Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0812

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2020/812 final

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/01/2021

Brussell, 17.12.2020

COM(2020) 812 final

2020/0356(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2020, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika, mill-1 ta’ Jannar 2021, miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lil-Litwanja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 55 000. B'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tar-Repubblika tal-Litwanja permezz ta' ittri ddatati l-10 ta’ Awwissu 2020 u l-11 ta’ Awwissu 2020. Permezz ta’ ittra ddatata t-12 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn tiġbor il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.

Skont l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT, il-Litwanja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 29 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Ir-Repubblika tal-Litwanja ssieħbet fl-euro fl-1 ta’ Jannar 2015.

Biż-żieda tal-livell limitu minn EUR 45 000 għal EUR 55 000 sabiex persuna tiġi identifikata għal skopijiet ta’ VAT, huwa maħsub li l-miżura tnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv fuq l-impriżi eliġibbli għall-iskema, u b’mod partikolari fuq il-mikroimpriżi, billi teħlishom mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma ta’ rekords tal-VAT jew il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa.

Skont l-awtoritajiet Litwani, saret analiżi ta’ tliet fatturi. L-ewwel fattur, meta jitqiesu l-persuni li jirreġistraw bħala kontribwenti tal-VAT, juri li l-għadd ta’ kontribwenti tal-VAT fir-Repubblika tal-Litwanja ilu jiżdied b’mod kostanti mill-2017 u l-maġġoranza kbira (madwar 90 %) tal-persuni rreġistrati bħala kontribwenti tat-taxxa għall-finijiet tal-VAT u li jħallsu l-VAT fil-baġit tal-Istat tikkonsisti minn persuni li għażlu r-reġistrazzjoni volontarja.

It-tieni fattur jirreferi għall-impatt fuq id-dħul baġitarju tal-Istat li tħalli ż-żieda fil-livell limitu tal-fatturat minn EUR 45 000 għal EUR 55 000. Skont l-istimi li pprovdew l-awtoritajiet Litwani din iż-żieda tirriżulta fi tnaqqis addizzjonali annwali ta’ EUR 6,4 miljun mid-dħul mill-VAT. Attwalment il-VAT mhux miġbura minħabba l-limitu ta’ EUR 45 000 tammonta għal EUR 13,2-il miljun fis-sena (bil-limitu minimu ta’ EUR 29 000). B’paragun, id-dħul totali mill-VAT kien ta’ EUR 3,8 biljun fl-2019.

It-tielet fattur jirrigwarda l-għadd ta’ persuni taxxabbli affettwati. Il-Litwanja tindika li 7 % tal-ammont totali ta’ kontribwenti li kienu involuti f’attivitajiet ekonomiċi fil-Litwanja fl-2019 huma eliġibbli għall-applikazzjoni tal-iskema bil-limitu attwali ta’ EUR 45 000. Minn dan is-7 % 1.8 % biss huma rreġistrati għall-finijiet tal-VAT.

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali fl-2019, hemm 5 463 kontribwent b’fatturat ta’ bejn EUR 45 000 u EUR 55 000. Dawk il-kontribwenti kollha jkunu eliġibbli għall-iskema tal-SMEs hekk kif jiżdied il-livell limitu.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Litwani jispjegaw li matul dawn l-aħħar snin osservaw li l-limitu ta’ EUR 45 000 ma kellu l-ebda impatt sostanzjali fuq il-ġbir tad-dħul mill-VAT.

Livell limitu tal-fatturat annwali ta’ EUR 55 000 għar-reġistrazzjoni għall-VAT ikun ta’ benefiċċju għall-impriżi ż-żgħar, b’mod partikolari l-persuni fiżiċi involuti f’impriżi żgħar, il-bdiewa soġġetti għall-iskema ta’ kumpens mit-tariffa tal-VAT, u l-persuni involuti fil-forniment ta’ servizzi lil konsumaturi finali u lil partijiet, li minnhom titnaqqas parti żgħira mill-VAT, jiġifieri l-possibbiltà li tali persuni ma jkollhomx għalfejn jirreġistraw għall-VAT sal-limitu tal-fatturat annwali ta’ EUR 55 000, ittaffi b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv u tat-taxxa fuqhom. Din il-miżura tgħin ukoll lill-impriżi ż-żgħar, li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19.

Il-miżura għandha karattru fakultattiv. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

Normalment, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura ta’ deroga tibqax adegwata u effettiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar għadhom kemm ġew rieżaminati. Id-direttiva l-ġdida li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar 2 teżiġi li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mar-regoli l-ġodda, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024. L-Istati Membri se jkollhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2025.

Huwa għalhekk xieraq li d-deroga tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2024.

 

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-filosofija tad-direttiva l-ġdida li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 3 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u ssimplifikata għal dawn l-impriżi. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u fil-livell tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tal-impriżi kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, iż-żieda tal-livell limitu minn EUR 45 000 għal EUR 55 000 huwa konsistenti mad-Direttiva l-ġdida, sa fejn dan jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands 4 ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja 5 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Lussemburgu 6 livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Latvja 7 , il-Polonja 8 u l-Estonja 9 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; il-Kroazja 10 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000 u Malta 11 livell limitu ta’ EUR20 000; l-Ungerija 12 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja 13 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija 14 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

Kif issemma diġà, id-derogi mid-Direttiva tal-VAT jenħtieġ li jkunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. L-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mill-Litwanja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-direttiva l-ġdida dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha, il-Kummissjoni ilha tenfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 15 jirreferi għal “Strateġija ddedikata għall-SMEs li se tagħmilha aktar faċli biex in-negozji żgħar u medji joperaw, jikbru u jespandu”. Il-miżura ta’ deroga tikkonforma ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. B’mod partikolari hija konsistenti mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 16 , li rrefera speċifikament għall-VAT, u indika li l-piż amministrattiv ta’ konformità tal-VAT għal negozji żgħar huwa għoli u l-innovazzjoni teknika tippreżenta sfidi ġodda għall-ġbir effettiv tat-taxxa, u enfasizza l-ħtieġa li l-VAT tiġi ssimplifikata għall-kumpaniji ż-żgħar.

Bl-istess mod, il-miżura hija konsistenti mal-istrateġija tas-suq uniku tal-2015 17 , li permezz tagħha l-Kummissjoni ħadmet biex tgħin lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jikbru, fost l-oħrajn billi naqqset il-piżijiet amministrattivi li ma kinux iħalluhom jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Issegwi wkoll il-filosofija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” 18 , li enfasizzat il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tat-taxxa għall-impriżi ż-żgħar.

Fl-aħħar nett, il-miżura tikkonforma mal-politiki tal-UE dwar l-impriżi żgħar u medji kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2016 favur in-Negozji l-ġodda 19 u fil-Komunikazzjoni tal-2008 “‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” 20 , li stiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mil-Litwanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 45 000 għal EUR 55 000. Din iż-żieda fil-livell limitu hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 55 000. Għalhekk se jkollha impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal għadd ta’ persuni taxxabbli u, sussegwentement, fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.

Fl-2019 kien hemm madwar 8 737 persuna soġġetta għall-ħlas tal-VAT li minnhom 7 664 irreġistraw għall-konformità mal-VAT fuq bażi volontarja, li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-persuni rreġistrati għall-finijiet tal-VAT.

Skont l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali fl-2019, kien hemm 5 463 kontribwent b’fatturat minn EUR 45 000 sa EUR 55 000. Dawn il-kontribwenti kollha jkunu eliġibbli għall-iskema tal-SMEs hekk kif jiżdied il-livell limitu.

Bħalissa 7 % tal-għadd totali tal-kontribwenti li kienu involuti f’attivitajiet ekonomiċi fil-Litwanja fl-2019 huma eliġibbli għall-iskema li tapplika l-limitu attwali ta’ EUR 45 000 u 1,8 % minnhom huma rreġistrati għall-finijiet tal-VAT.

Skont l-istimi li pprovdew l-awtoritajiet Litwani, iż-żieda fil-livell limitu minn EUR 45 000 għal EUR 55 000 tirriżulta fi tnaqqis addizzjonali ta’ EUR 6,4 miljun fis-sena ta’ dħul mill-VAT. Attwalment il-VAT mhux miġbura minħabba l-limitu ta’ EUR 45 000 tammonta għal EUR 13,2-il miljun fis-sena (bil-limitu minimu ta’ EUR 29 000). B’paragun, id-dħul totali mill-VAT kien ta’ EUR 3,8 biljun fl-2019.

Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT huwa stmat għal EUR 20 miljun, li huwa kkunsidrat bħala negliġibbli.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE peress li l-Litwanja se twettaq kalkolu tal-kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.

2020/0356 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 21 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

 

(1)Skont il-punt (11) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Litwanja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 29 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2011/335 22 , il-Litwanja kienet awtorizzata applika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar minn EUR 45 000, sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-punt (11) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024 sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni u żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni għal EUR 55 000, jiġifieri d-data sa meta l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 23 , li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar u, fost l-oħrajn, tħassar l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.

(3)Permezz tal-miżura ta’ deroga, dawk il-persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 55 000 ikunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT kif imsemmi fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(4)Il-livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar li hemm stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta’ simplifikazzjoni għax dan jista’ jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b’mod sinifikanti. Il-livell limitu mitlub ta’ EUR 55 000 huwa konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/285.

(5)F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri ddatati l-10 ta’ Awwissu 2020 u l-11 ta’ Awwissu 2020 bit-talba li għamlet il-Litwanja. Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(6)Il-miżura ta’ deroga hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)Skont l-informazzjoni li pprovdiet il-Litwanja, il-miżura ta’ deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

(8)Il-miżura ta’ deroga mhijiex se taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT peress li l-Litwanja se twettaq kalkolu ta’ kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 24 .

(9)Minħabba li hu mistenni li ż-żieda fil-livell limitu tnaqqas l-obbligi tal-VAT u b’hekk il-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar, u għall-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll l-impatt fuq id-dħul totali mill-VAT iġġenerat huwa negliġibbli, jenħtieġ li l-Litwanja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga.

(10)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jeħtieġ jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Litwanja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt 11 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Litwanja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 55 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p.11-12).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1261 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 4–5).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 32).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 4–5).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1662 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 6–7).
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 38).
(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1–3).
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020 - Unjoni li tirsisti għal aktar (COM(2020) 37 final).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 (COM(2016) 710 final).
(17)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM(2015) 550 final).
(18)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (COM(2012) 795 final).
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mexxejja li Jmiss tal-Ewropa: L-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu (COM(2016) 733 final).
(20)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (KUMM/2008/394 finali).
(21)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(22)    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE tat-30 ta' Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud ( ĠU L 150, 9.6.2011, p. 6 ).
(23)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (OJ L 62, 2.3.2020, p. 13–23).
(24)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).
Top