IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2019
COM(2019) 99 final
2019/0049(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 10127/14
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt laqgħat tal-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO) għall-perjodu 2019-2023 b'rabta mal-adozzjoni ppjanata ta' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku
Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fixXlokk tal-Oċean Atlantiku (il-Konvenzjoni SEAFO) għandha l-għan, billi tistabbilixxi s-SEAFO, li tiżgura konservazzjoni u utilizzazzjoni ottima fit-tul għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ April 2003.
L-Unjoni hija parti mill-Konvenzjoni SEAFO, wara li approvatha f'konformità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/738/KE.
2.2.Il-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk
Il-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (Kummissjoni SEAFO) hija l-korp responsabbli għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO. Din tadotta miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni biex tiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul ta' stokkijiet tal-ħut koperti mill-Konvenzjoni.
Bħala membru tal-Kummissjoni SEAFO, l-Unjoni għandha drittijiet ta' parteċipazzjoni u ta' votazzjoni. Il-Kummissjoni SEAFO tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b'kunsens.
2.3.Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni SEAFO
Il-Kummissjoni SEAFO għandha l-awtorità li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha, li huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.
Fi qbil mal-Artikolu 23(1) tal-Konvenzjoni SEAFO, il-miżuri jidħlu fis-seħħ 60 jum wara d-data li fiha l-partijiet kontraenti jiġu nnotifikati dwarhom mis-SEAFO.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) hija stabbilita, attwalment, skont approċċ fuq żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, u minn hemm ’il quddiem tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta’ dokumenti informali tal-Kummissjoni li jridu jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.
Għas-SEAFO, dan l-approċċ huwa implimentat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 10127/14 tas-26 ta' Mejju 2014, li tistipula l-pożizzjoni tal-Unjoni fis-SEAFO għall-perjodu 2014-2018. Id-Deċiżjoni fiha prinċipji u orjentazzjonijiet ġenerali, iżda tqis ukoll, sa fejn hu possibbli, l-ispeċifiċitajiet tas-SEAFO. Barra minn hekk, tistipula l-proċess standard għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni sena b'sena kif mitlub mill-Istati Membri.
Id-Deċiżjoni 10127/14 tipprovdi għal reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2019. Għalhekk, din il-proposta tistipula l-pożizzjoni tal-Unjoni fis-SEAFO għall-perjodu 2019-2023, u b'hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni 10127/14.
Id-Deċiżjoni 10127/14 inkorporat il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS) il-ġdida, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stipulati tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS. Barra minn hekk, aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni għat-Trattat ta' Lisbona.
Ir-reviżjoni attwali tqis, b’rabta mal-impatti tas-sajd, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-plastik fl-ekonomija ċirkolari, il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-Governanza internazzjonital-Oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħma u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta.
4.Bażi legali
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
"Atti li jkollhom effetti legali" jinkludu atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tal-liġi internazzjoni li jirregolaw il-korp in kwistjoni, u l-istrumenti li m'għandhomx effett vinkolanti skont il-liġi internazzjoniali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE".
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kummissjoni SEAFO hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni SEAFO.
L-atti li l-Kummissjoni SEAFO hi mitluba tadotta atti li jikkostitwixxu li għandhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont il-liġi internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni SEAFO u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż:
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU);
·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd; u
·Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.
L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni SEAFO.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk dak l-att ikollu żewġ għanijiet jew għandu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi legali għall-istabbiliment tal-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f'din il-pożizzjoni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni 10127/14, li tkopri l-perjodu 2014-2018.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2019/0049 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 10127/14
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/738/KE, l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd fix-Xlokk tal-Oċean Atlantiku (il-Konvenzjoni SEAFO), li stabbiliet il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO).
(2)Il-Kummissjoni SEAFO hija responsabbli għall-adozzjoni ta' miżuri ddisinjati biex jiżguraw konservazzjoni u użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni SEAFO. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżna l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.
(4)Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.
(5)Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun il-baħar tal-irkaptu tas-sajd.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’laqgħat tal-Kummissjoni SEAFO għall-perjodu ta’ bejn l-2019 u l-2024, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta' infurzar tas-SEAFO ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(7)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni SEAFO hija stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 10127/14. Huwa xieraq li d-Deċiżjoni 10127/14 titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2019-2023
(8)Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni tas-SEAFO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis żviluppi ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tas-SEAFO, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-koperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perjodu 2019-2023.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tax-Xlokk (SEAFO) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni tal-SEAFO għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-SEAFO fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni 10127/14 tas-26 ta' Mejju 2014 hija mħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President