IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2019
COM(2019) 248 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni
għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex jiġu konklużi Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania
{SWD(2019) 195 final} - {SWD(2019) 196 final}
ANNESS
Direttivi tan-negozjar
–L-għan tan-negozjati huwa li jiġu konklużi Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.
–Għalhekk il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli għandu jiddefinixxi l-qafas ġenerali, il-prinċipji ġenerali u l-objettivi li se jiffurmaw il-bażi tas-sħubija mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania. Huwa għandu jinkludi klawżola li tħassar il-Ftehim attwali ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania.
–Sabiex tippromwovi s-sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li tiżgura li dan il-Ftehim il-ġdid u dan il-Protokoll ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-UE u kemm għar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, il-Kummissjoni għandha ssejjes l-għanijiet tan-negozjati tagħha fuq dan li ġej:
·l-iżgurar tal-aċċess għall-bastimenti tal-flotta tal-UE għaż-żona tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, u tal-awtorizzazzjonijiet li dawn il-bastimenti jeħtieġu biex jistadu f’dik iż-żona u, b’hekk, l-iżvilupp, fost l-oħrajn, tan-netwerk ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli li l-operaturi tal-UE għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-Afrika tal-Punent;
·il-fatt li jitqiesu l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti li jadottaw l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fil-livell internazzjonali. Fil-mira tal-attivitajiet tas-sajd għandhom ikunu biss ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kapaċità tas-sajd tal-flotta tal-post u filwaqt li jitqies b’mod speċjali l-fatt li l-istokkijiet ikkonċernati jpassu ħafna;
·il-fatt li jipprova jinkiseb sehem xieraq mir-riżorsi żejda tas-sajd li jkun konformi għalkollox mal-interessi tal-flotot tal-UE, f’każ li jkun hemm flotot barranin oħrajn interessati f’dawn ir-riżorsi wkoll, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha;
·l-iżgurar li l-aċċess għas-sajd jissejjes fuq l-attività storika tal-flotta tal-UE f’dan ir-reġjun u l-attività li din mistennija jkollha fih fil-ġejjieni, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli li jkunu l-aktar aġġornati u filwaqt li jitqiesu l-interessi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE;
·it-twaqqif ta’ djalogu biex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-ħsieb li tiġi mħeġġa l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli b’rabta mal-għanijiet tal-iżvilupp tal-pajjiż, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-governanza tas-sajd, mal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, mal-kontroll, mal-monitoraġġ u mas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u mal-għoti tal-pariri xjentifiċi; il-promozzjoni tal-attività ekonomika u l-indirizzar, fost l-oħrajn, tar-raġunijiet għall-emigrazzjoni irregolari mill-Mauritania;
·l-iżgurar li l-Protokoll jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir u ta’ xogħol deċenti b’rabta mal-attività marittima, filwaqt li jitqiesu l-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO);
·l-inklużjoni ta’ klawżola dwar il-konsegwenzi li jkun hemm f’każ li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi.
–B’mod partikulari, il-Protokoll għandu jiddefinixxi l-affarijiet li ġejjin:
·l-opportunitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jingħataw, imqassmin skont il-kategorija;
·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet biex dan jitħallas; u
·l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.
–F’każ li n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania jieħdu iktar żmien milli mistenni, u sabiex jiġi evitat li l-attivitajiet tas-sajd jiġu interrotti għal perjodu twil taż-żmien, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ taqbel mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania li ttawwal il-Ftehim u l-Protokoll attwali għal perjodu massimu ta’ sena sakemm tkompli tipprova tiftiehem dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ġdid ma’ dan il-pajjiż skont l-għanijiet imsemmijin hawn fuq.