EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0162

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-ittestjar għall-COVID-19 (2021/2654(RSP))

ĠU C 506, 15.12.2021, p. 105–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 506/105


P9_TA(2021)0162

L-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-ittestjar għall-COVID-19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2021 dwar l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-ittestjar għall-COVID-19 (2021/2654(RSP))

(2021/C 506/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 9, 114, 153, 168, 169 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar) (COM(2021)0130),

wara li kkunsidra r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa attwali,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1595 tat-28 ta' Ottubru 2020 dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19, inkluż l-użu tat-testijiet tal-antiġeni rapidi (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (2),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2021 dwar qafas komuni għall-użu u l-validazzjoni ta' testijiet rapidi tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 fl-UE (3);

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, soġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati biex ikollhom effett (4);

B.

billi l-ittestjar effettiv huwa meqjus bħala għodda deċiżiva biex titrażżan il-firxa tas-SARS-CoV-2 u l-varjanti ta' tħassib tiegħu, jiġu identifikati l-infezzjonijiet u jiġu limitati l-miżuri ta' iżolament u ta' kwarantina, u se jkompli jkollu rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-moviment liberu tal-persuni u biex jiġu żgurati t-trasport transfruntier u l-forniment transfruntier ta' servizzi matul il-pandemija;

C.

billi kapaċitajiet suffiċjenti ta' ttestjar u sekwenzjar huma indispensabbli għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-identifikazzjoni rapida tal-emerġenza ta' aktar varjanti tas-SARS-CoV-2;

D.

billi l-Kummissjoni pproponiet pakkett leġiżlattiv għall-Unjoni Ewropea tas-Saħħa;

E.

billi l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà ta' dawn it-testijiet ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tad-disponibbiltà ta' testijiet mingħajr ħlas għall-forza tax-xogħol tal-ewwel linja, inklużi l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, l-iskejjel, l-universitajiet u l-faċilitajiet tal-kura tat-tfal;

F.

billi l-Kummissjoni pproponiet qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikat interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19, imsejjaħ iċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE;

G.

billi ċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE jiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE; billi ħafna Stati Membri għadhom qed jitolbu lill-persuni li jivvjaġġaw lejn it-territorju tagħhom biex jagħmlu test biex jaraw humiex infettati bil-COVID-19 qabel jew wara l-wasla;

H.

billi ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mhux se jkunu tlaqqmu kollha sa meta jidħol fis-seħħ ir-regolament dwar iċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE, jew minħabba li t-tilqima tkun għadha ma ġietx offruta lilhom jew inkella minħabba li ma jistgħux jew ma jixtiqux jitlaqqmu, u għaldaqstant se jkollhom jiddependu fuq ċertifikati bbażati fuq l-ittestjar jew l-irkupru biex jiffaċilitawlhom il-moviment liberu;

I.

billi t-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku (NAAT) inklużi fil-lista mfassla abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2021 jiffurmaw parti integrali miċ-ċertifikati COVID-19 tal-UE previsti;

J.

billi l-ispejjeż tat-testijiet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u l-aċċess limitat għall-protezzjoni legali jfissru li l-ħaddiema staġonali jħabbtu wiċċhom ma' sfidi partikolari fir-rigward tal-ittestjar u l-awtoiżolament għall-benefiċċju tas-saħħa pubblika;

K.

billi l-COVID-19 laqat b'mod sproporzjonat lill-persuni vulnerabbli, lill-minoranzi etniċi, lir-residenti fid-djar tal-kura, lis-servizzi residenzjali għall-persuni anzjani, lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni bla dar; billi l-popolazzjonijiet vulnerabbli jinsabu f'riskju akbar li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni finanzjarja meta ma jkollhomx possibbiltà li jirċievu testijiet mingħajr ħlas;

L.

billi l-ittestjar effettiv huwa wkoll komponent ewlieni tal-istrateġija li għandha l-għan li tagħti spinta lill-irkupru ekonomiku u tippermetti li l-attivitajiet edukattivi u soċjali jitwettqu bħas-soltu fl-Istati Membri sabiex il-libertajiet fundamentali jkunu jistgħu jiġu eżerċitati għalkollox;

M.

billi l-Istati Membri kollha jipprovdu t-tilqim kontra l-COVID-19 liċ-ċittadini u lir-residenti tagħhom mingħajr ħlas, iżda mhux l-Istati Membri kollha jipprovdu l-ittestjar b'xejn; billi ċ-ċittadini u r-residenti tal-Istati Membri l-oħra sikwit ikollhom iħallsu prezzijiet għoljin għat-testijiet tal-COVID-19, u dan jagħmel din l-għażla inaċċessibbli għal uħud minnhom, u jġib miegħu r-riskju li tinħoloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-istatus soċjoekonomiku;

N.

billi biex jiġu evitati l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni fl-UE bejn ċittadini u residenti mlaqqma u dawk li ma jkunux imlaqqma, kemm l-ittestjar kif ukoll it-tilqim għandhom ikunu b'xejn;

O.

billi ċ-ċertifikati tat-test maħruġa mill-Istati Membri f'konformità maċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE għandhom jiġu aċċettati mill-Istati Membri li jitolbu prova ta' test għal infezzjoni bil-COVID-19 fil-kuntest tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fis-seħħ biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19;

P.

billi għandha tkun disponibbli f'post wieħed informazzjoni ċara u faċli għall-utent dwar id-disponibbiltà tal-ittestjar tal-COVID-19 fl-Istati Membri kollha, u fejn l-ittestjar b'xejn mhuwiex offrut, dwar il-prezzijiet;

Q.

billi nuqqas ta' kapaċità tal-ittestjar u l-kwistjoni tal-affordabbiltà tal-ittestjar għall-COVID-19 jippreżentaw sfidi għall-indirizzar effettiv tal-pandemija u jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-moviment liberu fi ħdan l-UE, għall-fini ta' xogħol, ta' divertiment, ta' riunifikazzjoni tal-familja jew fini ieħor;

R.

billi 17-il miljun ċittadin tal-UE jaħdmu jew jgħixu barra mill-Istat Membru tagħhom u billi ħafna miljuni jgħixu f'żoni periferiċi jew tal-fruntiera u jkollhom jaqsmu fruntiera b'mod regolari, anke fuq bażi ta' kuljum; billi dawn iċ-ċittadini ġew milquta wkoll b'mod sproporzjonat mid-diffikultà u l-ispiża biex jiġu ttestjati; billi r-rekwiżiti tal-ittestjar jew tal-kwarantina għadhom qed joħolqu dewmien għat-trasport transfruntiera tal-merkanzija u għall-forniment ta' servizzi fiżiċi transfruntiera, u jżidu l-ispejjeż tagħhom;

S.

billi vjaġġaturi oħra wkoll jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli, inklużi ostakli finanzjarji u rekwiżiti kkumplikati kkawżati mir-rekwiżiti tal-ittestjar tal-COVID-19;

T.

billi fil-pandemija attwali ttieħdu firxa wiesgħa ta' miżuri, anke miżuri eċċezzjonali, biex jappoġġaw lill-pubbliku ġenerali u lill-ekonomija tal-UE;

U.

billi l-moviment liberu fil-prinċipju huwa dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE, u fi żminijiet ta' kriżi għandha tittieħed kull miżura biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jgawdu dak id-dritt b'mod ugwali;

V.

billi l-Kummissjoni akkwistat b'mod konġunt il-vaċċini kontra l-COVID-19 f'isem l-Istati Membri kollha, filwaqt li żgurat l-aċċessibbiltà u baxxiet il-prezzijiet għal kulħadd;

W.

billi fit-18 ta' Diċembru 2020 il-Kummissjoni ffirmat kuntratt qafas ma' Abbott and Roche għax-xiri ta' aktar minn 20 miljun test rapidu tal-antiġeni, u dan jagħmel it-testijiet disponibbli għall-Istati Membri kollha;

X.

billi f'każijiet eċċezzjonali, l-intervent fis-suq (temporanju) huwa meħtieġ u ġġustifikat biex jelimina l-ostakoli għall-moviment ħieles fis-suq uniku, biex jiżgura l-kompetizzjoni ġusta u l-provvista ta' prodotti u servizzi essenzjali;

1.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ittestjar universali, aċċessibbli, f'waqtu u mingħajr ħlas sabiex jiggarantixxu d-dritt għall-moviment liberu fl-UE mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' mezzi ekonomiċi jew finanzjarji fil-kuntest taċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 3 tal-mandat tal-Parlament għan-negozjati dwar il-proposta għal Ċertifikat Diġitali Aħdar (5); jissottolinja t-theddida ta' diskriminazzjoni finanzjarja li altrimenti jiġu soġġetti għaliha ċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li ma jkunux imlaqqma ladarba jiġi implimentat iċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE;

2.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ittestjar mingħajr ħlas, b'mod partikolari għall-forza tax-xogħol tal-ewwel linja, inklużi l-ħaddiema tas-saħħa u l-pazjenti tagħhom, u għall-iskejjel, l-universitajiet u l-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu limitu temporanju fuq il-prezzijiet tat-testijiet tal-COVID-19 li ma jittiħdux biex jinkiseb ċertifikat COVID-19 tal-UE jew fil-kuntest taċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 2;

4.

Jenfasizza li ċ-ċertifikati COVID-19 tal-UE bbażati fuq test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku m'għandhomx jikkawżaw aktar inugwaljanzi u distakki soċjali; jissottolinja li aċċess ġust u ekwu għall-ittestjar huwa imperattiv;

5.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, sadanittant, biex ikomplu jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1595 biex jiżguraw approċċ komuni u strateġiji tal-ittestjar aktar effiċjenti fl-UE kollha, kif ukoll biex jimplimentaw għalkollox ir-regolament dwar iċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE, ladarba jiġi adottat;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament suffiċjenti u jkomplu bl-isforzi tagħhom skont l-inkubatur tal-Awtorità għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex jiżviluppaw ittestjar innovattiv u mhux invażiv għat-tfal u għall-gruppi vulnerabbli, inkluż għall-varjanti;

7.

Jissottolinja li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom juru impenn aktar sod lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini u r-residenti tagħhom, li d-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment m'għandux jiddependi mill-istatus soċjoekonomiku tagħhom;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza r-riżorsi tagħha biex tiffaċilita implimentazzjoni finanzjarjament ġusta u antidiskriminatorja taċ-ċertifikat COVID-19 tal-UE interoperabbli;

9.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex b'mod konġunt jakkwistaw kits tat-testijiet dijanjostiċi u jiffirmaw kuntratti konġunti mal-fornituri ta' servizzi ta' laboratorji ta' analiżi medika biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar tal-COVID-19 fil-livell tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta' trasparenza u skrutinju fl-akkwist fil-qasam tas-saħħa; jenfasizza li huwa ta' importanza vitali li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirriżerva baġit suffiċjenti biex takkwista t-tagħmir imsemmi f'dan il-paragrafu biex tkun tista' tieħu azzjoni rapida u konvinċenti;

10.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni pprevediet flessibbiltà biex tħaffef il-formalitajiet doganali u tirrinunzja l-VAT fuq il-kits għall-ittestjar tal-COVID-19;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha possibbli għall-professjonisti tas-saħħa u għalll-operaturi mħarrġa biex jiġbru d-data tal-ittestjar u jirrappurtawha lill-awtoritajiet rilevanti; jenfasizza l-importanza li jsir adattament tal-kapaċità tal-ittestjar skont l-aħħar data epidemjoloġika u jenfasizza li r-riżultati tat-testijiet kollha għandhom jiġu rrappurtati, anke jekk it-testijiet ikunu saru jitwettqu f'ċentri jew strutturi tat-testijiet li ma jkunux akkreditati;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tattiva l-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ittestjar tal-COVID-19, filwaqt li titlob kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri, tassigura finanzjament addizzjonali għal ftehimiet ta' xiri bil-quddiem u tiżgura li l-vaċċini jiġu pprovduti b'xejn; jistenna li dan l-isforz konġunt jintuża biex inebbaħ biex tiżdied id-disponibbiltà tal-ittestjar mingħajr ħlas għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi informazzjoni ċara dwar id-disponibbiltà u l-faċilitajiet tal-ittestjar għall-COVID-19 fl-Istati Membri kollha fuq is-sit web Re-open EU u b'rapidità tħejji għall-użu applikazzjoni (app) li tgħin lill-utenti jsibu l-post tal-faċilità tal-ittestjar għall-COVID-19 li tkun l-eqreb għalihom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan it-tip ta' informazzjoni faċilment aċċessibbli permezz ta' interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, sabiex l-operaturi tal-ivvjaġġar ikunu jistgħu jikkondividu din l-informazzjoni faċilment mal-klijenti tagħhom;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet tal-ittestjar fl-UE kollha, kemm għal testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku kif ukoll għal testijiet rapidi tal-antiġeni, speċjalment fil-hubs ewlenin tat-trasport u fid-destinazzjonijiet turistiċi, inkluż f'reġjuni remoti u gżejjer u f'reġjuni tal-fruntiera, billi jużaw unitajiet tal-ittestjar mobbli u jikkondividu l-faċilitajiet tal-laboratorji;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali fit-twaqqif ta' ċentri tal-ittestjar, bil-għan li tiġi żgurata l-prossimità fiżika;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 360, 30.10.2020, p. 43.

(2)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(3)  ĠU C 24, 22.1.2021, p. 1.

(4)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0145.


Top