IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2019
COM(2019) 629 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi
{SWD(2019) 434 final}
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Sfond
3.
Ħarsa ġenerali globali lejn il-progress fis-sistemi elettroniċi tal-KDU
4.
Konklużjoni
1.Introduzzjoni
Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU), li huwa l-qafas legali prinċipali għar-regoli u l-proċeduri doganali fit-territorju doganali tal-UE, jippreskrivi l-bidla sħiħa għal ambjent mingħajr karti għall-formalitajiet doganali. L-użu ta’ sistemi elettroniċi għall-interazzjonijiet kollha bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali jnaqqas il-kostijiet amministrattivi u l-burokrazija u jsaħħaħ ir-rwol tad-dwana biex tiġi appoġġata l-kompetittività tan-negozju Ewropew. Fl-istess ħin il-proċessi awtomatizzati fis-sistemi elettroniċi jippermettu l-kollaborazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet doganali u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi differenti li għandhom jipprovdu protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi u protezzjoni akbar kontra l-frodi, ir-riskji għas-sigurtà u s-sikurezza u l-għażla tal-punt ta' importazzjoni.
Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-KDU jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jaġġornaw il-biċċa l-kbira tas-sistemi elettroniċi eżistenti, jgħaqqdu flimkien uħud minn dawn is-sistemi f’livell trans-Ewropew u jintroduċu għadd ta’ sistemi ġodda biex titlesta l-awtomatizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri u l-formalitajiet doganali. L-Artikolu 280 tal-KDU jirreferi għall-obbligu li jiġi stabbilit Programm ta’ Ħidma tal-KDU (WP tal-KDU) li jelenka l-proġetti u s-sistemi kollha tal-KDU u d-dati previsti għall-implimentazzjoni. B’kollox, il-WP tal-KDU jiddefinixxi l-aġġornament jew il-ħolqien ta’ erbatax-il sistema trans-Ewropea u tliet sistemi purament nazzjonali.
Dan l-ewwel rapport annwali mill-Kummissjoni dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi jiddeskrivi l-iżviluppi minn meta daħal fis-seħħ il-KDU. Għal dan il-għan, huwa jibbaża fuq il-WP tal-KDU li jistabbilixxi skeda ta' żmien f’fażijiet u koerenti li tirrifletti l-istadji ta’ żvilupp għal kull waħda mis-sbatax-il sistema elettronika u li hija meqjusa bħala l-linja bażi għar-rappurtar tal-progress.
Il-proġetti elenkati fil-WP tal-KDU jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji ta’ sistemi:
I)ħdax-il sistema ċentrali trans-Ewropej li għandhom jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni (li ħafna drabi jeħtieġu wkoll żviluppi jew aġġornamenti mill-Istati Membri tas-sistemi nazzjonali);
II)tliet sistemi deċentralizzati trans-Ewropej li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Kummissjoni iżda li għandhom komponent nazzjonali maġġuri li għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri; u
III)tliet sistemi nazzjonali li jridu jiġu żviluppati jew aġġornati mill-Istati Membri nfushom.
Dan ir-rapport janalizza l-progress għat-tliet tipi ta’ sistemi, u jiddeskrivi wkoll l-objettivi li għandhom jintlaħqu minn kull proġett, l-arkitettura tal-proġett u l-approċċ tal-ippjanar. Fuq dik il-bażi, huwa jissottolinja d-dewmien potenzjali kif ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni previsti. Il-valutazzjoni ġenerali tal-progress tal-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU hija miġbura fil-qosor fit-taqsima tal-konklużjoni ta’ dan ir-rapport.
2.Sfond
Il-KDU daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016 u stabbilixxa l-iskadenza inizjali tal-31 ta’ Diċembru 2020 għat-tlestija progressiva tal-ħidma f’termini ta’ tranżizzjoni u implimentazzjoni tal-IT. L-Artikolu 278 tal-KDU jistipula li s-sistemi eżistenti elettroniċi u dawk ibbażati fuq il-karta jistgħu jibqgħu jintużaw sabiex jitlestew il-formalitajiet doganali (l-hekk imsejħa “miżuri tranżizzjonali”) sakemm is-sistemi elettroniċi rilevanti ġodda jew aġġornati previsti mill-KDU jkunu operattivi.
Fil-bidu tal-2019, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw Regolament li jistabbilixxi skadenzi ġodda fl-2020, fl-2022 u fl-2025 għall-waqfien tal-użu tal-arranġamenti tranżizzjonali u għalhekk is-sistemi elettroniċi rilevanti jridu jkunu fis-seħħ sal-istess skadenzi. L-Artikolu 278(a) jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi rapport annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tas-sistemi pendenti.
Billi l-ewwel rapport annwali għandu jsir sal-31 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiġbor informazzjoni dwar dan il-progress abbażi ta’ (1) ir-rapporti li l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu darbtejn fis-sena u (2) stħarriġ iċċirkolat fost is-servizzi tagħha u fost l-Istati Membri. L-istħarriġ talab lir-riċevituri jindikaw kwalunkwe dewmien magħruf fl-iskedi tal-ippjanar għas-sistemi elettroniċi. Il-pjanijiet nazzjonali kif ukoll l-informazzjoni dwar il-progress mill-istħarriġ għall-Istati Membri jirriflettu prinċipalment is-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ Ġunju 2019. Id-data miksuba mill-istħarriġ hija kemm kwantitattiva fil-forma ta' kadenzi u ta' stadji importanti milħuqa jew li ma ntlaħqux, kif ukoll kwalitattiva fil-forma ta' deskrizzjonijiet dettaljati dwar l-isfidi ffaċċjati, ir-riskji antiċipati u l-kumplessità stmata tal-proġetti.
3.Ħarsa ġenerali globali lejn il-progress fis-sistemi elettroniċi tal-KDU
Il-ħidma tal-iżvilupp tas-sistemi tal-IT tinvolvi diversi fażijiet. L-ewwel nett, jitħejja argument għall-vijabbiltà, li jipprovdi l-ġustifikazzjoni tal-proġett u jiddefinixxi r-rekwiżiti baġitarji. Ġeneralment, l-argument għall-vijabbiltà jinkludi l-kuntest kummerċjali, id-deskrizzjoni tal-problema, id-deskrizzjoni u l-ambitu tal-proġett, is-soluzzjonijiet alternattivi possibbli, il-kostijiet u l-iskeda taż-żmien. Imbagħad jiġi prodott dokument tal-viżjoni, li jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar id-definizzjoni tal-proġett f’termini tal-arkitettura, il-kost, iż-żmien, u r-riskju, kif ukoll informazzjoni dwar l-istadji importanti, ir-riżultati tanġibbli u l-organizzazzjoni tal-proġett. Sussegwentement, l-Immudellar tal-Proċess tan-Negozju, jiġifieri l-prattika li biha l-proċessi tan-negozju mil-leġiżlazzjoni jiġu rappreżentati grafikament fi flussi tal-proċessi jew f’mudelli tal-proċessi, jintuża biex jgħin fl-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għas-sistemi. Il-benefiċċju ta’ rappreżentazzjoni grafika tal-mudelli tal-proċessi huwa li tippermetti fehim u analiżi komuni. F’dan il-kuntest jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jidentifikaw f’aktar dettall kif se tinbena s-sistema, l-arkitettura li għandha tintuża, il-messaġġi li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi, l-interfaċċji ma’ sistemi oħra, il-pjanijiet ta' ttestjar, eċċ.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiltaqgħu b’mod regolari biex jiddefinixxu u jaqblu dwar dawn id-dokumenti tal-proġett għal kull sistema trans-Ewropea, u jinvolvu b’mod sistematiku konsultazzjonijiet mal-komunità kummerċjali permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ. Sfida ewlenija hija li jiġi żgurat li s-sistemi eżistenti jkomplu jiffunzjonaw mingħajr problemi filwaqt li s-sistemi l-ġodda jkunu qegħdin jiġu żviluppati u li jiġu żgurati tranżizzjonijiet mingħajr problemi tal-IT mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati. Dan huwa vitali biex l-operazzjonijiet kummerċjali u doganali ma jiqfux.
Il-Kummissjoni aġġornat jew implimentat b’suċċess sitt sistemi ċentrali u se tlesti żewġ sistemi ċentrali oħra sal-31 ta’ Diċembru 2020. B’hekk, b’kollox, sal-aħħar tal-2020, il-Kummissjoni se tkun lestiet tmienja mill-erbatax-il sistema trans-Ewropea li għalihom hija responsabbli. Is-sitt proġetti trans-Ewropej li fadal, li tlieta minnhom huma deċentralizzati u jinkludu komponenti ewlenin għat-tlestija mill-Istati Membri, mexjin fit-triq it-tajba għall-iskadenzi maqbula fil-kuntest tal-KDU, il-WP tal-KDU u l-MASP-C 2019. L-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni s’issa jirrappreżentaw madwar 62 % tal-ħidma ta’ żvilupp tagħha sal-2025 kif rappreżentat fil-grafika hawn taħt.
Illustrazzjoni 1: Perċentwali ta' kisba tal-kompiti tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU
L-Istati Membri huma mistennija li jlestu l-aġġornament tat-tliet sistemi nazzjonali tagħhom sal-2022, ħlief għall-komponent tal-esportazzjoni tas-sistema Nazzjonali tal-Proċeduri Speċjali, li huwa marbut mill-qrib mas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni trans-Ewropea u għalhekk għandu jiġi implimentat fl-istess ħin ma’ dan tal-aħħar.
Is-sitt sistemi ċentrali trans-Ewropej kompletati (sistemi ġodda u aġġornamenti) huma kif ġej:
·Sistema tal-Esportaturi Reġistrati tal-KDU - REX (ġdida): tagħmel disponibbli informazzjoni aġġornata kemm dwar l-esportaturi reġistrati stabbiliti f’pajjiżi tal-SĠP (pajjiżi li jibbenefikaw mill-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE li tipprovdi aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE) kif ukoll dwar l-operaturi tal-Unjoni Ewropea li jesportaw lejn pajjiżi tal-SĠP u ċerti pajjiżi oħra. L-ewwel fażi tas-sistema, REX1, ġiet implimentata fl-2015 saħansitra qabel ma daħal fis-seħħ il-KDU u s-sistema sħiħa, REX2, ġiet implimentata b’suċċess fl-2018.
·Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU - CDS (ġdida): għandha l-għan li tarmonizza madwar l-Unjoni l-proċessi għad-deċiżjonijiet doganali relatati mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali, billi tippermetti s-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet permezz ta’ portal uniku tan-negozjanti doganali Ewropej, billi tiffaċilita l-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet doganali matul il-perjodu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ġestjoni tal-proċess tal-awtorizzazzjonijiet. Din is-sistema ġiet implimentata b’suċċess fl-2017.
·Aċċess Dirett min-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej – UUM&DS (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali) (ġdida): għandu l-għan li jipprovdi soluzzjoni teknika għall-awtentikazzjoni u l-ġestjoni tal-utenti tal-operaturi ekonomiċi u jippermetti l-implimentazzjoni tal-aċċess armonizzat tan-negozjanti fil-livell tal-UE għas-sistemi doganali elettroniċi differenti previsti fil-KDU. Din is-sistema ġiet implimentata b’suċċess fl-2017.
·Aġġornament tas-Sistema ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi tal-KDU – EORI (aġġornament): għandu l-għan li jipprovdi aġġornament żgħir fis-sistema eżistenti li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u ta’ persuni ta’ pajjiżi terzi attivi fi kwistjonijiet doganali fl-Unjoni. Dan l-aġġornament tas-sistema eżistenti ġie implimentat b’suċċess fl-2018.
·Sorveljanza 3 tal-KDU – SURV3 (aġġornament): għandu l-għan li jaġġorna l-bażi tad-data eżistenti li tirreġistra u tiċċentralizza d-data tan-negozju kollha tal-UE (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) ipprovduta kuljum mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, sabiex jallinjaha mar-rekwiżiti tal-KDU. Dan l-aġġornament tas-sistema eżistenti ġie implimentat b’suċċess f’Ottubru 2018. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan il-proġett teħtieġ l-implimentazzjoni tas-sistema aġġornata tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni tal-Istati Membri (ara l-proġetti hawn taħt).
·Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi tal-KDU – BTI (aġġornament): għandu l-għan li jallinja mar-regoli tal-KDU, il-bażi tad-data li ilha stabbilita li fiha l-informazzjoni vinkolanti kollha dwar it-tariffi maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-passi 1 u 2 tlestew sa Ottubru 2017. It-tieni fażi ffaċċjat dewmien ta’ żewġ trimestri matul il-fażi tal-elaborazzjoni. Madankollu, l-ippjanar ġenerali baqa' fit-triq it-tajba u s-sistema eBTI allinjata mal-KDU tlestiet f’Ottubru 2019. Dan kien jinvolvi wkoll il-kostruzzjoni tal-aċċess għal din is-sistema permezz tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE.
Iż-żewġ sistemi ċentrali trans-Ewropej li għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2020 skont l-Artikolu 278(1) tal-KDU huma:
·Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati tal-KDU – AEO (aġġornament): għandu l-għan li jtejjeb il-proċessi kummerċjali relatati mal-applikazzjonijiet u mal-awtorizzazzjonijiet tal-AEOs b’kont meħud tat-tibdiliet leġiżlattivi fil-KDU. Il-fażi 1 tlestiet fil-5 ta’ Marzu 2018 u l-ewwel parti tal-fażi 2 tlestiet fl-1 ta’ Ottubru 2019, inklużi r-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU f’termini tas-sottomissjoni elettronika permezz tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE u l-bidliet relatati mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. It-tieni parti tal-fażi 2 (proċessi sussegwenti) hija ppjanata għas-16 ta’ Diċembru 2019.
·Folji ta’ Informazzjoni għall-Proċeduri Speċjali tal-KDU - INF (ġdida): tiżviluppa sistema ġdida biex tappoġġa u tissimplifika l-proċessi ta’ ġestjoni tad-data u l-immaniġġar elettroniku tad-data meħtieġa b’rabta mal-formalità doganali magħrufa bħala Proċeduri Speċjali. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tlestew fit-30 ta’ Ġunju 2018. Ma ġie identifikat l-ebda riskju għall-implimentazzjoni sal-1 ta’ Ġunju 2020.
It-tliet sistemi tal-Istati Membri li għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2022 skont l-Artikolu 278(2) tal-KDU huma kif ġej:
·Notifika tal-Wasla (NA), Notifika ta’ Preżentazzjoni (PN), u Ħażna Temporanja tal-KDU (TS) (aġġornament): tiddefinixxi l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-Notifiki tal-Wasla tal-mezzi tat-trasport, tal-Preżentazzjoni tal-merkanzija u tad-dikjarazzjonijiet għall-Ħażna Temporanja, kif deskritti fil-KDU, u tappoġġa l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ data bejn il-kummerċ u d-dwana. Il-Belġju stabbilixxa inizjattiva ta’ kollaborazzjoni ma’ 12-il Stat Membru ieħor interessat sabiex iħejji l-ispeċifikazzjonijiet. Tim ta’ esperti, kofinanzjat mill-Programm Dwana 2020, se jkompli jipprovdi d-dokumentazzjoni teknika xierqa. Sa issa, ma kien hemm l-ebda dewmien. Madankollu, xi Stati Membri indikaw riskji għal dewmien kif imsemmi fl-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali u l-progress tal-Istati Membri.
·Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni tal-KDU – NIS: (aġġornament) għandhom l-għan li jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha relatati mal-proċessi u mad-data li jirriżultaw mill-KDU u li huma relatati mal-importazzjonijiet. L-Istati Membri jridu jiżviluppaw speċifikazzjonijiet tekniċi fil-livell tagħhom bħala l-ewwel pass lejn it-tlestija tas-sistemi. Huma infurmaw lill-Kummissjoni li dawn l-ispeċifikazzjonijiet qed jitwettqu u għandhom jitlestew sa diversi dati sal-1 ta’ Lulju 2021. Sa issa, ma ġie rrappurtat l-ebda dewmien fir-rigward tal-iskadenza tal-2022.
·Proċeduri Speċjali tal-KDU (SP) (aġġornament): għandhom l-għan li jarmonizzaw u jiffaċilitaw il-proċeduri speċjali (ħażna doganali, użu aħħari, dħul temporanju u pproċessar attiv u passiv). L-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw fis-sistemi nazzjonali tagħhom il-bidliet kollha tal-KDU meħtieġa għal dawn il-proċeduri speċjali. L-ewwel komponent (tal-esportazzjoni) tal-SP se jiġi implimentat f’konformità u bħala parti mill-proġett nazzjonali tas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU (bi skadenza fl-2025), filwaqt li t-tieni komponent (tal-importazzjoni) se jkun parti mill-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni (bi skadenza fl-2022). Ħames Stati Membri bdew jaħdmu fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Komponent 1. Ħames Stati Membri lestew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Komponent 2 filwaqt li tmienja oħra qegħdin fil-proċess li jagħmlu dan. Funzjonalitajiet ġodda, struttura ġdida tad-data u perjodu tranżitorju kollha jikkontribwixxu għall-kumplessità ta’ dan il-proġett. Barra minn hekk, id-dewmien jista’ jiġi kkawżat mill-interdipendenzi mal-AES u l-Aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Importazzjoni. Sa issa, ma seħħ l-ebda riskju, u l-ewwel skadenza issa hija l-2022.
Is-sitt proġetti trans-Ewropej bl-arkitettura speċifika tagħhom, li f’xi każijiet jirrikjedu kombinazzjoni ta’ komponenti ċentrali u nazzjonali jew marbuta ma’ sistema nazzjonali, u li xi kultant ikun fihom aktar minn fażi waħda jew komponent ta’ proġett, li għandhom jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2025 skont l-Artikolu 278(3) tal-KDU, huma kif ġej:
·Ġestjoni tal-Garanziji tal-KDU – GUM (ġdid): għandu l-għan li jippermetti l-allokazzjoni u l-ġestjoni f’ħin reali madwar l-UE kollha, ta’ garanziji doganali komprensivi li n-negozjanti jippreżentaw meta jkun hemm riskji li d-dazji jistgħu ma jitħallsux. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma ppjanati li jitlestew sat-30 ta’ Settembru 2022 għall-Komponent 1 tal-proġett relatat mal-GUM trans-Ewropew u sat-30 ta’ Novembru 2024 għall-Komponent 2 tal-proġett relatat mas-sistema ta’ Ġestjoni tal-Garanziji Nazzjonali. Il-proġett għadu kif beda.
·Aġġornament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-KDU – ICS2 (aġġornament): għandu l-għan li jsaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista billi jtejjeb il-kwalità tad-data, l-arkivjar tad-data, id-disponibbiltà tad-data u l-kondiviżjoni tad-data fir-rigward tan-notifiki ta’ qabel il-wasla (“Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul”) u tal-informazzjoni relatata dwar ir-riskju u l-kontroll. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tlestew fit-30 ta’ Ġunju 2018 u għalhekk ix-xogħol miexi fit-triq it-tajba u ma ġie rrappurtat l-ebda riskju għal dewmien. Il-proġett se jiġi ppreżentat fi tliet ħarġiet biex jippermetti t-tranżizzjoni fattibbli għal kull mod tat-trasport.
·Prova tal-Istatus tal-Unjoni tal-KDU - PoUS (ġdid): se taħżen, timmaniġġja u ssib id-dikjarazzjonijiet kollha li n-negozjanti jipprovdu bħala prova tal-istatus tal-Unjoni tal-merkanzija tagħhom. Dan il-proġett jista’ jiġi implimentat b’mod ċentrali jew nazzjonali iżda bosta Stati Membri esprimew espliċitament l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-sistema ċentrali żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea. Minħabba d-dipendenza bejn l-implimentazzjoni tal-manifest doganali tal-merkanzija tal-KDU bħala prova tal-istatus tal-Unjoni u tal-Punt Uniku ta' Kuntatt Marittimu Ewropew, il-proġett huwa implimentat f’żewġ fażijiet sabiex tiġi evitata l-inkonsistenza u jitnaqqsu r-riskji. Għal dawk l-Istati Membri li jippreferu jużaw komponent tas-sistema fuq livell nazzjonali, huma rrappurtaw li għandhom diffikultà biex ibassru jekk l-implimentazzjoni tagħhom hix se ssegwi l-iskeda ta’ żmien indikata fil-Programm ta’ Ħidma minħabba l-istadju bikri tal-proġett.
·Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni tal-KDU – CCI (ġdida): għandu l-għan li jikkoordina bejn l-uffiċċji doganali rilevanti l-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali u l-awtorizzazzjoni għar-rilaxx tal-merkanzija biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiċċentralizzaw in-negozjati tagħhom mal-awtoritajiet doganali. Is-sistema se tkun ibbażata fuq is-sistemi nazzjonali ġodda tal-importazzjoni u se tippermetti l-funzjonament awtomatizzat tal-proċess ta’ żdoganar ċentralizzat fil-livell Ewropew. L-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għall-Fażi 1 tas-CCI ġew approvati f’Marzu 2019, u għalhekk il-proġett miexi fit-triq it-tajba. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitlestew sat-30 ta’ Settembru 2020 għall-Fażi 1 u sat-30 ta’ Ġunju 2022 għall-Fażi 2.
·Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata tal-KDU – NCTS (aġġornament): Is-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata tallinja s-sistema ta’ tranżitu komuni u eżistenti tal-Unjoni mar-rekwiżiti l-ġodda tal-KDU, l-allinjament tal-iskambji ta’ informazzjoni mar-rekwiżiti tad-data tal-KDU u l-aġġornament u l-iżvilupp ta’ interfaċċji ma’ sistemi oħra. Sa issa, ma seħħ l-ebda dewmien għall-Fażi 5 tal-NCTS, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tlestew f’Diċembru 2019 u l-proġett bħalissa miexi fit-triq it-tajba. Il-pjan huwa li l-argument għall-vijabbiltà għall-Fażi 6 tal-NCTS (interkonnessjoni ma’ sistemi oħra) jiġi finalizzat fl-2020.
·Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni tal-KDU – AES (aġġornament kemm tas-sistema trans-Ewropea eżistenti kif ukoll tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni eżistenti): għandha l-għan li timplimenta r-rekwiżiti tal-KDU għall-esportazzjoni u għall-ħruġ ta’ merkanzija. Il-proġett relatat mal-AES trans-Ewropea (il-Komponent 1 tal-proġett) jinvolvi l-implimentazzjoni tas-simplifikazzjonijiet tal-KDU offruti lill-kummerċ sabiex tiġi faċilitata l-esportazzjoni tal-merkanzija għall-kumpaniji Ewropej, bħall-iżdoganar ċentralizzat, u l-obbligi tal-KDU biex jiġi mmonitorjat aħjar x’joħroġ mit-territorju doganali tal-UE biex jiġi evitat il-frodi. Sa issa, ma seħħ l-ebda dewmien, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Komponent 1 (AES Trans-Ewropea) tlestew f’Diċembru 2019 u l-proġett bħalissa miexi fit-triq it-tajba. Għall-Komponent 2 tal-proġett fir-rigward tal-aġġornament tas-Sistemi Nazzjonali tal-Esportazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitlestew sal-1 ta’ Settembru 2022. L-Istati Membri għandhom ilestu l-Komponent tal-Esportazzjoni tas-sistemi tal-Proċeduri Speċjali tagħhom (ara hawn fuq) fl-istess ħin bħall-AES.
Riskji għad-dewmien
Fl-2018, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri eżaminat ir-raġunijiet għad-dewmien fil-forniment tas-sistemi elettroniċi tal-KDU fir-Rapport Speċjali tagħhom Nru 26. Huma enfasizzaw li d-dewmien kien dovut għal diversi fatturi, b’mod partikolari: tibdil fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti, riżorsi insuffiċjenti allokati mill-UE u mill-Istati Membri, u proċess deċiżjonali fit-tul minħabba l-istruttura ta’ governanza b’diversi livelli. Huma nnutaw ukoll li l-Kummissjoni ma rrappurtatx b’mod xieraq dwar id-dewmien, u li l-objettivi tal-programm Dwana 2020 u l-arranġamenti tar-rappurtar ma kinux adattati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Sadanittant il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu passi importanti biex itejbu s-sorveljanza tal-implimentazzjoni u t-twettiq u, għaldaqstant, huma f’pożizzjoni aħjar biex jevitaw riskji ta’ aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU u jiżguraw segwitu għar-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport Speċjali.
Fuq nota ġenerali, wieħed irid iżomm f’moħħu li kwalunkwe inizjattiva politika ġdida li tiġi adottata bejn issa u l-2025 u li timponi obbligi fuq is-sistemi doganali jista’ jkollha r-riskju li twassal għal dewmien fit-tlestija tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sal-iskadenzi rilevanti. Id-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel u jista’ jsir kruċjali - pereżempju għal raġunijiet ta’ sikurezza u sigurtà - li l-awtoritajiet doganali jkunu meħtieġa jwettqu kompiti addizzjonali fil-fruntieri tal-UE. Madankollu, kompiti ġodda bħal dawn jistgħu jeħtieġu aktar bidliet fis-sistemi elettroniċi.
Dwar l-istħarriġ, sejba ewlenija hija xejra komuni ta’ diffikultajiet u riskji ta’ dewmien fl-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom u l-kumplessità tal-proġetti tal-KDU. Għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri rrappurtaw nuqqas ta’ tħejjija nazzjonali b’rabta mal-ġestjoni tal-proġetti. Hemm każijiet fejn l-offerti għadhom ma ngħatawx għall-ebda wieħed mill-proġetti u f’xi każijiet għadhom ma ġewx assenjati l-maniġers tal-proġetti nazzjonali għall-proġetti. L-Istati Membri indikaw in-nuqqas ta’ riżorsi umani bħala riskju partikolari għall-implimentazzjoni b’suċċess u f’waqtha tal-proġetti. Il-problema tar-riżorsi umani hija osservata mhux biss f’kuntest kwantitattiv, iżda wkoll b'mod kwantitattiv, b’xi Stati Membri jsostnu li l-persunal tagħhom ma għandux il-kompetenza doganali meħtieġa.
Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-instabbiltà perċepita tar-rekwiżiti komuni tad-data li għandhom jintużaw għall-finijiet tas-sistemi elettroniċi. Dawn ir-rekwiżiti komuni tad-data huma stabbiliti fl-Anness B tal-pakkett tal-Att Delegat tal-KDU (AD tal-KDU). Matul l-iżvilupp ta’ xi sistemi trans-Ewropej ħareġ li f’xi każijiet l-Anness B ma setax jiġi implimentat minħabba l-ħtiġijiet funzjonali jew seta’ jiġi implimentat biss b’kostijiet sproporzjonati. Pereżempju, fil-kuntest tal-ICS2 kien meħtieġ li jiddaħħlu kolonni addizzjonali fl-Anness B sabiex jirriflettu s-settijiet ta’ data kollha li huma possibbli fl-ICS2. Dan wassal għal rieżami tal-Anness B biex jiġi allinjat mal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għas-sistemi trans-Ewropej u biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni bejn is-sistemi, kif mitlub mill-Istati Membri u mill-komunità kummerċjali. Naturalment, dan ir-rieżami se jkollu impatt fuq is-sistemi nazzjonali, anki jekk sar sforz konġunt biex l-impatt fuq dawn is-sistemi jinżamm minimu. Dan huwa ta’ diżappunt għal dawk l-Istati Membri li huma avvanzati fl-iżviluppi tas-sistemi nazzjonali tagħhom minkejja l-fatt li r-reviżjoni tal-Anness B hija ġeneralment apprezzata.
Huwa previst li sal-aħħar tal-2019 jintlaħaq ftehim mal-Istati Membri dwar l-Anness B rivedut u l-leġiżlazzjoni relatata mbagħad tiġi adottata fl-2020. Madankollu, l-Istati Membri huma mħassba li din l-instabilità taffettwa b’mod negattiv l-isforzi ta’ ppjanar nazzjonali tagħhom. B’mod speċifiku, huma jaqblu li ż-żieda frekwenti ta’ obbligi u skadenzi ġodda permezz tal-aġġornamenti tal-WP tal-KDU tipperikola l-abbiltà tagħhom li jirriflettu r-rekwiżiti komuni tad-data fis-sistemi nazzjonali tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li r-rieżami attwali tal-WP tal-KDU sar meħtieġ sabiex l-Artikolu 278 emendat tal-KDU jiġi implimentat b'mod xieraq. L-emenda tal-Artikolu 278 tal-KDU hija r-riżultat tal-kompromess li nstab bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. L-applikabbiltà tal-kolonni differenti tal-Anness B tal-AD tal-KDU hija marbuta mad-dati ta’ implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi definiti fil-WP tal-KDU.
Tħassib ieħor li esprimew l-Istati Membri huwa l-instabbiltà maħluqa u d-diffikultajiet biex wieħed jippjana minħabba ċ-ċikli ta’ rieżami kontinwi tad-dokumentazzjoni tan-negozju u tal-IT. Dawn iċ-ċikli ta’ rieżami (fejn id-dokumenti jgħaddu minn aġġornamenti iterattivi b’riżultat tal-input mill-esperti) huma neċessarji biex ikun żgurat fehim u implimentazzjoni komuni tas-sistemi. Meta l-Istati Membri jiddependu fuq il-finalizzazzjoni tad-dokumentazzjoni tal-proġetti, xi drabi dawn ikun għad ma għandhom l-ebda forma ta’ ppjanar nazzjonali għal xi proġetti. Għalkemm bosta Stati Membri jesprimu r-rieda tagħhom li jieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw li huma jirrispettaw l-iskadenzi tal-ippjanar stabbiliti fil-WP tal-KDU, il-proċessi tagħhom ta’ valutazzjoni tal-impatt huma twal u kumplessi u qegħdin inaqqsu l-pass tal-isforzi tagħhom.
L-Istati Membri rrappurtaw li joperaw abbażi ta’ approċċ “Agile”, li jippermetti l-flessibbiltà. Madankollu, approċċ bħal dan ifisser li fl-istess ħin xi proġetti jiġu ppjanati biss sitt trimestri minn qabel. Għalhekk, dawn l-Istati Membri għad ma għandhomx stampa preċiża dwar l-abbiltà tagħhom li jilħqu d-dati ta’ implimentazzjoni fil-mira għal xi sistemi.
Fl-aħħar nett, se jitfaċċaw sfidi ġodda, li jirrikjedu li jiġu stabbiliti miżuri ġodda ta’ politika doganali, miżuri legali u tal-IT, xi drabi b’urġenza, u ħafna drabi jipperikolaw l-iskemi ta’ ppjanar diġà maqbula għall-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU (pereżempju l-kummerċ elettroniku, eċċ.).
Bħala konklużjoni, għalissa ma hemm l-ebda riskju kritiku identifikat li jikkonċerna l-iskadenza għat-tlestija tal-implimentazzjoni tas-sistemi tal-KDU sal-aħħar tal-2025. Madankollu, it-timijiet tal-IT tal-Kummissjoni u tal-Amministrazzjonijiet Doganali tal-Istati Membri jeħtieġ li jingħataw ir-riżorsi xierqa biex jimmitigaw ir-riskji għolja eżistenti li ma jiġux rispettati l-iskadenzi għal uħud mis-sistemi, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi nazzjonali. Jeħtieġ li jiġi żgurat persunal statutorju xieraq fit-timijiet tal-IT biex imexxi l-proġetti, u riżorsi finanzjarji fil-programm attwali Dwana 2020 u fil-programm futur li se jissostitwih biex jiġi żgurat li s-sħab tal-esternalizzazzjoni iwettqu l-proġetti. Jeħtieġ ukoll li jiġu evitati it-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida b’impatt fuq is-sistemi Doganali qabel tmiem l-2023. Jekk dawn il-miżuri jkunu fis-seħħ, skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-livell ta’ riskju għandu jkun raġonevolment taħt kontroll.
Azzjonijiet ta’ mitigazzjoni
Tintuża tabella tal-Pjan Strateġiku Pluriennali għad-Dwana (MASP-C) bħala għodda ta’ informazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-progress min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-progress tagħha. Il-linja ta’ referenza għall-istadji importanti tat-tabella hija l-MASP-C 2019 u l-WP tal-KDU 2019. It-tabella tiġi ppreżentata fuq bażi trimestrali lill-Istati Membri (il-Grupp ta’ Koordinazzjoni tad-Dwana Elettronika) u lill-komunità kummerċjali (il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ) għall-finijiet ta’ informazzjoni u tmexxija.
Il-Kummissjoni issa mhux biss qiegħda tissorvelja l-progress skont l-istadji importanti ewlenin tal-proġetti bħal fil-WP tal-KDU u l-MASP-C iżda qiegħda tistabbilixxi wkoll stadji importanti interim speċifiċi għal kull proġett (pereżempju stadji importanti sa meta l-Istati Membri kollha suppost ikunu lestew l-ittestjar tal-konformità). Dan il-monitoraġġ aktar mill-qrib huwa meħtieġ sabiex l-implimentazzjoni tas-sistemi trans-Ewropej deċentralizzati jkun maniġġabbli u sabiex jiġu evitati kostijiet addizzjonali għat-tħaddim ta’ sistemi qodma u ġodda f'każ ta' perjodu estiż tal-implimentazzjoni. Billi dawn is-sistemi trans-Ewropej ewlenin bl-arkitettura deċentralizzata tagħhom se jkunu ta’ suċċess biss jekk l-Istati Membri kollha jaqilbu għall-ambjent il-ġdid, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex ma jistennewx sa tmiem il-fażi ta’ implimentazzjoni biex jaqilbu għas-sistemi l-ġodda. “Programm ta’ monitoraġġ trimestrali tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali” għas-sistemi trans-Ewropej AES u NCTS b’Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni se jibda mill-2020, bil-għan li jitkejjel il-progress fuq bażi regolari u tinġibed l-attenzjoni sew minn qabel fejn jistgħu jseħħu l-problemi.
Bħala miżura oħra ta’ akkumpanjament, il-Kummissjoni se tistabbilixxi “Programm ta’ koordinazzjoni tal-Amministrazzjonijiet Nazzjonali” fil-bidu tal-2020 biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħhom għas-sistemi trans-Ewropej. Dawn is-sistemi huma mmirati speċifikament għaliex, l-Istati Membri qablu fl-2016-2017 li s-sistemi ta’ importazzjoni, tranżitu u esportazzjoni kienu s-sistemi ewlenin u għandhom jitqiesu bħala l-ewwel prijoritajiet għall-implimentazzjoni. Billi għadd ta’ Stati Membri imbuttaw ix-xogħol ta’ tranżizzjoni tagħhom fuq is-sistemi u l-komponenti nazzjonali relatati mal-proċeduri ta’ importazzjoni, tranżitu u esportazzjoni sal-aħħar tal-perjodi ta' implimentazzjoni, hemm ir-riskju li dawn ma pprevedewx żmien suffiċjenti għall-ittestjar u għall-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet komuni u l-politika ta’ tranżizzjoni tal-IT. Billi s-sistemi trans-Ewropej se jiffunzjonaw tajjeb biss meta l-Istati Membri kollha jkunu ssieħbu, il-kwistjonijiet jew id-dewmien fl-implimentazzjoni nazzjonali se jkollhom impatt fuq is-saff tas-sistema trans-Ewropea u jipperikolaw it-tlestija f’waqtha.
Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-feedback mill-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà identifikat riskju ta’ tlestija tas-sistemi nazzjonali mistennija sal-2022, b’mod partikolari fir-rigward tad-dħul tal-merkanzija u d-dominju tal-importazzjoni, li jkollu impatt negattiv fuq it-tlestija tas-CCI.
Dawn il-programmi se jgħinu biex imexxu l-proċess ta’ tranżizzjoni tal-IT mill-2020 b’helpdesk iddedikat, webinars, żjarat bilaterali, taħriġ, segwitu għall-ittestjar tal-konformità, rappurtar tal-progress kull tliet xhur, ġestjoni tal-forniment tas-servizzi, eċċ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtieġ li jkunu mgħammra tajjeb biex jiffaċċjaw l-isfidi li ġejjin.
L-eżitu ta’ dawn il-programmi huwa meqjus li jwassal informazzjoni siewja dwar il-progress u se jintuża għar-rapporti tal-progress annwali futuri. Huwa se jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-progress għal kull proġett u għal kull Stat Membru.
4.Konklużjoni
Bħala konklużjoni, huwa evidenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tas-sistemi elettroniċi tal-KDU sad-dati ta’ skadenza rilevanti. Hemm kwistjonijiet ta’ riżorsi fl-Istati Membri, is-sistemi huma kumplessi u interkonnessi, u jrid ikun hemm tranżizzjoni mingħajr problemi mis-sistemi eżistenti għal dawk aġġornati, sabiex l-impatt fuq il-kummerċ jiġi minimizzat.
Madankollu, huwa ċar ukoll li qed isir progress tanġibbli. Diġà ġew implimentati għadd importanti ta’ sistemi elettroniċi u bħalissa huma kompletament operattivi.
Dawk li fadal jinsabu fil-biċċa l-kbira fit-triq it-tajba u huma ppjanati li jitlestew fil-perjodu 2020-2025 f’konformità mal-ippjanar tal-proġetti definiti fil-WP tal-KDU. Stampa ġenerali fil-qosor tal-ippjanar u l-progress tista’ tinstab fl-Illustrazzjoni 2 hawn taħt.
Illustrazzjoni 2: Ippjanar għall-proġetti tal-WP tal-KDU
Fir-rigward ta’ dawn is-sistemi li fadal, filwaqt li għadd ta’ kwistjonijiet ġew enfasizzati fil-livell tal-Istati Membri, ma kinux identifikati riskji kritiċi fiż-żmien meta ġie miktub dan ir-rapport. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu l-laqgħat regolari tagħhom biex imexxu u jimmonitorjaw il-proġetti permezz tat-tabelli tal-MASP-C u permezz tar-rekwiżiti msaħħa ta’ ppjanar u ta’ rappurtar tal-progress għall-implimentazzjoni tal-WP tal-KDU. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu wkoll il-ħidma ta’ elaborazzjoni u żvilupp għas-sistemi trans-Ewropej li fadal f’termini ta’ argumenti għall-vijabbiltà u dokumenti ta’ viżjoni, kif ukoll biex jippreparaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi (inklużi speċifikazzjonijiet tekniċi tranżitorji f’xi każijiet) bħala bażi għat-tnedija u l-implimentazzjoni tas-sistemi.
Il-Kummissjoni qed tippjana azzjonijiet addizzjonali ta’ mitigazzjoni sa mill-bidu tal-2020, fil-forma ta’ programm ta’ koordinazzjoni biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-komponenti tagħhom tas-sistemi AES u NCTS, b’mod partikolari, u programm ta’ monitoraġġ biex tivvaluta l-progress tagħhom f’dan il-qasam. B’dawn l-istrumenti maniġerjali, il-Kummissjoni hija kunfidenti li għandha l-mekkaniżmi xierqa biex tiffaċċja l-isfidi dinamiċi li ġejjin. Bosta Stati Membri, min-naħa tagħhom, esprimew ir-rieda tagħhom li jieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni biex jiżguraw li jirrispettaw l-iskadenzi tal-ippjanar stabbiliti fil-WP tal-KDU.
Aktar dettalji dwar l-ippjanar u l-istatus ta’ kull proġett huma pprovduti f’dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport.