Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0198

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007

COM/2021/198 final

Brussell, 23.4.2021

COM(2021) 198 final

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan tal-proposta huwa li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE). L-UE ilha Parti Kontraenti għad-WCPFC mill-2004, meta rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (il-Konvenzjoni). Id-WCPFC hija l-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent. Il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tad-WCPFC japplikaw għaż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC kollha.

Fl-2019, l-UE kellha ħames bastimenti tas-sajd attivi joperaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC. Id-WCPFC għandha l-awtorità tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni (CMMs) għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt ir-responsabbiltà tagħha, li huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.

F'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, is-CMMs adottati bħala deċiżjoni tad-WCPFC jidħlu fis-seħħ 60 jum mid-data tal-adozzjoni. Qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni tad-WCPFC, il-Kummissjoni Ewropea tħejji linji gwida għan-negozjar f’isem l-UE abbażi ta’ mandat ta’ ħames snin stabbilit b’deċiżjoni tal-Kunsill u fuq parir xjentifiku. F'konformità mal-mandat, dawn il-linji gwida jiġu ppreżentati, diskussi u approvati fil-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill. Dawn jiġu aġġustati ulterjorment, sabiex jitqiesu l-iżviluppi f’ħin reali, waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat annwali tad-WCPFC.

Il-laqgħat annwali tad-WCPFC ilaqqgħu flimkien membri tad-WCPFC, inkluż l-Unjoni Ewropea rappreżentata mill-Kummissjoni, u rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati. Il-miżuri kollha huma vinkolanti sakemm ma ssirx oġġezzjoni skont il-Konvenzjoni. L-oġġezzjoni tista’ sussegwentement tiġi rtirata minn Parti Kontraenti, u wara dan dik il-parti tkun marbuta bil-miżuri. Il-proċedura ta’ oġġezzjoni taqa’ wkoll taħt l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, peress li s-CMMs għandhom effett legali, li jfisser li jsiru vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti. Qabel tiddeċiedi li tqajjem oġġezzjoni kontra miżura, il-Kummissjoni titlob lill-korpi rilevanti tal-Kunsill japprovaw id-deċiżjoni tagħha li toġġezzjona. L-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-UE trid tirrispetta b’mod strett id-dritt internazzjonali, li jinkludi l-konformità mas-CMMs. Din il-proposta tirrigwarda l-miżuri adottati mid-WCPFC mill-2008.

Is-CMMS huma l-aktar immirati lejn il-partijiet kontraenti tad-WCPFC, iżda jimponu wkoll obbligi fuq l-operaturi (bħal pereżempju, il-kaptan tal-bastiment). Is-CMMs tad-WCPFC jistgħu jiġu emendati fuq bażi annwali, u ħarsa ġenerali storika tal-laqgħat tad-WCPFC turi li kwalunkwe parti mis-CMMs tista’ tiġi emendata. Hija l-UE li għandha r-responsabbiltà tiżgura l-konformità ma’ dawn il-miżuri, bħala obbligi internazzjonali, malli dawn jidħlu fis-seħħ. Għalhekk, din il-proposta hija mfassla biex tiġi implimentata l-aktar verżjoni reċenti tas-CMMs tad-WCPFC. Tinkludi wkoll mekkaniżmu biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri tad-WCPFC fil-ġejjieni.

Din il-proposta tipprevedi l-għoti ta’ setgħat delegati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan se jipprovdi għal emendi għall-miżuri tad-WCPFC, li huma mistennija li jkunu frekwenti, u li jiġi żgurat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-bastimenti ta’ partijiet kontraenti oħra għad-WCPFC. Għalhekk ġew stabbiliti setgħat delegati għal dawn li ġejjin: id-Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC, l-avviżi ta’ rapportar għat-trasbord, l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għar-raj manta u għall-klieb il-baħar baliena, ir-referenza għall-kalamenti tal-klieb il-baħar, il-prattiki ta’ ġestjoni għaċ-ċetaċji u għall-fkieren tal-baħar, is-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar il-bastimenti, ir-rekwiżiti tal-VMS, il-perċentwal tal-iskema ta’ kopertura tal-osservaturi taħt il-Programm tal-Osservaturi Reġjonali, u d-dmirijiet tal-osservaturi, l-iskadenzi għar-rapportar, il-formati tar-rapporti dwar it-trasbord u l-Anness minn 1 sa 3 li jkopru miżuri ta’ mitigazzjoni għall-għasafar, l-immarkar u speċifikazzjonijiet oħra għall-bastimenti, u l-istandards għall-Komunikaturi Awtomatiċi tal-Pożizzjoni użati fis-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti tad-WCPFC.

L-iskadenzi għar-rapportar stabbiliti f’din il-proposta ġew stabbiliti abbażi tal-iskeda tad-WCPFC. L-għan huwa li l-UE tkun tista’ tissottometti rapporti f’waqthom lis-Segretarjat tad-WCPFC.

L-abbozz isegwi mill-qrib l-istruttura u l-formulazzjoni tas-CMMs tad-WCPFC, biex tiġi evitata devjazzjoni mill-obbligi internazzjonali tal-UE bħala Parti Kontraenti, u biex it-test ikun aktar faċli biex jintuża mill-uffiċjali ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza, kif ukoll mill-operaturi.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tikkomplementa u hija ġeneralment konsistenti ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam. Madankollu, f’ċerti każijiet jiġu stabbiliti derogi minn atti eżistenti minħabba n-natura tal-miżuri aktar speċifiċi proposti.

Is-CMMs tad-WCPFC ġew implimentati l-aħħar permezz tat-Titolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta’ Mejju 2007. Dan stabbilixxa miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċijiet migratorji ħafna u ħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001.

Is-CMMs tad-WCPFC adottati bejn l-2008 u l-2019 (jiġifieri wara l-aħħar implimentazzjoni ewlenija) emendaw miżuri adottati qabel u stabbilew oħrajn ġodda.

Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza, ta’ simplifikazzjoni u ta’ ċertezza tad-dritt, ikun preferibbli li jitħassar it-Titolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 sabiex jitqies it-tibdil li ġie adottat mill-2008 ’l hawn u li għadu mhuwiex kopert mid-dritt tal-UE.

Il-proposta hija allinjata bis-sħiħ mal-Parti VI (Politika esterna) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Tistipula li l-Unjoni għandha twettaq is-sajd estern tagħha f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha, u tibbaża l-attivitajiet tas-sajd tal-UE fuq il-kooperazzjoni reġjonali fis-sajd.

Il-proposta tikkomplementa r-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni ta’ flotot tas-sajd esterni. Tistipula li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-RFMO skont il-kundizzjonijiet u r-regoli ta’ RFMOs partikolari u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Din il-proposta ma tkoprix l-opportunitajiet tas-sajd għall-UE deċiżi mid-WCPFC. L-opportunitajiet tas-sajd jiġu implimentati permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE. Hija l-prerogattiva tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, tal-imposti, tal-għajnuna u tal-limitazzjonijiet kwantitattivi, u dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE u tistabbilixxi dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex jiġu segwiti l-objettivi tal-PKS.

Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta se tiżgura li d-dritt tal-Unjoni huwa konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha adottati mill-WCPFC u li l-Unjoni tikkonforma mad-deċiżjonijiet li jieħdu l-RFMOs li għalihom l-Unjoni hija Parti Kontraenti. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

Għażla tal-istrument

L-istrument magħżul huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux rilevanti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu implimentati miżuri eżistenti tad-WCPFC li jorbtu lill-partijiet kontraenti. L-esperti nazzjonali u r-rappreżentanti tal-industrija mill-pajjiżi tal-UE jiġu kkonsultati kemm fil-perjodu ta’ qabel il-laqgħat tad-WCPFC li matulhom jiġu adottati dawn is-CMMs kif ukoll waqt in-negozjati li jsiru waqt il-laqgħa annwali tad-WCPFC. Għalhekk ma nħassx li kien hemm bżonn li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Mhux rilevanti.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux rilevanti. Din hija implimentazzjoni ta’ CMM li hija direttament applikabbli għall-Istati Membri.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-suġġett tal-proposta u dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettiv tagħha. Jistabbilixxi wkoll id-definizzjonijiet. Dan ir-Regolament huwa applikabbli għall-bastimenti tal-UE li jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC u għar-regoli relatati mal-awtorizzazzjoni għas-sajd.

Il-Kapitolu II jittratta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, inklużi dispożizzjonijiet għal dawn li ġejjin: bastimenti bit-tartarun tal-borża li jistadu għat-tonn tropikali u bastimenti tas-sajd bil-konz li jistadu għall-pixxispad; perjodu magħluq għas-sajd; projbizzjoni tas-sajd fuq il-bagi tad-data; dispożizzjonijiet dwar is-sajd qrib rkaptu biex jinġema’ l-ħut, l-użu u d-disinn tagħhom; u l-istabbiliment ta’ regoli għat-trasbord fil-port.

Il-Kapitolu III jistabbilixxi miżuri mfassla biex jipproteġu l-ispeċijiet tal-baħar fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC, bħal pereżempju: klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi, tawri seta u kurazzi; raj manta, inklużi dispożizzjonijiet għall-ġbir ta’ data u għar-rapportar dwar dawn ir-raj, kif ukoll ir-rilaxx tagħhom; u fkieren tal-baħar, għasafar tal-baħar u ċetaċji.

Il-Kapitolu IV jistabbilixxi regoli dwar: ir-rekwiżiti għall-bastimenti, l-immarkar u l-identifikazzjoni tagħhom; l-iskema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, inkluża l-iskema tar-reġistru tal-bastimenti reġjonali tad-WCPFC; id-dmirijiet ta’ bunkering; u l-iskema tan-notifika ta’ noleġġi.

Il-Kapitolu V fih dispożizzjonijiet dwar: l-iskema tal-osservaturi reġjonali tad-WCPFC, inklużi regoli dwar il-kopertura tal-programm tal-osservaturi; id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tal-bastimenti u tal-kaptani; is-sikurezza tal-osservaturi; u d-dmirijiet u l-obbligi ta’ rapportar tal-osservaturi.

Il-Kapitolu VI jirregola l-proċeduri għall-imbark u għall-ispezzjonijiet, il-lista ta’ ksur serju, id-dispożizzjonijiet dwar l-evidenza, u l-infurzar u l-użu tal-forza.

Il-Kapitolu VII jkopri miżuri tal-Istat tal-port, u l-proċedura fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

Il-Kapitolu VIII fih dispożizzjonijiet finali dwar kwistjonijiet li jinkludu l-kunfidenzjalità tar-rapporti u tal-messaġġi elettroniċi, il-proċedura għat-tressiq ta’ emendi, is-setgħat delegati u emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-objettiv tal-Politika Komuni tas-Sajd (“PKS”), kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 huwa li tiżgura l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin b’tali mod li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(2)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE 3 , l-Unjoni Ewropea approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandu x'jaqsam mal-konservazzjoni u ġestjoni tal-istokks tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi 4 , li fihom il-prinċipji u r-regoli għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Fil-kuntest tal-obbligi internazzjonali aktar ġenerali tagħha, l-Unjoni tieħu sehem fl-isforzi li jsiru fl-ibħra internazzjonali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

(3)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE 5 , il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (il-Konvenzjoni), li stabbiliet il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC).

(4)Id-WCPFC għandha l-awtorità li tadotta deċiżjonijiet legalment vinkolanti (“Miżuri ta’ Konservazzjoni u ta’ Ġestjoni”, “CMMs”) għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dawn l-atti huma essenzjalment indirizzati lill-Partijiet Kontraenti tad-WCPFC, iżda jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi (eż. kaptani tal-bastimenti).

(5)Mad-dħul fis-seħħ tagħhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tad-WCPFC huma vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti kollha tad-WCPFC, inkluża l-Unjoni;

(6)Filwaqt li d-dispożizzjonijiet ewlenin rilevanti tas-CMM jiġu implimentati fuq bażi annwali fil-kuntest tar-regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd, id-dispożizzjonijiet li jifdal ġew implimentati l-aħħar permezz tat-Titolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 6 l li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna. Għalhekk hemm bżonn li jiġi żgurat li s-CMMs adottati mid-WCPFC jiġu implimentati bis-sħiħ fid-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, jiġu implimentati b’mod uniformi u effettiv fl-Unjoni.

(7)B’kont meħud li d-deċiżjonijiet tad-WCPFC x’aktarx jiġu emendati ulterjorment fil-ġejjieni waqt il-laqgħat annwali tagħha, sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu inkorporati malajr fid-dritt tal-Unjoni, u sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet ekwi u tkompli tiġi appoġġjata l-ġestjoni sostenibbli fit-tul tal-istokkijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aspetti li ġejjin: id-Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC, l-avviżi ta’ rapportar għat-trasbord, l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għar-raj manta, għall-klieb il-baħar baliena u għall-klieb il-baħar oħra, ir-referenza għall-kalamenti tal-klieb il-baħar, il-prattiki ta’ ġestjoni għaċ-ċetaċji u għall-fkieren tal-baħar, is-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar il-bastimenti, ir-rekwiżiti tal-Iskema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (“VMS”), il-perċentwal tal-iskema ta’ kopertura tal-osservaturi taħt il-Programm tal-Osservaturi Reġjonali (“ROP”), id-dmirijiet tal-osservaturi, l-iskadenzi għar-rapportar, il-formati tar-rapporti dwar it-trasbord u l-Anness minn 1 sa 3 li jkopru miżuri ta’ mitigazzjoni għall-għasafar, l-immarkar u speċifikazzjonijiet oħra għall-bastimenti, u l-istandards għall-Komunikaturi Awtomatiċi tal-Pożizzjoni użati fis-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti tad-WCPFC. B’mod partikolari huwa importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 7 . B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jindirizzaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(8)Jenħtieġ li l-atti delegati previsti f’dan ir-Regolament ma jaffettwawx l-implimentazzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ tibdil futur fis-CMMs permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

(9)Jenħtieġ li l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 jitħassru peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jimplimentaw il-miżuri kollha tad-WCPFC.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni relatati mas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent 8 u fir-rigward tal-ispeċijiet ta’ ħut taħt il-kompetenza ta’ dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet ta’ sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“il-Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent, kif emendata minn żmien għal żmien;

(b)“iż-Żona tal-Konvenzjoni” tfisser iż-żona li għaliha tapplika l-Konvenzjoni kif deskritt fl-Artikolu 3.1 tagħha;

(c)“WCPFC” tfisser il-Kummissjoni għas-Sajd fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent stabbilita taħt il-Konvenzjoni;

(d)“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, li jintuża jew li huwa maħsub biex jintuża għall-fini ta’ sajd, fosthom vapuri ta’ sostenn, bastimenti tal-ġarr u kwalunkwe bastiment ieħor direttament involut f’tali sajd;

(e)“sajd” tfisser:

it-tiftix, il-qbid, it-teħid jew il-ġbir tal-ħut;

it-tentattiv ta’ tiftix, ta’ qbid, ta’ teħid jew ta’ ġbir ta’ ħut;

l-involviment fi kwalunkwe attività oħra li tista' raġonevolment tkun mistennija li twassal għal-lokalizzazzjoni, għall-qbid, għat-teħid jew għall-ġbir ta’ ħut għal kwalunkwe għan;

it-tfigħ, it-tiftix jew l-irkupru ta’ rkaptu biex jinġema’ l-ħut jew ta’ tagħmir elettroniku assoċjat bħal sinjali bir-radju;

kwalunkwe operazzjoni fuq il-baħar direttament b’appoġġ, jew bi tħejjija għal xi attività deskritta fis-subparagrafi minn (i) sa (iv), inkluż it-trasbord;

l-użu ta’ kwalunkwe bastiment, vettura, inġenju tal-ajru jew hovercraft, għal kwalunkwe attività deskritta fis-subparagrafi minn (i) sa (v) ħlief għal emerġenzi li jinvolvu s-saħħa u s-sikurezza tal-ekwipaġġ jew is-sikurezza ta’ bastiment;

(f)“CMM” tfisser Miżuri ta’ Konservazzjoni u ta’ Ġestjoni adottati mid-WCPFC attwalment fis-seħħ, 9 kif emendati minn żmien għal żmien;

(g)“opportunitajiet tas-sajd” tfisser kwoti tas-sajd, sforz allokat lil Stat Membru, jew perjodi magħluqa għas-sajd kif previst f’att tal-Unjoni fis-seħħ għaż-Żona tal-Konvenzjoni;

(h)“mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem” tinkludi, iżda mhijiex limitata għal ħut li:

ikun ġie mmaljat jew tfarrak fix-xibka tat-tartarun tal-borża; jew

ikun tħassar minħabba depredazzjoni minn klieb il-baħar jew balieni; jew

ikun miet u tħassar fix-xibka fejn ħsara fl-irkaptu tkun impediet kemm l-irkupru normali tax-xibka kif ukoll tal-qabda kif ukoll l-isforzi biex il-ħut jinħeles ħaj;

(i)“mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem” ma tinkludix ħut li:

ma jkunx meqjus tajjeb f’termini ta’ daqs, kummerċjabbiltà, jew kompożizzjoni tal-ispeċi; jew

jkun tħassar jew ġie kkontaminat bħala riżultat ta’ att jew ommissjoni tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd.

(j)“rkaptu biex jinġema’ l-ħut” jew “FAD” tfisser kwalunkwe oġġett jew grupp ta’ oġġetti, ta’ kwalunkwe daqs, li jkun intuża jew le, li jkun ħaj jew mejjet, inkluż iżda mhux limitat għal bagi, sufruni, xbieki, ċinturini, plastik, bambu, zkuk u klieb il-baħar baliena li jżommu f’wiċċ l-ilma jew qrib il-wiċċ tal-ilma li l-ħut jista' jassoċja miegħu;

(k)“Kalar fil-baxx” tfisser sajd li fih il-maġġoranza tas-snanar tas-sajd jiġu kalati f’fond ta’ inqas minn 100 metru;

(l) “Reġistru” tfisser ir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd tad-WCPFC;

(m)“WIN” tfisser in-numru ta’ identifikazzjoni tad-WCPFC;

(n) “VMS” tfisser is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti;

(o)“ROP” tfisser il-Programm ta’ Osservaturi Reġjonali stabbilit mid-WCPFC biex tinġabar data verifikata dwar il-qbid, data xjentifika oħra, u informazzjoni addizzjonali relatata mas-sajd miż-Żona tal-Konvenzjoni u biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tas-CMM;

(p)“baga strumentata” hija baga b’numru ta’ referenza mmarkat b’mod ċar li jippermetti li tiġi identifikata u li tkun mgħammra b’sistema ta’ lokalizzazzjoni bis-satellita biex timmonitorja l-pożizzjoni tagħha;

(q)“baga tad-data” tfisser apparat li jżomm f'wiċċ l-ilma, li jew jkun mitluq għal riħu jew li jkun ankrat, li jintuża minn organizzazzjonijiet jew entitajiet governattivi jew xjentifiċi rikonoxxuti għall-finijiet tal-ġbir elettroniku u tal-kejl ta’ data ambjentali, u mhux għall-finijiet ta’ attivitajiet ta’ sajd;

(r)“Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC” tfisser dokument li fih informazzjoni mill-Anness I tas-CMM 2009-06, kif emendat minn żmien għal żmien;

(s)“Żona Ġeografika tal-Ibħra Internazzjonali tal-Lvant” tfisser iż-żona tal-ibħra internazzjonali mdawra biż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi tal-Gżejjer Cook lejn il-Punent, il-Polineżja Franċiża lejn il-Lvant u l-Kiribati lejn it-Tramuntana bil-koordinati ġeografiċi mogħtija fis-CMM 2016-02;

(t)“raj manta” tfisser speċi tal-familja Mobulidae, li tinkludi r-raj manta u r-raja mobula;

(u)“ALC” tfisser “komunikatur awtomatiku tal-pożizzjoni” trażmettitur li jistabbilixxi l-pożizzjoni bis-satellita kważi f’ħin reali;

(v)“qbid skartat” tfisser qabdiet li jintefgħu lura l-baħar;

(w)“spettur awtorizzat” tfisser spettur ta’ Parti Kontraenti għad-WCPFC li l-identità tiegħu tkun ġiet ikkomunikata lid-WCPFC;

(x)“spettur awtorizzat tal-Unjoni” tfisser spettur tal-Unjoni li l-identità tiegħu tkun ġiet ikkomunikata lid-WCPFC f'konformità mal-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) 404/2011.

Artikolu 4
Awtorizzazzjonijiet

1.L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għas-sajd u l-livell tas-sajd f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd.

2.Kull awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi dan li ġej għall-bastiment tas-sajd tal-Unjoni li tinħareġ għalih:

(a)iż-żoni, l-ispeċi u l-perjodi ta’ żmien speċifiċi li għalihom l-awtorizzazzjoni hija valida;

(b)l-attivitajiet permessi mill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni;

(c)il-projbizzjoni ta’ sajd, ta’ żamma abbord, ta’ trasbord jew ta’ ħatt mill-bastiment fiż-żoni taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat ieħor ħlief skont il-liċenzji, il-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa minn tali Stat ieħor;

(d)ir-rekwiżit li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni iżomm abbord l-awtorizzazzjoni maħruġa skont dan il-paragrafu, jew kopja ċertifikata tagħha; kull liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni, jew kopja ċertifikata tagħhom, maħruġa minn Stat kostali, kif ukoll ċertifikat validu ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment.

KAPITOLU II
MIŻURI TA’ KONSERVAZZJONI U TA’ ĠESTJONI

Artikolu 5
Żamma ta’ qabdiet fis-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża

1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża li jistadu f’Żoni Ekonomiċi Esklużivi u fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Konvenzjoni f’delimitazzjoni ta’ 20°N u 20°S għandhom iżommu abbord il-qabdiet kollha tat-tonn obeż, tal-palamit, u tat-tonna safra bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a)meta, fil-kalar finali ta’ vjaġġ, ma jkunx hemm biżżejjed spazju għall-ħżin biex jakkomoda l-ħut kollu maqbud f’dak il-kalar, il-ħut żejjed mistad f’dak l-aħħar sett jista’ jiġi ttrasferit lejn bastiment ieħor tas-sajd bit-tartarun tal-borża u jinżamm fuqu, sakemm dan ma jkunx ipprojbit bil-liġi nazzjonali applikabbli; jew

(b)meta l-ħut ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem; jew

(c)f’każ ta’ ħsara serja fit-tagħmir.

2.Meta l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jiddetermina li l-ħut jenħtieġ li ma jittellax abbord għal raġunijiet relatati mad-daqs, mal-kummerċjabbiltà, jew mal-kompożizzjoni tal-ispeċi, il-ħut għandu jinħeles qabel max-xibka tkun inġibdet lura kompletament u aktar min-nofs ix-xibka tkun għadha fl-ilma.

3.Meta l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jiddetermina li jenħtieġ li l-ħut ma jittellax abbord minħabba li jkun inqabad matul l-aħħar sett ta’ vjaġġ meta ma jkunx hemm biżżejjed spazju għall-ħżin biex jakkomoda l-ħut kollu maqbud f’dak il-kalar, il-ħut jista’ jiġi skartat diment li:

(a)il-kaptan u l-ekwipaġġ jippruvaw jirrilaxxaw il-ħut ħaj malajr kemm jista’ jkun;

(b)ma jsir l-ebda sajd ieħor wara l-iskartar sakemm il-ħut abbord il-bastiment tas-sajd ikun inħatt jew ġie ttrasbordat.

4.Il-ħut għandu jintrema mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni biss wara li osservatur tal-ROP ikun stima li l-kompożizzjoni tal-ispeċi tal-ħut li trid tiġi skartata.

5.Fi żmien 48 siegħa wara kwalunkwe skartar, l-Istat Membru għandu jippreżenta rapport lis-Segretarjat tad-WCPFC, u kopja tiegħu lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-isem, il-bandiera u n-numru ta’ identifikazzjoni tad-WCPFC tal-bastiment tas-sajd, l-isem u n-nazzjonalità tal-kaptan;

(b)in-numru tal-liċenzja;

(c)l-isem tal-osservatur abbord;

(d)id-data, il-ħin u l-post (il-latitudni/il-lonġitudni) tal-iskartar;

(e)id-data, il-ħin, il-post (il-latitudni/il-lonġitudni) u t-tip (FAD galleġġjanti, FAD ankrat, ġlejjeb liberi eċċ.) tas-sett;

(f)ir-raġuni għaliex il-ħut ikun ġie skartat, inkluż dikjarazzjoni tal-istatus tal-ħut mal-irkupru jekk il-ħut ikun ġie skartat f'konformità mal-paragrafu 4 tal-Artikolu 7;

(g)stima tat-tunnellaġġ u tal-kompożizzjoni tal-ispeċi tal-ħut skartat;

(h)stima tat-tunnellaġġ u tal-kompożizzjoni tal-ispeċi tal-ħut miżmum minn dak is-sett;

(i)jekk il-ħut ikun ġie skartat f'konformità mal-paragrafu 3, dikjarazzjoni li mhux se jsir aktar sajd sakemm il-qabda abbord tkun inħattet; u

(j)kwalunkwe informazzjoni oħra li l-kaptan tal-bastiment iqis rilevanti.

6.Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 5 lil osservatur tal-ROP abbord.

Artikolu 6
Monitoraġġ u kontroll fis-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża

1.Minkejja l-Artikolu 26, il-frekwenza li biha jiġi ċċekkjat l-istatus tal-VMS tat-trażmissjoni tal-pożizzjoni tal-bastiment għandha tiżdied għal kull nofs siegħa matul il-perjodi magħluqa għas-sajd b’FAD kif definit fl-opportunitajiet tas-sajd.

2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża ma għandhomx joperaw taħt rapportar manwali matul il-perjodi magħluqa għas-sajd b’FAD.

3.Jekk is-Segretarjat tad-WCPFC ma jibqax jirċievi l-pożizzjonijiet tal-VMS tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, il-bastiment ma jingħatax struzzjoni biex idur lura lejn il-port sakemm is-Segretarjat tad-WCPFC ma jkunx ħa l-passi raġonevoli kollha biex jerġa jistabbilixxi r-riċeviment awtomatiku normali tal-pożizzjonijiet tal-VMS.

4.Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża għandhom iġorru osservatur tal-ROP jekk dak il-bastiment ikun qiegħed jistad fiż-żona fil-limiti ta’ 20°N u 20°S f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)fl-ibħra internazzjonali, jew

(b)fl-ibħra internazzjonali u fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat kostali wieħed jew aktar,

(c)jew f’ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ żewġ Stati kostali jew aktar.

Artikolu 7
FAD u bagi strumentati fis-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża

1.Id-disinn u l-bini tal-FADs li se jintużaw jew li jintelqu għal riħhom fiż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom ikunu skont l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a)jekk il-parti li żżomm fil-wiċċ jew iċ-ċattra galleġġjanti (struttura ċatta jew irrumblata) tal-FAD tkun miksija b’xibka tal-malja, id-daqs ta’ din il-malja mġebbda jrid ikun ta’ inqas minn 7 cm (2,5 pulzier) u x-xibka tal-malja trid tkun imgeżwra sew madwar iċ-ċattra kollha sabiex ma jkunx hemm xbieki mdendlin taħt l-FAD meta jiġi biex jintuża;

(b)jekk tintuża xibka tal-malja, id-daqs tal-malja mġebbda jrid ikun ta’ inqas minn 7 cm (2,5 pulzier) jew trid tkun marbuta b’rabta ssikkata f’qatet jew f’forma ta’ “zalzett” b’piż biżżejjed fit-tarf biex ix-xibka tinżamm stirata ’l isfel fil-kolonna tal-ilma. Inkella, jista’ jintuża pannell ippeżat wieħed fejn id-daqs tax-xibka tal-malja mġebbda jew il-folja solida (bħall-kanvas jew in-nylon) ma jaqbiżx 7 cm (2,5 pulzieri).

2.Matul il-perjodi magħluqa għas-sajd b’FAD stabbiliti mill-atti tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża, inkluż kwalunkwe rkaptu jew bastimenti tal-ġarr (tenders) tagħhom, li jkunu qed iwettqu kalar ma jistgħux ikunu f’distanza ta’ inqas minn mil nawtiku minn FAD.

3.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jintużaw biex jattiraw il-ħut, jew biex iċaqilqu l-ħut li jkun inġema’, inkluż li jużaw dwal ta’ taħt l-ilma u jagħlfu bil-bċejjeċ tal-ħut.

4.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma jistgħux jirkupraw FADs jew tagħmir elettroniku assoċjat matul il-perjodu magħluq għas-sajd b’FADs sakemm:

(a)il-FADs jew it-tagħmir elettroniku assoċjat ma jiġix irkuprat u jinżamm abbord il-bastiment sakemm jinħatt l-art jew sakemm jispiċċa l-perjodu magħluq għas-sajd b’FADs; u

(b)il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jwettaq ebda kalar jew għal perjodu ta’ sebat ijiem wara l-irkupru jew f’raġġ ta’ 50 mil nawtiku mill-punt tal-irkupru ta’ xi FAD.

5.Minbarra l-paragrafu 4, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx joperaw f’kooperazzjoni ma’ xulxin sabiex jaqbdu l-ħut li jkun inġema’.

6.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhom iwettqu l-ebda kalar matul il-perjodu magħluq għas-sajd f’żona ta’ inqas minn mil nawtiku minn punt fejn FAD ikun ġie rkuprat minn bastiment ieħor fi żmien 24 siegħa qabel is-sett.

7.Il-paragrafi minn 2 sa 6 japplikaw ukoll għall-FADs f’ibħra internazzjonali.

8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom li joperaw fl-ilmijiet ta’ Stat kostali josservaw il-liġijiet ta’ dak l-Istat kostali relatati mal-ġestjoni ta’ FADs, inkluż l-intraċċar ta’ FADs.

Artikolu 8
Bagi strumentati

Il-baga strumentata għandha tiġi attivata esklussivament abbord il-bastiment bit-tartarun tal-borża.

Artikolu 9
Bagi tad-data

1.Sajd f’raġġ ta’ inqas minn mil nawtiku minn baga tad-data jew sajd li jinteraġixxi ma’ baga tad-data huwa pprojbit. Dan jinkludi l-iċċirkondar tal-baga b’irkaptu tas-sajd; l-irbit jew l-ankrar tal-bastiment, jew ta’ xi rkaptu tas-sajd, ta’ xi parti jew biċċa mill-bastiment, ma’ baga tad-data jew mal-irmiġġ tagħha; jew il-qtugħ ta’ linja ta’ ankraġġ tal-baga tad-data.

2.Meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni jitħabbel ma’ baga tad-data, l-irkaptu tas-sajd imħabbel għandu jitneħħa bl-inqas ħsara possibbli lill-baga tad-data.

3.Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jirrapporta lill-Istat Membru tal-bandiera l-inċidenti kollha ta’ tħabbil u jipprovdi d-data, il-post u n-natura tat-tħabbil, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tinsab fuq il-baga tad-data. Dak l-Istat Membru tal-bandiera għandu jibgħat ir-rapport minnufih lill-Kummissjoni.

4.Minkejja l-paragrafu 1, il-programmi ta’ riċerka xjentifika notifikati lill-Kummissjoni u awtorizzati minnha jistgħu joperaw bastimenti tas-sajd f’żona ta’ inqas minn mil nawtiku minn baga tad-data, sakemm ma jinteraġixxux ma’ dawk il-bagi tad-data kif deskritt fil-paragrafu 1.

Artikolu 10
Żona ta’ Ġestjoni Speċjali taż-Żona Ġeografika tal-Ibħra Internazzjonali tal-Lvant

1.Kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fiż-Żona Ġeografika tal-Ibħra Internazzjonali tal-Lvant għandhom jirrapportaw ilmiħ ta’ kwalunkwe bastiment tas-sajd lill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, lill-Kummissjoni, u lis-Segretarjat tad-WCPFC. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi: id-data u l-ħin (UTC), il-pożizzjoni (gradi reali), l-orjentazzjoni, sinjali ta’ navigazzjoni, il-veloċità (mil tal-baħar), u t-tip ta’ bastiment. Il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tiġi trażmessa fi żmien sitt sigħat mill-ilmiħ.

2.L-istati jew it-territorji kostali kontigwi għandhom jirċievu data kontinwa qrib il-ħin reali tal-VMS.

Artikolu 11 
Trasbord

1.It-trasbordi kollha li jsiru fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar speċi migratorji ħafna koperti mill-Konvenzjoni għandhom isiru f’port u għandhom jiġu ppeżati f'konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 10 .

2.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw trasbordi li jsiru minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, sakemm il-bastiment ma jkunx qed jiġi operat b’noleġġ, b’kiri jew b’mekkaniżmi simili oħra, bħala parti integrali mill-flotta domestika ta’ Stat kostali fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

3.Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jħott prodotti tas-sajd ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna koperti mill-Konvenzjoni u li jkunu nqabdu fiż-Żona tal-Konvenzjoni matul trasbord f’port jew barra miż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC, għandu jimla Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC, li tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I tas-CMM 2009-06, għal kull trasbord ta’ qabda miż-Żona tal-Konvenzjoni. Id-Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bastiment.

4.Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jirċievi prodotti tas-sajd ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna koperti mill-Konvenzjoni u li jkunu nqabdu fiż-Żona tal-Konvenzjoni matul trasbord f’port jew barra miż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC, għandu jimla Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC, li tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I tas-CMM 2009-06, għal kull trasbord ta’ qabda miż-Żona tal-Konvenzjoni. Id-Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu.

5.L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jivvalidaw din id-data skont l-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) 1224/2009 u, fejn possibbli, jikkoreġu informazzjoni li tkun ġejja minn bastimenti li jkunu qed iwettqu trasbord, billi jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli bħal data dwar il-qbid u l-isforz, data dwar il-pożizzjoni, rapporti tal-osservaturi u data dwar il-monitoraġġ fil-port.

Artikolu 12
Trasbord lejn u minn Bastimenti ta’ Partijiet mhux Kontraenti

1.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jinvolvu ruħhom f’operazzjonijiet ta’ trasbord lejn jew minn bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ parti mhux kontraenti sakemm dak il-bastiment ma jkunx ġie awtorizzat b’deċiżjoni tad-WCPFC, bħal pereżempju:

(a)bastiment tal-ġarr ta’ parti mhux kontraenti li jkun fuq ir-Reġistru; jew

(b)bastiment tas-sajd ta’ parti mhux kontraenti li huwa liċenzjat jistad fiż-Żona Ekonomika Esklużiva ta’ Parti Kontraenti f'konformità mad-deċiżjoni tad-WCPFC.

2.Fis-sitwazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, il-kaptan ta’ bastiment tal-ġarr tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru noleġġatur għandu jibgħat Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera u japplika l-Artikolu 11(5).

KAPITOLU III

PROTEZZJONI TAL-ISPEĊIJIET TAL-BAĦAR

Artikolu 13
Raj manta

1.Huwa pprojbit li jsir sajd immirat jew kalar intenzjonali għar-raj manta.

2.Huma pprojbiti wkoll iż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħatt l-art, jew l-offerta ta’ bejgħ ta’ xi parti minn karkassa jew tal-karkassa sħiħa ta’ raj manta.

3.Bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu, sa fejn ikun possibbli, jiżgura li r-raj manta jinħelsu fil-pront, ħajjin u mingħajr ma ssirilhom ebda ħsara, u għandu jagħmel dan b’mod li jirriżulta fl-inqas ħsara possibbli għall-ispeċi maqbuda. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex japplikaw il-prattiki ta’ ġestjoni spjegati fid-dettall fl-Anness 1 tas-CMM 2019-05, filwaqt li jqisu s-sikurezza tal-ekwipaġġ.

4.Minkejja l-paragrafu 3, fil-każ ta’ raj manta li jinqabdu u li jinħattu b’mod mhux intenzjonat bħala parti minn operazzjoni ta’ bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża, il-bastiment irid, fil-punt tal-ħatt l-art jew tat-trasbord, iċedi r-raj manta kollha lill-awtoritajiet responsabbli, jew jiskarthom fejn possibbli. Ir-raj manta ċeduti b’dan il-mod ma jistgħux jinbiegħu jew jitpartu iżda jistgħu jingħataw bħala donazzjoni għall-finijiet ta’ konsum domestiku mill-bniedem.

5.Tali qabdiet għandhom jiġi rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

Artikolu 14
Miżura ġenerali għall-protezzjoni tal-klieb il-baħar

1.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bil-konz li jistadu direttament għat-tonn u għall-kastardella ma għandhomx jużaw brazzoli taċ-ċomb li jkunu mwaħħlin direttament mal-knuz pelaġiċi jew mill-imtielaq, magħrufa bħala kalamenti tal-klieb il-baħar kif muri fl-Anness I tas-CMM 2019-04.

2.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex isegwu l-linji gwida kemm għas-sajd bil-konz kif ukoll għas-sajd bit-tartarun tal-borża għall-aħjar prattiki ta’ ġestjoni tal-klieb il-baħar 11 adottati mid-WCPFC.

Artikolu 15
Klieb il-Baħar tal-Qarnuna Bajda Oċeaniċi

3.Iż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħżin fuq bastiment tas-sajd, il-ħatt l-art jew l-offerta ta’ bejgħ ta’ xi parti minn karkassa jew tal-karkassa sħiħa ta’ kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku huma pprojbiti.

4.Kwalunkwe kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku li jinqabad għandu jinħeles malajr kemm jista’ jkun wara li l-kelb il-baħar jinġieb qrib il-bastiment, b’mod li jirriżulta fl-inqas ħsara possibbli għall-kelb il-baħar.

5.L-osservaturi tal-ROP għandhom jitħallew jiġbru kampjuni bijoloġiċi minn klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi li jkunu mejtin meta jittellgħu lura, sakemm il-kampjuni jkunu parti minn proġett ta’ riċerka approvat mill-Kumitat Xjentifiku tad-WCPFC.

6.Il-qabdiet inċidentali ta’ klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi għandhom jiġu rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

Artikolu 16
Klieb il-baħar baliena

1.Għandu jkun ipprojbit li jsir kalar permezz ta’ tartarun tal-borża fuq ġliba tonn assoċjata ma’ kelb il-baħar baliena jekk il-kelb il-baħar baliena jintlemaħ qabel jibda l-kalar.

2.F’każ li kelb il-baħar baliena jiġi mdawwar bi żball fit-tartarun tal-borża, il-bastiment tal-Unjoni għandu:

(a)jiżgura li jittieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġi żgurat il-ħelsien sigur tiegħu; u

(b)jirrapporta l-inċident lill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru tal-bandiera, u jinkludi l-għadd ta’ individwi, id-dettalji ta’ kif u għaliex seħħ it-tidwir, fejn seħħ, il-passi li ttieħdu biex jiġi żgurat il-ħelsien sikur, u valutazzjoni tal-istat tal-ħajja tal-kelb il-baħar baliena mar-rilaxx (inkluż jekk l-annimal inħelisx ħaj iżda mietx sussegwentement).

3.Meta jieħdu passi biex jiġi żgurat ir-rilaxx sikur tal-kelb il-baħar baliena kif meħtieġ skont il-paragrafu 2(a), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex isegwu l-linji gwida tal-aħjar prattiki ta’ ġestjoni tal-klieb il-baħar baliena 12 adottati mid-WCPFC.

4.Qabdiet inċidentali ta’ klieb il-baħar baliena għandhom jiġu rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

Artikolu 17
Tawri Seta

1.Iż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħżin fuq bastiment tas-sajd, jew fuq l-art ta’ xi parti minn karkassa jew tal-karkassa sħiħa ta’ tawru seta huma pprojbiti.

2.Tawri seta li jinqabdu għandhom jinħelsu malajr kemm jista’ jkun wara li l-kelb il-baħar jinġieb qrib il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, b’mod li jirriżulta fl-inqas ħsara possibbli għall-kelb il-baħar.

3.Qabdiet inċidentali ta’ tawri seta għandhom jiġu rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

4.L-Istati Membri għandhom jistmaw, permezz ta’ data miġbura minn programmi ta’ osservazzjoni u permezz ta’ mezzi oħra bħal ġurnali ta’ abbord tas-sajd jew monitoraġġ elettroniku, l-għadd ta’ rilaxxi ta’ tawri seta maqbuda, inkluż l-istatus mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin), u jirrapportaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 37.

5.L-Osservaturi tal-ROP għandhom jitħallew jiġbru kampjuni bijoloġiċi minn tawri seta maqbuda li jkunu mejtin meta jittellgħu lura, sakemm il-kampjuni jkunu parti minn proġett ta’ riċerka approvat mill-Kumitat Xjentifiku tad-WCPFC.

Artikolu 18
Ċetaċji

1.Huwa pprojbit li jsir kalar permezz ta’ tartarun tal-borża fuq ġliba tonn assoċjata ma’ ċetċju, jekk l-annimal jintlemaħ qabel jibda l-kalar.

2.F’każ li ċetaċju jiġi mdawwar bi żball fit-tartarun tal-borża, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jittieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġi żgurat ir-rilaxx sikur tiegħu. Dan għandu jinkludi t-twaqqif it-tkebbib tax-xibka u t-twaqqif tal-operazzjonijiet tas-sajd sakemm l-annimal ikun ġie rilaxxat u ma jkunx għadu f’riskju li jerġa’ jinqabad.

3.Qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji għandhom jiġu rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

4.Meta jieħdu passi biex jiġi żgurat ir-rilaxx sikur taċ-ċetaċji kif meħtieġ skont il-paragrafu 2, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex isegwu l-linji gwida adottati mid-WCPFC. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 46 bil-għan li temenda jew tissupplimenta dan ir-Regolament bl-Anness li fih il-linji gwida tad-WCPFC.

Artikolu 19
Miżuri ta’ mitigazzjoni għat-tjur tal-baħar

1.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bil-konz li jistadu fin-Nofsinhar ta’ 30 °S għandhom jużaw waħda minn dawn li ġejjin:

(a)mill-inqas tnejn mit-tliet miżuri ta’ mitigazzjoni: brazzoli mmażrati; kalar billejl; jew letti bl-infafar (letti li jgerrxu lill-għasafar); jew

(b)kuperċi tas-sunnara.

2.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bil-konz li jistadu bejn il-paralleli fin-Nofsinhar ta’ 25 ° u fin-Nofsinhar ta’ 30 °, għandhom jużaw waħda mill-miżuri ta’ mitigazzjoni li ġejjin: brazzoli mmażrati; letti bl-infafar; jew kuperċi tas-sunnara.

3.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bil-konz b’tul totali ta’ aktar minn 24 metru li jistadu fit-Tramuntana ta’ 23 ° għandhom jużaw mill-inqas tnejn mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-Tabella 1 tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament, inkluż mill-inqas waħda mill-Kolonna A.

4.Il-letti bl-infafar jistgħu jintużaw biss f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

5.Tali qabdiet għandhom jiġi rrapportati fil-ġurnal ta’ abbord f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, inkluż l-istat mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin).

Artikolu 20
Fkieren tal-baħar

1.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom itellgħu abbord kwalunkwe fekruna tal-baħar bil-qoxra iebsa li tinqabad li tkun mitlufa minn sensiha jew li ma tkunx qed tiċċaqlaq malajr kemm jista’ jkun wara li tinqabad u jgħinuha tirkupra, inkluż permezz ta’ risuxxitazzjoni, qabel jerġgħu jniżżluha fl-ilma. Kaptani u operaturi ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-ekwipaġġ ikun konxju u juża tekniki xierqa ta’ mitigazzjoni u ta’ ġestjoni, kif deskritt fil-linji gwida tad-WCPFC għall-Ġestjoni tal-Fkieren tal-Baħar 13 .

2.Bastimenti tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża għandhom:

(a)jevitaw li jdawru l-fkieren tal-baħar fi xbieki tad-tidwir, u jekk fekruna tal-baħar tinqabad jew titħabbel bi żball, jieħdu miżuri prattikabbli biex jirrilaxxaw il-fekruna b’mod sikur;

(b)jirrilaxxaw il-fkieren tal-baħar kollha li jindunaw li jkunu tħabblu f’FADs jew f’irkaptu ieħor tas-sajd;

(c)jiżguraw illi f’każ li fekruna tal-baħar titħabbel fix-xibka, it-tkebbib tax-xibka jitwaqqaf malli l-fekruna toħroġ mill-ilma; iħollu l-fekruna mingħajr ma jweġġgħuha qabel ma jerġgħu jibdew it-tkebbib tax-xibka; u sa fejn ikun prattikabbli, jgħinu lill-fekruna tirkupra qabel ma jerġgħu jniżżluha lura fl-ilma;

(d)meta jkun xieraq, iġorru u jużaw koppijiet biex jimmaniġġjaw il-fkieren.

3.Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bil-konz għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li meta jġorru u jużaw taljalenez u żganċaturi biex jimmaniġġjaw u jirrilaxxaw minnufih lill-fkieren tal-baħar li jinqabdu jew li jitħabblu, il-linji gwida tad-WCPFC imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu segwiti kemm jista’ jkun.

4.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu bil-kalar fil-baxx għandhom jużaw mill-inqas wieħed mit-tlett metodi li ġejjin biex inaqqsu mill-qbid tal-fkieren tal-baħar:

(a)jużaw biss snanar kbar tondi, li huma snanar li ġeneralment ikollhom forma tonda jew ovali u li oriġinarjament huma ddisinjati u mmanifatturati biex il-ponta tħares lura b’mod perpendikolari lejn il-qasba. L-ispostament ta’ dawn is-snanar ma għandux jaqbeż l-10 gradi;

(b)jużaw biss ħut bil-pinen bħala lixka;

(c)jużaw kwalunkwe miżura, pjan ta’ mitigazzjoni jew attività oħra li tkun ġiet riveduta mill-Kumitat Xjentifiku (SC) tad-WCPFC u mill-Kumitat Tekniku u ta’ Konformità (TCC) tad-WCPFC u li jkunu approvati mid-WCPFC sabiex tkun tista’ titnaqqas ir-rata ta’ interazzjoni (għadd osservat għal kull sunnara mistada) ta’ fkieren f’sajd bil-kalar fil-baxx.

5.Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 4 ma japplikawx għas-sajd bil-kalament għall-kalar fil-baxx li fih ir-rati ta’ interazzjoni medji tal-fkieren tal-baħar osservati tkun iktar baxxa minn 0.019 fkieren tal-baħar (l-ispeċijiet kollha flimkien) għal kull 1,000 sunnara, fuq it-tliet snin konsekuttivi preċedenti, u l-livell ta’ kopertura ta’ osservatur tkun mill-inqas 10 % waqt kull waħda minn dawn it-tliet snin.

Artikolu 21
Skariku ta’ plastik

Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni huma pprojbiti milli jarmu kwalunkwe plastik li mhuwiex rkaptu tas-sajd (inkluż imballaġġ tal-plastik, oġġetti li fihom il-plastik u l-polistiren) fil-baħar.

KAPITOLU IV

REKWIŻITI MARBUTIN MAL-BASTIMENTI U MAN-NOLEĠĠ 

Artikolu 22
Reġistru tal-bastimenti tas-sajd

1.L-Istat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti jkunu tqiegħdu fuq ir-Reġistru tal-bastimenti tas-sajd f'konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunx fuq ir-Reġistru għandu jitqies bħala mhux awtorizzat biex jistad, biex iżomm abbord, jittrasborda, jittrasporta jew iħott l-art stokkijiet ta’ ħut migratorji ħafna fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni fattwali li turi li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li bastiment mhuwiex fuq ir-Reġistru jew li kien involut f’sajd jew fit-trasbord ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

Artikolu 23
Preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-bastimenti

1.Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jippreżenta, b’mod elettroniku, lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta’ kull bastiment fuq ir-Reġistru:

(a)l-isem tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni, in-Numru ta’ Identifikazzjoni tad-WCPFC (WIN), l-ismijiet preċedenti (jekk ikunu magħrufa), u l-port tar-reġistrazzjoni;

(b)l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien;

(c)l-isem u n-nazzjonalità tal-kaptan;

(d)il-bandiera preċedenti (jekk ikun hemm);

(e)is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju;

(f)it-tipi u n-numri tal-komunikazzjoni tal-bastiment (in-numri Inmarsat A, B u C u n-numru tat-telefon bis-satellita);

(g)ritratt bil-kulur tal-bastiment;

(h)fejn u meta nbena l-bastiment;

(i)it-tip ta’ bastiment;

(j)l-għadd tipiku ta’ membri tal-ekwipaġġ;

(k)it-tip ta’ metodu jew metodi ta’ sajd;

(l)it-tul (speċifika t-tip u l-metrika);

(m)il-fond iffurmat (speċifika l-metrika);

(n)il-wisa’ (speċifika l-metrika);

(o)it-tunnellaġġ gross reġistrat (GRT) jew it-tunnellaġġ gross (GT);

(p)il-qawwa tal-magna jew tal-magni prinċipali (speċifika l-metrika);

(q)il-kapaċità ta’ ġarr, inkluż it-tip, il-kapaċità u l-ammont ta’ friża, il-kapaċità tal-istiva tal-ħut u l-kapaċità tal-kompartimenti tal-friża (speċifika l-metrika);

(r)il-forma u n-numru tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat tal-bandiera inkluż kwalunkwe żona, speċi u perjodu ta’ żmien speċifiċi li għalihom hija valida; u;

(s)in-numru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) jew in-numru tar-Reġistru ta’ Lloyd (LR).

2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidliet fil-paragarfu 1 hawn fuq, u bi kwalunkwe bastiment tas-sajd li jrid jiżdied jet jitneħħa bir-Rekord fi żmien 12-il jum wara kwalunkwe bidla u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 7 ijiem mill-bidu tal-attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-bastiment ikkonċernat.

3.L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba minnha fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd reġistrati fir-Reġistru tal-bastimenti tas-sajd mhux aktar tard minn 7 ijiem minn tali talba.

4.Qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni lista tal-bastimenti kollha li xi darba jew oħra jkunu dehru fuq ir-Reġistru matul is-sena kalendarja preċedenti, flimkien mal-WIN ta’ kull bastiment u indikazzjoni ta’ jekk kull bastiment ikunx stad għal stokkijiet ta’ ħut migratorji ħafna fiż-Żona tal-Konvenzjoni lil hinn miż-żona ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali tiegħu. L-indikazzjoni għandha tiġi espressa kif ġej: il-bastiment (a) stad, jew (b) ma stadx.

5.L-Istati Membri li joperaw, li jikru, li jinnoleġġaw jew li għandhom arranġamenti simili li jwasslu sabiex l-obbligi ta’ rapportar tad-data jingħataw lil parti oħra minbarra l-Istat tal-bandiera għandhom jagħmlu arranġamenti biex jiżguraw li l-Istat tal-bandiera jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4.

6.L-Istati Membri għandhom jippreżentaw data kompluta dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd lill-Kummissjoni li tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-istruttura u tal-format tad-Dokument Mehmuż 1 tas-CMM 2014-03, u jissottomettu ritratti tal-bastimenti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument Mehmuż 2 tas-CMM 2014-03.

7.Il-preżentazzjoni tad-data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti lill-Kummissjoni għandha tkun f’forma ta’ trażmissjoni elettronika li tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet elettroniċi tal-ifformattjar tad-Dokument Mehmuż 3 tas-CMM 2014-03.

Artikolu 24
Bunkering

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom jipprovdu bunkering, jingħataw bunkering jew inkella jingħataw appoġġ biss minn dawn li ġejjin:

(a)bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Partijiet Kontraenti, jew

(b)bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Partijiet mhux Kontraenti jekk dawn il-bastimenti jkunu fuq ir-Reġistru; jew bastimenti tas-sajd operati minn Partijiet mhux Kontraenti taħt arranġamenti ta’ noleġġ, kiri, jew arranġamenti simili u jikkonformaw mas-CMM.

Artikolu 25
Immarkar u identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd

1.B’deroga mill-Artikolu 6(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 404/2011 14 , il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jiġu mmarkati biex jiġu identifikati bis-Sinjali tas-Sejħa bir-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (IRCS).

2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom josservaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u dwar l-immarkar oħra previsti fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 26
Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS)

1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jużaw żewġ sistemi ta’ monitoraġġ:

a) sistema preskritta mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 inkluż l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita (“ALC”) previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 404/2011, u

b) il-VMS li tirċievi d-data direttament minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Konvenzjoni, li jew tkun amministrata mid-WCPFC jew li tirrapporta lill-Aġenzija tal-Forum tas-Sajd, li għaliha l-Istati Membri għandhom:

(a)jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Konvenzjoni huma konformi mar-rekwiżiti tal-VMS stabbiliti mid-WCPFC u jkunu mgħammra b’ALC li għandu jikkomunika tali data kif determinat mid-WCPFC;

(b)jiżguraw li t-tagħmir tal-VMS fuq il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni huwa konformi mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri għall-monitoraġġ tal-bastimenti tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tad-WCPFC kif previst fl-Anness 3;

(c)jikkooperaw biex jiżguraw il-kompatibbiltà bejn il-VMS tal-ibħra nazzjonali u dawk internazzjonali;

(d)jiżguraw li l-ALC installat abbord bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkun konformi mar-rekwiżiti minimi tal-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament;

(e)jiżguraw li r-rata ta’ rapportar tal-pożizzjoni prestabbilita hija ta’ 4 sigħat meta tkun fiż-Żona tal-Konvenzjoni (6 rapporti dwar il-pożizzjoni kuljum);

(f)bastimenti li joħorġu miż-Żona tal-Konvenzjoni jirrapportaw il-pożizzjoni darba kuljum.

Artikolu 27

Skema ta’ Notifika ta’ Noleġġ

1.Fi żmien għoxrin jum, jew fi kwalunkwe każ fi żmien sitta u disgħin siegħa qabel il-bidu ta’ attivitajiet tas-sajd taħt arranġament ta’ noleġġ, l-Istat Membru noleġġatur għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bastiment li għandu jiġi identifikat bħala noleġġat billi jippreżenta b’mod elettroniku l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta’ kull bastiment noleġġat:

(a)l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(b)il-WIN;

(c)l-isem u l-indirizz tas-sid(ien);

(d)l-isem u l-indirizz tan-noleġġatur;

(e)it-tul tal-arranġament ta’ noleġġ; u

(f)l-Istat tal-bandiera tal-bastiment.

2.Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu (1), il-Kummissjoni tinnotifika minnufih lis-Segretarjat tad-WCPFC.

3.Kull Stat Membru noleġġatur għandu jinnotifika lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istat tal-bandiera, fi żmien għoxrin jum, jew fi kwalunkwe każ fi żmien sitta u disgħin siegħa qabel il-bidu tal-attivitajiet ta’ sajd taħt arranġament ta’ noleġġ dwar:

(a)kwalunkwe bastiment noleġġat addizzjonali, flimkien mal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1;

(b)kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’ kull bastiment noleġġat; u

(c)it-terminazzjoni tan-noleġġ ta’ xi bastiment preċedentement notifikat skont il-paragrafu 1.

4.Il-bastimenti elenkati fir-Reġistru biss huma eliġibbli għan-noleġġ.

5.Bastimenti fuq il-Lista ta’ Bastimenti IUU tad-WCPFC, jew fuq il-Lista IUU ta’ Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd oħra mhumiex eliġibbli biex jiġu noleġġati.

6.Il-qabdiet u l-isforz ta’ sajd tal-bastimenti notifikati bħala noleġġati għandhom jiġu attribwiti lill-Istati Membri jew lill-Parti Kontraenti noleġġatur. L-Istat Membru noleġġatur għandu jibgħat rapport annwali lill-Kummissjoni dwar il-qbid u l-isforz tas-sajd tal-bastimenti noleġġati matul is-sena preċedenti.

7.Il-paragrafu 6 ma japplikax għas-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża li għalih il-qbid u l-isforz tas-sajd jiġu allokat lil Stat tal-bandiera.

KAPITOLU V

PROGRAMM TAL-OSSERVATURI REĠJONALI

Artikolu 28
Il-Programm tal-Osservaturi Reġjonali (ROP)

1.L-objettiv tal-Programm tal-Osservaturi Reġjonali (ROP) tad-WCPFC huwa li tinġabar data verifikata dwar il-qbid, data xjentifika oħra, u informazzjoni addizzjonali relatata mas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mid-WCPFC.

2.L-ROP għandu japplika għall-bastimenti li jistadu fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Konvenzjoni fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat kostali wieħed jew aktar.

3.L-Istati Membri huma responsabbli biex jilħqu l-livell ta’ kopertura ta’ osservazzjoni kif stabbilit mid-WCPFC.

4.L-Istati Membri għandhom jiksbu kopertura annwali ta’ osservazzjoni ta’ 100 % minn osservaturi tal-ROP għas-sajd bit-tartarun tal-borża fiż-żona delimitata minn 20°N u 20°S (20° Tramuntana u 20° Nofsinhar), u mill-inqas kopertura annwali ta’ 5 % minn osservaturi tal-ROP f’sajd ieħor.

5.L-ROP għandu jiġbor data verifikata dwar il-qabdiet, data xjentifika oħra, u informazzjoni addizzjonali relatata mas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tas-CMM.

6.Id-dmirijiet tal-osservaturi li joperaw taħt l-ROP għandhom jinkludu l-ġbir ta’ data dwar il-qabdiet u data xjentifika oħra, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mid-WCPFC u l-ġbir ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali relatata mas-sajd li tista’ tiġi deċiża mid-WCPFC.

7.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jaċċettaw osservatur mill-ROP.

8.L-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni miġbura mill-osservaturi għall-fini ta’ investigazzjonijiet, u għandhom jikkooperaw fl-iskambju ta’ tali informazzjoni inkluż billi, b’mod proattiv, jitolbu, iwieġbu u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ talbiet għal kopji ta’ rapporti tal-osservaturi f'konformità mal-istandards adottati mid-WCPFC.

9.L-operaturi tal-bastimenti jew il-kaptani tal-bastimenti għandhom jipprovdu dawn li ġejjin lill-osservaturi tal-ROP:

(a)aċċess u użu sħiħ għall-faċilitajiet u għat-tagħmir kollu tal-bastiment li l-osservatur jista’ jiddetermina li huma meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, inkluż aċċess sħiħ għall-pont, għall-ħut abbord, u għaż-żoni li jistgħu jintużaw għaż-żamma, għall-ipproċessar, għall-użin u għall-ħżin tal-ħut;

(b)aċċess sħiħ għar-rekords tal-bastiment inkluż għar-reġistri u għad-dokumentazzjoni tiegħu bil-għan li r-reġistri jiġu spezzjonati u kkuppjati, aċċess raġonevoli għat-tagħmir tan-navigazzjoni, għaċ-ċarts u għar-radji, u aċċess raġonevoli għal informazzjoni oħra relatata mas-sajd;

(c)aċċess u użu tat-tagħmir ta’ komunikazzjoni u għall-ekwipaġġ, fuq talba, għad-dħul, għat-trażmissjoni, u għar-riċeviment ta’ data jew ta’ informazzjoni relatata max-xogħol;

(d)aċċess għal kwalunkwe tagħmir addizzjonali preżenti abbord, biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-osservatur waqt li jkun abbord il-bastiment, bħal binokulari b’potenza qawwija, mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, eċċ.;

(e)aċċess għall-gverta waqt li x-xbieki jew il-lettijiet ikunu qed jinġibdu lura u għall-kampjuni (ħajjin jew mejtin) sabiex jiġbru u jneħħu kampjuni;

(f)avviż ta’ mill-inqas kwarta qabel jibdew il-proċeduri ta’ tniżżil jew kalar tax-xbieki, sakemm l-osservatur speċifikament jitlob biex ma jiġix notifikat;

(g)aċċess għall-ikel, għall-akkomodazzjoni, għall-faċilitajiet mediċi u għall-faċilitajiet sanitarji ta’ standard raġonevoli ekwivalenti għal dawk normalment disponibbli għal uffiċjal abbord il-bastiment;

(h)il-provvista ta’ spazju adegwat fuq il-pont jew f’żona oħra ddeżinjata għal xogħol klerikali u spazju adegwat fuq il-gverta għal dmirijiet ta’ osservazzjoni;

(i)il-libertà li jwettqu d-dmirijiet tagħhom mingħajr ma jiġu attakkati, ostakolati, reżistiti, imdewma, intimidati jew imfixkla waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

10.L-obbligi tal-osservaturi huma dawn li ġejjin:

(a)ikunu kapaċi jwettqu d-dmirijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament u mis-CMM;

(b)jaċċettaw u jikkonformaw mar-regoli u mal-proċeduri ta’ kunfidenzjalità miftiehma fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ sajd tal-bastimenti u tas-sidien tal-bastimenti;

(c)iżommu l-indipendenza u l-imparzjalità f’kull ħin waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fl-ROP;

(d)josservaw il-protokolli tal-ROP għall-osservaturi li jwettqu d-dmirijiet tal-ROP abbord bastiment;

(e)josservaw il-liġijiet u r-regolamenti tas-CMM li teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-bastiment;

(f)jirrispettaw il-ġerarkija u r-regoli ġenerali ta’ mġiba li japplikaw għall-persunal kollu fuq il-bastiment;

(g)iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod li ma jfixkilx bla bżonn l-operazzjonijiet legali tal-bastiment, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti operazzjonali tal-bastiment li jikkomunika regolarment mal-kaptan tal-bastiment għal dan il-għan;

(h)ikunu familjari mal-proċeduri ta’ emerġenza abbord il-bastiment, inkluż il-post fejn jinsabu ċ-ċattri tas-salvataġġ, l-apparat tat-tifi tan-nar u l-kaxxi għall-ewwel għajnuna;

(i)jikkomunikaw b’mod regolari mal-kaptan tal-bastiment dwar kwistjonijiet u dmirijiet rilevanti tal-osservaturi;

(j)josservaw it-tradizzjonijiet etniċi tal-ekwipaġġ u d-drawwiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment;

(k)jaderixxu mal-kodiċi ta’ kondotta 15 applikabbli għall-osservaturi;

(l)jiktbu u jibagħtu minnufih rapporti lill-Kummissjoni f'konformità mal-proċeduri adottati mid-WCPFC;

(m)ma għandhomx ifixklu bla bżonn l-operazzjonijiet legali tal-bastiment u fit-twettiq ta’ dmirijiethom għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lir-rekwiżiti operazzjonali tal-bastiment u sakemm ikun prattikabbli jimminimizzaw tfixkil fl-operat tal-bastimenti li jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni;

(n)jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex isegwu l-Linji Gwida fl-Anness A Linji Gwida dwar id-Drittijiet u r-Responsabbiltajiet tal-Osservaturi CMM 2018-05 u l-Linji Gwida tal-Anness B għall-Uffiċjali, għall-Kaptani u għall-Ekwipaġġ tal-Bastimenti.

Artikolu 29
Responsabbiltajiet tal-operaturi, tal-kaptani u tal-ekwipaġġ tal-bastimenti

1.L-operaturi tal-bastimenti tas-sajd, inklużi l-kaptani, għandhom jikkonformaw mal-obbligi li ġejjin:

(a)jaċċettaw abbord il-bastiment kwalunkwe persuna identifikata bħala osservatur taħt l-ROP meta meħtieġ mid-WCPFC;

(b)jgħarrfu lill-ekwipaġġ dwar il-ħin tal-imbark tal-osservatur tal-ROP kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu meta osservatur tal-ROP jitla’ abbord il-bastiment;

(c)jassistu lill-osservatur tal-ROP biex jimbarka u jiżbarka minn fuq il-bastiment b’mod sikur f’post u f’ħin miftiehma;

(d)jagħtu lill-osservatur tal-ROP avviż ta’ mill-inqas kwarta qabel jibda t-tniżżil jew il-kalar tax-xbieki abbord, sakemm l-osservatur speċifikament jitlob li ma jiġix notifikat;

(e)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP biex iwettaq id-dmirijiet kollha b’mod sikur;

(f)jagħtu lill-osservatur tal-ROP aċċess sħiħ għar-rekords tal-bastiment inkluż għar-reġistri u għad-dokumentazzjoni tal-bastiment biex ikun jista’ jispezzjona u jikkopja r-rekords;

(g)jagħtu lill-osservatur tal-ROP aċċess raġonevoli għat-tagħmir tan-navigazzjoni, għaċ-ċarts u għar-radji, u aċċess raġonevoli għal informazzjoni oħra relatata mas-sajd;

(h)jippermettu aċċess għal kwalunkwe tagħmir addizzjonali preżenti sabiex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-osservatur tal-ROP waqt li jkun abbord il-bastiment, bħal binokulari b’potenza qawwija, mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, eċċ.

(i)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP sabiex ikun jista’ jneħħi u jaħżen kampjuni tal-qabda;

(j)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP sabiex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet kollha b’mod sikur;

(k)jipprovdu ikel, akkomodazzjoni, faċilitajiet sanitarji adegwati lill-osservatur tal-ROP waqt li jkun abbord il-bastiment, mingħajr ma jitolbu ebda ħlas mingħand l-osservatur jew mingħand il-fornitur tal-osservatur tal-ROP jew lil xi gvern li jipprovdi l-osservaturi, kif ukoll faċilitajiet mediċi ta’ standard raġonevoli ekwivalenti għal dawk normalment disponibbli għal uffiċjal abbord il-bastiment;

(l)jipprovdu kopertura tal-assigurazzjoni lill-osservatur tal-ROP waqt li jkun abbord il-bastiment, għat-tul kollu tal-perjodu li l-osservatur jibqa’ abbord;

(m)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP biex ikollu aċċess u użu sħiħ għall-faċilitajiet u għat-tagħmir kollu tal-bastiment li l-osservatur jista’ jiddetermina li huma meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, inkluż aċċess sħiħ għall-pont, għall-ħut abbord, u għaż-żoni li jistgħu jintużaw biex għaż-żamma, għall-ipproċessar, għall-użin u għall-ħżin tal-ħut;

(n)jiżguraw li l-osservatur tal-ROP ma jiġix attakkat, ostakolat, reżistit, imdewwem, intimidat, imfixkel, influwenzat, imxaħħam jew jiġi soġġett għal tentattiv ta’ tixħim fil-qadi ta’ dmirijietu;

(o)jiżguraw li l-osservatur tal-ROP ma jiġix sfurzat jew persważ biex jonqos mir-responsabbiltajiet tiegħu.

2.Il-membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd għandhom jirrispettaw l-obbligi li ġejjin:

(a)iżommu lura milli jfixklu jew idewmu lill-osservatur fil-qadi ta’ dmirijietu, iġiegħlu jew jikkonvinċu lill-osservatur tal-ROP biex jonqos mir-responsabbiltajiet tiegħu;

(b)jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, ma’ regolamenti u proċeduri stabbiliti skont il-Konvenzjoni u linji gwida, regolamenti jew kundizzjonijiet oħra stabbiliti mill-Istat Membru li jeżerċita ġurisdizzjoni fuq il-bastiment;

(c)jippermettu u jassistu lill-osservatur biex ikun jista’ jaċċessa u juża bis-sħiħ il-faċilitajiet u t-tagħmir kollu tal-bastiment li jista’ jiddetermina li huma meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, inkluż aċċess sħiħ għall-pont, għall-ħut abbord, u għaż-żoni li jistgħu jintużaw għaż-żamma, għall-ipproċessar, għall-użin, u għall-ħżin tal-ħut;

(d)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP sabiex ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet kollha b’mod sikur;

(e)jippermettu u jassistu lill-osservatur tal-ROP sabiex ikun jista’ jneħħi u jaħżen kampjuni tal-qabda;

(f)jikkonformaw mad-direzzjonijiet mogħtija mill-kaptan tal-bastiment fir-rigward tad-dmirijiet tal-osservaturi tal-ROP.

Artikolu 30
Sikurezza tal-osservaturi
 

1.F’każ li osservatur tal-ROP imut, jisfa nieqes jew jiġi preżunt li waqa’ l-baħar, il-kaptan tal-bastiment għandu:

(a)iwaqqaf minnufih l-operazzjonijiet kollha ta’ sajd;

(b)jibda minnufih proċeduri ta’ tiftix u salvataġġ jekk l-osservatur jisfa’ nieqes jew ikun preżunt li waqa’ l-baħar, u jkompli t-tfittxijiet għal mill-inqas 72 siegħa, sakemm il-force majeure ma ġiegħelx lill-Istati Membri jippermettu lill-bastimenti tagħhom iwaqqfu l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ qabel ma jkunu għaddew it-72 siegħa, jew sakemm ma jingħatax struzzjonijiet mill-Istat Membru tal-bandiera biex ikompli jfittex lil hinn mil-limitu ta’ żmien ta’ 72 siegħa 16 ;

(c)jinnotifika minnufih lill-Istat Membru tal-bandiera;

(d)javża minnufih lil bastimenti oħra fil-qrib billi juża kull mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli;

(e)jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ;

(f)kemm jekk it-tiftix jirnexxi kif ukoll jekk le, jirritorna l-bastiment għal aktar investigazzjonijiet fl-eqreb port, kif miftiehem bejn l-Istat Membru tal-bandiera u l-fornitur tal-osservatur tal-ROP;

(g)jagħti r-rapport dwar l-inċident lill-fornitur tal-osservatur u lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera; u

(h)jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe u f’kull investigazzjoni uffiċjali, u jippreżerva kwalunkwe evidenza potenzjali u l-oġġetti personali u l-kwartieri tal-osservatur deċedut jew nieqes.

2.Il-paragrafu 1(a), (c) u (h) japplikaw fil-każ li osservatur imut. Barra minn hekk, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jiżgura li l-ġisem jiġi ppreżervat tajjeb għall-finijiet ta’ awtopsja u investigazzjoni.

3.F’każ li osservatur tal-ROP isofri minn marda serja jew korriment ta’ theddida għas-saħħa jew għas-sigurtà tiegħu, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu:

(a)iwaqqaf minnufih l-operazzjonijiet tas-sajd;

(b)jinnotifika minnufih lill-Istat Membru tal-bandiera;

(c)jieħu ħsieb l-osservatur u jipprovdi kwalunkwe trattament mediku disponibbli u possibbli abbord il-bastiment;

(d)jassisti fl-iżbark u fit-trasport tal-osservatur lejn faċilità medika mgħammra biex tipprovdi l-kura meħtieġa, malajr kemm jista’ jkun f'konformità mad-direzzjonijiet tal-Istati Membri tal-bandiera; jew fin-nuqqas ta’ tali direzzjonijiet, id-direzzjonijiet mogħtija mill-fornitur tal-osservatur tal-ROP; u

(e)jikkoopera b’mod sħiħ fi kwalunkwe u f’kull investigazzjoni uffiċjali dwar il-kawża tal-marda jew tal-korriment.

4.Għall-finijiet tal-paragrafu minn 1 sa 3, l-Istat Membru għandu jiżgura li ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu xieraq, il-fornitur tal-osservatur u s-Segretarjat tad-WCPFC jiġu nnotifikati minnufih.

5.F’każ li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li osservatur tal-ROP ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded, jew iffastidjat b’tali mod li jipperikola s-saħħa jew is-sikurezza tiegħu u l-osservatur jew il-fornitur tal-osservatur jindika lill-Istat Membru li jixtieq li l-osservatur jitneħħa mill-bastiment tas-sajd, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-kaptan ta’ dak il-bastiment tas-sajd:

(a)jieħu azzjoni immedjata biex jippreżerva s-sikurezza tal-osservatur u jimmitiga u jsolvi s-sitwazzjoni abbord;

(b)javża lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur bis-sitwazzjoni, inklużi l-istatus u l-pożizzjoni tal-osservatur, malajr kemm jista’ jkun;

(c)jgħin fl-iżbark sigur tal-osservatur b’mod u f’post kif miftiehem bejn l-Istat Membru tal-bandiera u mill-fornitur tal-osservatur tal-ROP, li jiffaċilita l-aċċess għal kwalunkwe kura medika meħtieġa; u

(d)jikkoopera bis-sħiħ fi kwalunkwe u fl-investigazzjonijiet uffiċjali kollha dwar l-inċident.

6.F’każ li jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li osservatur tal-ROP ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded, jew ingħata fastidju iżda la l-osservatur u lanqas il-fornitur tal-osservatur ma jkun jixtieq li l-osservatur jitneħħa minn fuq il-bastiment tas-sajd, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-kaptan tal-bastiment tas-sajd:

(a)jieħu azzjoni biex jippreżerva s-sikurezza tal-osservatur u jimmitiga u jsolvi s-sitwazzjoni abbord mill-aktar fis possibbli;

(b)jinforma lill-Istat Membru tal-bandiera u lill-fornitur tal-osservatur bis-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli; u

(c)jikkoopera b’mod sħiħ fl-investigazzjonijiet uffiċjali kollha dwar l-inċident.

7.Jekk, wara l-iżbark fil-port ta’ osservatur tal-ROP minn bastiment tas-sajd, fornitur ta’ osservatur jidentifika ksur possibbli li jinvolvi attakk jew fastidju lill-osservatur waqt li kien abbord il-bastiment tas-sajd, il-fornitur tal-osservatur għandu jinnotifika, bil-miktub, lill-Istat Membru tal-bandiera u lis-Segretarjat tad-WCPFC.

8.Wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 7, l-Istat Membru għandu:

(a)jinvestiga l-avveniment abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-fornitur tal-osservatur u jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa b’reazzjoni għar-riżultati tal-investigazzjoni;

(b)jikkoopera bis-sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni mwettqa mill-fornitur tal-osservatur, inkluż billi jippreżenta r-rapport tal-inċident lill-fornitur tal-osservatur u lill-awtoritajiet xierqa; u

(c)jinforma lill-fornitur tal-osservatur u lis-Segretarjat tad-WCPFC dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u kwalunkwe azzjoni li tkun ittieħdet.

9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri nazzjonali tal-osservaturi tagħhom:

(a)jinfurmaw immedjatament lill-Istat Membru f’każ li osservatur tal-ROP imut, jisfa nieqes jew ikun preżunt li waqa’ l-baħar waqt il-qadi ta’ dmirijietu ta’ osservatur;

(b)jikkooperaw b’mod sħiħ fi kwalunkwe operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ;

(c)jikkooperaw bis-sħiħ fi kwalunkwe u fl-investigazzjonijiet uffiċjali kollha dwar kwalunkwe inċident li jkun jinvolvi osservatur tal-ROP;

(d)jassistu fl-iżbark u fis-sostituzzjoni ta’ osservatur tal-ROP f’sitwazzjoni li tinvolvi l-mard jew il-korriment serju ta’ dak l-osservatur malajr kemm jista’ jkun;

(e)jassistu fl-iżbark ta’ osservatur tal-ROP fi kwalunkwe sitwazzjoni li tinvolvi t-theddid, jew l-attakk, l-intimidazzjoni jew il-fastidju lil dak l-osservatur f’każ li l-osservatur ikun jixtieq jitneħħa mill-bastiment mill-aktar fis possibbli; u

(f)jipprovdu, fuq talba, lill-Istat Membru kopja tar-rapport tal-osservatur dwar l-allegat ksur li jinvolvi lill-osservatur ta’ dak il-fornitur.

10.L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jiżguraw li l-bastimenti ta’ spezzjoni awtorizzati tagħhom jikkooperaw, fi kwalunkwe operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ li tinvolvi osservatur.

KAPITOLU VI

IMBARK U SPEZZJONI

Artikolu 31 L-obbligi tal-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni waqt spezzjoni

1.Minbarra l-Artikolu 113 u 114 tar-Regolament (UE) 404/2011, matul it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ imbark u ta’ spezzjoni l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu:

(a)isegwi prinċipji aċċettati fuq livell internazzjonali ta’ tbaħħir tajjeb sabiex jiġu evitati riskji għas-sikurezza tal-bastimenti u tal-ispetturi ta’ spezzjoni awtorizzati;

(b)jaċċetta u jiffaċilita l-imbark fil-pront u sikur minn spetturi awtorizzati;

(c)jikkoopera u jassisti fl-ispezzjoni tal-bastiment skont dawn il-proċeduri;

(d)jevita milli jostakola jew idewwem l-ispetturi fit-twettiq ta’ dmirijiethom;

(e)jippermetti lill-ispetturi jikkomunikaw mal-ekwipaġġ tal-bastiment ta’ spezzjoni, mal-awtoritajiet tal-bastiment ta’ spezzjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi spezzjonat;

(f)jipprovdihom b'faċilitajiet raġonevoli, inkluż, fejn xieraq, ikel u akkomodazzjoni; u

(g)jiffaċilita l-iżbark sikur tal-ispetturi.

2.Jekk il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jirrifjuta li jippermetti lil spettur awtorizzat milli jwettaq attività ta’ imbark u ta’ spezzjoni f'konformità mal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan il-kaptan għandu jispjega r-raġuni għal tali rifjut. L-awtoritajiet tal-bastiment ta’ spezzjoni għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtoritajiet tal-bastiment tas-sajd, kif ukoll lill-Kummissjoni, bir-rifjut tal-kaptan u bi kwalunkwe spjegazzjoni pprovduta. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lis-Segretarjat tad-WCPFC b’tali notifika.

3.Meta jiġu mgħarrfa b’tali rifjut, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera ta’ bastiment tas-sajd għandhom jidderieġu lill-kaptan biex jaċċetta l-imbark u l-ispezzjoni sakemm regolamenti, proċeduri u prattiki internazzjonali ġeneralment aċċettati relatati mas-sikurezza fuq il-baħar jagħmluha neċessarja li l-imbark u l-ispezzjoni jiġu posposti.

4.Jekk il-kaptan ma jimxix ma’ tali direzzjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jissospendi l-awtorizzazzjoni ta’ sajd tal-bastiment u jordna lill-bastiment idur lura minnufih lejn il-port. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika minnufih lill-awtoritajiet tal-bastiment ta’ spezzjoni u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jkun ħa f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Artikolu 32
Proċedura f’każ ta’ ksur

1.Malli jirċievi notifika skont l-Artikolu 33 minn spettur awtorizzat ta’ Parti Kontraenti, l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd ikkonċernati għandu mingħajr dewmien:

(a)jassumi l-obbligu tiegħu li jinvestiga f'konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) 1005/2008 17 u, jekk l-evidenza titlob, jieħu azzjoni ta’ infurzar kontra l-bastiment tas-sajd inkwistjoni u jgħarraf lill-awtoritajiet tal-ispettur, lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tad-WCPFC b’dan; jew

(b)jawtorizza lill-awtoritajiet tal-ispettur biex ilestu l-investigazzjoni dwar il-ksur possibbli u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tad-WCPFC b’dan.

2.L-ispetturi tal-Unjoni għandhom jittrattaw ir-rapporti tal-ispezzjoni f'konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) 1224/2009.

3.Fil-każ tal-paragrafu 1(b), l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-ispettur għandhom jippreżentaw l-evidenza speċifika miġbura mill-ispetturi, flimkien mar-riżultati tal-investigazzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd immedjatament malli titlesta l-investigazzjoni. Malli jirċievi notifika skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd għandu jwieġeb mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 3 ijiem ta’ xogħol.

Artikolu 33
Ksur serju

1.Kull wieħed mill-każijiet ta’ ksur li ġejjin jikkostitwixxi ksur serju, fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009:

(a)is-sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-Istat Membru;

(b)in-nuqqas ta’ żamma ta’ rekords suffiċjenti ta’ data dwar il-qbid u relatata mal-qbid f'konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tar-Regolament jew rapportar ħażin sinifikanti ta’ tali data dwar il-qbid jew relatata mal-qbid;

(c)sajd f’żona magħluqa;

(d)sajd waqt staġun magħluq;

(e)it-teħid jew iż-żamma intenzjonali ta’ speċijiet bi ksur ta’ xi miżura ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli ta’ dan ir-Regolament;

(f)ksur sinifikanti tal-limiti ta’ qbid jew ta’ kwoti fl-opportunitajiet tas-sajd;

(g)l-użu ta’ rkaptu pprojbit;

(h)il-falsifikazzjoni jew il-ħabi intenzjonali tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd;

(i)il-ħabi, it-tbagħbis jew ir-rimi ta’ evidenza relatata ma’ investigazzjoni dwar ksur;

(j)diversi avvenimenti ta’ ksur li meħuda flimkien jikkostitwixxu nuqqas ta’ osservanza serju tal-miżuri skont dan ir-Regolament;

(k)l-ostakolar biex jiġi aċċettat imbark jew spezzjoni;

(l)l-ostakolar jew id-dewmien bla bżonn ta’ spettur;

(m)it-tbagħbis jew id-diżattivazzjoni intenzjonali tal-VMS;

(n)sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni mhux inklużi fir-Reġistru;

(o)sajd qrib baga tad-data jew it-teħid abbord ta’ baga tad-data bi ksur tal-Artikolu 9(1) jew 9(2).

2.Fejn ġie stabbilit li bastiment tas-sajd tal-Unjoni ġie involut fil-kummissjoni ta’ ksur serju, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-liċenzja ta’ dak il-bastiment u jiżgura li s-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni jieqaf sakemm is-sanzjonijiet imposti mill-Istat tal-bandiera fir-rispett tal-ksur ikunu qed jiġu rrispettati.

Artikolu 34
Infurzar

1.L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom iqisu tfixkil min-naħa tal-bastimenti tas-sajd tagħhom, mill-kaptan jew mill-ekwipaġġ ma’ spettur awtorizzat jew ma’ bastiment ta’ spezzjoni awtorizzat bl-istess mod bħal kwalunkwe tfixkil simili li jseħħ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom.

2.Waqt li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet biex jiġu implimentati l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-ispetturi awtorizzati tal-Unjoni għandhom iwettqu sorveljanza bil-għan li jidentifikaw bastimenti tas-sajd ta’ Partijiet mhux Kontraenti li jkunu qed iwettqu attivitajiet ta’ sajd fl-ibħra internazzjonali fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Kwalunkwe bastiment bħal dan li jiġi identifikat għandu jiġi rrappurtat minnufih lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tad-WCPFC.

3.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe attività ta’ sajd imsemmija fil-paragrafu 2 u lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment inkwistjoni.

4.L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli kull ilmiħ ta’ bastimenti tas-sajd li jkunu jidhru li huma mingħajr nazzjonalità li jistgħu jkunu qed jistadu fl-ibħra internazzjonali taż-Żona tal-Konvenzjoni għall-ispeċijiet koperti mill-Konvenzjoni.

KAPITOLU VII

MIŻURI TAL-ISTAT TAL-PORT

Artikolu 35
Miżuri tal-Istat tal-Port

Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jikkoopera mal-awtoritajiet tal-port ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istat tal-port skont il-Konvenzjoni u dan ir-Regolament.

Artikolu 36
Proċedura fil-każ ta’ suspett ta’ sajd IUU

Fejn, wara spezzjoni fil-port, Stat Membru jirċievi rapport ta’ spezzjoni, li jindika li hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għas-sajd IUU, huwa għandu jinvestiga l-kwistjoni minnufih u bis-sħiħ f'konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) 1005/2008 u l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni.

KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37
Rapportar

1.L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-20 ta’ April ta’ kull sena, data xjentifika f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ rapportar tad-WCPFC 18 u sal-15 ta’ Ġunju rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u l-konformità mal-linji gwida ta’ rapportar tad-WCPFC, 19 inkluż kwalunkwe kontroll li jkunu imponew fuq il-flotot tagħhom u kwalunkwe miżura ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ konformità li jkunu waqqfu sabiex jiżguraw il-konformità ma’ tali kontrolli.

2.Il-qbid u l-isforzi ta’ qbid mill-bastimenti tal-Unjoni għandhom jiġu rrapportati skont il-gruppi ta’ speċijiet li ġejjin: l-alonga, it-tonn obeż, il-palamit, it-tonna safra, il-pixxispad, kastardelli oħra, u l-klieb il-baħar 20 . Għandhom jiġu pprovduti wkoll stimi tal-qbid skartat/rilaxxat għal kull waħda minn dawn l-ispeċijiet. Għandhom jiġu pprovduti wkoll stimi tal-qbid għal speċijiet oħra kif determinat mill-Kummissjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-irregolaritajiet lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, inkluż b’mod partikolari:

(a)il-livelli tal-qabdiet tal-bastimenti tas-sajd tagħhom li jkunu qabdu marlin irrigat bħala qabda inċidentali kif ukoll l-għadd u l-livelli tal-qabdiet tal-bastimenti li jistadu għall-marlin irrigat fiż-żona tal-Konvenzjoni fin-Nofsinhar ta’ 15°S;

(b)il-livelli ta’ qbid annwali meħuda minn kull wieħed mill-bastimenti tas-sajd tagħhom li jkun qabad l-alonga tal-Paċifiku tan-Nofsinhar, kif ukoll l-għadd ta’ bastimenti li jistadu b’mod attiv għall-alonga tal-Paċifiku tan-Nofsinhar, fiż-Żona tal-Konvenzjoni fin-Nofsinhar ta’ 20°S;

(c)il-progress tal-implimentazzjoni tar-Regolament għall-konservazzjoni tal-fkieren tal-baħar, inkluża informazzjoni miġbura dwar l-interazzjonijiet mal-fkieren tal-baħar fis-sajd ġestit skont il-Konvenzjoni;

(d)stima, permezz ta’ data miġbura minn programmi ta’ osservazzjoni u mezzi oħra, tal-għadd ta’ rilaxxi ta’ tawri seta u klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi, inkluż l-istatus mar-rilaxx (mejtin jew ħajjin);

(e)jibagħtu d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ trasbord tad-WCPFC li jkunu rċevew skont il-paragrafu 3 u 4 tal-Artikolu 11 lill-Kummissjoni;

(f)kwalunkwe każ li fih il-klieb il-baħar balena jkunu ġew mdawra bix-xbieki tat-tartarun tal-borża tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, inkluż id-dettalji meħtieġa skont il-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 16;

(g)kwalunkwe każ li fih iċ-ċetaċji jkunu ġew mdawra bix-xbieki tat-tartarun tal-borża tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, rapportati skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 18;

(h)l-attivitajiet kollha ta’ trasbord koperti mill-Artikolu 11 bħala parti mir-Rapport Annwali tagħhom f'konformità mal-linji gwida fl-Anness II tas-CMM 2009-06;

(i)dikjarazzjoni annwali ta’ konformità skont l-Artikolu 25(8) tal-Konvenzjoni dwar l-azzjoni li jkunu ħadu b’reazzjoni għal kwalunkwe allegat ksur ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-imbark u l-ispezzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tagħhom li rriżultaw f’osservazzjoni ta’ allegat ksur, inkluż kwalunkwe proċediment mibdi u s-sanzjonijiet applikati.

4.L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-għadd totali ta’ bastimenti li jkunu stadu għall-pixxispad u l-qabda totali ta’ pixxispad għal dan li ġej:

(a)bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom fi kwalunkwe post fiż-Żona tal-Konvenzjoni fin-Nofsinhar ta’ 20 S minbarra bastimenti li joperaw taħt noleġġ, kiri jew mekkaniżmu simili ieħor bħala parti mis-sajd domestiku ta’ Parti Kontraenti oħra;

(b)bastimenti li joperaw taħt noleġġ, kiri jew mekkaniżmu simili ieħor bħala parti mis-sajd domestiku tagħhom fin-Nofsinhar ta’ 20 S; u

(c)kwalunkwe bastiment ieħor li jistad fl-ilmijiet tagħhom fin-Nofsinhar ta’ 20 S.

5.L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun kwalunkwe ilmiħ ta’ bastimenti tas-sajd li jidhru li huma mingħajr nazzjonalità li jistgħu jkunu qed jistadu fl-ibħra internazzjonali taż-Żona tal-Konvenzjoni għall-ispeċijiet koperti mill-Konvenzjoni.

Artikolu 38
Allegat nuqqas ta’ konformità rrapportat mid-WCPFC

1.Jekk il-Kummissjoni tirċievi xi informazzjoni mingħand id-WCPFC li tindika suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Konvenzjoni jew mas-CMM minn Stat Membru jew minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien.

2.l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bis-sejbiet ta’ kwalunkwe investigazzjoni li ssir b’rabta mal-allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jew kwalunkwe azzjoni li tittieħed biex jiġu indirizzati ħsibijiet dwar il-konformità fi żmien xahar mindu tasal it-talba tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lid-WCPFC mill-anqas 60 jum qabel il-laqgħa tal-Kumitat Tekniku u ta’ Konformità.

Artikolu 39
Kunfidenzjalità

Minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikolu 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ rapporti u messaġġi elettroniċi trażmessi lejn u riċevuti mingħand is-Segretarjat tad-WCPFC.

Artikolu 40
Proċedura għall-emendi

1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 46 fir-rigward ta’ miżuri adottati mid-WCPFC fl-oqsma li ġejjin:

(a)id-Dikjarazzjoni ta’ Trasbord tad-WCPFC imsemmija fl-Artikolu 3(18);

(b)ir-referenza għaż-żona tal-Ibħra Internazzjonali tal-Lvant fl-Artikolu 3(19);

(c)ir-rapportar ta’ avviżi għat-trasbord imsemmija fl-Artikolu 11(3)(4);

(d)l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għar-raj manta msemmija fl-Artikolu 13(3);

(e)ir-referenza għad-deskrizzjoni tal-kalamenti tal-klieb il-baħar fl-Artikolu 14(1);

(f)ir-referenza għal linji gwida kemm għas-sajd bil-konz kif ukoll għas-sajd bit-tartarun tal-borża għall-aħjar prattiki ta’ ġestjoni tal-klieb il-baħar tal-Artikolu 14(2);

(g)l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni għar-rilaxx sikur tal-klieb il-baħar balena kif imsemmi fl-Artikolu 16(3);

(h)miżuri għall-ġestjoni taċ-ċetaċji msemmija fl-Artikolu 18(4);

(i)tekniki ta’ mitigazzjoni u ta’ ġestjoni għall-fkieren tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 20(1);

(j)l-informazzjoni dwar il-bastimenti li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 23(1);

(k)ir-rekwiżiti relatati mal-VMS previsti fl-Artikolu 26;

(l)il-perċentwal tal-iskema ta’ kopertura tal-osservaturi tal-Programm tal-Osservaturi Reġjonali msemmija fl-Artikolu 28(4);

(m)id-dmirijiet addizzjonali tal-osservaturi tal-ROP imsemmija fl-Artikolu 28(10);

(n)l-iskadenzi għar-rapportar għall-obbligu ta’ rapportar imsemmi fl-Artikolu 37(1);

(o)il-format tar-rapportar għall-attivitajiet ta’ trasbord imsemmija fl-Artikolu 37(3)(h);

(p)tibdil fl-Anness 1-3.

(q)l-emendi f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikunu strettament limitati għall-implimentazzjoni ta’ emendi għas-CMM fid-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 41
Eżerċitar tad-delega

1.Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 40 għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 40 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti ddeżinjati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 40 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 42
Emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007

L-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tħassru.

Artikolu 43
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandha x'taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta’ April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (ĠU L 123, 12.5.2007, p. 3).
(7)

   Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u

l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016

dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta’ April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).
(9)    https://www.wcpfc.int/conservation-and-management-measures
(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006, (ĠU L 343 22.12.2009, p. 1)
(11)    https://www.wcpfc.int/doc/supplcmm-2010-07/best-handling-practices-safe-release-sharks-other-whale-sharks-and
(12)

    https://www.wcpfc.int/doc/supplcmm-2012-04/guidelines-safe-release-encircled-animals-including-whale-sharks

(13)

   WCPFC Guidelines for the Handling of Sea Turtles (Linji Gwida tad-WCPFC għall-Ġestjoni tal-Fkieren tal-Baħar) https://www.wcpfc.int/doc/sc-06/wcpfc-guidelines-handling-sea-turtles u https://www.wcpfc.int/doc/supplcmm-2008-03/wcpfc-guidelines-handling-sea-turtles-graphics  

(14)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).
(15)    WCPFC/IWG-ROP2/2008-09.
(16)

   Fil-każ ta’ force majeure, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ jippermetti lill-bastimenti tiegħu jwaqqfu l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ qabel ma jkunu għaddew it-72 siegħa.

(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(18)     https://www.wcpfc.int/doc/data-01/scientific-data-be-provided-commission-revised-wcpfc4-6-7-and-9
(19)    https://www.wcpfc.int/file/430562/download?token=BQxkRith
(20)     https://www.wcpfc.int/doc/sc-01/annual-report-commission-part-1-information-fisheries-research-and-statistics-revised
Top

Brussell, 23.4.2021

COM(2021) 198 final

ANNESSI

ta'

proposta' għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007


ANNESS I

Miżuri ta’ Mitigazzjoni għall-Għasafar

Tabella 1: Miżuri ta' mitigazzjoni

Kolonna A

Kolonna B

Kalar mill-ġenb b'purtiera għat-tnaffir tal-għasafar u brazzoli mmażrati 1

Lett tori 2

Kalar billejl bl-inqas dawl possibbli fuq il-gverta

Lixka miżbugħa blu

Lett tori

Wadab tas-sajd għall-kalar fil-fond

Brazzoli mmażrati

Ġestjoni tal-fdalijiet tal-ġewwieni

Kuperċi tas-sunnara 3

Speċifikazzjonijiet

 

1. Lettijiet tori (fin-Nofsinhar ta’ 25° fin-Nofsinhar)

1a) Għal bastimenti >= 35 m tul totali

i. Uża mill-inqas lett wieħed tori. Fejn dan ikun prattiku, il-bastimenti huma mħeġġa li jużaw it-tieni lett tori fi żminijiet meta jkun hemm ħafna għasafar jew ħafna attività mill-għasafar; iż-żewġ lettijiet tori għandhom jintużaw fl-istess ħin, wieħed ma' kull naħa tal-konz li jkun qed jiġi kalat. Jekk il-bastimenti jużaw żewġ lettijiet tori, is-snanar bil-lixki għandhom jitqiegħdu fiż-żona maż-żewġ lettijiet tori.

ii. Għandu jintuża lett tori li tuża nfafar twal u qosra. L-infafar għandhom ikunu: ikkuluriti b’kuluri jgħajtu, taħlita ta’ nfafar twal u qosra.

a. L-infafar twal għandhom jitqiegħdu f’intervalli ta’ mhux aktar minn 5 m, u l-infafar twal għandhom jitwaħħlu mal-linja b’swivels li ma jħallux lill-infafar jitgeżwru madwar il-linja. Għandhom jintużaw infafar ta’ tul suffiċjenti biex tintlaħaq is-superfiċje tal-baħar f’kundizzjonijiet kalmi.

b. L-infafar qosra (itwal minn 1m) għandhom jitqiegħdu mhux aktar minn 1m bogħod minn xulxin.

iii. Il-bastimenti għandhom jiskjeraw il-lett tori biex jiksbu firxa tal-ajru mixtieqa ta’ 100 m jew aktar. Biex tintlaħaq din il-firxa tal-ajru, il-lett tori għandu jkollu tul minimu ta’ 200 m, u għandu jitwaħħal ma’ arblu għal-lett tori > 7m ’il fuq mill-wiċċ tal-baħar li jkun jinsab qrib il-poppa kif ikun prattiku.

iv. Jekk il-bastimenti jużaw lett tori wieħed biss, dan għandu jiġi kalat fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ lejn il-lixki mgħaddsa.

1b) għall-bastimenti < tul totali ta’ 35 m

i. Għandu jintuża lett tori wieħed li juża nfafar twal u qosra, inkella għandhom jintużaw infafar qosra biss.

ii. L-infafar għandhom ikunu: ikunu b’kuluri jgħajtu, twal u/jew qosra (iżda itwal minn 1m) u dawn iridu jitqiegħdu b'intervalli skont kif ġej:

a. Infafar twal imqiegħda f’intervalli ta’ mhux aktar minn 5 m għall-ewwel 75 m tal-lett tori. b. Infafar qosra mqiegħda f’intervalli ta’ mhux aktar minn 1m. iii. Jenħtieġ li l-infafar twal ikunu mqabbda mal-linja b’mod li jipprevjeni lill-infafar milli jitħabblu fil-linja. L-infafar it-twal kollha għandhom jilħqu l-wiċċ tal-baħar f’kundizzjonijiet kalmi. L-infafar jistgħu jiġu modifikati matul l-ewwel 15 m biex jiġi evitat it-tħabbil. .

iv. Il-bastimenti għandhom jiskjeraw il-lett tori biex jiksbu firxa tal-ajru ta’ 75 m. Biex tintlaħaq din il-firxa tal-ajru, il-lett tori għandu jitwaħħal ma’ arblu għal-lett tori > 6 m ’il fuq mill-wiċċ tal-baħar li jkun jinsab qrib il-poppa kif ikun prattiku. Għandha tinħoloq reżistenza suffiċjenti biex timmassimizza l-firxa mill-ajru u żżomm il-linja direttament wara l-bastiment meta jkun hemm irjieħ trasversali. Biex jiġi evitat it-tħabbil, dan jinkiseb l-aħjar b’sezzjoni twila fl-ilma ta’ ħabel jew monofilament.

v. Jekk jintużaw żewġ lettijiet tori, iż-żewġ linji għandhom jintużaw fuq naħat opposti tal-kalament.

2. Lettijiet tori (fin-Nofsinhar ta’ 23° fin-Nofsinhar)

2a) Infafar twal

i. Tul minimu: 100m ii. Trid titqabbad mal-bastiment biex tkun sospiża minn punt minimu ta’ 5m ’il fuq mill-ilma mal-poppa fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ tal-punt fejn il-kalament jidħol fl-ilma. iii. Trid titqabbad sabiex il-firxa tal-ajru tinżamm fuq is-snanar bil-lixka mgħaddsa. iv. L-infafar iridu jkunu inqas minn 5m bogħod minn xulxin, iridu jkunu jużaw tornikett u jkunu twal biżżejjed sabiex ikunu qrib tal-ilma kemm jista’ jkun. v. Jekk jintużaw żewġ lettijiet tori, (i.e. f’pari), iż-żewġ lettijiet iridu jintużaw fuq naħat opposti tal-kalament.

2b) Nuffara qasira (Għal bastimenti >= 24 m tul totali)

i. Trid titqabbad mal-bastiment biex tkun sospiża minn punt minimu ta’ 5m ’il fuq mill-ilma mal-poppa fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ ta’ punt fejn il-kalament jidħol fl-ilma. ii. Trid titqabbad sabiex il-firxa tal-ajru tinżamm fuq is-snanar bil-lixka mgħaddsa. iii. L-infafar iridu jkunu inqas minn 1m bogħod minn xulxin u jkunu mill-inqas 30 cm twal. iv. Jekk jintużaw żewġ lettijiet tori, (i.e. f’pari), iż-żewġ lettijiet iridu jintużaw fuq naħat opposti tal-kalament.

2c) Nuffara qasira (Għal bastimenti < tul totali ta’ 24 m)

Dan id-disinn għandu jiġi rieżaminat mill-ġdid mhux iktar tard minn tliet snin mid-data ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ data xjentifika. i. Trid titqabbad mal-bastiment biex tkun sospiża minn punt minimu ta’ 5m ’il fuq mill-ilma mal-poppa fin-naħa minn fejn ikun ġej ir-riħ ta’ punt fejn il-kalament jidħol fl-ilma. ii. Trid titqabbad sabiex il-firxa tal-ajru tinżamm fuq is-snanar bil-lixka mgħaddsa. iii. L-infafar iridu jkunu inqas minn 1m bogħod minn xulxin u jkunu mill-inqas 30cm twal. iv. Jekk jintużaw żewġ lettijiet tori, (i.e. f’pari), iż-żewġ lettijiet iridu jintużaw fuq naħat opposti tal-kalament.

3. Kalar mill-ġenb b'purtiera għat-tnaffir tal-għasafar u brazzoli mmażrati

i. Kalament użat minn bord ix-xellug jew minn bord il-lemin ’il bogħod mill-poppa kemm jista’ jkun (mill-inqas 1 m), u jekk jintuża wadab tas-sajd tal-linja prinċipali, irid jiġi mmuntat mill-inqas 1 m quddiem il-poppa. ii. Meta l-għasafar tal-baħar ikun preżenti, it-tagħmir irid jiżgura li l-kalament jiġi kalat laxk sabiex is-snanar bil-lixka jibqgħu taħt l-ilma. iii. Il-purtiera għat-tnaffir tal-għasafar trid tintuża: • L-arblu ppożizzjonat lura mill-wadab tas-sajd ikun twil tal-anqas 3m. • Minimu ta’ tliet infafar prinċipali mwaħħla maż-żewġ metri ta’ fuq tal-arblu; • Dijametru tan-nuffara ewlenija minimu ta’ 20 mm; • Infafar sekondarji mat-tarf ta’ kull nuffara prinċipali twal biżżejjed biex jiddendlu fuq l-ilma (mingħajr riħ) – dijametru minimu ta’ 10mm

4. Kalar billejl

i. Ebda kalar bejn is-sebħ nawtiku u l-għabex nawtiku. ii. L-għabex u s-sebħ nawtiċi huma ddefiniti skont kif stabbilit fit-tabelli fl-Almanakk Nawtiku għal-latitudni, għall-ħin lokali u għad-data rilevanti. iii. Id-dawl fuq il-gverta għandu jinżamm kemm jista' jkun baxx. Id-dawl minimu fuq il-gverta jenħtieġ li ma jmurx kontra l-istandards minimi tas-sikurezza u tan-navigazzjoni.

5. Brazzoli mmażrati

i. Huma meħtieġa l-ispeċifikazzjonijiet minimi tal-piż li ġejjin:

a) piż wieħed 40g jew akbar f’ 50 ċm mis-sunnara; jew

b) total ta’ 45g jew itqal marbutin mhux iżjed minn metru mis-sunnara; jew c) total ta’ 60g jew itqal marbutin mhux iżjed minn 3,5m mis-sunnara; jew d) total ta' 98g jew itqal marbutin mhux iżjed minn 4m mis-sunnara.

6. Kuperċi tas-sunnara

Il-kuperċi tas-sunnara jiksu l-ponta u l-garġi tas-snanar bil-lixka biex jipprevjenu attakki ta’ tjur tal-baħar waqt l-issettjar tal-linji. L-apparati li ġejjin ġew approvati għall-użu fis-sajd tad-WCPFC: 1. Pods tas-sunnara, li jikkonformaw mal-karatteristiċi tal-prestazzjoni li ġejja a) l-apparat jesponi l-ponta u l-garġa tas-sunnara sakemm jilħaq fond ta’ mill-inqas 10 metri jew ikun ġie mgħaddas għal mill-inqas 10 minuti; b) l-apparat jissodisfa l-istandards minimi attwali għall-ippeżar tal-brazzol kif speċifikat f’dan l-Anness; u c) l-apparat huwa ddisinjat biex jinżamm fuq l-irkaptu tas-sajd u biex ma jintilifx.

7. Ġestjoni tal-fdalijiet tal-ġewwieni

i. Jew ebda tnixxija ta’ ġewwieni waqt il-kalar jew l-irfigħ; ii. Jew skart strateġiku tal-ġewwieni min-naħa opposta tad-dgħajsa sal-kalar/l-irfigħ biex l-għasafar jiġu mħeġġa b’mod attiv jitbiegħdu mis-snanar bil-lixka.

8. Lixka miżbugħa blu

i. Jekk tintuża lixka miżbugħa blu trid tinħall kompletament meta tinżebaħ. ii. Is-Segretarjat tal-Kummissjoni għandu jqassam plakard standardizzata tal-kulur. iii. Il-lixkiet kollha għandhom jinżebgħu skont il-kulur li jidher fil-plakard.

9. Wadab tas-sajd għall-kalar fil-fond

i.Wadab tas-sajd irid jintuża b’tali mod li s-snanar ikunu kalati tabilħaqq aktar fil-fond milli kieku ma jintużax il-wadab tas-sajd, u b’tali mod li l-biċċa l-kbira tas-snanar jilħqu fond ta’ mill-inqas 100 m.

ANNESS II

L-immarkar u speċifikazzjonijiet tekniċi oħra tal-bastimenti tas-sajd

1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom juru n-Numru ta’ Identifikazzjoni (WIN) tad-WCPFC bil-lingwa Ingliża b’mod prominenti f’kull ħin:

(a)fuq il-qoxra jew is-sovrastruttura tal-bastiment, il-bord tax-xellug u il-bord tal-lemin. L-operaturi jistgħu jqiegħdu ġiggijiet li jkun inklinati f’angolu mal-ġenb jew mas-sovrastruttura tal-bastiment sakemm l-angolu tal-inklinazzjoni ma jipprevjenix li s-sinjal jintlemaħ minn bastiment ieħor jew mill-ajru;

(b)fuq gverta, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 ta’ hawn taħt. Jekk jitpoġġa tarpolin jew għata oħra temporanja sabiex tgħatti l-marka fuq gverta, it-tarpolin jew l-għata għandhom jiġu mmarkati wkoll. Dawn il-marki jenħtieġ li jitpoġġew trasversalment bil-parti ta’ fuq tan-numri jew tal-ittri lejn il-pruwa.

2.Il-WIN għandu jitqiegħed:

(a)għoli kemm jista’ jkun ’il fuq mil-linja tal-ilma fuq iż-żewġ naħat tal-bastiment u għandu jiġi żgurat li dawk il-partijiet tal-qoxra bħall-battillar tal-pruwa u tal-poppa jiġu evitati;

(b)b’mod li ma jippermettix li l-marki jitgħattew mill-irkaptu tas-sajd kemm jekk ikun stivat kif ukoll jekk ikun qed jintuża;

(c)b’mod li jkunu ħielsa mill-fluss minn imbrunali jew skariki fuq il-bastiment inklużi żoni li jistgħu jkunu suxxettibbli li jagħmlu ħsara jew li jitilfu l-kulur tal-qabda ta’ ċerti tipi ta’ speċijiet; kif ukoll,

(d)sabiex ma jestendux taħt il-linja tal-ilma.

3.Bastimenti mingħajr gverta m’għandhomx ikunu meħtieġa juru l-WIN fuq wiċċ orizzontali. Madankollu, l-operaturi huma mħeġġa jinstallaw bord li fuqu jitqiegħed il-WIN sabiex ikun jista’ jidher b’mod ċar mill-ajru.

4.Id-dgħajjes, l-iskiffs u l-inġenji li jinġarru mill-bastiment għall-operazzjonijiet tas-sajd għandu jkollhom l-istess WIN bħall-bastiment ikkonċernat.

5.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jikkonformaw ma’ dan li ġej meta jqiegħdu l-WIN fuq il-bastiment:

(a)jintużaw ittri u numri kapitalizzati kullimkien;

(b)il-wisa’ tal-ittri u n-numri jkunu proporzjonali mal-għoli;

(c)l-għoli (h) tal-ittri u n-numri jkun proporzjonali mad-daqs tal-bastiment u f’konformità ma’ dan li ġej:

(d)biex il-WIN jitqiegħed fuq il-qoxra, is-sovrastruttura u/jew l-uċuħ inklinati: it-tul totali tal-bastiment (LOA) għandu jintwera f’metri (m), l-għoli tal-ittri u tan-numri f’metri (m) ma għandux ikun inqas minn: 1.0 m (għall-bastimenti ta’ 25m jew iktar), 0.8 m (għall-bastimenti ta’ mill-inqas 20m iżda inqas minn 25m), 0.6 m (għall-bastimenti ta’ mill-inqas 15-il m iżda inqas minn 20 m), 0.4 m (għall-bastimenti ta’ mill-inqas 12-il m iżda inqas minn 15-il m) 0.3 m (għall-bastimenti ta’ mill-inqas 5 m iżda inqas minn 12-il m), 0.1 m (għall-bastimenti ta’ inqas minn 5 m),

(e)biex il-WIN jitqiegħed fuq il-gverta: l-għoli ma għandux ikun inqas minn 0.3 m għall-klassijiet kollha ta’ bastimenti ta’ 5 m u aktar;

(f)it-tul tas-sing għandu jkun nofs l-għoli tal-ittri u n-numri;

(g)il-wisa’ tal-ħxuna tal-ittri, numri u s-sing kollha għandha tkun h/6;

(h)l-ispazju bejn l-ittri u/jew in-numri ma għandux jaqbeż h/4 u lanqas ma għandu jkun inqas minn h/6;

(i)l-ispazju bejn l-ittri biswit xulxin li jkollhom ġnub inklinati ma għandux jaqbeż h/8 u lanqas ikun inqas minn h/10;

(j)il-WIN għandu jkun abjad fuq sfond iswed, jew iswed fuq sfond abjad;

(k)l-isfond għandu jestendi biex jipprovdi fruntiera madwar il-WIN ta’ mhux inqas minn h/6;

(l)għandha tintuża żebgħa tal-baħar ta’ kwalità tajba;

(m)il-WIN għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet meta jintużaw sustanzi retroriflettivi jew li jiġġeneraw is-sħana; kif ukoll,

(n)il-WIN u l-isfond għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba f’kull ħin.

ANNESS III

Standards Minimi għall-Komunikaturi Awtomatiċi ta’ Lokalizzazzjoni (ALCs) użati fis-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti tad-WCPFC

 

1. L-ALC għandu awtomatikament u indipendentement minn kwalunkwe intervent fuq il-bastiment jikkomunika d-data li ġejja:

(ii) l-identifikatur uniku statiku ALC;

(ii) il-pożizzjoni ġeografika attwali (latitudni u lonġitudni) tal-bastiment; kif ukoll

(iii) id-data u l-ħin (espressi f’ħin universali koordinat [UTC]) tal-iffissar tal-pożizzjoni tal-bastiment fil-paragrafu 1(ii) hawn fuq.

2. Id-data msemmija fil-paragrafi 1(ii) u 1(iii) għandha tinkiseb minn sistema ta’ pożizzjonament bis-satellita.

3. L-ALCs armati fuq bastimenti tas-sajd għandhom ikunu kapaċi jittrasmettu d-data msemmija fil-paragrafu 1, kull siegħa.

4. Id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tasal għand il-Kummissjoni tad-WCPFC fi żmien 90 minuta minn meta tiġi ġġenerata mill-ALC, f’kundizzjonijiet operattivi normali.

5. L-ALCs imwaħħla mal-bastimenti tas-sajd għandhom jiġu protetti sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-integrità tad-data msemmija fil-paragrafu 1.

6. Il-ħżin tal-informazzjoni fi ħdan l-ALC għandha tkun sikura, sigura u integrata taħt kundizzjonijiet normali ta’ operazzjoni.

7. Ma għandux ikun raġonevolment possibbli għal xi ħadd għajr l-awtorità ta’ monitoraġġ li jbiddel kwalunkwe data ta’ dik l-awtorità maħżuna fl-ALC, inkluża l-frekwenza tar-rappurtar tal-pożizzjoni lil dik l-awtorità.

8. Kwalunkwe karatteristika mibnija fl-ALC jew fis-software terminali biex tgħin fis-servizz ta’ manutenzjoni ma għandhiex tippermetti aċċess mhux awtorizzat għal kwalunkwe żona tal-ALC li potenzjalment tista’ tikkomprometti t-tħaddim tal-VMS.

9. L-ALCs għandhom jiġu installati fuq il-bastimenti f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur u l-istandards applikabbli tagħhom.

10. F’kundizzjonijiet normali ta’ operazzjoni tan-navigazzjoni bis-satellita, il-pożizzjonijiet derivati mid-data mibgħuta għandhom ikunu preċiżi sa mhux aktar minn 100 metru kwadru ta’ Għerq tal-Medja tal-kwadrati tad-Distanza (DRMS), (jiġifieri 98 % tal-pożizzjonijiet iridu jkunu f’din il-medda).

11. L-ALC u/jew il-fornitur tas-servizz ta’ trażmissjoni għandhom ikunu jistgħu jappoġġaw il-kapaċità li d-data tintbagħat lil diversi destinazzjonijiet indipendenti.

12. Id-dekodifikatur u t-trażmettitur tan-navigazzjoni satellitari għandhom ikunu integrati bis-sħiħ u jinżammu fl-istess post fiżiku magħluq li ma jkunx jista’ jintmess.

13. Format standard għar-rappurtar manwali tal-pożizzjoni fil-każ ta’ Malfunzjoni jew Ħsara fl-ALC huwa kif ġej:

1 WIN

2 Isem il-bastiment

3 Data: jj/xx/ss

4 Ħin: format 24 siegħa HH:MM (UTC)

5 Latitudni – DD-MM-SS (N/S)

6 Lonġitudni – DDD-MM-SS (E/W)

7 Attività (Sajd/Tiftix/Tranżitu/Trasbord)

(1)    Jekk jintuża kalar mill-ġenb b'purtiera għat-tnaffir tal-għasafar u l-brazzoli mmażrati mill-kolonna A, dan jgħodd bħala żewġ miżuri ta’ mitigazzjoni.
(2)    Jekk jintgħażel lett tori kemm mill-Kolonna A kif ukoll mill-Kolonna B, dan ifisser l-użu simultanju ta’ żewġ lettijiet tori (jiġifieri f’pari).
(3)    Il-kuperċi tas-sunnara jistgħu jintużaw bħala miżura waħidha.
Top