Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1883

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill — L-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal (COM(2021) 137 final) — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021) 142 final)

EESC 2021/01883

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 58–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill — L-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal

(COM(2021) 137 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

(COM(2021) 142 final)

(2021/C 374/10)

Relatur:

Kinga JOÓ

Korelatur:

Maria del Carmen BARRERA CHAMORRO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 31.5.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

23.3.2021

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

21.6.2021

Adottata fil-plenarja

7.7.2021

Sessjoni plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

231/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Iċ-ċifra inaċċettabbli ta’ tifel jew tifla minn kull erbat itfal madwar l-UE li qed jitrabbew fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali tirrikjedi approċċ Ewropew koordinat ibbażat fuq oqfsa politiċi u legali b’saħħithom sabiex titreġġa’ lura din it-tendenza u jinkiser iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ żvantaġġ. Irid ikun hemm mira ambizzjuża li timmira li toħroġ it-tfal kollha mill-faqar sal-2030 u mhux biss ħames miljun tifel u tifla.

1.2.

L-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fit-tfassil tal-politika hija essenzjali. Prattikament kull qasam ta’ politika jaffettwa lit-tfal, għalhekk hemm bżonn ta’ approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha biex jiġi żgurat li l-politiki differenti (relatati mal-familja, mal-edukazzjoni, mal-ekonomija, mad-dinja diġitali, mal-ambjent, mal-akkomodazzjoni) għandhom effetti pożittivi u fit-tul fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal. Jeħtieġ li jiġu adottati b’mod urġenti approċċ integrat u miżuri orizzontali fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-UE, sabiex jiġu inklużi l-oqsma importanti kollha li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħajja tat-tfal, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-Garanzija għat-Tfal jinkludu sett ta’ miżuri ta’ żewġ u ta’ diversi ġenerazzjonijiet biex jiġu żviluppati appoġġi kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, billi l-vulnerabbiltajiet tat-tfal ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr l-indirizzar ta’ dawk tal-familja tagħhom. Il-ġenituri u l-persuni li jindukraw iridu jingħataw l-appoġġ permezz ta’ taħlita ta’ azzjonijiet: introjtu adegwat, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, it-teħid ta’ liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri mħallas b’mod adegwat, il-liv ta’ familjari li jindukraw, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u postijiet tax-xogħol li huma favur il-familja.

1.4.

Id-drittijiet tal-bniedem u tat-tfal huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-TUE. Huwa meħtieġ qafas ta’ politika aktar b’saħħtu madwar l-Ewropa kollha dwar id-drittijiet tat-tfal, li ntalab minn ħafna partijiet ikkonċernati. Is-soċjetà ċivili organizzata, speċjalment is-servizzi soċjali, l-organizzazzjonijiet tat-tfal, l-organizzazzjonijiet tal-familja, u l-fornituri tal-edukazzjoni formali u mhux formali, iridu jiġu kkonsultati u involuti kif xieraq fit-tfassil tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali u fil-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom. Azzjonijiet immirati jistgħu jappoġġjaw bl-aħjar mod l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn iż-żewġ oqfsa tal-UE biex jintemm il-faqar u jiġu promossi s-saħħa u l-benesseri tat-tfal.

1.5.

Huma biss 11-il pajjiż li allokaw finanzjament speċifiku tal-FSE+ biex it-tfal jinħarġu mill-faqar, filwaqt li għadd ta’ Stati Membri oħra kienu qrib ħafna tal-medja tal-UE bid-data tagħhom dwar ir-riskji tal-faqar fost it-tfal. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jużaw mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FSE+ biex joħorġu lit-tfal mill-faqar. Barra minn hekk, il-ġbir u l-kwalità ta’ data diżaggregata għandhom jittejbu sabiex jgħinu fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-eradikazzjoni tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu aċċess bla ħlas għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskejjel u l-kura tas-saħħa jew jagħtu dawn is-servizzi mingħajr ħlas. Inkella, dawn jistgħu jiżguraw, permezz ta’ benefiċċji adegwati fi flus, li t-tfal jirċievu dawn is-servizzi essenzjali mingħajr ma jikkawżaw piż finanzjarju addizzjonali fuq il-familji.

1.7.

Filwaqt li jenfasizza li d-drittijiet tat-tfal japplikaw għal dawk kollha taħt it-18-il sena, il-KESE jirrakkomanda li, meta l-Istati Membri jfasslu l-pjani nazzjonali tagħhom taħt il-Garanzija għat-Tfal, dawn jispeċifikaw, fejn xieraq, il-grupp ta’ età fil-mira tal-miżuri. Dan huwa partikolarment importanti biex tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-oqfsa bħall-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, fl-aħjar interess tal-benefiċjarji.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tpoġġi l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal f’livell ta’ koordinazzjoni orizzontali ma’ strateġiji Ewropej oħra approvati dan l-aħħar, bħall-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ, għar-Rom, u għad-drittijiet marbuta mad-diżabilità.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Id-drittijiet tat-tfal huma d-drittijiet tal-bniedem ta’ dawk kollha taħt it-18-il sena. Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv tal-Unjoni Ewropea kif iddikjarat fl-Artikolu 3(3) tat-TUE u l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Kunsill tal-Ewropa jippromovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem tat-tfal abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021) u standards legali rilevanti oħra. Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), kull persuna taħt it-8-il sena fid-dinja hija intitolata għall-istess sett ta’ drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali – irrispettivament mill-etniċità, il-ġeneru, ir-reliġjon, il-lingwa, il-ħiliet, l-istatus ta’ migrazzjoni, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe status ieħor tagħha. Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) japplikaw ukoll f’dan il-każ.

2.2.

Fl-4 ta’ Ġunju 2007, tnieda Forum annwali dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Din il-pjattaforma tippermetti djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet ikkonċernati oħra u tissorvelja l-azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal kull sena. Fl-2010, il-KESE adotta Opinjoni dwar Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom (1), u fl-2011 adotta Opinjoni dwar Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2) li tistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lit-tfal b’kull mod possibbli.

2.3.

Fl-20 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjonijiet biex issaħħaħ id-drittijiet tat-tfal, tnaqqas il-faqar fost it-tfal u ttejjeb il-benesseri tat-tfal (3). Fl-24 ta’ Novembru 2015, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jintroduċu l-Garanzija għat-Tfal u l-programmi li joffru appoġġ u opportunitajiet għall-ġenituri biex joħorġu mill-esklużjoni soċjali u jissieħbu fis-suq tax-xogħol (4). Fit-13 ta’ Diċembru 2017, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) li jiffoka wkoll fuq “Kura tat-tfal u appoġġ għat-tfal” (5) (Prinċipju 11). L-EPSR jipproklama wkoll id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar u d-dritt għal miżuri speċifiċi biex jittejbu l-opportunitajiet indaqs. Bħala segwitu, f’Lulju 2020 il-Kummissjoni kkummissjonat studju ta’ fattibilità (6) u f’Awwissu 2020 nediet konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-Garanzija għat-Tfal u dwar it-twassil ta’ strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal.

2.4.

Fl-24 ta’ Marzu 2021, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew (7), il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija komprensiva tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal għall-2021-2024, kif ukoll proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal

3.1.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija qafas ta’ politika bbażat fuq id-drittijiet li jintegra d-drittijiet tat-tfal bħala kwistjoni trażversali fil-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE kollha. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanzija tal-UE għat-Tfal hija legalment vinkolanti b’sett ċar ta’ azzjonijiet ta’ implimentazzjoni, miri u miżuri li għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-UE. Il-KESE jilqa’ ż-żewġ proposti, billi jemmen li l-implimentazzjoni tagħhom se tappoġġja l-isforzi fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi promoss il-benesseri tat-tfal u jitnaqqas il-faqar fost it-tfal.

3.2.

It-tfal huma l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna, u mhumiex f’pożizzjoni li jindirizzaw ir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali waħedhom. Il-vjolenza kontra t-tfal, fil-forom kollha tagħha, hija mifruxa sew. Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda f’ċerti forom ta’ vjolenza, kif irrappurtat mill-pulizija u minn servizzi prinċipali oħra bħal-linji għall-għajnuna għat-tfal f’ħafna Stati Membri li qed jiffaċċjaw numru dejjem akbar ta’ każijiet (8). Skont id-data tal-Eurostat tal-2019, 18-il miljun tifel u tifla jew 22,2 % tat-tfal fl-UE kienu qed jikbru fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u din iċ-ċifra x’aktarx li tiżdied minħabba l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija (9). Wieħed minn kull erbat itfal fl-UE jikber jew tikber f’familji f’sitwazzjonijiet prekarji li jeħtieġu l-appoġġ biex jitkisser iċ-ċiklu tal-faqar interġenerazzjonali.

3.3.

It-tfal tkellmu dwar id-drittijiet u l-futur li jridu fl-istħarriġ imsejjaħ L-Ewropa Tagħna. Id-Drittijiet Tagħna. Il-Futur Tagħna (10) li kkontribwixxa għat-tiswir kemm tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll tal-Garanzija għat-Tfal. B’mod ġenerali, il-fehmiet ta’ aktar minn 10 000 tifel u tifla nġabru minn ħames organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal. Is-sejbiet għamluha ċara li l-fehmiet tat-tfal iridu jgħinu biex jinkwadraw l-oqfsa u l-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali, legali u politiċi tal-UE.

3.4.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tieħu approċċ olistiku, u l-għan ġenerali tagħha huwa li tibni ħajja aħjar għat-tfal fl-UE u madwar id-dinja f’sitt oqsma importanti: (i) il-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja politika u demokratika tal-UE; (ii) l-inklużjoni soċjoekonomika, l-edukazzjoni u s-saħħa; (iii) il-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, u l-protezzjoni minnhom; (iv) il-ġustizzja li tkun qrib il-ħtiġijiet tat-tfal; (v) it-tfal fl-era diġitali; u (vi) id-dimensjoni globali tad-drittijiet tat-tfal. Il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal tiffoka fuq l-inklużjoni soċjoekonomika u l-aċċess mit-tfal fil-bżonn għal sett ta’ servizzi ewlenin: edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni u attivitajiet ibbażati fl-iskola, aċċess għall-kura tas-saħħa, aċċess għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata. Hija tikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal b’enfasi fuq it-tfal li jgħixu fl-UE.

3.5.

L-istrateġija tappella għal parteċipazzjoni aktar inklużiva u sistematika tat-tfal fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE. Dan se jinkiseb permezz ta’ Pjattaforma ġdida tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal, li se tiġi stabbilita fi sħubija mal-Parlament Ewropew u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, biex jiġi żgurat li t-tfal ikunu aktar involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.6.

L-istrateġija titlob li t-tfal jikbru ħielsa mill-vjolenza u mill-isfruttament. It-tfal jistgħu jkunu vittmi, xhieda jew awturi tal-vjolenza. Skont rapporti tal-ILO, ħafna tfal huma sfruttati fis-suq tax-xogħol u jintużaw għal xogħol furzat, inkluż sfruttament sesswali u prostituzzjoni. L-istrateġija titlob ukoll għal ġustizzja li tkun qrib il-ħtiġijiet tat-tfal, u tindika li l-proċedimenti ġudizzjarji jridu jiġu adattati għall-età u għall-ħtiġijiet tagħhom u jridu jagħtu kunsiderazzjoni primarja lill-aħjar interessi tat-tfal. L-aċċess għall-ġustizzja għat-tfal għandu jiġi żgurat sabiex jikkontribwixxi għar-rikonoxximent sħiħ u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tagħhom, filwaqt li tinżamm l-effiċjenza tal-proċedimenti legali, inkluż permezz ta’ taħriġ speċjalizzat ta’ uffiċjali ġudizzjarji.

3.7.

L-ambjent tal-familja huwa essenzjali biex it-tfal jirnexxu. Fl-Istrateġija tagħha dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, il-Kummissjoni tindika li l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-indukrar tat-tfal bejn il-ġenituri taqdi rwol ewlieni fl-inklużjoni soċjali tat-tfal. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha effett soċjoekonomiku sproporzjonat fuq in-nisa, u l-ġenituri jeħtieġu jaħdmu flimkien aktar minn qatt qabel bħala tim fl-aħjar interessi tat-tfal. L-implimentazzjoni kemm tal-Garanzija għat-Tfal kif ukoll tal-Istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal trid tkun marbuta ma’ inizjattivi ewlenin tal-EPSR, bħat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

3.8.

Hemm firxa wiesgħa ta’ mudelli ta’ familji fl-UE, inklużi familji qawsalla b’membru LGBTIQ wieħed jew aktar. F’konformità mal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025, it-tfal ta’ familji qawsalla jridu jiġu protetti, speċjalment f’sitwazzjonijiet tranżnazzjonali fejn, minħabba d-differenzi fil-liġi tal-familja bejn l-Istati Membri, ir-rabtiet familjari jistgħu ma jibqgħux jiġu rikonoxxuti meta dawn jaqsmu l-fruntieri interni tal-UE. F’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għall-2021-2030, it-tfal b’diżabilità jrid ikollhom dritt ugwali li jiġu inklużi fil-komunità b’għażliet ugwali għal dawk ta’ oħrajn. Kif previst fil-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni għall-2020-2030, irid jiġi indirizzat l-avvanz soċjali tat-tfal Rom. Il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u tal-karatteristika tas-sess, tad-diżabilità jew tal-oriġini etnika, għandha titrawwem minn età bikrija.

3.9.

Il-proposta ta’ Garanzija tipprovdi gwida u riżorsi għall-Istati Membri biex jappoġġjaw lit-tfal fil-bżonn, minħabba l-korrelazzjoni qawwija bejn l-esklużjoni soċjali tat-tfal u n-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi ewlenin. It-tfal vulnerabbli jinkludu (i) tfal mingħajr dar jew tfal li qed jesperjenzaw privazzjoni severa ta’ akkomodazzjoni; (ii) tfal b’diżabilità; (iii) tfal bi sfond ta’ migrazzjoni; (iv) tfal bi sfond ta’ razza jew etniċità minoritarja (b’mod partikolari r-Rom); (v) tfal li qegħdin f’kura alternattiva (speċjalment dik istituzzjonali); u (vi) tfal f’sitwazzjonijiet prekarji tal-familja.

3.10.

Il-Garanzija hija qafas strateġiku li jiggwida l-azzjonijiet tas-27 Stat Membru permezz ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali ffukati fuq l-implimentazzjoni tal-Garanzija u mmirati lejn familji bit-tfal fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ir-rakkomandazzjoni trid tiġi adottata mill-Kunsill tal-UE, u wara dan l-Istati Membri kollha jkollhom sitt xhur biex iħejju Pjani ta’ Azzjoni nazzjonali għall-Garanzija għat-Tfal. Il-proposta ta’ Garanzija tisħaq li għalkemm l-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi huwa parti importanti mill-indirizzar tal-esklużjoni soċjali tat-tfal, irid jiġi stabbilit f’approċċ usa’ u f’qafas ta’ politika soċjali u familjari abilitanti.

3.11.

L-istrateġija tifformula rakkomandazzjonijiet għal azzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, f’politiki u programmi ta’ finanzjament differenti li għandhom impatt fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal, bħall-fondi tal-UE, il-migrazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, l-ekonomija, l-ambjent u t-trasformazzjoni diġitali.

3.12.

Il-Kummissjoni se tirrapporta lura dwar il-progress tal-Istrateġija fil-livell tal-UE u dak nazzjonali fil-Forum annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-aħħar tal-2024 se titwettaq evalwazzjoni tal--istrateġija, bil-parteċipazzjoni tat-tfal. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress dwar il-Garanzija permezz ta’ taħlita ta’ għodod, inkluż is-Semestru Ewropew.

3.13.

Data trasparenti dwar l-użu tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali għandha tiġi inkluża fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali, flimkien ma’ skeda ta’ żmien għall-attivitajiet. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi tal-UE biex jappoġġjaw l-azzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-FSE+ u n-Next Generation EU. Il-FSE+ għandu objettiv speċifiku rilevanti għal din il-kwistjoni u jalloka l-fondi għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Skont ir-regolament il-ġdid, l-Istati Membri tal-UE, fejn il-medja tal-faqar fost it-tfal hija ogħla mill-medja tal-UE għall-2017-2019 (23,4 %) se jkollhom jallokaw mill-inqas 5 % tar-riżorsi finanzjarji tal-FSE+ tagħhom biex jindirizzaw il-faqar fost it-tfal.

4.   Kummenti speċifiċi dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal

4.1.

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija qafas meħtieġ ħafna tal-Unjoni Ewropea biex tipproteġi d-drittijiet tat-tfal u tagħti s-setgħa lit-tfal. Filwaqt li l-adulti jistgħu jivvutaw u jkollhom aċċess għal rimedju legali u għal proċeduri formali ta’ lmenti f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom, it-tfal ħafna drabi huma esklużi minn dawn il-mekkaniżmi. It-tfal għalhekk huma bla vuċi fil-proċess tat-tfassil tal-politika, u l-interessi tagħhom jistgħu jibqgħu inviżibbli għall-gvern mingħajr sforz konxju u sistematiku biex jiġu protetti u promossi.

4.2.

Sabiex tkun l-aktar effettiva, il-parteċipazzjoni sinifikattiva tat-tfal tirrikjedi bidliet mifruxa fl-istrutturi politiċi u istituzzjonali, kif ukoll fl-attitudnijiet, fil-valuri u fil-prattiki kulturali, sabiex it-tfal ikunu rikonoxxuti bħala ċittadini u partijiet ikkonċernati. Biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tat-tfal u jingħata widen għal leħinhom u t-talbiet tagħhom, hemm bżonn ta’ bini ta’ kapaċità kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, inkluż permezz ta’ attivitajiet mhux formali pprovduti minn atturi tas-soċjetà ċivili fil-kuntesti skolastiċi u ’l hinn minnhom. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità eċċellenti biex tiġi implimentata l-parteċipazzjoni tat-tfal, u l-KESE se jesplora wkoll modi kif jista’ jkun hemm parteċipazzjoni akbar tat-tfal.

4.3.

It-tfal huma individwi u membri ta’ familja u komunità bi drittijiet u responsabbiltajiet xierqa għall-età u l-istadju ta’ żvilupp tagħhom u bid-dritt għall-kwalità tal-ħajja. Il-ġenituri u l-indokraturi huma fundamentali fl-iżvilupp konjittiv, fiżiku u emozzjonali tat-tfal. Relazzjoni mimlija affezzjoni u ta’ sostenn bejn il-ġenituri jew in-nanniet u t-tfal hija element essenzjali tal-benesseri u tar-reżiljenza tat-tfal. Ir-relazzjonijiet bejn l-aħwa għandhom wkoll rwol ewlieni fl-iżvilupp tat-tfal. Din ir-relazzjoni ssir saħansitra aktar importanti għat-tfal fil-kura alternattiva, u għalhekk l-aħwa għandhom ikunu jistgħu jibqgħu flimkien, sakemm dan ma jkunx fl-aħjar interess tagħhom. Il-politiki jridu jagħtu prijorità lill-investiment fit-tfal u fil-familji tagħhom u jiżguraw li jiġi pprovdut appoġġ adegwat u ta’ kwalità għolja permezz ta’ approċċ sistematiku multiġenerazzjonali għall-appoġġ tal-familji fit-trobbija tat-tfal permezz ta’ ħiliet pożittivi fit-trobbija tat-tfal.

4.4.

L-inizjattiva li tappoġġja l-iżvilupp u r-rinfurzar ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal imressqa mill-istrateġija għandha tkun ikkomplementata b’miżuri għall-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal. Il-vjolenza li jkunu sofrew jew raw it-tfal fit-tfulija jista’ jkollha konsegwenzi fit-tul fuq l-iżvilupp fiżiku, emozzjonali u psikoloġiku tagħhom. Huwa meħtieġ pjan li jinvolvi kull livell tal-gvern minn dak tal-UE sa dak muniċipali għall-prevenzjoni u għall-indirizzar tal-vjolenza kontra t-tfal li jrid jindirizza l-esponiment għall-forom kollha ta’ vjolenza, abbuż u negliġenza, inklużi l-vjolenza fiżika u psikoloġika, il-vjolenza sesswali, il-vjolenza online, il-vjolenza domestika, istituzzjonali u fl-iskejjel. Għandhom jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet inkroċjati, bħalma huma r-riskji akbar li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bniet, it-tfal (u b’mod partikolari l-bniet) b’diżabilità, it-tfal li jgħixu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u l-familji li huma suxxettibbli għall-vjolenza. L-indirizzar tal-vjolenza mill-minorenni ma jeħtieġx biss proċeduri ġudizzjarji adatti għat-tfal, iżda hemm bżonn ukoll ta’ sfond istituzzjonali adattat għat-tfal biex tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni soċjali sħiħa tagħhom. Helplines ta’ emerġenza u servizzi oħrajn immexxija mill-NGOs biex jappoġġjaw lit-tfal u l-familji għandhom jirċievu finanzjament strutturali biex jiżguraw is-sostenibbiltà u l-effettività.

4.5.

Id-drittijiet tat-tfal iridu jiġu indirizzati wkoll f’oqsma ewlenin ta’ influwenza li għandhom impatt fuq il-benesseri tat-tfal u l-familji tagħhom. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom jintegraw b’mod sistematiku d-drittijiet tat-tfal biex jivvalutaw l-impatt ta’ inizjattiva li tista’ taffettwa lit-tfal u d-drittijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, meta d-drittijiet tat-tfal ikunu kkonċernati f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, huwa importanti li tittieħed azzjoni malajr u b’mod effettiv meta jkun meħtieġ. Dan huwa l-approċċ globali meħud mill-istrateġija u jrid ikun fiċ-ċentru tal-proċess ta’ implimentazzjoni u ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, l-Istati Membri għandhom jiġu megħjuna minn ġabra tal-aħjar prattiki li diġà jeżistu f’pajjiżi oħra u li taw riżultati tajbin.

4.6.

It-tfal huma l-inqas responsabbli għat-tibdil fil-klima, iżda jġorru l-akbar piż tal-impatt tiegħu. L-istrateġija tirreferi għall-impatt tal-kriżi ambjentali u klimatika fuq it-tfal, iżda għandha tmur lil hinn, u tiżgura li l-politiki u l-leġiżlazzjoni ambjentali jieħdu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal bħala punt tat-tluq sabiex jitnaqqas l-esponiment tat-tfal għall-perikli ambjentali. It-tfal huma aktar sensittivi u vulnerabbli għar-riskji ambjentali mill-adulti.

4.7.

Il-ġenerazzjoni li jmiss x’aktarx se tara l-ħajja offline u online tagħha jingħaqdu totalment f’ħaġa waħda. Dan huwa l-approċċ meħud mill-Istrateġija: l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fid-dinja diġitali biex dawn jibqgħu validi fil-futur. Illum, aktar u aktar tfal jużaw apparat diġitali minn età dejjem aktar bikrija. Neħtieġu ambjenti diġitali aċċessibbli li jaħdmu b’mod awtomatiku għat-tfal kollha, b’regolamentazzjoni b’saħħitha għal Internet aktar sikur appoġġjat mill-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali. It-tfal għandhom dritt li jaċċessaw informazzjoni online minn firxa ta’ sorsi, u ma jkunux soġġetti għal algoritmi ta’ awtotagħlim jew mudelli ta’ negozju ta’ reklamar li jwasslu għal informazzjoni ta’ kwalità baxxa.

4.8.

It-tfal – minn età bikrija – jistgħu jsiru vittmi ta’ bullying ċibernetiku, li jista’ jikkawża problemi serji jew saħansitra fatali ta’ saħħa mentali. It-tfal jisfaw ukoll vittmi ta’ abbuż sesswali online, kif ġara aktar minn qatt qabel matul il-perjodu ta’ lockdown, meta l-ammont ta’ Materjal ta’ Abbuż Sesswali tat-Tfal li ġie kondiviż online ra żieda sinifikanti (11). Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta’ vjolenza online huma ta’ importanza kbira għas-sikurezza online tat-tfal.

4.9.

Id-drittijiet tat-tfal, speċjalment dawk ta’ tfal iżgħar, għandhom jiġu rispettati mill-mezzi ta’ informazzjoni u minn kull min jirreklama, u t-tfal għandhom jiġu protetti bħala konsumaturi. Dan huwa speċjalment rilevanti fir-rigward ta’ nutrizzjoni tajba għas-saħħa għall-but ta’ kulħadd u li tiġi minn sors ambjentalment sostenibbli. L-istrateġija tipproponi li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki u kodiċi ta’ kondotta volontarju biex jitnaqqas it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti b’livell għoli ta’ zokkor, xaħam u melħ. Huma meħtieġa tfassil koerenti tal-politika, kontrolli leġiżlattivi aktar stretti fuq l-informazzjoni dwar il-prodott u l-informazzjoni dwar is-sikurezza u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel, li għandhom l-għan li jillimitaw ir-reklamar għal ikel u xorb mhux tajjeb għas-saħħa.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-Garanzija Ewropea għat-Tfal

5.1.

Il-faqar fost it-tfal, il-privazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni huma wħud mill-ostakli l-aktar serji għall-infurzar tad-drittijiet tat-tfal; għalhekk, il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq dawn l-oqsma fl-ambitu tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, b’rabta mal-mira tal-faqar għall-2030 fl-ambitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li timmira li sal-2030 toħroġ mill-inqas 5 miljun tifel u tifla mill-faqar. Dan huwa pass sinifikanti ’l quddiem, iżda l-KESE jħeġġeġ lil kull Stat Membru jippreżenta miri kwalitattivi u kwantitattivi fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Garanzija għat-Tfal tiegħu, li jaqbżu l-mira tal-Kummissjoni Ewropea billi jitqies l-impatt tal-COVID-19. Dawn il-pjani ta’ azzjoni għandhom ikunu marbuta mad-dokumenti legali u ta’ politika eżistenti adottati fil-qafas tal-monitoraġġ tal-UNCRC.

5.2.

L-istudju tal-fattibilità dwar il-Garanzija għat-Tfal esplora l-vantaġġi ta’ approċċ fuq żewġ binarji fejn it-tfal kollha, inklużi dawk l-aktar fil-bżonn, għandu jkollhom aċċess għas-servizzi (12). Fejn ikun meħtieġ, dawk it-tfal li jħabbtu wiċċhom mal-akbar ostakli għall-aċċess għandhom jirċievu appoġġ addizzjonali u mmirat biex jiżguraw li jkollhom aċċess permezz ta’ mekkaniżmi awtomatiċi li jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ stigma. Dan għandu jiġi applikat għall-oqsma kollha ta’ servizz enfasizzati fil-Garanzija għat-Tfal permezz ta’ approċċ komprensiv u intersezzjonali, sabiex jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom l-istess opportunitajiet u bidu fil-ħajja, irrispettivament mill-ambjent tal-familja jew l-isfond tagħhom, jew bżonnijiet individwali, u li jkun hemm konformità sħiħa mat-tranżizzjoni lejn servizzi ta’ kura ta’ kwalità tajba, ibbażati fil-familja u fil-komunità.

5.3.

Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-2020 dwar il-provvista tal-indukrar tat-tfal fl-UE, l-imsieħba soċjali jenfasizzaw li t-tfal kollha huma intitolati li jkollhom aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità għolja u inklużiva biex ikollhom bidu tajjeb fil-ħajja, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ Barċellona u r-reviżjoni li jmiss tagħhom. Dan ma jfissirx li dan huwa obbligatorju: il-ġenituri għandu jkollhom il-libertà li jsemmgħu leħinhom dwar dak li huma jqisu bħala l-aħjar interess tat-tfal tagħhom qabel l-età ta’ edukazzjoni obbligatorja. Madankollu, irid ikun hemm kontinwità bejn il-kura pprovduta mill-familji fl-ewwel xhur/snin tal-ħajja ta’ tifel jew tifla u ECEC professjonali li hija mfassla skont il-ħtiġijiet individwali, hekk kif it-tfal jidħlu fis-sistema edukattiva u l-ġenituri jmorru lura għas-suq tax-xogħol jew għat-taħriġ.

5.4.

Għat-tfal fi gruppi ta’ persuni akbar fl-età (jiġifieri 15-18-il sena), għandha tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-duplikazzjonijiet potenzjali, tiġi żgurata allokazzjoni ċara tal-baġits, u jiġu żviluppati miżuri adatti għall-età u distinti fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali biex jiġu appoġġjati t-tfal u l-ġenituri tagħhom ħalli jiġu żgurati tranżizzjonijiet bla xkiel bejn l-edukazzjoni u l-impjieg. Dan jinkludi informazzjoni mingħajr sterjotipi għat-tfal dwar id-dinja tax-xogħol biex jippreparahom għar-realtajiet tal-impjieg, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tat-tfal fi studji tax-xjenza, l-inġinerija u l-matematika (STEM), speċjalment għall-bniet, filwaqt li jħeġġeġ lis-subien jidħlu fil-professjonijiet tal-kura u tat-tagħlim.

5.5.

L-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa hija moralment u soċjalment inġusta. Din tmur kontra d-dritt fundamentali tal-pazjenti għall-ogħla livell ta’ saħħa li jista’ jinkiseb, inkluża s-saħħa mentali; barra minn hekk, din ma għandhiex biss prezz uman, hija wkoll għalja mill-perspettiva tas-sostenibbiltà ekonomika tal-infiq pubbliku. Minbarra r-riskji għas-saħħa, ġie osservat li t-tnaqqis fil-benesseri emozzjonali u mentali tat-tfal huwa konsegwenza waħda tal-pandemija tal-COVID-19, b’ħafna tfal isofru minn ansjetà minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u inċertezza dwar is-sitwazzjoni attwali jew qed jesperjenzaw is-solitudni u għandhom ħsibijiet ta’ suwiċidju. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-għoti ta’ assistenza medika ta’ kwalità għolja u appoġġ għas-saħħa mentali huwa essenzjali.

5.6.

Bħala medja, 5,4 % tat-tfal tal-età tal-iskola (6-16-il sena) fl-Ewropa jgħixu f’unitajiet domestiċi li ma jistgħux jaffordjaw kompjuter jew konnessjoni tal-Internet. L-indirizzar tal-faqar fost it-tfal u l-familji fl-ambitu tal-Garanzija tat-Tfal ifisser ukoll l-indirizzar tal-privazzjoni diġitali. L-indikatur (13) ta’ privazzjoni materjali severa tal-UE-SILC għandu jinkludi tal-inqas varjabbli wieħed ta’ privazzjoni diġitali. Ewropew minn kull erba’ ma jistax idawwal, isaħħan jew ikessaħ id-dar b’mod adegwat – fatt li jikkontribwixxi għal 100 000 mewt kull sena. Skont ir-rapport tan-Network Ewropew tal-Politika Soċjali ppubblikat fil-ħarifa tal-2020, il-faqar enerġetiku jaffettwa mhux biss l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx iżda wkoll proporzjon kbir ta’ unitajiet domestiċi bi dħul medju f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri. Il-kwalità tal-ħajja u l-għażliet tal-ħajja tat-tfal, kif ukoll il-kundizzjonijiet tas-saħħa tagħhom, huma affettwati mill-aċċess tagħhom għall-enerġija. Għall-ġustizzja soċjali u ambjentali flimkien, il-faqar enerġetiku tat-tfal għandu jiġi indirizzat fi ħdan il-Garanzija għat-Tfal b’rabta mal-azzjonijiet taħt il-prinċipju 20 tal-EPSR.

5.7.

Wara l-adozzjoni rapida tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-Garanzija għat-Tfal għandhom ikunu konformi mal-approċċ fuq tliet livelli tar-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE (14) dwar l-investiment fit-tfal (aċċess għal riżorsi adegwati, aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd, u d-dritt tat-tfal li jipparteċipaw), u għandhom jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mat-tfal u l-familji tagħhom u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’tisħiħ tad-djalogu nazzjonali, reġjonali u lokali. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ, kemm pubbliċi kif ukoll mingħajr skop ta’ qligħ, għandhom jiġu inklużi fost il-partijiet ikkonċernati involuti fil-proċess ta’ Garanzija għat-Tfal, kif ukoll l-imsieħba soċjali b’rabta mal-oqsma ta’ servizz, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u aċċess għal servizzi tal-ogħla kwalità għat-tfal.

5.8.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Koordinaturi Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal mgħammra b’riżorsi u mandati adatti, li jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni. Sistema effiċjenti se tkun essenzjali biex jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ koordinazzjoni intergovernattivi (fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali) biex jiġi żviluppat, implimentat u mmonitorjat il-benesseri tat-tfal u biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal. Irid jiġi żgurat li l-approċċi integrati fil-livell nazzjonali jissarrfu f’approċċi integrati fil-livell reġjonali u lokali u li arranġamenti effettivi jiżguraw sinerġiji bejniethom. L-indikaturi rilevanti kollha, fejn possibbli, għandhom ikunu diżaggregati fil-livell lokali biex ikun hemm stampa aktar ċara tad-differenzi territorjali u biex l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tiġi ppjanata u mmonitorjata aħjar.

5.9.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-isfidi li kienu jeżistu qabel u l-ħtiġijiet immedjati għal ħafna familji f’sitwazzjonijiet prekarji li x’aktarx ikunu l-aktar milquta mill-konsegwenzi fit-tul tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-benesseri. Il-lakuni u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn is-sistemi ġew amplifikati. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li qed jiddeterjoraw żiedu r-riskju li t-tfal jiġu traskurati. L-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi wassal għal diffikultajiet serji għal ħafna ġenituri u għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal. L-assenteiżmu żied ir-riskju li t-tfal jitilqu mill-edukazzjoni għal dawk minn gruppi emarġinati u għamilha diffiċli ħafna għat-tfal b’diżabilità, inklużi d-diżabilità fit-tagħlim. Huwa essenzjali li l-ambjenti tal-iskejjel jipprovdu lit-tfal kollha bl-istess opportunitajiet u appoġġ immirat fejn meħtieġ.

5.10.

Is-servizzi tal-familja jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jgħinu lill-familji jlaħħqu ma’ din is-sitwazzjoni (15). L-appoġġ għall-familji fir-rwol fundamentali tagħhom jinkludi li jimtlew il-lakuni fl-edukazzjoni, it-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, il-ħiliet tal-ġenituri, il-benesseri psikoloġiku, l-aċċess għas-servizzi, l-impjiegi u l-introjtu, filwaqt li tingħata ħarsa wkoll lil hinn mill-politika soċjali. Għalhekk, il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal “Ftehim ta’ Kura għall-Ewropa”, li jiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità ogħla għal kulħadd matul iċ-ċiklu tal-ħajja (16). Is-saħħa u l-benesseri tat-tfal jiddependu mill-politiki universali tal-familja tas-seklu 21, fejn it-tfal jiġu ttrattati b’mod ugwali irrispettivament mill-arranġamenti tal-familja.

5.11.

Id-djalogu soċjali jaqdi rwol fl-iżvilupp ta’ għodod prattiċi biex il-kura tat-tfal issir aktar aċċessibbli u affordabbli billi, pereżempju, jinħolqu fondi konġunti permezz ta’ ftehimiet kollettivi biex jiġu appoġġjati proġetti ta’ kura tat-tfal li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri li jaħdmu f’setturi speċifiċi, bħall-kura tat-tfal b’mard u diżabilitajiet u l-kura barra l-ħinijiet tal-ftuħ regolari. Għalhekk, huwa importanti ħafna li titqies id-dikjarazzjoni konġunta tal-imsieħba soċjali, li tgħid li n-nuqqas ta’ indukrar tat-tfal fis-sigħat ta’ wara l-iskola u fil-vaganzi fl-Ewropa huwa ostaklu ewlieni għal xogħol full-time bi ħlas għall-ġenituri li għandhom tfal fl-età tal-iskola. Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-kura ta’ matul il-jum u l-isfera soċjokulturali, bħall-klabbs sportivi, l-iskejjel tal-mużika u l-inizjattivi kulturali, hija essenzjali. L-attività fiżika u l-edukazzjoni kulturali jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp fiżiku, soċjali, emozzjonali u kulturali tat-tfal.

Brussell, is-7 ta’ Lulju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 34.

(2)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 34.

(3)  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (2015) dwar “It-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal”, punt 46.

(5)  Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(6)  Feasibility study for a child guarantee, rapport finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (2021) dwar “Id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal”.

(8)  WHO Europe, The rise and rise of interpersonal violence – an unintended impact of the COVID-19 response on families (2020) [Iż-żieda drastika fil-vjolenza interpersonali – impatt mhux intenzjonat tar-rispons għall-COVID-19 fuq il-familji (2020) – mhux disponibbli bil-Malti].

(9)  Unicef, Supporting Families and Children Beyond COVID-19 – Social protection in high-income countries (2021) [L-appoġġ għall-familji u t-tfal ’il hinn mill-COVID-19 – Protezzjoni soċjali f’pajjiżi bi dħul għoli (2021) mhux disponibbli bil-Malti].

(10)  Unicef, Children speak up about the rights and the future they want (2021) [It-tfal isemmgħu leħinhom dwar id-drittijiet u l-futur li jridu (2021) – mhux disponibbli bil-Malti].

(11)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 63.

(12)  Feasibility study for a child guarantee, rapport finali (Studju dwar il-fattibbiltà għal garanzija għat-tfal, rapport finali – mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Dan l-indikatur qed jiġi sostitwit minn indikatur ta’ privazzjoni materjali u soċjali severa (SMSD).

(14)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta' Frar 2013 L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ ( ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5).

(15)  OECD Looking beyond COVID-19: Strengthening family support services across the OECD (Inħarsu lil hinn mill-COVID-19: It-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ għall-familja fl-OECD – mhux disponibbli bil-Malti)

(16)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13-25


Top