Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020JC0005

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024

    JOIN/2020/5 final

    Brussell, 25.3.2020

    JOIN(2020) 5 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024


    1.Introduzzjoni

    L-Unjoni Ewropea (UE) hija msejsa fuq impenn qawwi li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dan huwa ċentrali għall-attivitajiet tagħha, kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi u reġjuni oħra. F’konformità mal-aġenda strateġika 2019-2024 adottata mill-Kunsill Ewropew u mal-linji gwida politiċi 2019-2024 għall-Kummissjoni Ewropea, l-UE għandha interess strateġiku li tavvanza r-rwol tagħha ta’protagonist globali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija bil-għan li ġġib benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini madwar id-dinja. Diġà sar ħafna xogħol. Sa mill-adozzjoni tal-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-2012 1 , l-ewwel żewġ pjanijiet ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (2012-2014 u 2015-2019) 2 , il-ħatra tal-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) fl-2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2019 dwar id-demokrazija 3 , l-UE saret aktar koordinata, attiva, viżibbli u effettiva fl-involviment tagħha f’pajjiżi terzi kif ukoll magħhom, u b’impenn aktar prominenti fil-livell multilaterali.

    F’xenarju ġeopolitiku li qed jevolvi, l-UE baqgħet konsistentement tiddefendi bil-qawwa d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Ir-rivalitajiet ġeopolitiċi ġodda jservu biss biex jenfasizzaw ir-rwol tagħha bħala sieħeb affidabbli u stabbli, u promotur tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli. B’mod ġenerali, l-istampa globali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija hija mħallta: filwaqt li saru passi kbar ’il quddiem, iridu jiġu indirizzati r-reżistenza għall-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ir-rigress tad-demokrazija. Fil-livell teknoloġiku, mexjin lejn mudell ġdid fejn kulma jmur il-kapaċitajiet umani qed ikunu progressivament amplifikati mill-magni. Teknoloġiji ġodda (b’mod partikolari l-Intelliġenza Artifiċjali) huma fuq quddiem nett, u jippreżentaw kemm opportunitajiet kif ukoll theddidiet. Fl-istess ħin, id-drittijiet tal-bniedem qed ikunu dejjem aktar minsuġa mal-isfidi ambjentali globali, bħat-tibdil fil-klima. Għalhekk wasal iż-żmien li l-UE twettaq aġenda ġeopolitika ġdida dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

    Abbażi tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE 2015-2019 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, huwa importanti li l-impenn fit-tul tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jissarraf f’aġenda operattiva mġedda. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tippreżenta pjan ta’ azzjoni ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. Il-pjan se jistabbilixxi ambizzjonijiet u prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin f’dan il-qasam ta’ relazzjonijiet esterni u se jikkontribwixxi biex tinkiseb Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja. Il-pjan ta’ azzjoni huwa uniku peress li huwa l-uniku strument tat-tip tiegħu mmirat li jippromwovi fid-dinja aġenda bbażata fuq il-valuri.

    Din il-Komunikazzjoni Konġunta tipproponi li:

    Øjissaħħaħ ir-rwol protagonist tal-UE fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja;

    Øjiġu stabbiliti l-ambizzjonijiet tal-UE, jiġu identifikati l-prijoritajiet u jkun hemm iffukar fuq l-implimentazzjoni fid-dawl tat-tibdil tal-ġeopolitika, it-tranżizzjoni diġitali, l-isfidi ambjentali u t-tibdil fil-klima;

    Øjiġi massimizzat ir-rwol tal-UE fix-xena globali bl-amplifikazzjoni tas-sett ta’ għodod dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istrumenti u l-politiki ewlenin tiegħu; kif ukoll

    Øtitrawwem UE magħquda u koordinata permezz tal-promozzjoni ta’ azzjoni aktar effiċjenti u koerenti.

    B’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jagħmlu Proposta Konġunta lill-Kunsill, skont l-Artikolu 22(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li l-Kunsill jagħmel rakkomandazzjoni lill-Kunsill Ewropew biex jieħu Deċiżjoni li tkun tadotta l-Komunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni bħala Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 22(1) TUE. Tali Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tkun tippermetti li l-Kunsill jadotta azzjonijiet implimentattivi speċifiċi għall-pjan ta’ azzjoni skont l-Artikolu 31(2) TUE.

    2.Jiżdiedu l-isfidi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija: sejħa biex l-UE tieħu t-tmun

    Matul dawn l-aħħar snin, l-UE aġixxiet b’mod aktar strateġiku u użat il-piż politiku tagħha u s-sett ta’ għodod dwar id-drittijiet tal-bniedem b’mod aktar effettiv biex tindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tippromwovi soċjetajiet demokratiċi, reżiljenti u paċifiċi. L-UE kkontribwiet biex jinkiseb progress sinifikanti f’pajjiżi u reġjuni fejn id-drittijiet tal-bniedem kienu taħt pressjoni, permezz ta’ involviment u investiment innovattivi fid-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u permezz ta’ sostenn politiku u finanzjarju qawwi biex tipproteġi u tawtonomizza lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-atturi tal-midja. F’fora tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem, kellha rwol ewlieni biex tippromwovi riżoluzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u inizjattivi tematiċi billi bniet koalizzjonijiet topiċi u transreġjonali, pereżempju mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika. L-inizjattiva transreġjonali “Stejjer Tajbin dwar id-Drittijiet tal-Bniedem” poġġiet lill-UE fuq quddiem nett fl-isforzi biex tiġi valorizzata mill-ġdid in-narrattiva dwar id-drittijiet tal-bniedem billi tippromwovi stejjer ta’ suċċess.

    Madankollu, ġeneralment l-isfidi għadhom jippersistu. Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jinsabu taħt tensjoni qawwija f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Il-libertajiet fundamentali, bħal-libertà tal-kelma jew ta’ għaqda u l-libertà tal-midja huma wkoll taħt theddida dejjem akbar. L-impatt tal-isforzi sistemiċi biex jimminaw l-istat tad-dritt, jillimitaw l-ispazju ċiviku u politiku u jdgħajfu l-ordni multilaterali bbażata fuq ir-regoli ġie aggravat minħabba li wħud mis-sħab tradizzjonali tal-UE irtiraw mill-promozzjoni u d-difiża attivi tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi. Dan juruh diversi tendenzi, fosthom:

    ·spazju dejjem aktar limitat għas-soċjetà ċivili;

    ·id-dgħajfien tal-istat tad-dritt;

    ·żieda fit-theddid għall-integrità tal-elezzjonijiet u tal-proċessi demokratiċi;

    ·żieda fl-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u t-theddid għall-midja indipendenti;

    ·żieda fil-vjolenza u fl-intimidazzjoni fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (aktar minn 2 600 attakk irrappurtati f’dawn l-aħħar tliet snin);

    ·impunità f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u attakki fuq ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    ·ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-kunflitti armati, inkluż fis-Sirja, il-Jemen u s-Sudan t’Isfel;

    ·żieda fl-oppożizzjoni għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; kif ukoll

    ·persistenza ta’ abbużi fid-dinja tax-xogħol, inkluż it-tħaddim tat-tfal.

    It-tranżizzjoni għall-era diġitali ġġib magħha opportunitajiet u sfidi ġodda immedjati. It-teknoloġiji diġitali jistgħu javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni billi jagħmlu l-parteċipazzjoni pubblika aktar faċli, iżidu l-obbligu ta’ rendikont tal-gvernijiet billi jippermettu l-monitoraġġ u d-dokumentazzjoni ta’ ksur u abbużi, jappoġġaw l-attiviżmu online emerġenti, is-sensibilizzazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, jiffaċilitaw l-inklużjoni ekonomika u soċjali kif ukoll l-aċċess għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità. Madankollu, tali tranżizzjoni tista’ tiffaċilita wkoll restrizzjonijiet abbużivi u illegali fuq il-moviment u l-espressjoni. Il-pjattaformi tal-midja soċjali jintużaw biex jgħaddu diżinformazzjoni u diskors ta’ mibegħda mmirati li spiss ma jirrispettawx il-privatezza u jimminaw id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. L-użu ħażin ta’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) iġorr riskju ta’ żieda fil-monitoraġġ, il-kontroll u r-ripressjoni. F’xi pajjiżi, is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini hija realtà. Id-data u l-algoritmi jistgħu jintużaw biex issir diskriminazzjoni, konxjament jew le, kontra individwi u gruppi, u b’hekk isaħħu l-preġudizzji soċjali.

    It-tranżizzjoni ewlenija l-oħra hija xprunata minn sfidi ambjentali globali bħad-degradazzjoni ambjentali, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima. Ir-rabta bejn dawn l-isfidi u d-drittijiet tal-bniedem qed issir aktar ċara. Iż-żgħażagħ qed isemmgħu leħinhom. Is-soċjetà ċivili u d-difensuri ambjentali tad-drittijiet tal-bniedem qed jaqdu rwol ewlieni billi jikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu azzjoni għall-protezzjoni tal-pjaneta u l-klima tagħha. Il-bini ta’ futur ambjentali sostenibbli huwa għan ewlieni, li jaqsam il-linji tradizzjonali bejn l-ekonomija u s-sigurtà, u bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tal-politika. L-impatti negattivi tad-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima jheddu u jistgħu jkattru l-isfidi għal firxa ta’ drittijiet – għas-saħħa, l-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni universali u anki l-ħajja nnifisha.

    Fl-istess ħin, il-kunflitti kibru u tfaċċaw perikli ġodda. Il-kunflitt u l-instabbiltà qed jheddu l-għajxien ta’ miljuni madwar il-pjaneta, u d-dinja qed tara l-ogħla livelli ta’ persuni spustati li qatt kien hawn. L-investiment fid-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huwa l-aħjar mod biex jiġi evitat li s-soċjetajiet jaqgħu fi kriżi. Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jeħtieġ li jkunu fuq quddiem nett fl-isforzi tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet. Is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jippreżentaw sfidi partikolari għat-tħaddim effettiv u l-għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u qed ikunu ta’ sfida għall-funzjonament tad-demokraziji tagħna. Eżempji bħall-pandemija tal-COVID-19, juru li hemm ħtieġa assoluta għal azzjoni globali flimkien u għas-solidarjetà.

    Dan ifisser involviment bikri biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ lid-demokrazija, inkluż permezz tal-medjazzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza elettorali. Fokus imġedded fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija se jrawwem ir-reżiljenza tal-Istat u tas-soċjetà. Is-sigurtà tkun moqdija aħjar meta jkunu ggarantiti d-drittijiet ċivili u politiċi kif ukoll dawk ekonomiċi, soċjali u kulturali. Ma hemm l-ebda sigurtà sostenibbli mingħajr id-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd. Għal dan il-għan huwa essenzjali li jiġu ggarantiti r-responsabbiltà u l-ġlieda kontra l-impunità.

    L-Aġenda u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU huma opportunità straordinarja biex jiġi żgurat li l-impenn għall-inklużjoni jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja. L-impenn li “ħadd ma jitħalla jibqa' lura” huwa sejħa biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem ta’ kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi. Fi żmien meta l-inugwaljanza qed tikber meta d-differenzi ekonomiċi qed jiġu stabbiliti fil-politika u qed ikunu l-kaġun ta’ firda soċjali – l-isfida qatt ma kienet akbar.

    3.Inħarsu 'l quddiem: pjan ta’ azzjoni tal-UE ġdid dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

    Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid se jistabbilixxi l-ambizzjonijiet tal-UE u jidentifika l-prijoritajiet għall-azzjoni madwar ħames linji ta’ azzjoni interkonnessi u f’sinerġija ma’ xulxin:

    I.Il-protezzjoni u l-awtonomizzar tal-individwi;

    II.Il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi;

    III.Il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

    IV.Teknoloġiji ġodda: l-użu tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi; kif ukoll

    V.Il-ksib ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni.

    Dawn il-ħames linji ta’ azzjoni se jiġu żviluppati fil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid biex tingħata direzzjoni strateġika u ġenerali. Il-pjan ta’ azzjoni se jistabbilixxi l-qafas biex id-Delegazzjonijiet u l-Uffiċċji tal-UE, flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri, jiddeterminaw il-miżuri operazzjonali speċifiċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u multilaterali, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet lokali.

    Sabiex twettaq dawn il-ħames linji ta’ azzjoni ġodda, l-UE se tagħmel użu mill-firxa wiesgħa ta’ politiki u għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tippromwovi u tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dawn jinkludu d-diplomazija pubblika u l-kampanji ta’ komunikazzjoni, stqarrijiet u dikjarazzjonijiet tal-UE, u riżoluzzjonijiet tematiċi u speċifiċi għall-pajjiż f’fora multilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Jinkludu wkoll għodod ta’ diplomazija aktar diskreti, bħal démarches, djalogi politiċi u djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, u djalogu dwar il-politika settorjali. Matul is-snin, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti ma’ aktar u aktar pajjiżi wrew li huma għodda ewlenija biex titmexxa ’l quddiem l-aġenda tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE bħala parti mir-relazzjonijiet politiċi usa’ tagħha.

    F’din id-dinja l-ġdida, il-komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem hija tal-akbar importanza. Filwaqt li jibqa’ neċessarju daqs qatt qabel li nikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali li jkun hemm narrattiva pożittiva fuq id-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntest tagħhom. F’ambjent ta’ informazzjoni polarizzat, fejn il-midja soċjali għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti, dan huwa kompitu li jeħtieġ sforzi kkonsolidati.

    Il-pjan ta’ azzjoni ġdid se jisfrutta l-opportunitajiet li joffri l-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid (QFP), b’mod partikolari billi jħaddem flessibbiltà akbar biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-kooperazzjoni bbażata fuq il-pajjiż u l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ li r-rispons tal-UE għal titjib f’daqqa tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew għal deterjoramenti tagħhom ikun fl-istess skala u bilanċ tas-sostenn tagħha għall-istituzzjonijiet governattivi u s-soċjetà ċivili.

    B’mod kruċjali, il-pjan ta’ azzjoni se jfittex li jtejjeb il-koerenza u jelimina l-atteġġament kompartimentalizzat bejn l-oqsma ta’ politika interni u esterni. L-UE se tintensifika l-isforzi biex tintegra l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna. Pereżempju, is-sinerġiji bejn il-politiki kummerċjali u dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem se jissaħħu, fuq il-bażi tal-ħidma fil-qafas tar-regoli tal-UE dwar il-preferenzi kummerċjali. Id-drittijiet tal-bniedem se jiġu integrati wkoll fil-politiki interni, speċjalment fl-oqsma ta’ prijorità fil-Patt Ekoloġiku, bħall-ambjent, kif ukoll f’oqsma bħall-migrazzjoni u s-sigurtà, filwaqt li “l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet” għall-iżvilupp se jiġi estiż għal oqsma oħra tal-politika esterna.

    L-UE se tfittex li tkun attur aktar rapidu u aktar effettiv għad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali, fejn huwa l-aktar importanti. Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid se jfittex li jawtonomizza lill-atturi fuq il-post. F’dan il-kuntest, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol essenzjali x’jaqdu bħala promoturi u abilitaturi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u dan se jiġi żviluppat aktar. Is-soċjetà ċivili tibqa’ sieħeb ewlieni biex titwettaq bidla sostenibbli u biex isir monitoraġġ u analiżi tal-progress.

    L-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ azzjoni se teħtieġ approċċ aktar koordinat, inkluż mal-Istati Membri, li jiżgura koerenza u impatt akbar tal-involviment tal-UE fil-livelli kollha u fl-istrumenti u l-politiki kollha. F’konformità mal-mandat tiegħu, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem se jibqa’ attur politiku ewlieni u għandu rwol ċentrali biex jiggwida l-implimentazzjoni dinamika tal-pjan ta’ azzjoni sabiex jinkiseb progress sostenibbli.

    Top

    Brussell, 25.3.2020

    JOIN(2020) 5 final

    ANNESS

    tal-

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024


    Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija 2020 - 2024 jistabbilixxi l-livell ta’ ambizzjoni u jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha f’dan il-qasam fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi kollha. Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija se jiġu promossi b’mod konsistenti u koerenti fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE (eż. il-kummerċ, l-ambjent, l-iżvilupp).

    L-implimentazzjoni effettiva tal-objettivi stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni teħtieġ azzjoni koordinata mill-UE u mill-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati r-rwoli u l-kompetenzi istituzzjonali distinti: ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Istati Membri. Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) se jibqa’ attur politiku ewlieni u jkollu rwol ċentrali biex jiggwida l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni sabiex jinkiseb progress sostenibbli. Il-Parlament Ewropew għandu rwol u importanza distinti biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

    Il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-ħames snin li ġejjin. L-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni se jiġu tradotti u implimentati fil-livelli kollha: nazzjonali, reġjonali u multilaterali. F’termini operattivi, il-ħames linji ta’ azzjoni se jiġu implimentati fil-post f’pajjiżi sħab.

    Aktar minn 140 Delegazzjoni u Uffiċċju tal-UE madwar id-dinja kif ukoll l-Ambaxxati tal-Istati Membri se jkunu fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni, billi jadattaw il-prijoritajiet u l-objettivi għaċ-ċirkostanzi lokali u jirrappurtaw dwar ir-riżultati. Fil-kuntest tal-qafas stabbilit mill-Pjan ta’ Azzjoni, id-Delegazzjonijiet tal-UE se jaħdmu mal-Istati Membri biex jiddefinixxu prijoritajiet konkreti fil-pajjiżi fejn joperaw għal perjodu ta’ ħames snin; ix-xogħol se jkun appoġġat minn riżorsi finanzjarji u politiċi sodi. Il-programmi u l-proġetti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u dinjija, u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi.

    Il-ksib tal-objettivi se jirrikjedi l-użu sistematiku u kkoordinat tal-firxa sħiħa ta’ strumenti għad-dispożizzjoni tal-UE, inkluż:

    ·djalogi politiċi, djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-politika settorjali ma’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet reġjonali;

    ·missjonijiet ta’ djalogu u ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-iskema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SĠP) tal-UE;

    ·strumenti tematiċi u ġeografiċi skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (arranġamenti speċifiċi ta’ proġetti u programmi se jiddependu mill-kuntest);

    ·azzjonijiet f’fora multilaterali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem: riżoluzzjonijiet tematiċi u ġeografiċi mmexxija mill-UE li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġ għal riżoluzzjonijiet rilevanti oħra, dikjarazzjonijiet u interventi tal-UE, parteċipazzjoni fi djalogi interattivi, dibattiti pubbliċi u laqgħat ta’ informazzjoni, avvenimenti b’appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

    ·difiża tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija: attivitajiet ta’ diplomazija pubblika u ta’ komunikazzjoni, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, dikjarazzjonijiet pubbliċi u démarches li jikkundannaw il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u r-rikonoxximent tal-passi li jittieħdu favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    ·l-osservazzjoni tal-proċessi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    ·it-13-il linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem 1 – strumenti u għodod għad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-Ambaxxati tal-Istati Membri biex imexxu ’l quddiem il-politiki tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    ·l-osservazzjoni elettorali u s-segwitu tagħha;

    ·djalogu regolari mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u s-settur kummerċjali;

    ·kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem u korpi tat-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).

    I.Protezzjoni u awtonomizzar tal-individwi

    Il-protezzjoni u l-awtonomizzar tal-individwi tfisser li jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgawdi għalkollox id-drittijiet ċivili u politiċi, kif ukoll id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. L-awtonomizzar ta’ kulħadd (“ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”) jinvolvi li kulħadd ikun jista’ jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu bħala membru ndaqs u attiv tas-soċjetà. L-istat tad-dritt huwa l-ġebla tax-xewka li fuqha jserrħu l-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà u l-fiduċja, kemm bejn l-Istat u ċ-ċittadini, kif ukoll fost iċ-ċittadini.

    Øil-mezzi ta' implimentazzjoni: id-djalogi politiċi; id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; id-djalogi ta’ politika settorjali, missjonijiet ta’ monitoraġġ SĠP+ / “kollox ħlief armi” (everything but arms, EBA); l-użu tal-linji gwida rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem b’għodod speċifiċi biex jinkisbu l-objettivi tematiċi; ir-riżoluzzjonijiet fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU); l-istrumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi (programmi u proġetti rilevanti); appoġġ immirat għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; il-monitoraġġ tal-proċessi; il-promozzjoni tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet u protokolli fakultattivi rilevanti tan-NU u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); id-dikjarazzjonijiet dwar l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; id-diplomazija pubblika u l-kampanji mmirati, il-konferenzi u avvenimenti oħra; id-djalogu mas-soċjetà ċivili u ma’ atturi oħra mhux statali.

    A.Protezzjoni tan-nies, eliminazzjoni tal-inugwaljanzi, tad-diskriminazzjoni u tal-esklużjoni

    ·Issir ħidma biex titneħħa l-piena tal-mewt madwar id-dinja. F’pajjiżi fejn għadha teżisti l-piena tal-mewt, issir insistenza fuq ir-rispett ta’ standards minimi u ssir ħidma favur moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni.

    ·Isir sforz biex tinqered it-tortura fuq livell dinji permezz tal-prevenzjoni, il-projbizzjoni, ir-responsabbiltà u r-rimedju għall-vittmi, inkluż bil-promozzjoni tal-Alleanza għall-Kummerċ Liberu mit-Torturi.

    ·Jingħata appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti legali tagħhom, u jitqies l-impatt li xogħolhom għandu fuq il-familji tagħhom. Issir ħidma biex jiġi żgurat rikonoxximent pożittiv tar-rwol importanti li għandhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Jiġu indirizzati każijiet individwali relatati fost l-oħrajn mad-drittijiet tad-dominju tal-art, id-drittijiet tal-ħaddiema, ir-riżorsi naturali, il-kwistjonijiet ambjentali, it-tibdil fil-klima, u dawk li jirriżultaw minn abbużi korporattivi.

    ·Tiġi intensifikata l-azzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni inkluż għal raġunijiet ta' sess, razza, oriġini etnika jew soċjali, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, diżabilità, età, orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, u l-Istati jibqgħu jintalbu biex jirrispettaw, jipproteġu u jwettqu d-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi, inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi u lingwistiċi.

    ·Issir promozzjoni favur l-eliminazzjoni, il-prevenzjoni u l-protezzjoni minn vjolenza sesswali u sessista, inklużi normi u prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-infantiċidi għall-bniet, u ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u sfurzat, u d-diskriminazzjoni. Issir promozzjoni għar-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul).

    ·Issir ħidma favur l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-pjattaforma ta' azzjoni ta' Beijing u tal-programm ta' azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp 2 kif ukoll l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom filwaqt li jinżamm l-impenn favur is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi f’dan il-kuntest.

    ·Tiġi intensifikata l-azzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI), inkluż il-vjolenza u d-diskors ta’ mibegħda kontra min hu LGBTI.

    ·Jitmexxew ’il quddiem miżuri li jipprevjenu, jikkumbattu u jirrispondu għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal. Tingħata assistenza lill-pajjiżi sħab fil-bini u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal. Jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ kura alternattiva ta’ kwalità u għat-tranżizzjoni minn kura bbażata fuq l-istituzzjonijiet għal waħda ta’ kwalità bbażata fuq il-familja u fuq il-komunità għal tfal mingħajr il-kustodja tal-ġenituri.

    ·Issir promozzjoni għall-protezzjoni speċifika li huma intitolati għaliha l-migranti, ir-refuġjati, u l-persuni spostati internament kif ukoll dawk apolidi. Jingħata appoġġ lill-miżuri għat-titjib tal-integrazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi bażiċi ta’ kwalità.

    ·Tingħata promozzjoni lill-miżuri li jindirizzaw ir-riskju għoli tal-impatti serji li għandhom it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità fuq it-tħaddim tad-drittijiet tal-bniedem, bħad-drittijiet għall-ħajja, għas-saħħa, għall-ilma, għall-ikel, għall-abitazzjoni, u għal livell adegwat tal-għajxien, inkluża s-sitwazzjoni diffiċli li jgħixu l-persuni spostati bħala konsegwenza tat-tibdil-fil-klima.

    ·Jingħata appoġġ lill-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-governanza tal-migrazzjoni u tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati, is-soċjetà ċivili u s-sħab tan-NU biex jimplimentaw dan l-approċċ.

    B.Awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini

    ·Jingħata appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istati biex jipprovdu identità legali għal kulħadd , b’mod partikolari biex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni universali tat-twelid.

    ·Tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sinifikattiva tat-tfal u taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom fil-livelli kollha, inkluż fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

    ·Issir promozzjoni biex il-pajjiżi sħab jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Tingħata għajnuna għall-prevenzjoni u l-eliminar ta’ ostakoli attitudinali, istituzzjonali u ambjentali. Tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-infrastruttura, it-trasport, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), u jiġu ggarantiti servizzi inklużivi bħall-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim mill-bogħod, il-kura tas-saħħa, il-ġustizzja u l-impjiegi.

    ·Jingħata appoġġ lill-popli indiġeni permezz tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċessi rilevanti ta’ drittijiet tal-bniedem u ta’ żvilupp u permezz tas-sostenn tal-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwawhom.

    C.Promozzjoni tal-libertajiet fundamentali u tisħiħ tal-ispazju ċiviku u politiku

    ·Jitħeġġeġ ambjent sikur u abilitanti għas-soċjetà ċivili bħala atturi awtonomi, inkluż appoġġ strateġiku fit-tul għall-bini ta’ kapaċità u l-parteċipazzjoni sinifikattiva tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali, reġjonali u dinji.

    ·Jiġu żviluppati għodod li jidentifikaw u jirrispondu għal sinjali bikrija tal-għeluq tal-ispazju ċiviku u tal-ispazju għas-soċjetà ċivili, inkluż l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u miżuri kontra t-terroriżmu, li jibnu fuq l-aħjar prattika u jappoġġaw l-isforzi biex dan jiġi miġġieled, kif ukoll għodod għall-monitoraġġ tal-opportunitajiet għall-ftuħ tal-ispazju ċiviku.

    ·Jiġu mħarsa l-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, online u offline. Titqajjem kuxjenza pubblika u jiġi stimulat dibattitu pubbliku dwar azzjonijiet kontra d-diżinformazzjoni.

    ·Jingħata kontribut għas-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti bil-kundanna tal-attakki. Jiġi żgurat li dawk intimidati jew mhedda jirċievu assistenza permezz tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-UE għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Jingħata appoġġ lil inizjattivi medjatiċi u jsiru appelli lill-awtoritajiet tal-Istat biex jipprevjenu u jikkundannaw tali vjolenza u jieħdu miżuri effettivi biex tintemm l-impunità.

    ·Jiġi prevenut il-ksur tal-libertà ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni u ssir azzjoni kontrih, inkluż fejn jintlaqtu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll il-ħaddiema u min iħaddem.

    ·Jiġu nkoraġġiti d-djalogu u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kriżijiet politiċi u tal-protesti tal-massa f’konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem. Tinbena l-kapaċità tas-soċjetà ċivili u tal-atturi politiċi biex iwieġbu għall-ilmentar li jiġi espress permezz ta’ movimenti ċiviċi spontanji.

    ·Isir kuntatt ma’ atturi reliġjużi u dawk fi gruppi ta’ ispirazzjoni reliġjuża u ssir valutazzjoni ta’ kif jistgħu jippartaċipaw fil-ħidma favur il-paċi, f’attivitajiet interkonfessjonali, fir-rikonċiljazzjoni u fil-medjazzjoni, u biex jinstabu sinerġiji ma’ inizjattivi tan-NU li għaddejjin bħalissa.

    ·Jingħata appoġġ lil azzjoni li tipproteġi l-libertà akkademika, l-awtonomija tal-istituzzjonijiet edukattivi, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jipprovdu tagħlim online u mill-bogħod.

    D.Appoġġ għall-istat tad-dritt u għall-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja

    ·Tingħata promozzjoni lill-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab kif ukoll lid-dritt għal proċess ġust biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

    ·Jitjiebu l-aċċess għall-ġustizzja u l-assistenza legali, inkluża l-għajnuna legali, b’enfasi fuq dawk li jgħixu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż permezz ta’ teknoloġiji diġitali.

    ·Jingħata appoġġ biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim bħala mezz li bih jitnaqqsu l-ostakli legali, prattiċi u oħrajn għall-ġustizzja għal dawk li jkunu vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jingħata appoġġa għall-iżvilupp ta’ sistemi ġudizzjarji adatti għat-tfal għal dawk it-tfal kollha li jkunu f’kuntatt mal-liġi u mċaħħda mil-libertà.

    ·Jingħata appoġġ għat-titjib, f’konformità mal-istandards internazzjonali, tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u t-trattament ta’ persuni mċaħħda mil-libertà.

    E.Għeluq tad-diskrepanza fl-obbligu ta’ rendikont, il-ġlieda kontra l-impunità u l-appoġġ għall-ġustizzja transizzjonali

    ·Tiġi żviluppata sistema orizzontali ġdida ta’ sanzjonijiet globali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiġu indirizzati ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

    ·Jiġu żviluppati approċċi tal-UE li jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont, b’mod partikolari għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkollegaw l-isforzi nazzjonali u internazzjonali, li jibnu fuq il-politiki tal-UE, eż. fuq it-tfal u l-kunflitti armati, is-superstiti tal-vjolenza sesswali relatata mal-konflitt, il-ġustizzja transizzjonali, il-ġlieda kontra t-tortura u trattament ħażin ieħor, il-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    ·Jingħata appoġġ lil inizjattivi nazzjonali kontra l-impunità fil-konfront tal-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jiġu sostnuti proċessi ta’ ġustizzja transizzjonali, inkluż permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet man-NU.

    ·Tingħata promozzjoni lill-impenn politiku mingħajr waqfien favur ir-Responsabbiltà ta’ Protezzjoni (R2P) u l-applikazzjoni tagħha billi jiġu ffaċilitati d-djalogu u l-parteċipazzjoni fil-kuntest tan-NU u bl-applikazzjoni tal-kunċett bħala għodda analitika għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż 3 .

    ·Tiġi miġġielda l-impunità għall-awturi kollha involuti fit-traffikar tal-bnedmin, bil-għan tal-prevenzjoni u l-eradikazzjoni totali tagħha. Tingħata assistenza u protezzjoni lill-vittmi, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal.

    F.Tisħiħ tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u tal-ħaddiema

    ·Tissaħħaħ ir-rabta bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima fl-azzjoni esterna tal-UE. Jingħata sostenn lil attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jiġu integrati b’mod effettiv id-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u tax-xogħol fid-djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi sħab, filwaqt li jiġu żgurati sinerġiji ma’ konsultazzjonijiet oħra u l-missjonijiet ta’ monitoraġġ tal-SĠP +/tal-EBA.

    ·Tiġi promossa l-politika ta’ tolleranza żero rigward it-tħaddim tat-tfal, u l-qerda tax-xogħol furzat, inkluż billi jiġu appoġġati s-sħubiji fil-livelli kollha, id-drittijiet tal-ħaddiema fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE, il-promozzjoni tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista dinjin u l-isforzi għall-promozzjoni tar-ratifika tal-Protokoll tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat.

    ·Jingħata appoġġ lir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni u l-garanzija tal-konformità mar-regolamenti ambjentali bl-għan li jiġi żgurat ambjent sigur, nadif, san u sostenibbli, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-istat tad-dritt, l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi.

    ·Tingħata assistenza lill-awtoritajiet tal-Istat fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u politiki dwar l-ikel, l-art, ir-riżorsi naturali, l-akkomodazzjoni u l-proprjetà li jsostnu d-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jiġi appoġġat l-aċċess universali għal ilma tax-xorb sikur u għas-sanità, u tiġi enfasizzata d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dawk l-oqsma.

    ·Jitnaqqsu l-inugwaljanzi bil-promozzjoni tal-aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi soċjali, inklużi kura tas-saħħa u edukazzjoni (ukoll online) affordabbli u ta’ kwalità, u tinbena l-kapaċità tal-prattikanti biex jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, tal-irġiel, tal-persuni LGBTI, tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà, tal-migranti, tar-refuġjati u ta’ min hu f’sitwazzjoni vulnerabbli.

    ·Tingħata promozzjoni lill-aċċess għas-saħħa preventiva u d-dritt għal trattament mediku f’kull ħin speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi.

    ·Issir promozzjoni għax-xogħol deċenti u futur ta’ ħidma ċċentrata fuq il-bniedem permezz ta’ approċċ aġġornat tal-UE li jiżgura r-rispett għall-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin, u dinja tax-xogħol mingħajr vjolenza u molestja. Tingħata promozzjoni lid-djalogu soċjali kif ukoll lir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet u l-protokolli rilevanti tal-ILO. Tissaħħaħ il-ġestjoni responsabbli fil-katini tal-provvista globali u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

    ·Jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema migranti, inkluż billi jinqerdu kull forma ta’ xogħol furzat u sfruttament. Jiġu abilitati l-ħaddiema migranti, speċjalment in-nisa, u l-komunitajiet tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, jirrappurtaw, ifittxu ġustizzja u jorganizzaw id-difiża tal-interessi tagħhom.

    II.Bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi

    Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa element essenzjali għal soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi. Tali soċjetajiet huma msejsa fuq midja indipendenti, istituzzjonijiet responsabbli, parlamenti rappreżentattivi u ċittadini impenjati, u jipprovdu ambjent sikur u abilitanti biex is-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti jsemmgħu t-tħassib tagħhom, jinfluwenzaw il-politiki, jimmonitorjaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u jżommuhom responsabbli.

    Øil-mezzi ta' implimentazzjoni: id-djalogi politiċi; id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u s-segwitu tagħhom; il-missjonijiet ċivili u militari tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK); taħriġ speċifiku għall-persunal tal-UE fid-Delegazzjonijiet; l-użu tal-linji gwida rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’għodod speċifiċi biex jinkisbu l-objettivi tematiċi; ir-riżoluzzjonijiet tematiċi fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u t-Tielet Kumitat tal-AĠNU; l-istrumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi (programmi u proġetti rilevanti); il-promozzjoni għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet u l-protokolli fakultattivi rilevanti tan-NU; id-dikjarazzjonijiet dwar l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; id-diplomazija pubblika u kampanji mmirati, konferenzi u avvenimenti oħra; id-djalogu mas-soċjetà ċivili u ma’ atturi oħra mhux statali.

    A.Tisħiħ ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, responsabbli u trasparenti

    ·Jingħata appoġġ lis-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, l-effiċjenza, il-kwalità u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja u s-salvagwardji kostituzzjonali f’pajjiżi sħab.

    ·Tittejjeb l-integrità tal-proċessi elettorali billi jingħata appoġġ lill-osservazzjoni elettorali nazzjonali indipendenti u n-netwerks reġjonali u internazzjonali tagħhom, u billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-korpi ta’ ġestjoni elettorali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

    ·Isir segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-użu kemm ta’ għodod politiċi kif ukoll ta’ kooperazzjoni. Jitrawwem approċċ komuni biex jingħata segwitu lill-komunità ta’ osservaturi internazzjonali, b’mod partikolari mal-Unjoni Afrikana u man-NU.

    ·Tiġi żviluppata u mirquma l-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali sabiex isiru monitoraġġ u valutazzjoni tal-użu tal-midja soċjali u ta’ teknoloġiji diġitali oħra matul il-kampanji elettorali fil-konfront ta’ standards internazzjonali, sabiex issir tħejjija għal tentattivi ta’ distorsjoni tal-elezzjonijiet u tittieħed azzjoni antiċipatorja.

    ·Jingħata appoġġ lill-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ politika li japplikaw ir-regoli offline dwar l-elezzjonijiet u l-proċessi demokratiċi għall-kuntest online, u tingħata għajnuna biex jinbnew il-kapaċitajiet biex dawn jiġu implimentati. F’dan ir-rigward tkompli ssir ħidma li tibni fuq l-isforzi proprji tal-UE, inkluż il-pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni 4 , il-pakkett elettorali tal-Kummissjoni 5 , il-kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni 6 u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar id-Demokrazija li jinsab fil-qrib.

    ·Tingħata assistenza komprensiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bl-appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, għal strateġiji u oqfsa legali effettivi kontra l-korruzzjoni, inkluża l-protezzjoni tal-informaturi, korpi speċjalizzati, parlamenti, midja indipendenti u s-soċjetà ċivili, u jiġu żviluppati linji gwida kontra l-korruzzjoni. Jingħata appoġġ għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

    ·Jingħata sostenn lill-istituzzjonijiet parlamentari biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza, leġiżlattivi u baġitarji, inkluż permezz ta’ skambji bejn il-pari.

    ·Jingħata sostenn lil inizjattivi ta’ governanza elettronika sabiex is-settur pubbliku jsir aktar trasparenti u responsabbli u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-gvernijiet.

    B.Promozzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet reattiv, inklużiv, parteċipattiv u rappreżentattiv

    ·Tiżdied il-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa u ż-żgħażagħ, fid-diversità kollha tagħhom, fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika, inkluż billi tingħata promozzjoni għall-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ partiti politiċi fejn hemm il-possibbiltà li jintrebħu siġġijiet kif ukoll tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jkunu kandidati.

    ·Tiżdied il-kapaċità tal-partiti politiċi u tal-aġenziji ta’ sorveljanza, speċjalment f’kuntesti affettwati minn kunflitti u dawk fi tranżizzjoni. Jingħata appoġġ lill-alleanzi trasversali bejn il-partiti u lid-djalogi multipartitiċi dwar kwistjonijiet ta’ politika li huma ta’ interess komuni.

    ·Jiġu żviluppati sistemi partitiċi pluralisti u kapaċitajiet tal-partiti politiċi b’mod mhux partiġġjan, li jassistu fl-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali dwar il-finanzjament trasparenti tal-partiti, id-demokrazija interna u l-inklużività fl-għażla tal-kandidati u tal-uffiċjali. Jingħata appoġġ biex jiġu żviluppati kodiċijiet ta’ kondotta trasversali bejn il-partiti bil-għan li tiġi evitata l-vjolenza elettorali u appoġġ għall-kapaċità tal-parlamenti biex jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    ·Jitrawwem ir-rwol tas-soċjetà ċivili fis-sorveljanza u r-responsabbiltà kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, filwaqt li tingħata promozzjoni għall-użu tat-teknoloġiji online.

    ·Tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u politika. L-edukazzjoni ċivika, inkluż permezz tat-tagħlim mill-bogħod, u l-azzjoni online tal-litteriżmu medjatiku jeħtieġ li jindirizzaw b’mod partikolari lin-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni li jappartjenu għall-minoranzi, il-popli indiġeni, u persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

    C.Appoġġ favur midja indipendenti u pluralistika, aċċess għall-informazzjoni u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

    ·Jingħata appoġġ lill-inizjattivi leġiżlattivi dwar l-aċċess għall-informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-istandards internazzjonali, u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

    ·Titħares il-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja billi jiġu appoġġati l-mezzi tax-xandir indipendenti u jiġi promoss l-aċċess għal informazzjoni affidabbli. Jingħata appoġġ għal midja indipendenti, ġurnaliżmu investigattiv u s-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-gvernijiet dwar il-governanza u l-konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jitmexxew ’il quddiem l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, il-kontenut terroristiku u estremist, inklużi l-isforzi favur il-litteriżmu medjatiku online u l-ħiliet diġitali. Jingħata appoġġ għall-verifika u r-riċerka indipendenti, ir-rappurtar investigattiv u l-ġurnaliżmu ta’ kwalità, inkluż fil-livell lokali.

    ·Jitmexxa ’l quddiem il-prinċipju ta’ aċċess għall-internet miftuħ għal kulħadd li huwa sikur, affordabbli, aċċessibbli u nondiskriminatorju. Jiġi miġġieled l-imblukkar tal-aċċess għall-internet, speċjalment fil-kuntest tal-elezzjonijiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

    D.Tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u approċċ parteċipattiv għall-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet

    ·Jingħata appoġġ għall-inklużjoni taż-żgħażagħ (b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ) u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi kollha għall-prevenzjoni tal-kunflitti, u biex tinbena u tinżamm il-paċi.

    ·Jinbnew il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali u tal-movimenti ċiviċi biex iwettqu monitoraġġ u dokumentazzjoni regolari tal-ksur u l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt.

    ·Tkompli tissaħħaħ ir-rabta bejn id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u t-tibdil fil-klima - fejn dan tal-aħħar huwa multiplikatur importanti tat-theddid - fid-djalogi dwar il-politiki, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-azzjonijiet umanitarji u ta’ żvilupp kif ukoll fl-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.

    ·Jiġi implimentat b'mod effettiv l-approċċ strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.

    ·Ikomplu jiġu integrati d-drittijiet tal-bniedem, u l-kwistjonijiet tat-tfal u tal-kunflitti armati, fl-aspetti kollha tar-rispons tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet, b’mod partikolari fil-missjoni u fl-operazzjonijiet tal-PSDK, fil-medjazzjoni, fir-riformi tas-settur tas-sigurtà u fil-prevenzjoni tal-kunflitti.

    ·Jiġu intensifikati l-isforzi għall-prevenzjoni u t-tmiem tal-vjolazzjonijiet serji kontra t-tfal milquta minn konflitti armati u jingħata appoġġ għad-demobilizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid fit-tul ukoll billi jkomplu jiġu żviluppati mekkaniżmi eżistenti tan-NU.

    ·Tkompli tissaħħaħ il-koerenza politika bejn il-politiki tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rispons għall-kriżijiet, u azzjonijiet bħall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, ir-riformi tas-settur tas-sigurtà, l-istrateġiji tal-UE speċifiċi għall-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

    ·Tiġi żviluppata politika ta’ diliġenza dovuta tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li, fejn applikabbli, l-appoġġ tas-settur tas-sigurtà tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tal-PSDK, ikun f’konformità mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali.

    ·Ikomplu jiġu pprovduti moduli ddedikati tad-dritt umanitarju internazzjonali fit-taħriġ tal-forzi armati ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ missjonijiet ta’ taħriġ militari tal-UE.

    III.Promozzjoni ta’ sistema dinjija favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

    Il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija hija fil-qalba tal-impenn tal-UE għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu. Ir-rispons strateġiku tal-UE għall-ambjent internazzjonali li qed jinbidel huwa li ssaħħaħ il-koerenza u l-unità tagħha f’fora multilaterali, li twessa’ u tapprofondixxi s-sħubiji bilaterali, u li tibni koalizzjonijiet transreġjonali ġodda.

    Øil-mezzi ta' implimentazzjoni: id-djalogi politiċi; id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; id-djalogi dwar il-politika settorjali, missjonijiet ta’ monitoraġġ tal-SĠP +/tal-EBA; ir-riżoluzzjonijiet tematiċi u ġeografiċi fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fit-Tielet Kumitat tal-AĠNU; l-istrumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi (programmi u proġetti rilevanti); il-promozzjoni għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet u l-protokolli fakultattivi rilevanti tan-NU u tal-ILO; il-promozzjoni biex tingħata aktar attenzjoni lill-impatti tad-degradazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima, fuq id-drittijiet tal-bniedem; taħriġ speċifiku għall-persunal tal-UE fid-Delegazzjonijiet; sett ta’ għodod: approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha għall-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp; id-dikjarazzjonijiet dwar l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; démarches; id-diplomazija pubblika u l-kampanji mmirati, il-konferenzi u avvenimenti oħra; id-djalogu mas-soċjetà ċivili, ma’ atturi oħra mhux statali u mas-settur kummerċjali.

    A.Kooperazzjoni multilaterali

    ·Jinħoloq netwerk ta’ sħab aktar flessibbli, inkluż permezz ta’ involviment tematiku selettiv. Isir kuntatt ma’ sħab ġodda, tingħata prijorità lill-bini ta’ koalizzjoni ma’ gruppi reġjonali dwar riżoluzzjonijiet rilevanti, u jissaħħu r-rabtiet ma’ pajjiżi li jikkondividu l-istess prinċipji.

    ·Jinfetaħ djalogu fi stadju bikri ma’ membri ġodda tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li ma jappoġġawx ċerti riżoluzzjonijiet tematiċi jew speċifiċi għal pajjiż.

    ·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll mal-uffiċċji lokali.

    ·Jiġu appoġġati l-effiċjenza u l-effettività tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jiġu żgurati rabtiet aħjar mal-ħidma tat-Tielet Kumitat tal-AĠNU u sinerġiji ma’ fora multilaterali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’fora multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem.

    B.Sħubiji reġjonali

    ·Tissaħħaħ is-sħubija strateġika mal-Kunsill tal-Ewropa (inkluża l-Kummissjoni ta’ Venezja) u l-OSKE, biex isir titjib fil-koerenza u fil-komplementarjetà permezz ta’ kooperazzjoni selettiva u diversifikata.

    ·Tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali mal-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, il-Laqgħa Asja-Ewropa, il-Lega tal-Istati Għarab u l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika.

    ·Jingħata appoġġ u inkoraġġiment għat-tagħlim bejn il-pari għall-istituzzjonijiet reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qrati tad-drittijiet tal-bniedem u netwerks indipendenti tal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

    C.Kooperazzjoni bilaterali

    ·Jiġu żgurati rabtiet u sinerġiji bejn ir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE (inklużi djalogi politiċi, dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika settorjali, il-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol skont is-SPĠ, u l-ħidma dwar id-drittijiet tax-xogħol skont l-FTAs) u r-relazzjonijiet multilaterali tagħha. Tinżamm l-attenzjoni fuq is-segwitu.

    ·Jiġu identifikati punti ta’ azzjoni konkreti u jsir segwitu dwarhom għal kull ċiklu ta’ djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta’ konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi sħab, b’attenzjoni partikolari fuq l-objettivi ta’ monitoraġġ tal-SĠP+/tal-EBA fid-djalogi ma’ pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP.

    ·Tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali tal-UE, inkluż permezz tal-SĠP u permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet ttal-ħaddiema fil-kuntest tal-FTAs. Isir użu mill-potenzjal kollu tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u tkompli ssir promozzjoni għat-trasparenza, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment mal-partijiet ikkonċernati.

    ·Isir użu sħiħ mis-sinerġiji bejn id-djalogi politiċi u dawk dwar il-politika settorjali, inkluż dwar l-appoġġ baġitarju, biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab.

    ·Jiġu inkorporati b’mod sistematiku l-prinċipji u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fil-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-UE, billi tissaħħaħ u tiġi aġġornata l-metodoloġija tas-sett ta’ għodod: approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha għall-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp 7 . 

    D.Soċjetà ċivili u Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

    ·Jiġi approfondit l-involviment favur soċjetà ċivili pluralistika u jissaħħaħ l-appoġġ għaliha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-sħab soċjali, l-assoċjazzjonijiet tal-midja indipendenti u l-ġurnalisti, l-akkademiċi, l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u l-organizzazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja, sabiex jitħares id-dritt tagħhom li jħaddmu r-rwoli tagħhom ħielsa minn kull forma ta’ intimidazzjoni, diskriminazzjoni jew vjolenza.

    ·Jingħata appoġġ lill-istituzzjonijiet u l-kummissjonijiet nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ombudspersons u lill-korpi tal-ugwaljanza, f’konformità mal-prinċipji ta’ Pariġi u ta’ Venezja, u jsir involviment magħhom fil-kuntest tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Tingħata promozzjoni lid-djalogi strutturati u regolari bejn l-atturi statali, is-soċjetà ċivili (inklużi s-sħab soċjali) u l-komunità internazzjonali.

    ·Jiġu appoġġati u msaħħa s-sħubiji fit-tul mal-atturi tas-soċjetà ċivili u movimenti tad-drittijiet tal-bniedem/soċjali, ukoll billi jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet biex jiġu ffinanzjati organizzazzjonijiet ta’ bażi.

    E.Settur kummerċjali

    ·Issir kollaborazzjoni mas-settur kummerċjali dwar ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, miżuri kontra l-korruzzjoni u l-aħjar prattiki dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-diliġenza dovuta, l-obbligu ta’ rendikont u l-aċċess għal miżuri korrettivi b’mod parteċipattiv (eż. il-ktajjen ta’ provvista, it-tolleranza żero għat-tħaddim tat-tfal).

    ·Jissaħħaħ l-involviment, inkluża l-koordinazzjoni msaħħa bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istati Membri, sabiex jitmexxew ’il quddiem u jiġu sostnuti l-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jimplimentaw il-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u linji gwida rilevanti dwar id-diliġenza dovuta.

    ·Jiġu appoġġati l-proċessi ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jiġu żviluppati, implimentati u msaħħa l-istandards dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta, u jsir involviment mal-banek għall-iżvilupp u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Jitmexxew ’il quddiem il-proġetti reġjonali, it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambji ta’ prattika tajba.

    ·Jissaħħaħ l-impenn tal-impriżi fil-ħolqien ta’ impjiegi denji, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħidma relatata ta’ promozzjoni tul il-katina tal-provvista.

    ·Jiġu żviluppati għodod u materjal ta’ taħriġ dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, l-imġiba responsabbli fin-negozju, id-djalogu bejn tas-settur privat u dak pubbliku u d-diliġenza fid-drittijiet tal-bniedem sabiex id-Delegazzjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jżidu l-impenn tagħhom dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem.

    F.Konformità mad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u mad-dritt umanitarju

    ·Tissaħħaħ l-effikaċja tas-sistema tal-korp tat-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u l-mekkaniżmu ta’ superviżjoni standard tal-ILO. 

    ·Ikomplu jiġu promossi u appoġġati inizjattivi li jsaħħu l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u li jissalvagwardjaw l-ispazju umanitarju.

    ·Jingħata appoġġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala ġebla tax-xewka fil-ġlieda kontra l-impunità u jinbnew netwerks għall-promozzjoni tal-universalità u l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma u l-prinċipju ta’ kumplimentarjetà tiegħu.

    IV.Teknoloġiji ġodda: Użu tal-opportunitajiet u indirizzar tal-isfidi

    It-teknoloġiji diġitali għandhom ikunu ċċentrati fuq il-bniedem. It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, billi jagħmlu l-parteċipazzjoni pubblika aktar faċli u aktar effettiva, iżidu l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, jiffaċilitaw id-dokumentazzjoni tal-vjolazzjonijiet u l-abbużi, u jappoġġaw l-attiviżmu online. Madankollu, dawn it-teknoloġiji jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv, bħall-iffaċilitar tal-aċċess għal kontenut illegali speċifiku, li għandu jiġi miġġieled.

    Øil-mezzi ta' implimentazzjoni: id-djalogi politiċi; id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; l-istrumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi (programmi u proġetti rilevanti); l-involviment multilaterali u reġjonali; taħriġ speċifiku għall-persunal tal-UE fid-Delegazzjonijiet; id-diplomazija pubblika u l-kampanji mmirati, il-konferenzi u avvenimenti oħra; id-djalogu mas-soċjetà ċivili, ma’ atturi oħra mhux statali u mas-settur kummerċjali.

    A.Bini tal-kapaċità u monitoraġġ effettiv

    ·Issir kollaborazzjoni mal-gvernijiet, mas-soċjetà ċivili, mal-impriżi u mal-aġenziji tan-NU biex jiġi studjat kif jistgħu jiġu applikati l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem fl-era diġitali.

    ·Isir monitoraġġ tar-rwoli abilitanti possibbli tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), u l-isfidi li dawn jistgħu jippreżentaw għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokraziji, fil-livell internazzjonali u dak nazzjonali.

    ·Jissaħħu l-iskambji u jiġi żviluppat it-taħriġ għall-persunal tal-UE dwar l-użu ta’ teknoloġiji diġitali u l-IA u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-proċessi demokratiċi.

    ·Isir skambju tal-aħjar prattiki dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, il-kontenut terroristiku u estremist, inkluż permezz tal-litteriżmu medjatiku online u l-ħiliet diġitali.

    ·Jiġu eżaminati approċċi regolatorji u mhux regolatorji għall-ICT fir-rigward tal-ksur potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem u theddid għad-demokrazija. Jitrawmu skambji internazzjonali tal-aħjar prattiki dwar regolamentazzjoni tat-teknoloġija li hija konformi mad-drittijiet tal-bniedem.

    B.Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fl-użu tat-teknoloġiji diġitali, inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali

    ·Jingħata appoġġ lill-iżvilupp, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa rilevanti u standards internazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-ambjent diġitali, u ssir konsultazzjoni wiesgħa inkluż mal-fornituri ta’ pjattaformi u mas-soċjetà ċivili. Tiġi promossa d-diliġenza dovuta adegwata (inklużi l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni) u l-valutazzjoni effettiva tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jittieħed impenn fi proċessi ta’ diversi partijiet interessati li jiffukaw fuq oqfsa online tad-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jingħata appoġġ bħall-bini ta’ kapaċità u appoġġ ieħor sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw b’mod effettiv l-istandards internazzjonali rilevanti fl-ispazju online (eż. il-protezzjoni tat-tfal). Għal dan il-għan jiġu involuti x-xjenzjati tad-data u esperti rilevanti oħra. Sabiex jiġu evitati l-lakuni fil-protezzjoni, jeħtieġ li l-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali dwar kwistjonijiet diġitali jkunu jirriflettu l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jiġi protett id-dritt tal-individwu għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, inkluż fil-kuntest tal-ispazju diġitali u fir-rigward tal-aċċess u l-kontroll sproporzjonati tal-Gvern. Titmexxa ’l quddiem il-konverġenza lejn livell għoli ta’ protezzjoni li tqis eżempji pożittivi, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Tingħata promozzjoni għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data.

    ·Titmexxa ’l quddiem l-azzjoni tal-UE, u jiġu appoġġati l-isforzi globali u reġjonali biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi fl-iżvilupp tal-IA, fuq il-bażi tal-approċċ tal-UE stess fl-iżvilupp ta’ IA etika 8 .

    ·Jintensifikaw l-isforzi biex jinkisbu l-benefiċċji ta’ teknoloġiji ġodda għas-soċjetà ċivili, inklużi l-edukazzjoni online u t-tagħlim mill-bogħod kif ukoll b’attenzjoni partikolari fuq il-mitigazzjoni tar-riskji għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jingħata appoġġ biex jiġu mħarsa l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, online u offline.

    ·Titmexxa ’l quddiem l-aċċessibbiltà tat-teknoloġiji għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabilità, sa mill-istadju tat-tfassil ta’ teknoloġiji ġodda li jkopru kull settur inkluża l-edukazzjoni.

    ·Jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont fl-użu tat-teknoloġija inkluż permezz tal-aċċess legali għal materjal elettroniku li jikkostitwixxi evidenza.

    V.Ksib ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni

    Dan il-pjan ta’ azzjoni jippermetti li l-UE twieġeb għall-isfidi emerġenti permezz ta’ azzjoni ffukata u sforzi kkoordinati filwaqt li l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu jeħtieġ li jkun soġġett għal djalogu wiesa’ mal-partijiet ikkonċernati. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien biex jimplimentawh f’approċċ konġunt kull wieħed skont il-kompetenzi tiegħu skont it-Trattati, u bi skambju ta’ prattiki tajbin u ta’ għarfien. Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE) huwa attur politiku ewlieni u se jkollu rwol ċentrali biex jiggwida l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni sabiex jinkiseb progress sostenibbli. Il-Parlament Ewropew għandu rwol u importanza distinti biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Id-Delegazzjonijiet u l-Uffiċċji tal-UE, u l-Ambaxxati tal-Istati Membri se jkollhom rwol ewlieni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili globali, ibbażati fl-UE u nazzjonali huma wkoll sħab ewlenin.

    A.Implimentazzjoni u evalwazzjoni

    ·Jiġi segwit il-progress fil-ksib tal-objettivi ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, fejn jitqiesu għalkollox l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari permezz tal-parti tematika tar-rapport annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-demokrazija fid-dinja. Tiġi aġġustata l-istruttura tar-rapport biex ikun jirrifletti l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji.

    ·Jitwettaq rieżami ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

    ·Jiġu organizzati skambji regolari ta’ fehmiet fil-Kunsill dwar l-aħjar prattiki u l-progress tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, fost l-oħrajn fil-kuntest ta’ diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    ·Jiġi żgurat li l-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jkunu jirriflettu l-azzjonijiet ta’ prijorità tal-pjan ta’ azzjoni, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest speċifiku tal-pajjiż.

    ·Isir segwitu għar-riżoluzzjonijiet u d-dibattiti tal-Parlament Ewropew li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

    ·Isir involviment fuq bażi regolari mas-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni ġenerali tal-pjan ta’ azzjoni u tiġi organizzata konsultazzjoni annwali speċifika.

    ·Jitwessa’ l-ambitu tas-sett ta’ għodod aġġornat: approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, billi jiġi applikat għall-programmi kollha ta’ azzjoni esterna tal-UE u l-iżvilupp ulterjuri ta’ inizjattivi ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet konġunti mal-Istati Membri, inkluż permezz ta’ programmazzjoni konġunta.

    B.Diplomazija pubblika u komunikazzjoni strateġika

    ·Jinbnew netwerks effettivi tal-midja soċjali għal involviment aktar fil-fond, kondiviżjoni tal-kontenut u approvazzjoni mill-influwenzaturi sabiex titqajjem kuxjenza u tiġi xprunata l-bidla fl-opinjoni.

    ·Issir komunikazzjoni dwar il-politiki u l-inizjattivi rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-perċezzjonijiet pubbliċi u l-lingwi lokali, b’approċċ tematiku ta’ stil ta’ kampanja.

    ·Jiġu identifikati mezzi biex titkejjel l-effikaċja tad-diplomazija pubblika u tal-kampanji, u jiġu żviluppati l-kontenuti u l-kanali li l-aktar irnexxew għall-interazzjoni mal-pubbliku.

    ·Jiġu identifikati u jkomplu jiġu promossi stejjer pożittivi dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom sabiex jiġu ffaċilitati aktar il-bidliet pożittivi tad-drittijiet tal-bniedem fil-post.

    Top