bilanċ bejn l-obbligi u l-kunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet differenti ta’ azzjoni fost l-Istati Membri u l-entitajiet privati huwa meqjus xieraq minħabba l-ħtieġa imperattiva li tinkiseb in-newtralità klimatika.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-impatt tal-inizjattivi proposti, inkluż l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza kontinwa u r-rilevanza tal-proposti, fiż-żmien stipulat wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri adottati (b’mod indikattiv, ħames snin). Attwalment, fil-proposta mhu ppjanat l-ebda rieżami tal-politika.

Top