Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0769

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk

COM/2020/769 final

Brussell, 30.11.2020

COM(2020) 769 final

2020/0341(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/[ŻID numru ta’ REFERENZA] ( 1 ), il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk ġie ffirmat mill-Unjoni fi […2020], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-Ftehim Interbus huwa ristrett għall-pajjiżi membri tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) u għal dawk il-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 30(2) tal-Ftehim Interbus. Minbarra l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Ukrajna bħalissa huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim.

Il-Ftehim Interbus huwa miftuħ għall-adeżjoni ta’ pajjiżi li huma membri sħaħ tal-ECMT.

Ir-Renju tal-Marokk mhuwiex membru sħiħ iżda għandu status ta’ osservatur fl-ECMT.

Jenħtieġ li l-Ftehim Interbus jipprovdi bażi ġuridika ċara għall-adeżjoni tar-Renju tal-Marokk.

Il-Protokoll iżid ir-Renju tal-Marokk mal-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 30(2) li jistgħu jaderixxu mal-Ftehim Interbus. L-Artikolu 30(2) diġà jelenka r-Repubblika ta’ San Marino, il-Prinċipat ta’ Andorra u l-Prinċipat ta’ Monaco.

L-adeżjoni possibbli tar-Renju tal-Marokk ( 2 ) mal-Ftehim Interbus se tikkontribwixxi għal aktar żvilupp fir-relazzjonijiet internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri, fit-turiżmu u fl-iskambju kulturali lil hinn minn dawk il-pajjiżi li bħalissa huma Partijiet għall-Ftehim Interbus u se tiffaċilita l-organizzazzjoni tagħhom.

Tabilħaqq jenħtieġ li jitfakkar li t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa settur importanti li jipprovdi l-mobbiltà liċ-ċittadini Ewropej bi struttura tal-prezzijiet affordabbli. L-iżvilupp ulterjuri tiegħu lil hinn mill-UE jkun ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini tal-UE, għat-turisti barranin, għall-industrija tat-turiżmu kif ukoll għar-reġjuni Ewropej.

Jenħtieġ li tiġi offruta l-possibbiltà ta’ aċċess għas-suq lir-Renju tal-Marokk abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interbus, soġġetta għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, inkluż is-sikurezza fit-toroq, id-dispożizzjonijiet tekniċi, il-kwalifiki tas-sewwieqa, ir-regoli soċjali, id-drittijiet tal-passiġġieri, l-ambjent u l-ammissjoni għall-impjieg.

Sabiex jiġu evitati l-kwistjonijiet ta’ governanza, jenħtieġ li l-Partijiet Kontraenti kollha għall-Ftehim Interbus jiffirmaw u japprovaw jew jirratifikaw il-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk qabel il-pajjiż ikun jista’ jissieħeb.

Sabiex il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus jitħallew jiffirmaw u jikkonkludu l-Protokoll, huwa xieraq li l-Protokoll ma jkunx jipprevedi perjodu speċifiku li matulu dan ikun miftuħ għall-iffirmar.

Id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll huwa l-ewwel jum tax-xahar wara dak meta l-Partijiet Kontraenti għall-Interbus kollha jkunu ffirmawh u approvawh jew irratifikawh.

Waħda mill-Partijiet Kontraenti biddlet isimha għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, u jenħtieġ li dan jiġi rifless fil-Protokoll.

Il-Protokoll issa jindika wkoll li l-Prinċipat ta’ Andorra sar Parti Kontraenti għall-Ftehim Interbus.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Protokoll huwa konformi mal-politika tal-UE tat-trasport bit-triq u jikkumplementaha. Jappoġġja l-aċċess ta’ pajjiżi ġirien tal-UE għas-suq tat-trasport tal-passiġġieri tal-UE (u viċi-versa) u joħloq qafas regolatorju għall-organizzazzjoni tat-turiżmu transfruntier fiż-żewġ direzzjonijiet.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-viċinat u tar-relazzjonijiet esterni tal-UE.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġbir u użu tal-għarfien espert u valutazzjoni tal-impatt

L-impatti globali mistennija huma pożittivi: il-ftuħ tal-Ftehim Interbus għal pajjiż ieħor joffri opportunitajiet ġodda kemm lill-Partijiet Kontraenti eżistenti kif ukoll lir-Renju tal-Marokk. Peress li jgħin biex jestendi l-acquis tal-UE fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri lil dak il-pajjiż, se jkollu impatti pożittivi fuq il-kundizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali li skonthom jitwettqu l-operazzjonijiet rilevanti. L-impatt ambjentali globali se jkun limitat.

S’issa, l-operaturi jistgħu jkunu SMEs bi flotta iżgħar ta’ kowċis jew xarabankijiet jew kumpaniji akbar bi flotot akbar.

Simplifikazzjoni

It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-regoli applikabbli għal operazzjonijiet ta’ trasport okkażjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank skont il-Ftehim Interbus se jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tat-twettiq ta’ operazzjonijiet bħal dawn ma’ pajjiż terz ieħor.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Bażi Ġuridika

Il-bażi ġuridika hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-bażi ġuridika sostantiva, l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE jipprevedi Deċiżjoni tal-Kunsill bħala l-istrument applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-ebda.

5.ELEMENTI FAKULTATTIVI

Arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

It-tħaddim tal-Ftehim Interbus se jiġi evalwat kull ħames snin mill-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim.

Proċedura ulterjuri

Il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-proċedura tingħata bidu bil-għan li l-Protokoll jiġi konkluż. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni qiegħda tressaq din il-Proposta lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta:

·L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jipprevedi l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim Interbus billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk.

·L-Artikolu 2 jikkonċerna s-setgħat għall-konklużjoni tal-Protokoll.

·L-Artikolu 3 jipprevedi d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Protokoll:

·L-Artikolu 1 jipprevedi emenda għall-Ftehim Interbus dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank billi jagħti lir-Renju tal-Marokk l-għażla li jaderixxi mal-Ftehim.

·L-Artikoli 2 sa 6 ikopru l-proċeduri amministrattivi biex il-Protokoll jidħol fis-seħħ, jipprevedu li l-Partijiet Kontraenti kollha għandhom jiffirmaw il-Protokoll u jaderixxu miegħu jew jirratifikawh qabel dan jidħol fis-seħħ u, b’hekk, ir-Renju tal-Marokk ikun jista’ jissieħeb fil-Ftehim, u jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-reġim lingwistiku.

·L-Artikolu 7 jipprevedi li dan il-Protokoll jissostitwixxi l-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019.

2020/0341 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2020/[ŻID numru ta’ REFERENZA] 3 , il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk (“il-Protokoll”) ġie ffirmat mill-Unjoni fi [data] 2020, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Sabiex jiġu evitati l-kwistjonijiet ta’ governanza, il-Partijiet Kontraenti kollha għall-Ftehim Interbus ikollhom jiffirmaw u japprovaw jew jirratifikaw il-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk qabel il-Protokoll jidħol fis-seħħ u dan il-pajjiż ikun jista’ jissieħeb. Ma hemm l-ebda perjodu speċifiku li matulu l-Protokoll se jkun miftuħ għall-iffirmar. Il-Protokoll jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara r-ratifika mill-Partijiet Kontraenti kollha.

(3)Barra minn hekk, il-Protokoll iqis il-bidla fl-isem ta’ Parti Kontraenti, dak tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-Protokoll issa jirreferi wkoll għall-Prinċipat ta’ Andorra li sar Parti Kontraenti għall-Ftehim Interbus.

(4)Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex jiġu ffaċilitati l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, tqies li huwa xieraq li jitħejja Protokoll ġdid dwar ir-Renju tal-Marokk li jissostitwixxi l-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019.

(5)Huwa mistenni li l-adeżjoni possibbli tar-Renju tal-Marokk mal-Ftehim Interbus tikkontribwixxi għall-iżvilupp fir-relazzjonijiet internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri, fit-turiżmu u fl-iskambju kulturali lil hinn minn dawk il-pajjiżi li bħalissa huma Partijiet għall-Ftehim Interbus. Huwa mistenni wkoll li adeżjoni possibbli tar-Renju tal-Marokk mal-Ftehim Interbus tgħin fl-estensjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri għal dan il-pajjiż. Dan mistenni jkollu impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali li skonthom jitwettqu l-operazzjonijiet relevanti. Għalhekk, jenħtieġ li r-Renju tal-Marokk, li għandu status ta’ osservatur fil-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport, jingħata l-opportunità li jaderixxi mal-Ftehim Interbus.

(6)Għalhekk, il-Protokoll jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk qiegħed jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tiddepożita l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha 4 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L […], […], p. […].
(2)    Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti fil-kawżi C-266/16, C-104/16P, T-275/18 u T-180/14, il-ftehim se jkun applikabbli għat-territorju tar-Renju tal-Marokk, iżda mhux se jkun applikabbli fit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/[ŻID numru ta’ REFERENZA] ta’ [data] dwar l-iffirmar ta’ Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk (ĠU L, .2020, p.).
(4)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Top

Brussell, 30.11.2020

COM(2020) 769 final

ANNESS

tal-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk


PROTOKOLL

LI JEMENDA L-FTEHIM DWAR IT-TRASPORT OKKAŻJONALI INTERNAZZJONALI TA’ PASSIĠĠIERI BIL-KOWĊ U BIX-XARABANK (IL-FTEHIM INTERBUS) BILLI TIĠI ESTIŻA L-POSSIBBILTÀ TA’ ADEŻJONI GĦAR-RENJU TAL-MAROKK

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) 1 u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2003 2 ,

WARA LI KKUNSIDRAW ix-xewqa li jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri, it-turiżmu u l-iskambju kulturali lil hinn minn dawk il-pajjiżi li bħalissa huma eliġibbli għall-adeżjoni,

WAQT LI JIXTIEQU jiftħu l-Ftehim Interbus għall-adeżjoni tar-Renju tal-Marokk,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk (“il-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk”) kien miftuħ għall-iffirmar fi Brussell bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li matul il-perjodu ta’ hawn fuq, mhux il-Partijiet Kontraenti kollha ffirmaw il-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk,

WAQT LI JIXTIEQU jippermettu li l-Partijiet Kontraenti kollha jkunu jistgħu jiffirmaw il-Protokoll,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li jkun aktar xieraq għall-Protokoll dwar ir-Renju tal-Marokk li jidħol fis-seħħ ladarba l-Partijiet Kontraenti kollha għall-Ftehim Interbus jkunu rratifikaw il-Protokoll,

Billi:

(1)Il-Ftehim Interbus huwa miftuħ biss għall-adeżjoni tal-membri tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) u għal ċerti pajjiżi Ewropej oħra kif stabbilit f’dan il-Ftehim.

(2)Ir-Renju tal-Marokk, filwaqt li għandu status ta’ osservatur fl-ECMT, mhuwiex membru u lanqas ma huwa intitolat jaderixxi mal-Ftehim Interbus f’dan l-istadju.

(3)Biex jinfetaħ il-Ftehim Interbus għall-adeżjoni tar-Renju tal-Marokk, jenħtieġ li l-Ftehim Interbus jiġi emendat,

IDDEĊIDEW li jemendaw il-Ftehim Interbus kif xieraq, u

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 30 tal-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus), il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan il-Ftehim għandu wkoll ikun miftuħ għall-adeżjoni tar-Repubblika ta’ San Marino, tal-Prinċipat ta’ Andorra, tal-Prinċipat ta’ Monaco u tar-Renju tal-Marokk.”.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jaġixxi bħala d-Depożitarju tal-Protokoll.

Artikolu 3

Dan il-Protokoll għandu jiġi ffirmat, approvat jew irratifikat mill-firmatarji f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. L-istrumenti ta’ approvazzjoni jew ta’ ratifika għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju tal-Protokoll, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti l-oħra kollha.

Artikolu 4

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih il-Partijiet Kontraenti kollha jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ approvazzjoni jew ta’ ratifika tagħhom mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Dan il-Protokoll, imfassal bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mad-Depożitarju, li għandu jittrażmetti kopja vera attestata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6

Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura traduzzjoni tajba ta’ dan il-Protokoll bil-lingwa(i) uffiċjali tagħha minbarra l-lingwi awtentiċi msemmija fl-Artikolu 5. Kopja ta’ kull waħda minn dawn it-traduzzjonijiet għandha tiġi ddepożitata mad-Depożitarju li għandu jittrażmetti kopja ta’ dawn it-traduzzjonijiet kollha lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 7

Dan il-Protokoll jissostitwixxi l-Protokoll tal-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta’ adeżjoni għar-Renju tal-Marokk, li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019. Il-Protokoll preċedenti ma għandu jibqa' jkollu ebda valur ġuridiku.



Magħmul fi Brussell,

B’XHIEDA TA’ DAN, il-plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Protokoll.

Miftuħ għall-iffirmar fi Brussell.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tal-Albanija

Għall-Prinċipat ta’ Andorra

Għall-Bożnija-Ħerzegovina

Għar-Repubblika tal-Moldova

Għall-Montenegro

Għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

Għar-Repubblika tat-Turkija

Għall-Ukrajna

(1)    ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.
(2)    ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.
Top