IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2021
COM(2021) 319 final
2021/0224(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Is-suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex ikunu estiżi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan.
2.Il-kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat fl-24 ta’ Novembru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jifforma l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Ġordan. Il-Ftehim għandu l-għan li
–jipprovdi qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib bejn il-Partijiet,
–jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ oġġetti, servizzi u kapital,
–irawwem l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni,
–itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol, u jtejjeb il-produttività u l-istabbiltà finanzjarja,
–jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali sabiex tiġi kkonsolidata koeżistenza paċifika u l-istabbiltà ekonomika u politika,
–jippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma oħrajn li huma ta’ interess reċiproku.
2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim fil-każijiet li fih isir provvediment għalihom fih. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun ippresedut, għal perjodu ta’ 12-il xahar, mill-UE u mill-Ġordan darba kull wieħed. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ regolarment fil-livell ministerjali darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni b’talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan 2016-2020 sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan hija bbażata fuq it-test tad-deċiżjoni annessa ma’ din id-Deċiżjoni.
Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ta’ Diċembru 2016, l-UE u l-Ġordan qablu dwar Prijoritajiet ta’ Sħubija biex jiggwidaw is-sħubija għall-perjodu 2016-2018, b’rieżami previst sa tmiem l-2018 biex tiġi kkunsidrata l-estensjoni tagħhom għal sentejn oħra fid-dawl tal-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà. Fl-2018, wara rieżami tal-Prijoritajiet tas-Sħubija, iż-żewġ partijiet qablu li jestendu l-validità tagħhom għal sentejn addizzjonali, sa tmiem l-2020.
Fil-qafas tal-proċess kontinwu ta’ tiġdid tas-sħubija tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar u wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, inkluż il-Ġordan, huma ppjanati għall-2021. F’dan il-qafas u biex jiġi evitat distakk bejn l-iskadenza tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan u l-adozzjoni ta’ oħrajn ġodda, huwa fl-interess tal-Partijiet li jestendu l-Prijoritajiet ta’ Sħubija attwali sakemm jiġu adottati oħrajn aġġornati ġodda.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit bi ftehim, speċifikament il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali minħabba li se jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jemenda l-perjodu ta’ validità tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan, jenħtieġ li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi adottat.
2021/0224 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq in-naħa l-waħda,u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra, ġie ffirmat fil-24 ta’ Novembru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002.
(2)Il-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan ġew adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’Diċembru 2016 u ġew estiżi fl-2018 sa tmiem l-2020.
(3)Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ Partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati dokumenti konġunti aġġornati ġodda.
(4)Skont l-Artikolu 91(1) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.
(5)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan.
(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġordan, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Ġordan, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
F’isem il-Kunsill
Il-President