This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021BP1669
Resolution (EU) 2021/1669 of the European Parliament of 29 April 2021 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget for the Bio-based Industries Joint Undertaking for the financial year 2019
Riżoluzzjoni (UE) 2021/1669 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019
Riżoluzzjoni (UE) 2021/1669 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019
ĠU L 340, 24.9.2021, p. 478–482
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/478 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1669 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2019, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0105/2021), |
A. |
billi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita bħala sħubija pubblika-privata bir-Regolament (UE) Nru 560/2014 (1) għal perjodu ta’ għaxar snin bl-għan li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u li tikkontribwixxi biex l-Unjoni tiġi stabbilita bħala protagonist fundamentali fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-diffużjoni tal-prodotti b’bażi bijoloġika u l-bijofjuwils avvanzati; |
B. |
billi, skont l-Artikoli 38 u 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, li ġew adottati bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-uffiċjal tal-kontabbiltà ħejja l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2019; |
C. |
billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali, rappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (il-“BIC”); |
Ġenerali
1. |
Jinnota li l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, hija ta’ EUR 975 000 000, li għandha titħallas minn Orizzont 2020; jinnota li l-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 2 730 000 000 matul il-perjodu taċ-ċiklu tal-ħajja tal-Impriża Konġunta, li jikkonsistu f’mill-inqas EUR 182 500 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 1 755 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura biex jimplimentaw attivitajiet addizzjonali barra mill-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta u jikkontribwixxu għall-objettivi tagħha; |
2. |
Jinnota li ġew miżmuma 23 mill-178 proposta eliġibbli mis-sejħa għal proposti tal-2019 u fl-istadju ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja sa tmiem l-2019; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għandha portafoll ta’ 124 proġett għaddej b’total ta’ 1 466 parteċipant minn 37 pajjiż b’valur ta’ għotja totali ta’ EUR 717 000 000; |
3. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta pprovdiet effett ta’ strutturar fil-prijoritajiet strateġiċi tas-settur b’bażi bijoloġika u f’żoni ġeografiċi differenti filwaqt li żgurat ukoll parteċipazzjoni bbilanċjata tal-industrija, is-settur akkademiku, u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jinnota, barra minn hekk, li l-missjoni tal-Impriża Konġunta hija li timplimenta, fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, l-aġenda strateġika ta’ innovazzjoni u riċerka (SIRA) żviluppata mill-BIC u approvata mill-Kummissjoni; josserva li fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-baġit operattiv, l-allokazzjoni għall-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni u inizjattivi ewlenin hija konformi mal-miri filwaqt li huma meħtieġa aġġustamenti għall-azzjonijiet ta’ dimostrazzjoni u ta’ koordinazzjoni u appoġġ; |
4. |
Josserva bi tħassib kbir l-eżistenza ta’ problemi fir-rigward tal-governanza u t-trasparenza tal-Impriża Konġunta fejn il-kumpaniji privati parteċipanti jeżerċitaw kontroll esklussiv fuq il-prijoritajiet tas-sħubija (fejn l-industrija waħedha tfassal l-aġendi strateġiċi u l-pjanijiet ta’ ħidma annwali tal-industriji b’bażi bijoloġika) u jipprivatizzaw ir-riżultati u d-data tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi pubbliċi; jinsab imħasseb, f’dak ir-rigward, li l-Industrija tirrifjuta li tiżvela dokumenti kruċjali, bħal proposti għal proġetti, għotjiet jew ftehimiet ta’ proġetti; ifakkar, f’dan ir-rigward, li dawk id-dokumenti jikkonċernaw proġetti ffinanzjati minn fondi pubbliċi; jinnota bi tħassib li l-problemi msemmija hawn fuq huma parzjalment konsegwenza loġika tal-istruttura u l-mekkaniżmi ta’ din is-sħubija pubblika-privata; |
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta’ attività tal-Impriża Konġunta fil-futur se jirrispetta r-rekwiżiti u l-objettivi previsti mid-dritt tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li se jsegwi l-istrateġiji fil-qasam elaborat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
6. |
Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2019 (ir-“rapport tal-Qorti”) sab li l-kontijiet annwali tal-2019 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2019 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi ta’ flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, skont ir-regolament finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabbiltà adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; |
7. |
Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta li l-baġit finali disponibbli għall-2019 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 141 629 433 (li minnhom EUR 133 608 895 kienu mill-baġit tal-Unjoni) u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 182 118 821 (li minnhom EUR 145 833 500 kienu mill-baġit tal-Unjoni); jinnota, barra minn hekk, li l-baġit amministrattiv kien jinkludi surplus relattivament kbir ta’ baġit mhux użat mis-snin preċedenti u li l-approprjazzjonijiet riattivati parzjalment ġew ikkunsmati bi prijorità, u li r-riattivazzjoni ulterjuri tal-approprjazzjonijiet hija prevista fil-baġit tal-2020 permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda fi tmiem l-2019 u għandha tkun prevista permezz ta’ emenda baġitarja; jinnota li fi tmiem l-2019, il-baġit amministrattiv kiseb rata ta’ implimentazzjoni ta’ 92 % u ta’ eżekuzzjoni ta’ 78 %; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza f’dan ir-rigward; |
8. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 916 064 000 fi tmiem l-2019 jinkludi madwar EUR 216 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet irrappurtati iżda li għalihom il-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma tlestiex minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza li l-kumpaniji parteċipanti s’issa pprovdew biss 3,7 % tal-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom u li dawk il-kumpaniji rrifjutaw li jiżvelaw id-data li tippermetti evalwazzjoni xierqa ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet in natura; |
9. |
Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-impriżi konġunti li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri privati tagħhom; jitlob l-armonizzazzjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet in natura fost l-impriżi konġunti; il-proċedura komuni għandha tipprevedi metodi ta’ evalwazzjoni trasparenti u effikaċi li jiżguraw il-valur reali tal-kontribuzzjoni; jistieden lill-Qorti tipprovdi l-iskrutinju tal-awditi mwettqa mill-awdituri indipendenti esterni; jitlob ukoll qafas ġuridiku xieraq li jiżgura li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa jintlaħaq sa tmiem il-programm; jinnota li l-qafas ġuridiku jista’ jinkludi r-rekwiżiti għal kontribuzzjoni privata li titħallas qabel jew fl-istess mument bħall-kontribuzzjoni korrispondenti tal-Unjoni. |
10. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li minkejja l-kanċellazzjoni ta’ EUR 18 000 000 permezz tal-ewwel baġit emendatorju li jikkumpensa għar-riattivazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-snin preċedenti ta’ EUR 25 486 657, il-livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati żdied għal EUR 43 950 700 fi tmiem l-2019; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward; |
11. |
Jinnota li r-rati ta’ użu ġenerali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament kienu ta’ 87,40 % u ta’ 75,87 % rispettivament; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli kienet dovuta għall-evalwazzjoni tas-sejħa tal-2019 li rriżultat f’għadd aktar baxx minn dak mistenni ta’ proposti eliġibbli għal finanzjament taħt suġġett speċifiku; jinnota, barra minn hekk, li l-baġit operattiv tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn kiseb rata ta’ implimentazzjoni ta’ 87 %; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrieżamina l-proċeduri u r-rekwiżiti tagħha għal sejħiet għal proposti u tidentifika dgħufijiet potenzjali, inkluż fir-rigward tar-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa; |
12. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fi tmiem l-2019 l-Impriża Konġunta implimentat 76 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020, u li l-pagamenti ta’ prefinanzjament għal proġetti magħżula taħt is-sejħa għal proposti tal-2018 ammontaw għal 62 % tal-valur tal-pagamenti operazzjonali li saru matul is-sena; jinnota li fl-2019 l-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament mxiet ‘il quddiem meta mqabbla mal-2018 minkejja dewmien b’xi rapporti perjodiċi u bl-ammonti ta’ ċerti talbiet għall-ispejjeż li kienu taħt il-livell antiċipat; josserva li l-ħtieġa ta’ tbassir pluriennali tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali, kull sena, bis-sejħa annwali finali fl-2020, iġġib aktar sfidi u volum ogħla ta’ tranżazzjonijiet hekk kif aktar proġetti qed jitwettqu b’mod parallel; jistieden lill-Impriża Konġunta timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni sabiex tevita xogħol b’lura, pagamenti mdewma u nuqqas ta’ persunal li jistgħu jaffettwaw serjament il-volum ta’ xogħol; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi strateġija biex iżżid ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament; |
13. |
Jinnota li mill-massimu ta’ EUR 975 000 000 tal-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-Unjoni li għandhom jiġu allokati lill-Impriża Konġunta matul il-ħajja tagħha, l-Unjoni kkontribwiet ammont totali ta’ EUR 414 638 000 sa tmiem l-2019, u li l-kontribuzzjoni għas-sena 2019 kienet ta’ EUR 150 032 737; |
14. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li mill-minimu ta’ EUR 182 500 000 ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta, EUR 3 250 000 biss tħallsu fi tmiem l-2019; jinnota, barra minn hekk, li r-Regolament (UE) Nru 560/2014 (2) ġie emendat biex jippermetti lill-membri tal-industrija jipprovdu l-kontribuzzjonijiet fi flus tagħhom fil-livell tal-proġett u li, minkejja dik l-emenda, għad hemm riskju għoli li l-membri tal-industrija mhux se jiksbu l-ammont minimu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ flus operattivi fi tmiem il-programm tal-Impriża Konġunta; ifakkar f’dak ir-rigward li l-proġetti kollha tal-industriji pubbliċi-privati b’bażi bijoloġika (proġetti BBI) kienu maħsuba biex jiġu ffinanzjati kemm mill-flus pubbliċi kif ukoll minn appoġġ in natura u finanzjarju mill-industrija; jiddeplora l-fatt li l-aħħar ċifri disponibbli juru li l-kumpaniji parteċipanti kienu ħallsu biss ammont żgħir ħafna tal-kontribuzzjonijiet mistennija tagħhom; jinnota li b’riżultat ta’ dan, fi tmiem l-2018 id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni ddeċieda li jnaqqas b’EUR 140 000 000 il-baġit tal-2020 tal-Impriża Konġunta li jammonta għal EUR 205 000 000; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward; |
Prestazzjoni
15. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta użat indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) skont Orizzont 2020 kif ukoll tmien KPIs speċifiċi tal-Impriża Konġunta stabbiliti f’SIRA 2017; jinnota li l-prestazzjoni medja tal-Impriża Konġunta fir-rigward tat-tliet KPIs ewlenin ta’ Orizzont 2020 (żmien li tinforma, żmien li tagħti għotjiet, u żmien li tħallas) taqbeż il-miri stabbiliti fl-2019; jinnota li l-ktajjen tal-valur ġodda b’bażi bijoloġika li nħolqu mill-proġetti tal-Impriża Konġunta qabżu b’mod sinifikanti l-miri ta’ SIRA; |
16. |
Jitlob li l-Impriża Konġunta teżamina mill-ġdid l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha biex tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu konxji mill-missjoni, l-attivitajiet u l-kisbiet tagħha. |
17. |
Jinnota l-valur tal-effett ta’ ingranaġġ mistenni ta’ 2,11 fi tmiem l-2019 li huwa taħt il-valur fil-mira ġenerali ta’ 2,86 fi tmiem il-programm; jinnota li l-valur tal-effett ta’ ingranaġġ huwa mistenni peress li jiġi kkalkolat billi jinkludi kontribuzzjonijiet in natura ma’ attivitajiet addizzjonali li għalihom il-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma kienx possibbli minħabba l-pandemija tal-COVID-19; jinnota li l-ingranaġġ operazzjonali rrapportat qed jiżdied; jistieden lill-Impriża Konġunta twettaq azzjonijiet imtejba biex tilħaq l-effett ta’ ingranaġġ mixtieq; |
18. |
Jinnota li s-sejħiet tal-Impriża Konġunta huma miftuħa bis-sħiħ għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe parti kkonċernata u li l-proposti kollha rċevew sottomissjonijiet; jinnota li l-proposti miżmuma kienu jikkorrispondu għal 81 % tal-kopertura ġenerali tas-suġġett, b’erba’ suġġetti mhux koperti; jinnota b’sodisfazzjon li s-sejħa tal-2019 attirat applikanti mill-Istati Membri kollha; jinnota l-isforzi kbar tal-Impriża Konġunta fil-komunikazzjoni tal-objettivi u r-riżultati tagħha, u t-talbiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati; jinnota li l-Impriża Konġunta ħadet azzjonijiet fl-2019 b’enfasi fuq l-inkoraġġiment ta’ impenn imġedded fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-sejħiet; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tinkludi lill-Istati Membri li huma kontinwament sottorappreżentati fis-sejħiet u l-proġetti ffinanzjati tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tieħu azzjonijiet bil-għan li żżid is-suġġetti koperti; |
19. |
Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2019 l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta inkludew il-konklużjoni tat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja għas-sejħa tal-2018, li rriżultat fl-iffirmar ta’ 19-il ftehim ta’ għotja; |
20. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fi tmiem l-2019, ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 kienet ta’ 63 % fir-rigward tal-proċeduri tas-sejħiet għall-attivitajiet assenjati lill-Impriża Konġunta; |
21. |
Jilqa’ r-rapport annwali tal-attività tal-Impriżi Konġunti li jinkludi l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tal-proġetti BBI; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi aktar ċifri rigward ir-riżultati tal-impatt ambjentali mistenni ta’ dawk il-proġetti, inkluża valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja; |
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti jadottaw metodu approfondit li jimmonitorja l-prestazzjoni, bil-għan li jevalwa l-valur miżjud tal-Impriża Konġunta u li jinkludi l-impatt f’termini soċjali u okkupazzjonali kif ukoll l-impatt fuq is-suq; huwa tal-fehma li r-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw għall-futur jew għal tqassim mill-ġdid tal-finanzjamenti tal-Unjoni; |
23. |
Jinnota li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-kuntratti kollha li jistgħu jipproduċu eżitu jew riżultat intenzjonat tal-prestazzjoni; ifakkar li d-DPI għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet tal-ħallieqa individwali iżda joffru wkoll dettalji dwar il-mod kif id-dritt ikun se jintużaw fil-futur; jinnota li billi l-attività hija ffinanzjata anki minn finanzjamenti pubbliċi, ir-riżultati għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli għall-pubbliku u suġġetti għal rekwiżiti speċjali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ġuridiku fir-rigward tad-DPI u tal-implimentazzjoni tagħhom fis-suq, inklużi rekwiżiti speċjali u tqassim tal-profitti; |
Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ
24. |
Jinnota li sal-aħħar tal-2019, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien jinkludi 22 membru meta mqabbel mat-23 ibbaġitjati; josserva li żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ ġew varati fl-2019, waħda għal aġent kuntrattwali u waħda għal aġent temporanju, u li barra minn hekk, tliet kandidati għal żewġ karigi temporanji u aġent kuntrattwali nħatru fi tmiem l-2019 u kellhom jassumu dmirijiethom fl-ewwel trimestru tal-2020; |
25. |
Jinnota b’sodisfazzjon li fl-2019 l-Impriża Konġunta kisbet bilanċ ġust bejn il-ġeneri fid-diversi korpi tagħha (kumitat xjentifiku: 60 % nisa u 40 % irġiel; Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati: 48 % nisa u 52 % irġiel; uffiċċju tal-programm: 70 % nisa u 40 % irġiel; esperti tal-evalwazzjoni (sejħa għal proposti 2019): 46 % nisa u 54 % irġiel; koordinaturi tal-proġett: 44 % nisa u 56 % irġiel), bl-eċċezzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija (20 % nisa u 80 % irġiel); jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Impriża Konġunta li hija m’għandha ebda influwenza fuq l-għamla tal-Bord ta’ Tmexxija; jinnota b’sodisfazzjon il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal involut fil-proġetti tal-Impriża Konġunta (46 % nisa u 54 % irġiel); |
26. |
Jinnota li fl-2019, l-Impriża Konġunta kompliet tuża l-kuntratti qafas u l-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz eżistenti tal-Kummissjoni kif ukoll varat proċeduri speċifiċi ta’ sejħiet għall-offerti, u barra minn hekk li għall-persunal interim u s-servizzi komuni tal-IT hija ffirmat ukoll kuntratti speċifiċi skont il-kuntratti qafas ġestiti b’mod konġunt ma’ impriżi konġunti oħra fil-white atrium; jinnota wkoll li fil-bidu tal-2018, l-uffiċċju tal-programm implimenta verżjoni ssimplifikata tal-proċedura interna għall-offerti u l-iffirmar ta’ kuntratti ta’ akkwist, u li implimenta aktar titjib u simplifikazzjonijiet fl-2019; jinnota li hija stabbilita sistema ta’ kontroll ex ante biex tiġi żgurata l-korrettezza tal-pagamenti kollha u jiġi evitat finanzjament doppju, f’konformità mal-istrateġiji ta’ kontroll ex ante u ta’ kontra l-frodi ta’ Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta tqis ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-IT tagħha lil fornituri esterni; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità ta’ kwittanza b’aktar dettalji dwar ir-reklutaġġ ta’ persunal interim u b’mod partikolari dwar jekk dak ir-reklutaġġ kienx soluzzjoni temporanja meħtieġa biex jiġi indirizzat volum akbar ta’ xogħol; |
Awditu intern
27. |
Jinnota li fl-2019, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) ivverifika l-proċessi ta’ għotjiet ta’ Orizzont 2020 implimentati mill-Impriża Konġunta, u li kkonkluda li, b’mod ġenerali, l-Impriża Konġunta stabbiliet sistema ta’ kontroll intern effikaċi u effiċjenti filwaqt li pprovdiet ukoll rakkomandazzjonijiet; jinnota li l-Impriża Konġunta aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet u qablet dwar pjan ta’ azzjoni; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta’ kwittanza l-livell ta’ implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien żejjed; jinnota li l-IAS nieda t-tieni valutazzjoni tar-riskju tiegħu f’Novembru 2019 sabiex jidentifika u jipprijoritizza s-suġġetti tal-awditjar li se jikkostitwixxu l-pjan strateġiku ta’ awditjar intern għall-2021-2023; |
28. |
Josserva li l-uffiċċju tal-programm ippjana azzjonijiet sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ okkorrenza ta’ riskji identifikati u l-impatt tar-riskji materjalizzati, wara l-valutazzjoni annwali tar-riskju li bdiet f’Settembru 2019, u li r-reazzjonijiet għar-riskji ppjanati għall-2019 ġew implimentati; jinnota li bejn Ġunju u Settembru tal-2019, l-uffiċċju tal-programm wettaq awtovalutazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern (ICSs) tiegħu biex jivvaluta l-livell attwali ta’ implimentazzjoni tal-ICSs u biex jesplora l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jgħolli l-qafas ta’ kontroll intern (QKI) tal-organizzazzjoni għal livell ogħla ta’ maturità; jinnota li minn dik il-valutazzjoni ġew identifikati ftit każijiet ġodda u dawk l-aktar importanti huma relatati mas-sejbiet tal-IAS fejn ġew miżjuda azzjonijiet korrettivi mal-pjan ta’ azzjoni; jinnota li ma ħareġ l-ebda riskju kritiku fil-kuntest tal-konformità, l-effikaċja u l-effiċjenza; jinnota wkoll li fl-2019 l-uffiċċju tal-programm ħejja l-kundizzjoni għal tranżizzjoni effettiva għal QKI ġdid f’konformità mal-aktar prattika riċenti tal-korpi tal-Unjoni; |
29. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante affidabbli li huma bbażati fuq eżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; jinnota li l-Impriża Konġunta jeħtiġilha timplimenta l-QKI l-ġdid tal-Kummissjoni bbażat fuq il-prinċipji, u li sa tmiem l-2019, l-Impriża Konġunta kienet lestiet analiżi tad-distakk meta mqabbla mas-sistema ta’ kontroll intern eżistenti u żviluppat indikaturi tal-prestazzjoni għall-prinċipji l-ġodda kollha ta’ kontroll intern u l-karatteristiċi relatati, u li l-Bord ta’ Tmexxija tagħha adotta l-qafas ta’ kontroll intern ġdid fi Frar 2020; |
30. |
Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 0,6 % u rata ta’ żball residwu ta’ 0,47 % għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali) abbażi tar-riżultati tal-awditu ex post tas-servizz ta’ awditjar komuni tal-Kummissjoni fi tmiem l-2019, imqabbla mal-valur fil-mira tal-livell ta’ żball residwu fl-għeluq tal-programmi li għandu jkun kemm jista’ jkun qrib it-2 %; |
31. |
Jinnota bi tħassib s-sejba tal-Qorti li awditi ddettaljati ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li ttieħdu b’mod każwali fl-2019 fil-livell tal-benefiċjarji finali biex jikkorroboraw ir-rati ta’ żbalji tal-awditu ex post żvelaw żbalji kwantifikabbli żgħar relatati mal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li s-sorsi ewlenin ta’ żbalji tagħhom kienu l-użu ta’ rati fis-siegħa annwali u ta’ rati fis-siegħa esaġerati fix-xahar; jistieden lill-Impriża Konġunta timmonitorja b’mod diliġenti l-kundizzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet li fuqhom isiru l-pagamenti, sabiex fil-futur jiġu evitati talbiet għal pagamenti ineliġibbli; |
32. |
Jinnota li f’Marzu 2018 ġie adottat pjan ta’ azzjoni, wara r-rapport ta’ evalwazzjoni interim tal-Kummissjoni dwar l-Impriża Konġunta ppubblikat fl-2017; jinnota li l-Impriża Konġunta qed timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, u li fl-2019 il-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew segwiti skont l-iskadenzi miftiehma filwaqt li oħrajn kienu għadhom għaddejjin; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tagħmel sforzi biex tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar is-sitwazzjoni attwali sa Ġunju 2021; |
Prevenzjoni u ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u trasparenza
33. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta adottat regoli dwar il-kunflitti ta’ interess għall-persunal u l-korpi kollha tagħha fi tmiem l-2017, u li l-uffiċċju tal-programm żviluppa sett komprensiv ta’ regoli u proċeduri li huma implimentati b’mod effettiv fl-istruttura ta’ governanza kollha tagħha; jinnota, barra minn hekk, li fl-2019, parti minn dak il-qafas ġiet awditjata mill-IAS. iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tevalwa mill-ġdid u taġġorna r-regoli adottati fl-2017; jiddispjaċih li l-Impriża Konġunta naqset milli tippubblika jew tagħmel disponibbli fuq talba s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tad-direttur eżekuttiv tagħha u tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha; |
34. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-politika ta’ finanzjament tagħha tal-lobbying industrijali u l-ħidma dwar ir-relazzjonijiet pubbliċi li għandha fil-mira r-regolaturi tal-UE; |
35. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza fid-dettall dwar il-miżuri li adottat għall-ġlieda kontra l-fastidju u l-frodi, għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u għall-protezzjoni tal-informaturi; |
Kummenti oħra
36. |
Jinnota li għaddejjin negozjati u ħidma preparatorja għall-istabbiliment ta’ Ewropa ċirkolari b’bażi bijoloġika (CBE) bħala suċċessur possibbli tal-Impriża Konġunta; jinnota li l-objettivi ewlenin tas-CBE għandhom ikunu l-adozzjoni ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament ibbilanċjati u trasparenti, il-monitoraġġ kontinwu tal-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi tal-programm tagħha u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida li tgħin tevita li s-sħab privati ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom; jiddispjaċih li tali sforzi għal titjib ma kinux diġà saru fl-2019 biex jittejbu l-prestazzjoni u t-trasparenza tal-Impriża Konġunta; |
(1) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).