Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0140

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali)

COM/2021/140 final

Brussell, 17.3.2021

COM(2021) 140 final

2021/0071(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment jew li joqogħdu legalment fi Stat Membru jistgħu jivvjaġġaw liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn, sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, il-politika żviluppata mill-Unjoni li tiżgura l-assenza ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni meta jaqsmu l-fruntieri interni mhix ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni biss iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw fl-UE. Madankollu, uħud mir-restrizzjonijiet li ġew adottati mill-Istati Membri biex irażżnu l-firxa tal-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (“SARS-CoV-2“), li jikkaġuna l-marda tal-Coronavirus 2019 (“COVID‑19”), kellhom impatt fuq l-eżerċitar ta’ dak id-dritt. Ta’ sikwit dawn il-miżuri kienu jikkonsistu minn restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti speċifiċi oħra applikabbli għall-vjaġġaturi transfruntiera, bħal kwarantina jew awtoiżolament jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel ma l-vjaġġaturi jaslu jew wara li jaslu.

Biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat sew, prevedibbli u trasparenti fir-rigward tal-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment, fit-13 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, li tindirizza wkoll is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fl-Unjoni 1 . F’konformità mal-punt 17 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-persuni li jivvjaġġaw minn żoni ta’ riskju fi Stat Membru ieħor tal-UE li jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament u/jew jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel ma l-vjaġġaturi jaslu u/jew wara li jaslu.

Biex jagħtu prova tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti differenti, il-vjaġġaturi ntalbu jipprovdu tipi diversi ta’ verifiki ta’ dokumenti, bħal ċertifikati tas-saħħa, riżultati ta’ testijiet, jew dikjarazzjonijiet. In-nuqqas ta’ formati standardizzati u sikuri wassal biex il-vjaġġaturi esperjenzaw problemi fir-rigward tal-aċċettazzjoni tad-dokumenti tagħhom, kif ukoll rapporti li ġew ippreżentati dokumenti frawdolenti jew iffalsifikati 2 . X’aktarx li dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu jwasslu għal dewmien u tfixkil żejda, se jsiru saħansitra aktar prominenti hekk kif għadd akbar ta’ Ewropej qed jiġu ttestjati u mlaqqma kontra l-COVID-19 u qed jirċievu prova dokumentata għal dan. Il-Kunsill Ewropew ħa din il-kwistjoni f’idejh. Fid-dikjarazzjoni li adottaw wara l-vidjokonferenzi informali tal-25 u s-26 ta’ Frar 2021 3 , il-membri tal-Kunsill Ewropew appellaw biex tissokta l-ħidma fuq approċċ komuni għal ċertifikati tal-vaċċinazzjoni.

L-Istati Membri jaqblu dwar l-użu ta’ ċertifikati bħal dawn għal finijiet mediċi, bħal pereżempju biex jiġi żgurat segwitu xieraq bejn l-ewwel u t-tieni doża, kif ukoll dwar kwalunkwe booster li jkun meħtieġ wara. Huma qegħdin jaħdmu biex jiżviluppaw ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, sikwit permezz ta’ informazzjoni li tkun disponibbli fir-reġistri tal-immunizzazzjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri fin-Network tas-Saħħa Elettronika, li huwa network volontarju ta’ konnessjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa Elettronika, dwar it-tħejjija tal-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni. Fis-27 ta’ Jannar 2021, in-Network tas-Saħħa Elettronika adotta Linji Gwida dwar il-prova tal-vaċċinazzjoni għal finijiet mediċi, li ġew aġġornati fit-12 ta’ Marzu 2021 4 . Dawn il-linji gwida jiddefinixxu l-elementi tal-interoperabbiltà ċentrali, jiġifieri sett ta’ data minimu għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, u identifikatur uniku. In-Network tas-Saħħa Elettronika u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa li ġew stabbiliti mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 ukoll qed jaħdmu fuq sett ta’ data standardizzat u komuni għaċ-ċertifikati tar-riżultati tat-test tal-COVID-19 6 , linji gwida dwar iċ-ċertifikati tal-irkupru u s-settijiet ta’ data rispettivi, u ħarsa ġenerali dwar l-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tas-saħħa 7 .

Abbażi tal-ħidma teknika li saret sa issa, fil-proposta tagħha għal Regolament dwar Ċertifikat Aħdar Diġitali (COM(2021)/xxx), li huwa ppreżentat b’mod parallel ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ qafas madwar l-UE għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni fl-UE bħala parti minn “Ċertifikat Aħdar Diġitali”. Fl-istess waqt, dan il-qafas jenħtieġ li jkopri wkoll ċertifikati oħra li jinħarġu matul il-pandemija tal-COVID-19, jiġifieri dokumenti li jiċċertifikaw riżultat negattiv tat-test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 kif ukoll dokumenti li jiċċertifikaw li l-persuna kkonċernata tkun irkuprat minn infezzjoni preċedenti tas-SARS-CoV-2. Dawn jippermettu lill-persuni li ma jiġux imlaqqmin jew li ma jkunx għad kellhom l-opportunità li jingħataw it-tilqima li jibbenefikaw minn tali qafas interoperabbli ukoll biex l-ivvjaġġar tagħhom jiġi ffaċilitat. Filwaqt li t-tfal, pereżempju, ma jistgħux jibbenefikaw mill-vaċċinazzjoni tal-COVID-19 għalissa, jenħtieġ li jkunu jistgħu jirċievu ċertifikat dwar l-ittestjar għall-marda jew dwar l-irkupru minnha, li jkunu jistgħu jintbagħtu lill-ġenituri tagħhom f’isimhom.

Il-qafas stabbilit fil-proposta għal Regolament dwar Ċertifikat Aħdar Diġitali (COM(2021)/xxx) japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew għall-membri tal-familja tagħhom li jistgħu jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz. Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-istess qafas japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-oħrajn li joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor f'konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Skont l-Artikolu 77(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tiżviluppa politiki li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li bihom ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jkollhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni. Madankollu, uħud mill-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jillimitaw it-tixrid tat-tifqigħa tal-COVID-19 kellhom impatt fuq il-libertà tal-ivvjaġġar fl-Unjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment. Dawn il-miżuri spiss kienu jikkonsistu f’restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti speċifiċi oħrajn applikabbli għall-vjaġġaturi transfruntiera, b’impatt partikolarment għoli fuq il-persuni li jgħixu fir-reġjuni tal-fruntiera u li jaqsmu l-fruntiera bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħhom għax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, ix-xiri, l-attivitajiet kulturali u l-attivitajiet ta’ divertiment, bħar-rekwiżit li jagħmlu l-kwarantina jew l-awtoiżolament jew li jiġu ttestjati għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel u/jew wara l-wasla.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tistabbilixxi approċċ ikkoordinat fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, l-immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19, ippubblikat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (European Centre for Disease Prevention and Control, ECDC) 8 , abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri maqbul, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn żoni differenti, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.

Fit-30 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen, li fiha rrakkomanda lill-Istati Membri li huma marbutin bl-acquis ta’ Schengen biex japplikaw il-prinċipji, il-kriterji komuni, is-solli komuni u l-qafas komuni ta’ miżuri, stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475. Biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-soluzzjonijiet tekniċi differenti għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni li qed jiġu żviluppati mill-Istati Membri, li wħud minnhom diġà bdew jaċċettaw il-provi tal-vaċċinazzjoni biex jeżentaw lill-vjaġġaturi minn ċerti restrizzjonijiet, hemm il-bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha.

Jenħtieġ li l-qafas taċ-“Ċertifikat Aħdar Diġitali” li jrid jinħoloq jistabbilixxi l-format u l-kontenut ta’ ċertifikati dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jenħtieġ li l-qafas ta’ “Ċertifikat Aħdar Diġitali” jiżgura li dawn iċ-ċertifikati jkunu jistgħu jinħarġu f’format interoperabbli u jkunu jistgħu jiġu vverifikati b’mod affidabbli meta jiġu ppreżentati mid-detentur fi Stati Membri oħra, u b’hekk jiffaċilita l-ivvjaġġar fl-UE.

Iċ-ċertifikati jenħtieġ li jinkludu biss id-data personali neċessarja. Meta jitqies li d-data personali tinkludi data medika sensittiva, jenħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data filwaqt li jinżammu l-prinċipji dwar il-minimizzazzjoni tad-data. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-qafas taċ-“Ċertifikat Aħdar Diġitali” ma jkunx jirrikjedi l-ħolqien u ż-żamma ta’ bażi ta’ data fil-livell tal-UE, iżda jenħtieġ li jkun jippermetti li jsiru verifiki deċentralizzati ta’ ċertifikati interoperabbli ffirmati diġitalment.

Il-proposta tar-Regolament (UE) 2021/XXX tqis l-isforzi li jinsabu għaddejjin fil-livell internazzjonali, bħal dawk li qed isiru taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (World Health Organisation, “WHO”) u aġenziji speċjalizzati oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti, għall-ħolqien ta’ speċifikazzjonijiet u gwida għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali għad-dokumentazzjoni tal-istatus ta’ vaċċinazzjoni. Il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu inkoraġġiti li jirrikonoxxu ċ-“Ċertifikat Aħdar Diġitali” meta jneħħu r-restrizzjonijiet minn fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali. B’mod partikolari, dan jista’ jinkludi l-interoperabbiltà bejn is-sistemi teknoloġiċi stabbiliti fil-livell globali u s-sistemi stabbiliti għall-fini ta’ dan ir-Regolament biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ Schengen fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li r-Regolament propost ma jinftiehem bl-ebda mod bħala inkoraġġiment jew faċilitazzjoni għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, li trid tibqa’ miżura tal-aħħar istanza suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 (“il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) 9 .

Il-proposta tikkomplementa u tibni fuq inizjattivi ta’ politika oħrajn adottati matul il-pandemija tal-COVID-19 fil-qasam tal-moviment liberu u l-ivvjaġġar, bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/119, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/132 10 . B’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tiddeskrivi l-prinċipji ġenerali li jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom abbażi tagħhom billi jadottaw u japplikaw miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 telenka l-pajjiżi terzi minn fejn jenħtieġ li jkun permess l-ivvjaġġar mhux essenzjali, kif ukoll il-funzjonijiet u l-ħtiġijiet li l-ivvjaġġar essenzjali għalihom huwa permess irrispettivament mill-pajjiż terz ta’ oriġini. Għall-futur immedjat, il-Kummissjoni se żżomm l-operat tar-Rakkomandazzjoni msemmija l-aħħar taħt rieżami mill-qrib, u se tipproponi emendi f’konformità mal-iżviluppi f’dan il-qasam.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti mis-sett ta’ miżuri tal-UE b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari hija tibni fuq ħidma teknika li saret qabel mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u n-Network tas-Saħħa elettronika, network volontarju li jiġbor flimkien l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Saħħa elettronika.

Din il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati li jixhdu l-istatus tas-saħħa tad-detentur, anke jekk il-produzzjoni ta’ tali ċertifikati tista’ tkun meħtieġa biex jitneħħew ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-ivvjaġġar li jiddaħħlu fi żmien pandemija. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jiżguraw l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta’ tali ċertifikati.

Din il-proposta tqis l-isforzi li jinsabu għaddejjin fil-livell internazzjonali, bħal dawk li qed isiru taħt l-awspiċi ta’ aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”), abbażi tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, għall-ħolqien ta’ speċifikazzjonijiet u gwida għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali għad-dokumentazzjoni tal-istatus ta’ vaċċinazzjoni. Il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu inkoraġġiti li jirrikonoxxu ċ-“Ċertifikat Aħdar Diġitali” meta jneħħu r-restrizzjonijiet minn fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 77(2)(c) TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tistabbilixxi il-kundizzjonijiet li bihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment għandu jkollhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal perjodu qasir. Tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 billi tistabbilixxi qafas komuni għall-ħruġ u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha. Jenħtieġ li dan jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri l-oħra biex juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa pubblika imposti, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, mill-Istat Membru tad-destinazzjoni. Għan ieħor tal-proposta huwa li jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-ivvjaġġar li jinsabu fis-seħħ bħalissa biex irażżnu l-imxija tal-COVID-19 ikunu jistgħu jitneħħew b’mod ikkoordinat hekk kif ikun hemm aktar evidenza xjentifika.

Din il-proposta la tistabbilixxi obbligu u lanqas dritt għall-vaċċinazzjoni. L-istrateġiji tal-vaċċinazzjoni huma kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi ta’ din il-proposta, jiġifieri l-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar fl-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 billi jiġu stabbiliti ċertifikati sikuri u interoperabbli dwar l-istatus tal-vaċċinazzjoni, tal-ittestjar u tal-irkupru tad-detentur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti minn kull Stat Membru individwalment iżda, għar-raġunijiet tad-daqs u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE x’aktarx li jwassal biex l-Istati Membri jadottaw sistemi differenti, bir-riżultat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment li jeżerċitaw il-libertà tal-ivvjaġġar tagħhom jiltaqgħu ma’ problemi f’termini ta’ rikonoxximent tad-dokumenti li jkunu nħarġulhom fi Stati Membri oħra. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar l-istandards tekniċi li jridu jintużaw biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà, is-sigurtà u l-verifikabbiltà taċ-ċertifikati li jinħarġu.

Proporzjonalità

Azzjoni fil-livell tal-UE tista’ żżid valur konsiderevoli fl-indirizzar tal-isfidi identifikati aktar ’il fuq u hija l-uniku mod biex jinkiseb u jinżamm qafas konverġenti u kompatibbli.

L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati rigward iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-COVID-19 tista’ twassal għal miżuri li jillimitaw il-possibbiltà li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma intitolati jivvjaġġaw fl-Unjoni, ikunu jistgħu fil-fatt jivvjaġġaw.

F’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/XXXX li japplikaw kompletament għal dan ir-Regolament propost, jenħtieġ li r-Regolament propost jiġi sospiż ladarba l-pandemija tal-COVID-19 tkun ġiet megħluba, peress li minn dak il-mument, ma jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu obbligati jippreżentaw kwalunkwe dokument tas-saħħa meta jivvjaġġaw fl-Unjoni. Fl-istess waqt, l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tissokta jekk id-WHO tiddikjara pandemija oħra wara tifqigħa ta’ SARS-CoV-2, varjant tiegħu, jew mard simili li jittieħed b’potenzjal ta’ epidemija.

Għażla tal-istrument

Regolament jiżgura l-implimentazzjoni diretta, immedjata u komuni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li saru f’intervalli regolari mal-Istati Membri, l-iskambji tekniċi li qed iseħħu fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u n-Network tas-Saħħa elettronika, l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Il-proposta tibni fuq l-iskambji tekniċi li jsiru fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u n-Network tas-Saħħa Elettronika, l-informazzjoni ppubblikata mill-ECDC dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika relatata mal-pandemija tal-COVID-19, u l-evidenza xjentifika rilevanti li ssir disponibbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-urġenza, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta timplika l-ipproċessar tad-data personali, inkluża data dwar is-saħħa. Hemm impatti potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali ta’ individwi, jiġifieri l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-Artikolu 8 dwar id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar tad-data personali ta’ individwi, inklużi l-ġbir, l-aċċess għad-data personali u l-użu tagħha, jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont il-Karta. L-interferenza ma’ dawn id-drittijiet fundamentali trid tiġi ġġustifikata.

Fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fosthom is-sigurtà tad-data japplika r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 . Ma hija prevista ebda deroga mir-reġim ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni u l-Istati Membri jridu jimplimentaw regoli, kundizzjonijiet u salvagwardji robusti u ċari, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Ir-Regolament propost ma joħloqx bażi tad-data Ewropea dwar ċertifikati dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha. Għall-finijiet tar-Regolament propost, id-data personali tista’ tiġi inkluża fiċ-ċertifikat li jinħareġ biss, li jenħtieġ li jiġi protett kontra l-falsifikazzjoni u t-tbagħbis.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-finanzjament ta’ azzjonijiet li jappoġġaw din l-inizjattiva se jkun kopert mid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva ppreżentata mal-proposta għar-Regolament (UE) 2021/XXX.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhix rilevanti.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jiddeskrivi s-suġġett tar-Regolament propost.

L-Artikolu 2 jipprevedi d-dħul fis-seħħ mgħaġġel tar-Regolament.

2021/0071 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-acquis ta’ Schengen, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiċċaqalqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn kollha matul perjodu ta’ 90 jum tul kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

(2)Fit-30 ta’ Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (World Health Organization, “WHO”) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali tal-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (SARS-CoV-2), li jikkawża l-marda tal-coronavirus 2019 (COVID19). Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.

(3)Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq l-ivvjaġġar lejn it-territorju tal-Istati Membri u l-ivvjaġġar fih, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti li vjaġġaturi transfruntiera jagħmlu l-kwarantina.

(4)Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 12 .

(5)Fit-30 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632 13 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen, li fiha rrakkomanda lill-Istati Membri li huma marbutin bl-acquis ta’ Schengen biex japplikaw il-prinċipji, il-kriterji komuni, is-solli komuni u l-qafas komuni ta’ miżuri, stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475.

(6)Ħafna Stati Membri nedew jew qed jippjanaw li jniedu inizjattivi għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni. Madankollu, biex dawn jintużaw b’mod effettiv b’konnessjoni mal-ivvjaġġar transfruntier fl-Unjoni, dawn iċ-ċertifikati jeħtieġ li jkunu kompletament interoperabbli, siguri u verifikabbli. Fost l-Istati Membri hemm bżonn approċċ bi qbil komuni fuqu dwar il-kontenut, il-format, il-prinċipji u l-istandards tekniċi ta’ tali ċertifikati.

(7)Bħalissa diġà, diversi Stati Membri qed jeżentaw persuni mlaqqma minn ċerti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Jekk l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni għad-deroga mir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar fis-seħħ, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, għal-limitazzjoni tat-tixrid tal-COVID-19, pereżempju rekwiżiti ta’ kwarantina/awtoiżolament jew ta’ ttestjar għal infezzjoni bis-SARS-CoV-2, jenħtieġ li dawn ikollhom jaċċettaw, bl-istess kundizzjonijiet, ċertifikati validi tal-vaċċinazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra f’konformità mal-proposta għal Regolament dwar Ċertifikat Aħdar Diġitali (COM(2021)/xxx). Jenħtieġ li din l-aċċettazzjoni ssir bl-istess kundizzjonijiet, jiġifieri, pereżempju, jekk Stat Membru jqis li doża singola ta’ vaċċin amministrat tkun biżżejjed, jenħtieġ li jittratta bl-istess mod lid-detenturi ta’ ċertifikat tal-vaċċinazzjoni li jindika doża singola tal-istess vaċċin. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, jenħtieġ li dan l-obbligu jkun limitat għal persuni li jkunu rċevew vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jiddeċiedu li jaċċettaw ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa għal vaċċini oħra tal-COVID-19, bħal vaċċini li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 , vaċċini li d-distribuzzjoni tagħhom tkun ġiet awtorizzata temporanjament fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva 2001/83/KEE, jew vaċċini elenkati mid-WHO għall-użu f’emerġenza. Ir-Regolament (UE) Nru 2021/xxxx ta’ xx xx 2021 jistabbilixxi qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan japplika għal ċittadini tal-Unjoni u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni.

(8)F’konformità mal-Artikoli 19, 20 u 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jivvjaġġaw liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn.

(9)Biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom id-dritt għal ivvjaġġar ta’ dan it-tip, jenħtieġ li l-qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, dwar l-ittestjar għall-marda u dwar l-irkupru minnha stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 2021/xxxx japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti minn dak ir-Regolament, sakemm ikunu qed joqogħdu legalment jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u jkunu intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f’konformità mad-dritt tal-Unjoni .

(10)Biex iċ-ċertifikati jintużaw b’mod effettiv b’konnessjoni mal-ivvjaġġar transfruntier, dawn iċ-ċertifikati jridu jkunu kompletament interoperabbli.

(11)Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftehimx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar u l-moviment liberu, jew għal drittijiet fundamentali oħra, b’reazzjoni għall-pandemija. Barra minn hekk, kwalunkwe ħtieġa għal verifika taċ-ċertifikati stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/xxx ma tistax għaldaqstant tiġġustifika r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, soġġetti għal regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) 16 .

(12)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, id-Danimarka għandha tiddeċiedi hux se timplimenta r-Regolament fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwaru.

(13)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 17 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għalkemm l-Irlanda mhijiex soġġetta għal dan ir-Regolament, għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ivvjaġġar fl-Unjoni, l-Irlanda tista’ toħroġ ukoll ċertifikati, li jikkonformaw mal-istess rekwiżiti bħal dawk applikabbli għaċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħha u l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw dawn iċ-ċertifikati. L-Irlanda tista’ taċċetta wkoll ċertifikati maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tagħhom.

(14)Fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(15)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 18 .

(16)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 19 .

(17)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 20 .

(18)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 u taw opinjoni fi […],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/XXXX [ir-Regolament dwar Ċertifikat Aħdar Diġitali] għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament iżda li jirrisjedu jew joqogħdu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    F’isem il-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(2)     https://www.europol.europa.eu/early-warning-notification-illicit-sales-of-false-negative-covid-19-test-certificates  
(3)    SN 2/21.
(4)     https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/vaccination-proof_interoperability-guidelines_en.pdf  
(5)    Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(6)    Disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/preparedness_response/docs/covid-19_rat_common-list_en.pdf  
(7)    Disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/trust-framework_interoperability_certificates_en.pdf  
(8)     https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/weekly-maps-coordinated-restriction-free-movement  
(9)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/119 tal-1 ta' Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 36, 2.2.2021, p. 1–6, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/132 tat-2 ta’ Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni ĠU L 41, 4.2.2021, p. 1–5
(11)    Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(12)    ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1632 tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fiż-żona Schengen (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 25).
(14)    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).
(15)    Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).
(16)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(17)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(20)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(21)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
Top