Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0569

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

COM/2021/569 final

Brussell, 22.12.2021

COM(2021) 569 final

2021/0429(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1Appoġġ għal tranżizzjoni ekoloġika soċjalment ġusta

Il-pakkett “Xieraq għall-55” propost fl-14 ta’ Lulju 2021 għandu l-għan li jwassal il-bidla trasformattiva meħtieġa fl-ekonomija, is-soċjetà u l-industrija tagħna.

L-introduzzjoni proposta ta’ skema ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq hija komponent importanti tal-azzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi dwar il-klima. Għandha tindirizza n-nuqqas ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet s’issa f’dawn is-setturi bl-aktar mod kosteffettiv u tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment. Din l-introduzzjoni se tikkontribwixxi wkoll għal riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-Unjoni. Fl-istess ħin, l-aġġustamenti meħtieġa f’dawn is-setturi huma mistennija li jkollhom, fi żmien qasir, impatt dirett fuq unitajiet domestiċi u mikrointrapriżi vulnerabbli madwar l-UE sakemm dawn jiddependu fuq modi ta’ trasport u tisħin intensivi fl-użu tal-karbonju. Sabiex tgħin fl-indirizzar ta’ dawn l-impatti soċjali, il-Kummissjoni ressqet inizjattiva ġdida: il-Fond Soċjali għall-Klima 1 .

1.2 L-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-UE.

F’konformità mal-impenn tagħha fil-Pjan Direzzjonali miftiehem bħala parti mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 2 , il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji 3 sabiex tistabbilixxi r-riżorsi proprji ġodda li ġejjin għall-baġit tal-UE:

sehem mid-dħul taħt id-Direttiva dwar l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) 4 , li l-Kummissjoni pproponiet li temenda 5 ,

sehem mid-dħul li se jakkumula mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri 6 ,

l-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għas-sehem tal-profitti residwi tal-intrapriżi multinazzjonali, riallokati lill-Istati Membri [skont id-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni].

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew iddikjara li d-dħul mir-riżorsi proprji l-ġodda introdotti wara l-2021 għandu jintuża għall-ħlas lura tas-self tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss. Barra minn hekk, huwa stieden lill-Kummissjoni biex “tipproponi reviżjoni tal-QFP għal dan il-għan fi żmien debitu”  7 .

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li “l-ħlas lura tal-kapital tal-fondi biex jintużaw għan-nefqa taħt l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (NextGenerationEU) u l-imgħax relatat dovut irid jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ rikavat suffiċjenti mir-riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021.” Barra minn hekk, it-tliet istituzzjonijiet irrikonoxxew l-importanza tal-kuntest tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u ddikjaraw li “n-nefqa mill-baġit tal-Unjoni marbut mal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru m’għandux iwassal għal tnaqqis mhux dovut fin-nefqa tal-programm jew strumenti tal-investiment skont il-QFP”. Il-Ftehim Interistituzzjonali jiddikjara wkoll li “huwa wkoll mixtieq li jittaffew iż-żidiet fir-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING għall-Istati Membri” 8 .

Ir-riżorsi proprji l-ġodda proposti llum huma previsti li jiġu introdotti sal-2023.

1.3Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-Kummissjoni qed tipproponi reviżjoni mmirata tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 9 għall-finijiet li ġejjin:

żieda tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-Fond Soċjali għall-Klima propost;

l-introduzzjoni ta’ aġġustament awtomatiku tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali bbażat fuq riżorsi proprji ġodda li jippermetti l-ħlas lura tas-self ta’ NextGenerationEU.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

2.1Żieda tal-limiti massimi tan-nefqa tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-Fond Soċjali għall-Klima.

Bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv “Fit for 55”, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ Fond Soċjali għall-Klima (“il-Fond”) biex jgħin biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali li jirriżultaw mill-iskambju tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq. Il-Fond jenħtieġ li jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri biex jappoġġa miżuri u investimenti fl-effiċjenza enerġetika, sistemi ġodda ta’ tisħin u tkessiħ, mobbiltà aktar nadifa kif ukoll appoġġ temporanju għad-dħul dirett.

Il-Fond se jimmira lejn unitajiet domestiċi vulnerabbli, utenti vulnerabbli tat-trasport u mikrointrapriżi vulnerabbli affettwati mill-ETS il-ġdida għat-trasport bit-triq u l-bini.

Il-Fond se jiġi ffinanzjat taħt l-Intestatura 3 “Riżorsi Naturali u Ambjent” tal-qafas finanzjarju pluriennali, u fin-nomenklatura baġitarja annwali bħala parti mir-raggruppament “Politika ta’ Azzjoni dwar l-Ambjent u l-Klima”.

L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 10 għandu għalhekk jiġi emendat u sostitwit bl-Anness għal din il-proposta.

2.2Aġġustament annwali speċifiku bbażat fuq riżorsi proprji ġodda

Sabiex tippermetti l-ħlas lura tas-self ta’ NextGenerationEU, il-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament awtomatiku tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament, propost bħala l-Artikolu 4a ġdid tar-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, jipprevedi:

aġġustament tal-limitu massimu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-subintestatura 2b f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, u tal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, li għandu jsir kull sena, proporzjonat għad-dħul reali li ġej minn riżorsi proprji ġodda miġbura fis-sena preċedenti, kif imdaħħal fil-kontijiet proviżorji tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament Finanzjarju;

il-mekkaniżmu għall-aġġustament annwali se jiġi implimentat mill-2024 abbażi tal-introduzzjoni prevista tar-riżorsi proprji l-ġodda sal-1 ta’ Jannar 2023;

l-ammont tal-aġġustament se jkun limitat għal ammont annwali ta’ EUR 15-il biljun fi prezzijiet tal-2018. Għas-sena 2027, l-ammont tal-aġġustament se jitnaqqas b’ammont ta’ EUR 8 biljun (fi prezzijiet tal-2018).

l-aġġustament se jiġi kkomunikat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ftit wara l-adozzjoni tal-kontijiet proviżorji u għalhekk sa nofs April.

Ammont ta’ EUR 15-il biljun jikkorrispondi għal profil ta’ ripagament lineari mill-baġit tal-Unjoni għal appoġġ mhux ripagabbli abbażi tal-ippjanar tal-ħruġ tal-Kummissjoni għal NextGenerationEU, inkluża l-istruttura tal-maturità.

L-ammont fiss ta’ EUR 8 biljun li se jitnaqqas fil-kalkolu tal-aġġustament fis-sena 2027 jikkorrispondi għan-nefqa medja annwali għall-Fond Soċjali għall-Klima mill-2026, meta d-dħul mit-trasport bit-triq u mill-bini tal-ETS se jibda, sal-2032.

Dan l-aġġustament annwali speċifiku tal-limitu massimu ta’ pagament mhux se jitqies għall-kalkolu tal-ammonti massimi għall-aġġustament annwali fil-limitu massimu ta’ pagament skont l-Istrument ta’ Marġni Uniku msemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament QFP.

Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ibbażat fuq riżorsi proprji ġodda se jkun akkumpanjat minn abbozz ta’ baġit emendatorju biex tiżdied, kif xieraq, il-linja(i) baġitarja/i tan-nefqa fil-baġit tas-sena li fiha jiġi applikat il-mekkaniżmu.

3.IMPATT BAĠITARJU

L-impatt baġitarju tal-aġġustament annwali speċifiku bbażat fuq riżorsi proprji ġodda se jidħol fis-seħħ mill-2024. L-ammont se jkun ekwivalenti għall-ammont reali ta’ dħul li ġej minn riżorsi proprji ġodda miġbura fis-sena preċedenti, kif imdaħħal fil-kontijiet provviżorji, u se jkun limitat għal ammont annwali ta’ EUR 15-il biljun fi prezzijiet tal-2018. Għas-sena 2027, il-kalkolu tal-aġġustament se jkun fih tnaqqis tal-ammont fiss ta’ EUR 8 biljun (fi prezzijiet tal-2018).

Gfir-rigward tal-Fond Soċjali għall-Klima, il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-limitu massimu tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-intestatura 3 “Riżorsi Naturali u Ambjent” b’ammont ta’ EUR 2 176 miljun fl-2025, EUR 9 132 miljun fl-2026 u EUR 8 786 miljun fl-2027, fi prezzijiet tal-2018.

Iż-żidiet proposti fil-limitu massimu tal-impenji se jirriżultaw f’żieda fil-ħtiġijiet ta’ pagament. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tirrevedi l-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2025, 2026 u 2027 b’EUR 2 176 miljun, EUR 9 132 miljun u EUR 8 786 miljun rispettivament, bil-prezzijiet tal-2018.

2021/0429 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 11 ,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 12 , il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom għal pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda matul id-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 u li jaħdmu lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda suffiċjenti bil-ħsieb li jiġi kopert l-ammont li jikkorrispondi man-nefqa mistennija għall-ħlas lura tan-NextGenerationEU.

(2)Huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti r-ripagamenti tal-ispejjeż ta’ finanzjament ta’ NextGenerationEU matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2024 sal-2027 b’ammonti ekwivalenti għar-riżorsi proprji ġodda miġbura skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 13 (id- “Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji”) u mdaħħla fil-kontijiet proviżorji, mingħajr ma titnaqqas in-nefqa għall-programmi tal-Unjoni.

(3)L-introduzzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, kif stabbilit fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , tista’ twassal għal impatti soċjali fuq terminu qasir. Biex tiġi indirizzata din l-isfida, ir-Regolament (UE) [XXX] finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa 15 Fond Soċjali għall-Klima, li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont il-qafas finanzjarju pluriennali. Għalhekk, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-intestatura 3, “Riżorsi Naturali u Ambjent”, u l-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament jiġu adattati għas-snin 2025, 2026 u 2027.

(4)Ir-Regolament (KE, Euratom) 2020/2093 għandu għalhekk jiġi emendata skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4a, 6 u 7, l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korrezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.’;

(2)jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

'Artikolu 4a
Aġġustament annwali speċifiku bbażat fuq riżorsi proprji ġodda

1.Mill-2024, wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet proviżorji tas-sena n-1 skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jsir aġġustament ’il fuq għal-limitu massimu tan-nefqa għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-subintestatura 2b u għal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-sena kurrenti.

2.Dan l-aġġustament annwali għandu jkun tal-ammonti li ġejjin:

(a)għas-snin 2024, 2025 u 2026, ammont ekwivalenti għad-dħul li jkun iddaħħal fil-kontijiet proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 li jirriżulta mir-riżorsi stabbiliti fl-Artikolu 2(1), il-punti (e), (f) u (g), tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

(b)għas-sena 2027, ammont ekwivalenti għad-dħul li ddaħħal fil-kontijiet proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 li jirriżulta mir-riżorsi stabbiliti fl-Artikolu 2(1), il-punti(e), (f) u (g), tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, imnaqqas b’ammont fiss ta’ EUR 8 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

L-aġġustamenti annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jaqbżu l-EUR 15 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) kull sena għas-snin mill-2024 sal-2027.

3.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati tal-aġġustamenti annwali msemmija fil-paragrafu 2 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 15-il jum mill-preżentazzjoni tal-kontijiet proviżorji għas-sena n-1 skont l-Artikolu 245(3) tar-Regolament Finanzjarju.’;

(3)fl-Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘L-ammonti li jikkorrispondu mal-aġġustamenti ’l fuq msemmija mal-Artikolu 4a(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandhom ikunu flimkien mal-ammonti massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.’;

(4)L-Anness I huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol COM(2021) 568 final, 14.07.2021.
(2)    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
(3)    COM(2021)570.
(4)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32-46.
(5)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757, COM(2021)551 final, 14.07.2021.
(6)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri COM(2021) 564, 14.07.2021
(7)    Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020, paragrafi A29 u 150.
(8)    Anness II, Preambolu, punti D u E.
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11–22.
(10)    Kif emendat l-aħħar skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093. L-Anness għal din il-proposta huwa bbażat fuq l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2022 f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, COM(2021)365 tas-7 ta’ Ġunju 2021.
(11)    ĠU C […], […], p. […].
(12)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1)
(14)    Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(15)    ĠU […], […], p. […].
Top

Brussell, 22.12.2021

COM(2021) 569 final

ANNESS

ta' [...]

proposta għal Regolament tal-Kunsill

li temenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027


ANNESS

‘ANNESS I

QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (EU-27)

(EUR miljuni - prezzijiet tal-2018)

APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total 
2021-2027

1. Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

19 712

20 211

19 133

18 633

18 518

18 646

18 473

133 326

2. Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri

49 741

51 920

52 194

53 954

55 182

56 787

58 809

378 587

2a . Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

45 411

45 951

46 493

47 130

47 770

48 414

49 066

330 235

2b. Reżiljenza u Valuri

4 330

5 969

5 701

6 824

7 412

8 373

9 743

48 352

3. Riżorsi Naturali u Ambjent

55 242

52 214

51 489

50 617

51 895

58 064

56 947

376 468

Li minnu: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti

38 040

37 544

37 604

36 983

36 373

35 772

35 183

257 499

4. Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

2 324

2 947

3 164

3 282

3 672

3 682

3 736

22 807

5. Sigurtà u Difiża

1 700

1 725

1 737

1 754

1 928

2 078

2 263

13 185

6. Il-Viċinat u d-Dinja

15 309

15 522

14 789

14 056

13 323

12 592

12 828

98 419

7. Amministrazzjoni Pubblika Ewropea

10 021

10 215

10 342

10 454

10 554

10 673

10 843

73 102

Li minnu: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet

7 742

7 878

7 945

7 997

8 025

8 077

8 188

55 852

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

154 049

154 754

152 848

152 750

155 072

162 522

163 899

1 095 894

TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIET TA' PAGAMENT

156 557

156 322

149 936

149 936

152 112

159 068

158 722

1 082 652’

Top