This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE5762
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — A renewed EU action plan against migrant smuggling (2021-2025) (COM(2021) 591 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (2021-2025)” (COM(2021) 591 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (2021-2025)” (COM(2021) 591 final)
EESC 2021/05762
ĠU C 290, 29.7.2022, p. 90–94
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 290/90 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (2021-2025)”
(COM(2021) 591 final)
(2022/C 290/15)
Relatur: |
José Antonio MORENO DÍAZ |
Korelatur: |
Pietro Vittorio BARBIERI |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 1.12.2021 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
7.3.2022 |
Adottata fil-plenarja |
23.3.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
568 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
212/0/5 |
1. Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija attività kriminali transfruntiera li tpoġġi l-ħajja tan-nies f’riskju, tikser id-drittijiet fundamentali, u tfixkel il-ġestjoni ordnata tal-flussi tal-migrazzjoni. F’dawn l-aħħar 20 sena, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin kibret minħabba diversi fatturi ta’ tkeċċija fil-pajjiżi ta’ oriġini (ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza, kunflitti, inugwaljanzi, fatturi ekonomiċi, fatturi ambjentali, eċċ.), iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ mezzi legali ta’ aċċess għat-territorji ta’ ħafna pajjiżi. Ir-restrizzjonijiet, li żdiedu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, żiedu l-għadd ta’ persuni li jużaw dawn in-networks illeċiti, bir-riskji kollha li dan jinvolvi. |
1.2. |
Sa mill-bidu tagħha, il-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni kellha l-għan, fost affarijiet oħra, li tiġġieled din l-attività kriminali, tipprevjeni l-isfruttament tal-migranti minn networks kriminali, u tnaqqas l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE mġedded kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025) għandu jinftiehem bħala għodda ta’ kontinwità u titjib fil-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra din l-attività kriminali. |
1.3. |
Skont il-Europol, aktar minn 90 % tal-persuni li jidħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod irregolari jkunu vvjaġġaw permezz ta’ networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali f’xi stadju tal-vjaġġ tagħhom. Fil-qafas tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, l-Unjoni Ewropea tqis li hija prijorità li taħdem mal-pajjiżi msieħba biex jitnaqqsu l-inċentivi biex jitwettqu dawn il-vjaġġi perikolużi; jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari; jiġu promossi l-migrazzjoni regolari u r-rotot legali u sikuri lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea; biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri komuni; jiġu indirizzati fatturi ta’ attrazzjoni, bħal impjiegi irregolari; u jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riintegrazzjoni għal dawk il-persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju tal-UE. |
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded u l-approċċ komprensiv li jipproponi, bħala l-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Huwa mifhum li, bħala attività kriminali, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tpoġġi l-ħajja tal-migranti f’riskju u tikser id-drittijiet tagħhom, tieħu vantaġġ mhux dovut mill-persuni li jkunu qed ifittxu aċċess għat-territorju tal-UE, u hija wkoll theddida għas-sigurtà Ewropea. |
1.5. |
Il-KESE jifhem li s-salvagwardja tal-fruntieri esterni hija prijorità għall-Unjoni Ewropea, iżda jindika li dawn dejjem għandhom jiġu protetti b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-invjolabbiltà tad-dritt internazzjonali pubbliku, u li dejjem jiġu protetti n-nies u tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni tas-solidarjetà. Fi kwalunkwe każ, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali qatt ma tista’ tiġi diretta kontra l-migranti nfushom jew kontra l-għajnuna umanitarja u l-assistenza li jingħataw. |
1.6. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali permezz ta’ approċċ ta’ “rotta sħiħa”. Dan ifisser li għandhom jissaħħu l-miżuri proposti kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali billi tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; jittejbu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-pajjiżi ġirien fil-ġlieda kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali; jissaħħu l-azzjonijiet għall-prevenzjoni tal-isfruttament u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuni li jiddaħħlu klandestinament; u jiġu miġġielda l-impjieg irregolari u l-isfruttament tax-xogħol b’mod aktar koordinat u b’saħħtu. |
1.7. |
Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li tiġi eliminata d-domanda sabiex jintlaqtu l-profitti tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin. Madankollu, huwa jwissi dwar id-disfunzjonijiet li jistgħu jinħolqu mill-indirizzar tan-naħa tal-provvista biss (networks). F’dan ir-rigward, huwa jindika li l-eżistenza ta’ mezzi legali, effettivi u sikuri, kif ukoll il-protezzjoni tad-dritt għall-ażil, huma kruċjali biex tiġi diżattivata parti kbira minn dan in-negozju illeċitu. |
1.8. |
Il-KESE jikkundanna wkoll bil-qawwa l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil bħala elementi ta’ destabbilizzazzjoni tal-UE (1). |
1.9. |
Il-KESE jirrimarka li l-protezzjoni tal-persuni u l-għoti ta’ kura medika (2) u għajnuna ta’ solidarjetà m’għandhomx jiġu kriminalizzati u ttrattati bl-istess mod bħan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, u għandhom jittieħdu passi legali biss meta jitwettqu intenzjonalment sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, gwadann finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor (3). Il-klawżola ta’ eżenzjoni obbligatorja mir-responsabbiltà għandha tiġi inkluża b’mod espliċitu f’każ fejn l-azzjonijiet ta’ għajnuna jew assistenza jkunu motivati minn raġunijiet umanitarji. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija attività kriminali transfruntiera li tpoġġi l-ħajja tan-nies f’riskju, tikser id-drittijiet fundamentali, u tfixkel il-ġestjoni ordnata tal-flussi tal-migrazzjoni. |
2.2. |
F’dawn l-aħħar 20 sena, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin kibret minħabba diversi fatturi ta’ tkeċċija fil-pajjiżi ta’ oriġini (ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza, kunflitti, inugwaljanzi, fatturi ekonomiċi, fatturi ambjentali, eċċ.), iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ mezzi legali ta’ aċċess għat-territorji ta’ ħafna pajjiżi. Ir-restrizzjonijiet, li żdiedu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, żiedu l-għadd ta’ persuni li jużaw dawn in-networks illeċiti, bir-riskji kollha li dan jinvolvi (4). |
2.3. |
Id-differenza ewlenija bejn il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin hija li, fl-ewwel waħda, il-migranti jipparteċipaw b’mod volontarju fil-proċess ta’ migrazzjoni billi jħallsu għas-servizzi ta’ faċilitatur ta’ dħul klandestin ta’ persuni biex jaqsmu fruntiera internazzjonali; fit-traffikar, il-persuni jiġu ttraffikati għal skopijiet ta’ xogħol, skopijiet sesswali jew skopijiet ta’ tneħħija ta’ organi, u huma vittmi li jeħtieġu assistenza u appoġġ. L-attivitajiet ta’ traffikar mhumiex neċessarjament transfruntieri. Iż-żewġ fenomeni spiss huma interrelatati, peress li l-persuni li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jistgħu jsiru vittmi tat-traffikanti għax-xogħol, għal skopijiet sesswali jew għal skopijiet oħra ta’ sfruttament. |
2.4. |
Sa mill-bidu tagħha, il-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni kellha l-għan, fost affarijiet oħra, li tiġġieled din l-attività kriminali, tipprevjeni l-isfruttament tal-migranti minn networks kriminali, u tnaqqas l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari. Fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2020, jiġi nnotat li l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija prijorità, u li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu se tissaħħaħ sabiex jiġu evitati vjaġġi perikolużi u qsim irregolari, inkluż permezz ta’ sħubijiet kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali mfassla apposta ma’ terzi pajjiżi. |
2.5. |
Skont il-Europol, aktar minn 90 % tal-persuni li jidħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod irregolari jkunu vvjaġġaw permezz ta’ networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali f’xi stadju tal-vjaġġ tagħhom. |
2.6. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE mġedded kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025) għandu jinftiehem bħala għodda ta’ kontinwità fil-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra din l-attività kriminali. Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali għandha titqies mhux biss bħala sfida ta’ migrazzjoni, iżda wkoll bħala theddida għas-sigurtà li taffettwa l-fruntieri esterni tal-UE. Il-ġestjoni u l-protezzjoni xierqa tal-fruntieri esterni tal-UE, li jirrispettaw il-qafas legali internazzjonali u d-drittijiet fundamentali, hija kwistjoni ewlenija. L-UE jeħtieġ li ssaħħaħ standards u proċeduri komuni, b’mod li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards internazzjonali, sabiex timpedixxi l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali lejn l-UE. |
2.7. |
Fil-qafas tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, l-Unjoni Ewropea tqis li hija prijorità li taħdem mal-pajjiżi msieħba biex jitnaqqsu l-inċentivi biex jitwettqu dawn il-vjaġġi perikolużi; jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari; jiġu promossi l-migrazzjoni regolari u r-rotot legali u sikuri lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea; tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri komuni; u jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riintegrazzjoni għal dawk il-persuni li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Ewropew (5). |
2.8. |
Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tinvolvi wkoll it-tisħiħ tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra min Iħaddem (6), u l-fehim li x-xogħol irregolari huwa element ta’ attrazzjoni għall-migrazzjoni irregolari u li jista’ jkun marbut mal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali: ta’ min ifakkar li jekk hemm ħaddiema barranin f’sitwazzjoni irregolari fl-UE, dan għaliex hemm impjegaturi irregolari li jipprovdulhom xogħol illegali li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol rigward is-salarju, is-sigħat tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza, eċċ. |
2.9. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni imġedded tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025) iqis ir-riżultati ta’ konsultazzjonijiet immirati u tal-konsultazzjoni pubblika li saret bejn id-19 ta’ Marzu u l-11 ta’ Ġunju 2021. Billi jikkontribwixxi għat-tfixkil tan-negozji kriminali, huwa jappoġġja wkoll l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (7), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (8) u l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 (9). |
3. Kummenti dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE mġedded kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025)
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded u l-approċċ komprensiv li jipproponi, bħala l-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin. |
3.2. |
Huwa mifhum li, bħala attività kriminali, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tpoġġi l-ħajja tal-migranti f’riskju u tikser id-drittijiet tagħhom, u tieħu wkoll vantaġġ bla bżonn mill-persuni li jkunu qed ifittxu aċċess għat-territorju tal-UE. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandhom jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi u l-għodod meħtieġa biex tiġi miġġielda din l-attività kriminali. |
3.3. |
Il-KESE jifhem li s-salvagwardja tal-fruntieri esterni hija wkoll prijorità għall-Unjoni Ewropea, iżda jindika li dejjem għandhom jiġu protetti b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-invjolabbiltà tad-dritt internazzjonali pubbliku, u li dejjem jiġu protetti n-nies u tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni tas-solidarjetà. Fi kwalunkwe każ, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali qatt ma tista’ tiġi diretta kontra l-migranti nfushom jew kontra l-għajnuna umanitarja u l-assistenza li jingħataw, u lanqas ma tista’ tkun skuża biex jiġi abolit id-dritt għall-ażil kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment. |
3.4. |
Il-protezzjoni tal-persuni u l-għoti ta’ kura medika (10) u għajnuna ta’ solidarjetà m’għandhomx jiġu kriminalizzati u ttrattati bl-istess mod bħan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, u għandhom jittieħdu passi legali biss meta jitwettqu intenzjonalment sabiex jinkiseb, direttament jew indirettament, gwadann finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor (11). Il-klawżola ta’ eżenzjoni obbligatorja mir-responsabbiltà għandha tiġi inkluża b’mod espliċitu f’każ fejn l-azzjonijiet ta’ għajnuna jew assistenza jkunu motivati minn raġunijiet umanitarji. |
3.5. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali permezz ta’ approċċ ta’ “rotta sħiħa”, u li jiġi mifhum li n-nuqqas ta’ rotot legali u sikuri hija waħda mir-raġunijiet li ssaħħaħ lin-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. |
3.6. |
Il-KESE jqis ukoll li x-xogħol irregolari jista’ jkun marbut man-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li spiss jispiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ sfruttament ta’ ħaddiema. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi biex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra min Iħaddem u biex jiġu miġġielda l-impjieg irregolari u l-isfruttament ta’ ħaddiema b’mod aktar koordinat u qawwi. |
3.7. |
Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jissaħħu l-miżuri proposti kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali billi tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, tiġi appoġġjata l-ħidma tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) u tal-Eurojust, u jittejbu l-ġbir ta’ informazzjoni u l-kampanji ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali fis-sors. |
3.8. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li dan l-approċċ integrat jinvolvi wkoll it-titjib tal-kooperazzjoni u d-djalogu mal-pajjiżi ġirien fil-ġlieda kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, iżda jwissi kontra l-periklu li r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi jiġu affettwati b’mod negattiv, li jista’ jwassal għat-tisħiħ tan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali billi jsir użu mhux ġustifikat ta’ kunċetti bħar-ritorn u riintegrazzjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindika b’mod korrett ir-rwol dejjem akbar li għandhom l-atturi tal-istat fil-ħolqien u fl-iffaċilitar artifiċjali tal-immigrazzjoni irregolari sabiex tiġi promossa d-destabbilizzazzjoni tal-UE. |
3.9. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jissaħħu l-azzjonijiet għall-prevenzjoni tal-isfruttament u għall-iżgurar tal-protezzjoni tal-persuni li jiddaħħlu klandestinament. F’dan ir-rigward, huwa jqis li huwa meħtieġ li jiġu żviluppati azzjonijiet pilota skont l-approċċ ta’ rotta sħiħa, li fih jipparteċipaw l-amministrazzjonijiet u l-atturi soċjali mill-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. |
3.10. |
Il-KESE jqis li l-iżvilupp ta’ sħubijiet operazzjonali kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali ma’ pajjiżi terzi huwa ta’ interess, iżda jindika li dawn il-ftehimiet ma għandhomx jiksru l-prinċipji gwida tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma għandhom jiġu miftiehma ma’ pajjiżi fejn hemm ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem. |
3.11. |
Il-KESE jqis li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE mġedded kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021-2025) jirnexxi fl-identifikazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn din l-attività kriminali u tal-veloċità li biha n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jadattaw għaċ-ċirkostanzi u jużaw teknoloġiji ġodda għall-akbar vantaġġ tagħhom. |
3.12. |
Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li tiġi eliminata d-domanda sabiex jintlaqtu l-profitti tan-networks tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni mġedded. Madankollu, huwa jwissi dwar id-disfunzjonijiet li jistgħu jinħolqu mill-indirizzar tan-naħa tal-provvista biss (networks) mingħajr ma tiġi mifhuma l-ħtieġa għal riformi strutturali biex titnaqqas id-domanda. F’dan ir-rigward, huwa jindika li l-eżistenza ta’ mezzi legali, effettivi u sikuri, kif ukoll il-protezzjoni tad-dritt għall-ażil, huma kruċjali biex tiġi diżattivata parti kbira minn dan in-negozju illeċitu. |
3.13. |
Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-titjib tal-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali – objettiv li huwa jikkondividi – jista’ jikkostitwixxi ksur tal-mekkaniżmi għall-assistenza lill-migranti vulnerabbli. Huwa jenfasizza l-fatt li f’dawn l-aħħar xhur kien hemm żieda fl-azzjonijiet mill-partijiet u mill-gvernijiet biex jikkriminalizzaw atti ta’ solidarjetà. Il-KESE jindika li l-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli u l-għoti ta’ kura medika (12) u ta’ għajnuna ta’ solidarjetà ma għandhomx jiġu kriminalizzati u ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod bħan-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali (13). |
3.14. |
Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-vittmi tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, speċjalment dawk li huma aktar vulnerabbli, bħall-minorenni (mhux akkumpanjati) (14), il-persuni b’diżabbiltà, u n-nisa (15). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati, li jkollha bħala għan prinċipali l-aħjar interessi tat-tfal. Barra minn hekk, ir-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili, tal-entitajiet soċjali u tal-NGOs fl-għajnuna u fl-appoġġ lill-vittmi tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali għandu jiġi rikonoxxut bħala azzjonijiet umanitarji biex jissaħħu l-prinċipji tal-UE. |
3.15. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-pjan huwa rilevanti wkoll u jindirizza b’mod ċar il-problemi attwali tal-migrazzjoni strumentalizzata, meta l-involviment dirett tal-atturi tal-istat ikun evidenti. Il-KESE, bħall-Kunsill Ewropew (16), jikkundanna wkoll bil-qawwa l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u ta’ dawk li jfittxu l-ażil bħala elementi ta’ destabbilizzazzjoni, kif deher dan l-aħħar fil-fruntieri mal-Marokk u, b’mod partikolari, mal-Belarussja (17). |
3.16. |
Il-KESE jinnota li l-Istati Membri dejjem huma obbligati jikkonformaw mal-impenji internazzjonali, fosthom il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll ta’ New York tal-1967 li jirregolaw id-dritt għall-ażil, minbarra l-qafas leġiżlattiv kollu tal-UE. |
3.17. |
Il-konfigurazzjoni tal-migrazzjoni bħala theddida, u d-diskors li jippreżenta lill-migranti bħala periklu, jiddiżumanizzaw lill-bnedmin u jiffavorixxu biss lil dawk li jridu jieħdu vantaġġ minnhom għal raġunijiet ġeostrateġiċi jew politiċi nazzjonali. |
3.18. |
Il-KESE jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali hija ta’ tħassib akbar mill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li tibqa’ l-aktar attività kriminali li tħalli qligħ u tirrappreżenta mhux biss ksur tad-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll theddida reali għas-sigurtà nazzjonali, għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp sostenibbli (18). |
Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Opinjon tal-KESE REX/554 li qed titfassal bħalissa.
(2) Dikjarazzjoni tas-CPME dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti ta’ solidarjetà Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew (2019) : Fit for purpose?The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants: 2018 update (Adatta għall-iskop? Id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja lill-migranti irregolari: aġġornament tal-2018) (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) Artikolu 6 tal-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali.
(4) Inizjattiva Globali (2021), The Global Illicit Economy (L-Ekonomija Illeċita Globali).
(5) ĠU C 517, 22.12.2021, p. 86.
(6) Direttiva 2009/52/KE.
(7) COM/2020/605 final.
(8) COM/2021/170 final.
(9) COM/2021/171 final.
(10) Dikjarazzjoni tas-CPME dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti ta’ solidarjetà Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew (2019) : Fit for purpose?The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants: 2018 update (Adatta għall-iskop? Id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja lill-migranti irregolari: aġġornament tal-2018) (mhux disponibbli bil-Malti).
(11) Artikolu 6 tal-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali.
(12) Dikjarazzjoni tas-CPME dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ atti ta’ solidarjetà Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew (2019) Fit for purpose? The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants: 2018 update (Adatta għall-iskop? Id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja lill-migranti irregolari: aġġornament tal-2018).
(13) Il-Kunsill ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-NGOs tal-Konferenza tal-INGOs tal-Kunsill tal-Ewropa: Using criminal law to restrict the work of NGOs supporting refugees and other migrants in Council of Europe Member States (L-użu tal-liġi kriminali biex tiġi ristretta l-ħidma tal-NGOs li jappoġġjaw lir-refuġjati u migranti oħra fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa) (2019).
(14) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 24.
(15) Objettiv 9 tal-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari: Insaħħu r-rispons tranżnazzjonali għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Kif ukoll il-punt 25(c): L-iżvilupp ta’ protokolli ta’ kooperazzjoni reattivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u li jqisu s-sitwazzjoni tat-tfal tul ir-rotot migratorji, li jiddeskrivu miżuri pass pass biex jiġu identifikati u assistiti b’mod adegwat il-migranti li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
(16) JOIN(2021) 32 final, Rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-Istat fil-fruntieri esterni tal-UE
(17) https://www.eesc.europa.eu/mt/news-media/presentations/ir-rispons-tal-ue-ghat-tifqigha-tal-covid-19-u-l-htiega-ghal-solidarjeta-bla-precedent-fost-l-istati-membri
(18) Bigio, J., & Vogelstein, R. B. (2021), Ending Human Trafficking in the Twenty-First Century (Intemmu t-Traffikar tal-Bnedmin fis-Seklu Wieħed u Għoxrin), Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin.