This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021BP1597
Resolution (EU) 2021/1597 of the european parliament of 29 April 2021 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Union Aviation Safety Agency for the financial year 2019
Riżoluzzjoni (UE) 2021/1597 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2019
Riżoluzzjoni (UE) 2021/1597 tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2019
ĠU L 340, 24.9.2021, p. 279–283
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/279 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1597 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0070/2021), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 196 411 375, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,74 % meta mqabbel mal-2018; billi EUR 37 643 000 tal-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni u EUR 103 214 000 huwa dħul minn tariffi u piżijiet (2); |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2019 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 96,69 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,62 % meta mqabbla ma’ dik tal-2018; jinnota bi tħassib li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 89,06 %, li tfisser tnaqqis ta’ 1,20 % meta mqabbla mal-2018; |
2. |
Jinnota li r-rata ta’ kanċellazzjonijiet tar-riporti baqgħet tiżdied u laħqet it-3,7 % (1,8 % fl-2018) iżda li għadha taħt il-limitu ta’ 5 % stabbilit mill-Kummissjoni; jilqa’ pożittivament il-fatt li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-baġit u l-kanċellazzjonijiet tal-ammonti riportati tfisser li mhux se jiġu applikati penali għas-sussidju tal-UE għall-2021; |
3. |
Jinnota li l-Aġenzija temmet is-sena b’defiċit globali ta’ EUR 552 000, jinnota li d-defiċit tat-tariffi u l-piżijiet jitnaqqas mis-surplus akkumulat, u b’hekk jitnaqqas minn EUR 52,2 miljun għal EUR 51,5 miljun; josserva li fir-rigward tal-attivitajiet relatati mat-tariffi u l-piżijiet, id-dħul żdied b’EUR 4,3 miljun meta mqabbel mal-2018, u għat-total tal-EASA, l-ispejjeż relatati mal-persunal żdiedu b’EUR 1,1 miljun, l-ispejjeż amministrattivi b’EUR 0,65 miljun u l-ispejjeż operattivi bi EUR 3,4 miljun; |
4. |
Jinnota li l-Aġenzija akkumulat is-surplus mill-attivitajiet iffinanzjati mill-industrija matul is-snin, li għalihom ma hemmx dispożizzjoni fir-Regolament Fundatur tal-Aġenzija; jisħaq fuq il-fatt li dan is-surplus jista’ jkun prezzjuż għall-ekwilibriju baġitarju tal-Aġenzija fid-dawl ta’ kriżi ekonomika gravi għas-settur tal-avjazzjoni li se jkollha impatt fuq l-attivitajiet relatati mat-tariffi; |
Prestazzjoni
5. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud li jagħtu l-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha, bħall-ipproċessar f’ħin utli tar-rapporti tal-okkorrenzi, il-kontinwazzjoni tal-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet f’ħin utli u l-progressjoni f’ħin utli tal-ftehimiet bilaterali; |
6. |
Jirrikonoxxi li l-Aġenzija laqqgħet is-settur tal-avjazzjoni għall-ewwel avveniment fi 360o tal-Forum ta’ Sikurezza fl-Avjazzjoni għall-Ewropa (SAFE) fit-13 sal-15 ta’ Mejju 2019 fi Brussell, li fih madwar 250 persuna mis-settur Ewropew tas-sikurezza tal-avjazzjoni ngħaqdu biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u biex jiddiskutu l-perċezzjoni usa’ tal-istampa tar-riskju tas-sikurezza kkombinata; |
7. |
Jirrikonoxxi li l-programm tal-Aġenzija Data4Safety, li se jipprovdi pjattaforma ta’ big data u kapaċità ta’ analiżi mtejba fil-livell Ewropew, għamel progress fl-2019, bil-qbil dwar il-fażi tal-prova tal-kunċett u l-bidu tal-fażi ta’ implimentazzjoni; |
8. |
Jinnota li l-Aġenzija taqsam flimkien ma’ Aġenziji oħra riżorsi għal kompiti li jikkoinċidu, fosthom b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, fl-oqsma tal-istħarriġ, it-tagħlim elettroniku, is-servizzi tal-cloud u LinkedIn u t-taħriġ fl-għarfien dwar l-ambjent; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex b’mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni usa’ mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
9. |
Jistieden lill-Aġenzija timmira li tikkonċentra aktar fuq it-tixrid mal-pubbliku ġenerali tar-riżultati tar-riċerka tagħha; |
10. |
Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà; |
11. |
Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija timmira lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha, bħala mezz biex tonqos il-burokrazija; |
12. |
Jinnota li l-Aġenzija lestiet, f’disa’ xhur, proċess simili għal dak taċ-ċertifikazzjoni ta’ inġenju tal-ajru derivat ġdid, li normalment jieħu bejn erba’ snin u ħamsa, bħala parti mill-investigazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru li saret fl-2020; |
13. |
Ifakkar li l-problema tan-nuqqas ta’ persunal tibqa’ waħda mill-ostakli ewlenin għall-effiċjenza u li għandha tingħata prijorità lill-appoġġ tal-persunal bil-forniment ta’ riżorsi addizzjonali; |
14. |
Jinnota r-rwol li tiżvolġi l-Aġenzija biex tassisti lill-UE fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru permezz tal-iffirmar ta’ sitt Arranġamenti ta’ Ħidma ġodda u ta’ żewġ Memoranda ta’ Qbil; |
Politika dwar il-persunal
15. |
Jinnota li, sal-31 ta’ Diċembru 2019, 94,56 % tat-tabella tal-persunal ġie implimentat, b’643 aġent temporanju maħtura mit-total ta’ 680 aġent temporanju awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 680 post awtorizzat fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 86 aġent kuntrattwali u 17-il espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija fl-2019; |
16. |
Jinnota li l-President tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija nbidel mis-Sur Pekka Henttu (il-Finlandja) għas-Sur Piotr Samson (il-Polonja) f’Diċembru 2019; jinnota li l-Viċi President tal-Bord ta’ Tmexxija nbidel mis-Sur Rob Huyser (in-Netherlands) għas-Sur Johann Friedrich Colsman (il-Ġermanja) f’Diċembru 2019; |
17. |
Jinnota bi tħassib li għall-2019 ġie rreġistrat żbilanċ bejn il-ġeneri f’dak li għandu x’jaqsam mal-maniġment superjuri (18-il raġel u seba’ nisa) u mal-Bord ta’ Tmexxija (61 raġel u 20 mara); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali u tal-persunal; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija; |
18. |
Ifaħħar l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex iżżid l-effiċjenza tagħha, li rriżultaw fi tnaqqis tanġibbli nett tal-isforz stmat għal tmien membri tal-persunal ekwivalenti għal full-time meta mqabbel mal-2018, li wassal għal iffrankar fl-ispejjeż tal-persunal ta’ madwar EUR 960 000; jinnota li 13-il ekwivalenti għall-full time oħra, li nkisbu wkoll permezz ta’ inizjattivi ta’ effiċjenza, reġgħu ġew investiti f’attivitajiet ewlenin; |
19. |
Jinsab imħasseb bid-deċiżjoni li t-titlu 1 tal-baġit (nefqa marbuta mal-persunal) jiġi ffriżat għat-tliet snin li ġejjin; jitlob li l-Aġenzija tispjega r-raġunijiet ta’ tali deċiżjoni f’mument meta l-implimentazzjoni tal-baġit kienet iktar baxxa milli meħtieġ; |
20. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex jinkiseb il-bilanċ bejn il-ġeneri, bħall-inkoraġġiment tal-applikazzjonijiet min-nisa matul il-proċeduri ta’ selezzjoni, l-għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol favorevoli u l-arranġamenti flessibbli marbuta mal-maternità; jilqa’ pożittivament il-ħolqien ta’ grupp favur il-bilanċ bejn il-ġeneri bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni għall-kwistjonijiet relatati mal-bilanċ bejn il-ġeneri; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu kont tal-bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw il-membri tal-Bord; |
21. |
Josserva bi tħassib kbir is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-310/19 P, li fiha ddeliberat favur impjegat, u rrikonoxxiet li l-aġir tal-EASA ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mid-dmir ta’ premura inkombenti fuq korp tal-Unjoni, bħal ma hi l-EASA, u, għaldaqstant, jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv (3); jinsab imħasseb bil-kbir bil-fatt li l-Bord ta’ Tmexxija naqqas milli jagħti segwitu lil din is-sentenza b’azzjonijiet konkreti; |
22. |
Jiddispjaċih bir-rapporti dwar in-nuqqas ta’ djalogu soċjali fl-Aġenzija, li jidher jintuża biss biex jiġu kkomunikati d-deċiżjonijiet li diġà jkunu ttieħdu pjuttost milli biex jinbeda mekkaniżmu ta’ djalogu soċjali serju; |
23. |
Jieħu nota tar-rata dejjem akbar ta’ affiljazzjoni mat-trade unions fl-Aġenzija, iżda huwa inkwetat li dan jaf ikun marbut ma’ tensjonijiet soċjali li għadhom għaddejjin; |
24. |
Jistieden lill-Bord ta’ Tmexxija jagħti attenzjoni aktar fil-fond lill-aspetti soċjali tal-politika dwar il-persunal, billi jieħu azzjonijiet serji biex inaqqas it-tensjonijiet soċjali fl-Aġenzija, u jistabbilixxi djalogu soċjali serju u kostruttiv; |
25. |
Jitlob li l-Aġenzija tirrapporta dwar il-miżuri meħuda biex din is-sitwazzjoni tkun indirizzata; |
Akkwist pubbliku
26. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għal tlieta minn erba’ proċeduri ta’ akkwist ivverifikati, l-Aġenzija ma ppubblikatx il-volum stmat tal-kuntratt kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-Aġenzija ppubblikat il-volum għall-erba’ proċeduri kollha, madankollu, għal tlieta minnhom biss fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u l-Aġenzija se tiżgura li jkun fiha indikazzjoni tal-kobor fl-Avviż dwar Kuntratt innifsu jew li tagħmel referenza fl-Avviż dwar Kuntratt għas-sezzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti fejn il-volum huwa stabbilit, u b’hekk tiżdied it-trasparenza; |
27. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għal proċedura li tikkonċerna l-akkwist ta’ servizzi tal-IT b’valur sa EUR 3,5 miljun, l-Aġenzija kienet teħtieġ li l-offerenti potenzjali jippreżentaw provi li l-fatturat annwali minimu tagħhom kien f’livell li qabeż il-massimu permess mir-Regolament Finanzjarju; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-Aġenzija se tissorvelja u tivverifika b’mod speċifiku li l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju hija konformi mar-Regolament Finanzjarju fil-ġejjieni; |
28. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, rigward is-segwitu mogħti lill-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti, t-termini użati fil-kuntratt qafas ma’ operatur wieħed fl-2018 u misjuba wkoll mill-Qorti fl-2019 ma kinux speċifiċi biżżejjed biex jippermettu kompetizzjoni ġusta u ma żgurawx valur għall-flus; jinnota r-risposta tal-Aġenzija u jistieden lill-Aġenzija tfassal kuntratti qafas b’tali mod li tippermetti kompetizzjoni ġusta u tiżgura valur għall-flus; |
29. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, rigward is-segwitu mogħti lill-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti, l-Aġenzija impenjat il-fondi għal ftehim mal-Kummissjoni dwar servizzi ta’ arkivjar madwar tmien xhur wara t-tiġdid tal-ftehim fl-2018; jinnota li, skont ir-Regolament Finanzjarju, l-impenn ta’ fondi għandu jiġi rreġistrat qabel ma wieħed jidħol f’obbligu ġuridiku; jieħu nota tar-risposta tal-Aġenzija dwar l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-IT li tipprevjeni kwalunkwe riskju ta’ dħul f’impenji ġuridiċi qabel l-impenji baġitarji; |
30. |
Jinnota, fir-rigward tas-segwitu mogħti lill-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti, li, minn Jannar 2018, l-Aġenzija tat lill-fornituri kollha l-possibbiltà li jippreżentaw fatturi elettroniċi; jinnota, madankollu, li fl-2019 l-ipproċessar tal-fatturi riċevuti elettronikament u l-kodifikazzjoni tad-data tal-fattura kienu għadhom isiru manwalment; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
31. |
Jirrikonoxxi l-miżuri fis-seħħ u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi ta’ irregolaritajiet; jinnota li, fl-2019, l-Aġenzija identifikat diversi każijiet ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, iżda, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess ġie indirizzat permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni speċifiċi, u l-każijiet li fadal ma kinux jirrikjedu li tittieħed miżura ta’ mitigazzjoni; jirrikonoxxi li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-biċċa l-kbira tal-membri tal-Bord jiġu ppubblikati fuq is-sit web tiegħu, madankollu, jinnota li l-Aġenzija naqset milli tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri kollha tal-Bord fuq is-sit web tagħha; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri kollha tal-Bord ta’ Tmexxija u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-miżuri meħuda f’dan ir-rigward; |
32. |
Jinnota li l-Aġenzija wettqet rieżami tal-qafas eżistenti fil-qasam tal-kunflitti ta’ interess għall-persunal u għall-membri tal-Bord tal-Appell, filwaqt li qieset ir-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport tal-Awditjar tal-IAS dwar l-Etika, il-Prevenzjoni tal-Frodi u l-Kunflitti ta’ Interess, imfassal fi tmiem l-2018 u l-Aġenzija kompliet ittejjeb il-mekkaniżmu tagħha fl-iżvilupp ta’ linji gwida għall-membri tal-persunal u l-maniġers bil-għan li jiġu armonizzati l-miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jiġu implimentati; jinnota li, fl-2019, l-Aġenzija bdiet taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri tal-IAS, li se jiġu implimentati fl-2020; |
33. |
Jinnota li 72 % tal-introjtu tal-Aġenzija jikkonsisti f’tariffi; jieħu nota tal-fehma tal-Aġenzija li l-fatt li l-applikanti jħallsu t-tariffi mhux bilfors jimplika kunflitt ta’ interess; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa miżuri preventivi u tivvaluta regolarment lill-persunal involut fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet, bil-għan li tiżgura l-indipendenza; |
Kontrolli interni
34. |
Jinnota li, fl-2019, is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq awditu tal-esternalizzazzjoni, tal-ftehimiet ta’ sħubija u tas-servizzi applikanti bir-rapport tal-awditjar finali li sar fil-bidu tal-2020 u li l-Aġenzija bħalissa qed tieħu miżuri bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa; |
35. |
Jinnota li, fl-2019, il-Kapaċità ta’ Awditjar Intern wettqet ħames inkarigi ta’ aċċertament tal-awditu biex tivvaluta jekk ir-regolamenti rilevanti ġewx rispettati, jekk l-objettivi tal-proċess intlaħqux u jekk ir-riskji ewlenin ġewx mitigati kif xieraq; jinnota li ġie pprovdut aċċertament f’kull wieħed mir-rieżamijiet u ngħataw rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-ambjent tal-kontroll jew l-effiċjenza ġenerali tal-proċessi; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li fit-tliet awditi ta’ segwitu mwettqa fl-2018, f’każ wieħed ir-riskji residwi tnaqqsu għal livell aċċettabbli, u fiż-żewġ oqsma l-oħra, l-implimentazzjoni tal-bqija tal-azzjonijiet se tiġi vvalutata fl-2020; |
36. |
Jinnota li s-sistema integrata ta’ ġestjoni tal-Aġenzija ġiet iċċertifikata mill-ġdid bl-istandard ISO 9001:2015 fl-2019 u l-awdituri ma identifikaw l-ebda nuqqas ta’ konformità; |
37. |
Jinnota li d-diretturi tal-Aġenzija rrevedew l-effettività tas-sistema ta’ ġestjoni matul il-laqgħa tar-"Reviżjoni tal-Ġestjoni" fl-2019 u ġie konkluż li s-sistema ta’ kontroll intern tikkonforma bis-sħiħ mal-istandards ta’ ġestjoni tal-Aġenzija; |
Kummenti oħra
38. |
Jirrikonoxxi l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex ittaffi r-riskji kollha assoċjati mad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, anki l-ħolqien ta’ pjan ta’ kontinġenza f’koordinament mal-Kummissjoni; jinnota li l-Aġenzija kkooperat mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea matul in-negozjati mar-Renju Unit u li r-riskju ta’ tfixkil tal-attivitajiet tal-avjazzjoni sparixxa bil-konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020; jinnota li l-Aġenzija evalwat l-impatt li ħalla l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq ir-riżorsi umani, u kkonkludiet li numru relattivament żgħir biss ta’ membri tal-persunal jaf jintlaqat (jiġifieri inqas minn 10); jinsab imħasseb bil-fatt li, minkejja din l-aħbar, l-Aġenzija tinsab fil-proċess li tkeċċi lill-ħaddiema permanenti kollha ta’ ċittadinanza Brittanika; jitlob lill-Aġenzija tinforma lill-Parlament biċ-ċifri eżatti, u jfakkar lill-Aġenzija li l-politika tal-Kummissjoni dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni hija li kemm jista’ jkun jitħarsu l-ħaddiema Brittaniċi; |
39. |
Itenni li fl-2018 l-Aġenzija, ikklassifikata bħala aġenzija ta’ "Investiment Strateġiku Ewropew", ġiet fdata b’kompiti sinifikanti ewlenin ġodda fir-rigward taċ-ċibersigurtà fl-avjazzjoni, id-droni u l-mobilità urbana tal-ajru, il-ħarsien tal-ambjent, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-kooperazzjoni internazzjonali; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija ħadet ħafna azzjonijiet fl-2019 sabiex iżżid iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tar-reġistri diġitali fil-pussess tagħha; jitlob, għalhekk, li jkun hemm baġit adegwat tal-Aġenzija sabiex din ikollha r-riżorsi meħtieġa għall-kompiti tagħha; |
40. |
Japprezza u jissottolinja r-rwol tal-Aġenzija fil-Patt Ekoloġiku permezz tal-ħidma tagħha biex ittejjeb l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni, fost l-oħrajn permezz tal-iżvilupp ta’ standards ġodda tas-CO2 u, b’mod partikolari, tal-programm tal-Ekotikketta, tal-fjuwils sostenibbli kif ukoll tat-tiġdid ekoloġiku tal-flotot tal-linji tal-ajru; |
41. |
Jissottolinja l-ammont ta’ xogħol sinifikanti kkawżat mill-investigazzjonijiet dwar il-Boeing 737 Max; ifaħħar l-isforzi li għamlet l-Aġenzija fit-tmexxija tal-missjoni b’mod dirett bit-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni korrettiva u permezz tal-missjonijiet aktar tradizzjonali tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani tal-Aġenzija biex tkun tista’ twettaq il-kompiti importanti tagħha ta’ sikurezza u sigurtà; ifakkar, analogament, fir-rwol li tiżvolġi l-Aġenzija, flimkien mal-impriżi konġunti Clean Sky 2 u SESAR, biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull passiġġier; |
42. |
Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni inizjali tas-siti tal-istituzzjonijiet Ewropej isiru aċċessibbli għal persuni b’kull xorta ta’ diżabbiltà, kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluż id-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità jiġu involuti f’dan il-proċess; |
43. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 60.
(2) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 60.
(3) https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=226987&text=&dir=&doclang=FR&part=1&occ=first&mode=DOC&pageIndex=0&cid=2166372
(4) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.