Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0226

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

COM/2021/226 final

Brussell, 6.5.2021

COM(2021) 226 final

2021/0115(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”) 2 .

2.Fit-22 ta’ Diċembru 2020, in-Netherlands ressqu applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw is-sensji 3 f’KLM Royal Dutch Airlines fin-Netherlands.

3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2020/004 NL/KLM

Stat Membru

In-Netherlands

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 2 4 )

Noord-Holland (NL32)

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni

22 ta’ Diċembru 2020

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

22 ta’ Diċembru 2020

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

5 ta’ Jannar 2021

Skadenza għall-forniment tal-informazzjoni addizzjonali

16 ta’ Frar 2021

Skadenza għall-ikkompletar tal-valutazzjoni

11 ta’ Mejju 2021

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


Intrapriża primarja

KLM Royal Dutch Airlines


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE) 5

Id-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru)

Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

15 ta’ Awwissu 2020 – 15 ta’ Diċembru 2020

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

650

Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

1 201

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

1 851

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 851

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

1 201

Baġit għas-servizzi personalizzati (f’EUR)

8 030 750

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 6 (f’EUR)

334 614

Baġit totali (EUR)

8 365 364

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (f’EUR)

5 019 218

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Il-proċedura

4.Fit-22 ta’ Diċembru 2020, in-Netherlands ressqu l-applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM, jiġifieri fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data, u talbet informazzjoni addizzjonali min-Netherlands fil-5 ta’ Jannar 2021. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa għall-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fi ħdan din l-iskadenza l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fil-11 ta’ Mejju 2021.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja f’KLM Royal Dutch Airlines. Din l-intrapriza topera fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-Diviżjoni 51 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Trasport bl-ajru). Is-sensji li ngħataw minn KLM seħħew fil-livell NUTS 2 tal-Provinċja tal-Olanda tat-Tramuntana (NL32).

Kriterji ta’ intervent

6.In-Netherlands ressqu l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġ li minn tal-anqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tagħha u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom twaqqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni huwa mill-15 ta’ Awwissu 2020 sal-15 ta’ Diċembru 2020.

8.Matul il-perjodu ta’ referenza 650 ħaddiem ingħataw is-sensja f’KLM.

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien mill-attività

9.Is-sensji kollha ta’ matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur biex ikeċċi jew itemm il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 1 201 ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara t-tħabbira ġenerali dwar is-sensji mbassra li saret fil-21 ta’ Mejju 2020. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta’ referenza.

11.Għalhekk, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 1 851.

Rabta bejn is-sensji u kriżi finanzjarja u ekonomika globali

12.Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija globali. Fis-27 ta’ Mejju 2020, fil-komunikazzjoni tagħha “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa” 7 , il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, u stabbiliet pjan ta’ rkupru għall-ekonomija. Dan inkluda l-FEG bħala għodda ta’ emerġenza biex tgħin lill-persuni li tilfu xogħolhom minħabba l-kriżi ekonomika globali.

13.Il-pandemija kkawżat l-akbar reċessjoni fl-istorja tal-UE. Skont il-"Winter 2021 European Economic Forecast" tal-Kummissjoni 8 , il-PDG tal-UE naqas b’madwar 6,3 % fl-2020, u kien imbassar li jirkupra bi 3,7 % fl-2021 u bi 3,9 % fl-2022.

14.Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u tnaqqis drammatiku fit-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. It-tnaqqis fl-għadd ta’ passiġġieri naqqas b’mod qawwi d-dħul tal-linji tal-ajru u ġiegħel lil ħafna minnhom jagħtu s-sensja lill-impjegati jew jiddikjaraw insolvenza. F’April 2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b’ 98,9 % meta mqabbel ma’ April 2019 u 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu, li jirrappreżenta l-akbar kontrazzjoni fl-istorja tal-avjazzjoni 9 .

15.F’Ġunju 2020, id-domanda tal-passiġġieri tjiebet ftit, iżda baqgħet ferm taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Id-domanda totali (imkejla bi dħul f’kilometri tal-passiġġieri jew RPKs) naqset b’86,5 % meta mqabbla ma’ Ġunju 2019 10 .

Il-volumi ta’ passiġġieri tal-ajru 11

Kilometri tal-passiġġieri bi dħul għall-industrija kollha — RPKs (f’biljuni fix-xahar)

Attwali

Aġġustati staġonalment

16.Kumplessivament, id-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b’75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019. Il-kapaċità (imkejla f’sit-kilometri disponibbli) naqset b’68,1 % u l-fattur tat-tagħbija tal-passiġġieri (li jkejjel il-perċentwal tal-kapaċità ta’ postijiet bilqiegħda disponibbli li huma mimlija bil-passiġġieri) naqas bi 19,2-il punt perċentwali għal 62,8 % 12 .

17.Skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta’ qabel il-kriżi 13 .

18.Sal-lum, is-settur tat-trasport bl-ajru kien is-suġġett ta’ tliet applikazzjonijiet għall-appoġġ mill-FEG, li kollha kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ 14 .

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien mill-attività

19.L-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma riżultat tal-kriżi ekonomika globali mhux mistennija kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

20.In-Netherlands jirrapportaw li KLM intlaqtet ħażin mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Qabel il-pandemija, il-prestazzjoni finanzjarja ta’ KLM żdiedet b’mod kostanti bejn l-2015 u l-2019. Fl-2015, KLM irreġistrat dħul ta’ EUR 9 905 miljun, filwaqt li sal-2019 dan kien żdied għal EUR 11 075 miljun. Il-profitt nett għas-sena finanzjarja 2019 ammonta għal EUR 449 miljun meta mqabbel ma’ EUR 54 miljun għall-2015 15 .

21.Madankollu, il-kriżi dgħajfet ir-riżultati tajbin ta’ KLM ta’ dawn l-aħħar snin. F’nofs Marzu 2020, l-operazzjonijiet ta’ KLM fil-biċċa l-kbira waqfu filwaqt li l-ispejjeż operattivi tagħhom baqgħu fl-istess livell 16 .

22.KLM ġarret 11,2-il miljun passiġġier fl-2020, tnaqqis enormi ta’ 68 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-fattur tat-tagħbija tal-passiġġieri naqas għal 52,2 % meta mqabbel ma’ 89,4 % fl-2019 17 .

23.Fl-2020, id-dħul ta’ KLM naqas b’53,8 % għal EUR 5 120 miljun, meta mqabbel ma’ sena qabel. Minħabba t-tnaqqis qawwi fid-dħul, KLM akkumulat telf operattiv ta’ EUR 1 154 miljun fl-2020, meta mqabbel ma’ profitt ta’ EUR 714-il miljun fl-2019 18 .

24.Fil-31 ta’ Lulju 2020, il-maniġment ta’ KLM ħabbar pjan ta’ ristrutturar sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan wassal biex il-forza tax-xogħol titnaqqas b’madwar 5 000 ekwivalenti full-time (minn 33 000 għal 28 000 ekwivalenti full-time) 19 .

25.Il-maniġment ta’ KLM ibassar ritorn għall-movimenti ta’ titjiriet ta’ qabel il-kriżi sal-2024. Il-grad u l-ħeffa tal-irkupru se jiddependu fuq għadd ta’ fatturi inkluż l-iżvilupp tal-virus, l-irkupru ekonomiku u l-imġiba tal-ivvjaġġar tal-konsumaturi 20 .

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

26.Is-sensji f’KLM għandhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali. KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b’aktar minn 33 000 impjegat 21 .

27.KLM topera mill-Ajruport Schiphol ta’ Amsterdam u għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Amstelveen, li jfisser li ħafna impjegati ta’ KLM jgħixu fil-Provinċja tal-Olanda tat-Tramuntana.

28.Ir-rata tal-qgħad f’Noord-Holland żdiedet b’1,5 punti perċentwali għal 4,8 % fir-raba’ trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019. Meta mqabbla mal-provinċji ġirien, Noord-Holland kellha l-ogħla rata ta’ qgħad meta mqabbla ma’ 4,2 % fi Flevoland u 4,5 % fl-Olanda tan-Nofsinhar 22 .

29.In-Netherlands jargumentaw li Greater Amsterdam (sottoreġjun tal-Provinċja ta’ Noord-Holland) huwa fost ir-reġjuni l-aktar affettwati mis-sensji. Dan minħabba li l-kriżi ekonomika laqtet l-aktar lis-setturi li huma kkonċentrati ħafna f’din iż-żona, bħall-avjazzjoni, l-ospitalità, il-kultura, l-isport u r-rikreazzjoni 23 .

30.Skont id-data miġbura f’Ġunju 2020 mill-Aġenzija Netherlandiża tal-Assigurazzjoni tal-Impjegati (UWV), 34 % tal-impjegati fis-sottoreġjun ta’ Greater-Amsterdam jaħdmu f’setturi li esperjenzaw tnaqqis kbir jew kbir ħafna fl-impjiegi, filwaqt li ċ-ċifra nazzjonali kienet ta’ madwar 32 % 24 .

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

31.Mill-1 851 persuna eliġibbli, l-għadd stmat ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensji li huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG huwa ta’ 1 201. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’ benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

933

(77,69 %)

Nisa:

268

(22,31 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

1 180

(98,25 %)

Ċittadini mhux tal-UE:

21

(1,75 %)

Grupp ta’ età:

15–24 sena:

35

(2,91 %)

25–29 sena:

92

(7,66 %)

30–54 sena:

697

(58,04 %)

55–64 sena:

353

(29,39 %)

aktar minn 64 sena:

24

(2,00 %)

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

32.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin:

Orjentazzjoni professjonali. Matul din il-fażi, il-parteċipanti se jirċievu informazzjoni dwar il-proċess ta’ appoġġ, l-orjentazzjoni u l-għajnuna għat-tfittxija ta’ impjieg. Dan jinkludi wkoll coaching individwali għall-fiduċja fihom infushom biex jgħin lill-ħaddiema jimxu għal impjiegi ġodda.

Appoġġ biex jinstab xogħol f’setturi ddedikati. Din il-miżura se tipprovdi assistenza professjonali għal riorjentazzjoni lejn setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni. Pereżempju, persuni li ġejjin minn kuntest tekniku (jiġifieri l-inġinerija u l-manutenzjoni ta’ KLM) jistgħu jingħataw taħriġ mill-ġdid, u b’hekk ikunu jistgħu jsibu xogħol f’settur relatat mat-teknoloġija.

Taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni. Dan se jinkludi miżuri biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa f’qasam ġdid tal-impjiegi.

Parir finanzjarju. Din il-miżura se tipprovdi valutazzjoni individwali u parir finanzjarju biex jiġi żgurat li impjegat affettwat ikollu fehma ċara dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u l-prospetti biex jieħu d-deċiżjoni t-tajba. F’din il-valutazzjoni, l-espert tas-servizzi finanzjarji se jqis iċ-ċirkostanzi personali, kif bidla fl-impjiegi taffettwa l-introjtu, is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni (jiġifieri l-abbiltà li jiġu ssodisfati l-obbligi ipotekarji, it-tariffi tal-kiri, l-effett ta’ rilokazzjoni possibbli), u l-effetti ta’ miżuri speċifiċi minn ftehimiet kollettivi tax-xogħol u ta’ regolamenti fiskali nazzjonali li qed jinbidlu.

33.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk, jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest tal-azzjonijiet eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

34.In-Netherlands ipprovdew l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

35.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 8 365 364, li jinkludu nefqa ta’ EUR 8 030 750 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 334 614 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

36.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta’ EUR 5 019 218 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Spiża stmata għal kull parteċipant 
(f’EUR)

Spejjeż totali stmati

(f’EUR)

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Orjentazzjoni professjonali

901

3 750

3 378 750

Appoġġ biex jinstab xogħol f’setturi ddedikati

300

5 000

1 500 000

Taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni

1 201

2 000

2 402 000

Parir finanzjarju

600

1 250

750 000

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

8 030 750

(100 %)

Allowances u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

0

0

0

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

0

(0 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

0

2. Ġestjoni

83 654

3. Informazzjoni u pubbliċità

83 654

4. Kontroll u rapportar

167 306

Subtotal (c):

Perċentwal tal-ispejjeż totali:

334 614

(4 %)

Spejjeż totali (a + b + c):

8 365 364

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

5 019 218

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

37.In-Netherlands bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Frar 2021. Għalhekk, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Frar 2021 sal-1 ta’ Frar 2023.

38.In-Netherlands bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva sabiex jimplimentaw il-FEG fl-1 ta’ Frar 2021. Għalhekk, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Frar 2021 sal-1 ta’ Awwissu 2023.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

39.Is-sors ta’ prefinanzjament jew ta’ kofinanzjament nazzjonali huwa KLM.

40.In-Netherlands ikkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni Ewropea 25 .

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali jew mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

41.In-Netherlands indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati sar f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mas-sħab soċjali. Twaqqaf kunsill tax-xogħol biex jiżgura l-koordinazzjoni ta’ dawn is-servizzi.

42.L-attivitajiet ta’ tħejjija kienu jinkludu laqgħat mal-kunsill tax-xogħol u mat-trade unions, jiġifieri Christelijk Nationaal Vakverbond (CNV), De Unie, Nederlandse Vereniging voor Luchtvaart (NVLT), Vereniging Nederlands Cabinepersoneel (VNC), Vereniging van KLM Professionals (VKP), u Federatie Nederlandse Vakbeweging (FNV).

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

43.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. In-Netherlands innotifikaw lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi involuti fil-ġestjoni tal-Fond Soċjali Ewropew. Il-kompiti ta’ ġestjoni u ta’ kontroll jitwettqu mill-parti tal-Implimentazzjoni tal-Politika tad-dipartiment tas-Servizz, il-Kollaborazzjoni u l-Implimentazzjoni (SZV; il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi).

44.Fir-rigward tar-rwol tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, dan huwa meħud mill-Aġenzija tal-Intrapriżi tan-Netherlands (RVO), li topera taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Politika dwar il-Klima. Fir-rigward tal-awditjar, il-korp responsabbli huwa s-Servizz tal-Awditjar tal-Gvern Ċentrali tal-Ministeru tal-Finanzi.

L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

45.In-Netherlands ipprovdew l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

KLM, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li tirregola s-sensji u pprovidiet għall-ħaddiema tagħha skont dan,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju,

l-azzjonijiet proposti se jikkomplementaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

46.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 26 .

47.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 5 019 218, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

48.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 27 .

Atti relatati

49.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 5 019 218 għal-linja baġitarja rilevanti.

50.Fl-istess waqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

2021/0115 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 28 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 29 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat ta’ kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 30 .

(3)Fit-22 ta’ Diċembru 2020, in-Netherlands ressqu applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji f’KLM Royal Dutch Airlines fin-Netherlands. Din kienet issupplementata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 5 019 218 għall-applikazzjoni mressqa min-Netherlands.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 5 019 218 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 31*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet kollha li waslu sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(3)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(4)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(5)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(6)    F’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(7)    COM(2020) 442 final.
(8)    Winter 2021 Economic Forecast https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/winter-2021-economic-forecast-challenging-winter-light-end-tunnel_en  
(9)    ATAG. 2020 Aviation Benefits Beyond Borders Report: https://aviationbenefits.org/media/167186/abbb2020_full.pdf  
(10)    IATA: Air Passenger Market Analysis, Ġunju 2020: https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/air-passenger-monthly-analysis---june-20202/  
(11)    Ibid.
(12)    IATA : https://www.iata.org/en/pressroom/pr/2021-02-03-02/  
(13)    IATA: https://www.iata.org/en/pressroom/pr/2020-07-28-02/  
(14)    EGF/2017/009 FR/Air France, COM(2018) 230; EGF/2013/014 FR Air France, COM(2014) 701 u EGF/2015/004 IT Alitalia, COM(2015) 397.
(15)    Ir-rapport annwali ta’ KLM għall-2019: https://www.klm.com/travel/nl_nl/images/KLM-Jaarverslag-2019_tcm541-1063986.pdf  
(16)    Ittra tal-24 ta’ April 2020 lill-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru tal-Finanzi Wopke Hoekstra u l-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ġestjoni tal-Ilma Cora van Nieuwenhuizen dwar miżuri possibbli ta’ appoġġ għal Air France-KLM: https://www.government.nl/documents/parliamentary-documents/2020/04/24/letter-on-possible-support-measures-for-air-france-klm  
(17)     https://www.airfranceklm.com/sites/default/files/q4_2020_press_release_en_final.pdf  
(18)     https://www.airfranceklm.com/sites/default/files/q4_2020_press_release_en_final.pdf  
(19)    KLM newsroom: https://news.klm.com/klm-adapts-organisation-further-due-to-covid-19-crisis/  
(20)    Aviation24: https://www.aviation24.be/airlines/air-france-klm-group/klm-royal-dutch-airlines/cuts-staff-to-cope-with-coronavirus-pandemic/  
(21)    Ir-rapport annwali ta’ KLM għall-2019: https://www.klm.com/travel/nl_nl/images/KLM-Jaarverslag-2019_tcm541-1063986.pdf  
(22)    L-Istatistika tan-Netherlands (CBS): https://opendata.cbs.nl/statline/#/CBS/nl/dataset/83523NED/table?dl=4B4E7  
(23)    Ir-rapport tal-Aġenzija Netherlandiża tal-Assigurazzjoni tal-Impjegati (UWV): https://www.uwv.nl/overuwv/Images/regionale-verschillen-impact-corona-werkgelegenheid.pdf  
(24)    Ibid.
(25)    Fit-13 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura ta’ għajnuna mill-Istat Netherlandiż ta’ EUR 3,4 biljun li tikkonsisti f’garanzija mill-Istat fuq self u self subordinat mill-Istat lil KLM biex tipprovdi likwidità urġenti lill-kumpanija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_20_1333  
(26)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 15.
(27)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(28)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(29)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 29.
(30)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).
(31) *     Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top