EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0309

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura tad-diżimpenn

COM/2020/309 final

Brussell, 13.7.2020

COM(2020) 309 final

2020/0140(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura tad-diżimpenn


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-effetti diretti u indiretti tat-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikomplu jiżdiedu fl-Istati Membri kollha. Is-sitwazzjoni attwali hija bla preċedent u teħtieġ miżuri li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Fondi. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġi żgurat l-użu sħiħ tar-regola N+2, biex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tal-allokazzjonijiet tagħhom u għad-dikjarazzjoni tan-nefqa tagħhom lill-Kummissjoni.

Speċifikament, sabiex ir-regola tad-diżimpenn (N+2) tqis it-talba għal pagament li tkopri b’mod sħiħ is-sena N+2 ippreżentata mill-Istati Membri, huwa meħtieġ li l-iskadenza tad-diżimpenn tiġi allinjata mal-iskadenza tal-preżentazzjoni tal-kontijiet.

Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata konsistenza fl-approċċ għad-diżimpenn u biex l-Istati Membri jingħataw perjodu ta’ implimentazzjoni skont ir-regola N+2, qed jiġi propost li d-diżimpenn tal-allokazzjonijiet addizzjonali pprovduti għall-programmi nazzjonali fl-2018 u fl-2019 jiġi allinjat mar-regoli applikabbli għall-allokazzjoni bażika tal-programmi nazzjonali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u għall-Fond għas-Sigurtà Interna u hija limitata għal emendi speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija limitata għal emendi speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Hija tallinja l-iskadenza għat-talbiet għal pagamenti u d-diżimpenn, u taġġusta d-data tal-impenn tal-allokazzjonijiet addizzjonali fl-2018 u fl-2019, li ngħataw biex jiġu indirizzati l-eżiġenzi mhux previsti fl-oqsma koperti mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u mill-Fond għas-Sigurtà Interna.

Sussidjarjetà 

Din il-proposta għandha l-għan li timmassimizza l-użu tal-Fondi biex jiġu indirizzati l-effetti diretti u indiretti li jirriżultaw mill-kriżi tas-saħħa pubblika bla preċedent fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta hija bidla limitata u mmirata li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv li jiġi żgurat li Stat Membru jkun jista’ jagħmel l-aħjar użu mill-allokazzjonijiet b’rispons għall-kriżi mifruxa tas-saħħa pubblika li hemm riskju li jkollha effett detrimentali fuq l-oqsma koperti mill-Fondi.

Għażla tal-istrument

Regolament huwa l-istrument ix-xieraq biex jiġu introdotti l-bidliet meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkustanzi bla preċedent.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux Applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma sarux konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati esterni. Madankollu, il-proposta tqis il-mistoqsijiet ta’ kjarifika u ta’ parir li waslu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni tal-miżuri ta’ rispons b’rabta mal-kriżi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux Applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Saret valutazzjoni tal-impatt biex jitħejjew il-proposti għar-Regolament (UE) Nru 514/2014. Dawn il-bidliet limitati u mmirati ma jeħtiġux valutazzjoni tal-impatt separata.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux Applikabbli

Drittijiet fundamentali

Mhux Applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-modifiki proposti ma jimplikaw l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-impenji u l-pagamenti.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Se jkun hemm monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-kuntest tal-mekkaniżmi ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 514/2014 applikabbli għad-diżimpenn.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Qed jiġi propost li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 jiġi emendat biex ikun żgurat li t-talbiet kollha għal pagamenti li jkopru s-sena N+2 ippreżentati mill-Istat Membru fl-iskadenzi regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tad-diżimpenn. Barra minn hekk, qed jiġi propost li r-Regolament (UE) Nru 514/2014 jiġi emendat biex ikun żgurat li l-perjodu tal-implimentazzjoni tal-ammonti korrispondenti għall-allokazzjonijiet addizzjonali pprovduti għall-programmi nazzjonali fl-2018 u fl-2019 jiġi allinjat mal-perjodu tal-implimentazzjoni tal-allokazzjoni inizjali. Iż-żewġ emendi jiżguraw konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet u huma bla preġudizzju għar-regola tad-diżimpenn N+2.

2020/0140 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura tad-diżimpenn

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2), l-Artikolu 79(2) u (4), l-Artikolu 82(1), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Istati Membri ġew affettwati mingħajr preċedent mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. Din taffettwa l-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Istati Membri, u mbagħad taggrava n-nuqqas serju ta’ likwidità li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw minħabba żieda f’daqqa u importanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa f’ħafna setturi. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jenħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi.

(2)Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà addizzjonali biex ikunu jistgħu jirrispondu għal din il-kriżi bla preċedent billi tissaħħaħ il-possibbiltà li jsir użu sħiħ mill-perjodu tal-implimentazzjoni disponibbli sal-għeluq tal-programmi sal-31 ta’ Diċembru 2023. Bħala rispons għal din il-ħtieġa, l-iskadenzi għad-diżimpenn u l-preżentazzjoni tat-talbiet għal pagamenti tal-bilanċ annwali jenħtieġ li jiġu allinjati. L-iskadenza regolatorja għat-talbiet għal pagamenti tal-bilanċ annwali hija l-15 ta’ Frar, filwaqt li l-iskadenza tad-diżimpenn inizjalment prevista kienet il-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Bl-allinjament taż-żewġ skadenzi għall-15 ta’ Frar, it-talba għal pagament tal-bilanċ annwali ppreżentata mill-Istat Membru fil-15 ta’ Frar tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-diżimpenn.

(3)Sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-allokazzjonijiet addizzjonali mogħtija fl-2018 u fl-2019, jenħtieġ li tiġi aġġustata s-sena tal-impenn tal-baġit. Dawn l-allokazzjonijiet addizzjonali kienu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-snin finanzjarji 2018 u 2019 3 u sussegwentement impenjati għall-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

(4)Sabiex l-Istati Membri jkollhom ċertezza tad-dritt dwar l-iskadenza tad-diżimpenn, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu sottomessi għal proċedura ta’ diżimpenn stabbilita fuq il-bażi li għandhom jiġu diżimpenjati l-ammonti konnessi ma’ impenn li mhumiex koperti mill-prefinanzjament inizjali u annwali msemmi fl-Artikolu 35 u minn talba għal pagament sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 44(1) fis-sena wara t-tieni sena tal-impenn tal-baġit. Għall-finijiet tad-diżimpenn, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont billi żżid parti waħda minn sitta tal-impenn baġitarju annwali relatat mal-ammont tal-kontribuzzjoni annwali totali tal-2014 għal kull wieħed mill-impenji baġitarji tas-snin 2015-2020.

Fir-rigward tal-ammonti korrispondenti għall-allokazzjonijiet addizzjonali assenjati għall-programmi nazzjonali fl-2018, is-sena tal-impenn tal-baġit għandha tkun l-2019. Fir-rigward tal-ammonti korrispondenti għall-allokazzjonijiet addizzjonali assenjati għall-programmi nazzjonali fl-2019, is-sena tal-impenn tal-baġit għandha tkun l-2020. ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)

   ĠU L 57, p. 317 u ĠU L 67, p. 318.

Top