Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0158

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-37 Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet ta' anti-dumping, antisussidji u ta’ salvagwardja u dwar l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi fil-konfront tal-UE fl-2018

COM/2019/158 final

Brussell, 27.3.2019

COM(2019) 158 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-37 Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew
dwar l-attivitajiet ta' anti-dumping, antisussidji u ta’ salvagwardja u dwar l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi fil-konfront tal-UE fl-2018

{SWD(2019) 141 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-37 Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew
dwar
l-attivitajiet ta' anti-dumping, antisussidji u ta’ salvagwardja u dwar l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi fil-konfront tal-UE fl-2018

Sommarju eżekuttiv

Dan is-37 Rapport jagħti żewġ deskrizzjonijiet tal-attività għad-difiża tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea (UE). L-ewwel nett, dan ir-rapport imur eċċezzjonalment lil hinn mill-obbligi ġuridiċi, billi jqis l-isfidi kbar, l-iżviluppi kif ukoll il-kisbiet tal-Kummissjoni Juncker fil-qasam tad-difiża tal-kummerċ. Matul is-60 sena ta’ storja tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ (TDI), probabbilment ma kien hemm l-ebda perjodu li kien aktar ta’ sfida minn dak bejn l-2014 u l-2019. Il-kapaċità żejda tal-produzzjoni tal-azzar f'livell globali żiedet b’mod sinifikanti t-talbiet għal miżuri għad-difiża tal-kummerċ. Il-Kummissjoni, billi imponiet 25 miżura TDI ġdida dwar l-azzar matul dan il-perjodu, għamlet kontribut importanti, jekk mhux essenzjali, għall-vijabbiltà u l-kompetittività globali tal-industrija Ewropea tal-azzar. Barra minn hekk, għall-ewwel darba mill-1994, il-ġabra ta’ regoli għad-difiża tal-kummerċ tal-UE ġiet aġġornata permezz ta’ żewġ bidliet leġiżlattivi ewlenin. Dawn l-emendi għenew biex jiġi żgurat li t-TDI tal-UE jkun jista’ jindirizza b'mod xieraq dumping u sussidjar rampanti u dannuż b’mod aktar effettiv u effiċjenti. Il-Kummissjoni, għall-ewwel darba mill-2002, bdiet investigazzjoni ta’ salvagwardja fi prodotti tal-azzar u imponiet miżuri b’mod rispettiv. Kif juri dan ir-Rapport, l-approċċ effiċjenti, sod u bbilanċjat tal-Kummissjoni ppermetta li l-impjiegi tal-UE jiġu protetti. Huwa ta wkoll rispons qawwi għal pożizzjonijiet li qed ikunu dejjem aktar protezzjonisti minn xi sħab tal-kummerċ, filwaqt li b’mod parallel irriforma s-sistema TDI proprja biex fil-futur ix-xogħol isir b’mod aktar effettiv.

It-tieni, dan ir-Rapport jiddeskrivi l-attivitajiet anti-dumping (AD), antisussidji (AS) u ta’ salvagwardja tal-UE kif ukoll l-attività ta’ difiża tal-kummerċ ta’ pajjiżi terzi kontra l-UE fl-2018. Din il-parti tar-Rapport tħejjiet skont id-dispożizzjonijiet aġġornati tal-Artikolu 23 tar-Regolament AD bażiku 1 u l-Artikolu 34 tar-Regolament AS bażiku, 2 kif ukoll tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji 3 . Dan ir-Rapport huwa akkumpanjat, bħal fis-snin preċedenti, minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, flimkien ma’ annessi, li jipprovdu informazzjoni u statistika aktar dettaljati.

Fl-2018, il-każijiet baqgħu importanti bl-impożizzjoni ta’ miżuri f’sitt każijiet ġodda, in-nonimpożizzjoni ta’ miżuri fi tmien każijiet ġodda, u b’attività ugwalment intensiva fir-rieżami ta’ miżuri eżistenti meta mqabbla mal-2017.

Barra minn dan, l-2018 kienet ukoll eċċezzjonali minħabba l-fatt li skont id-data tal-inizjazzjoni tal-investigazzjoni, tista’ tapplika regola TDI ġdida, li kienet timplika l-applikazzjoni ta’ tlett settijiet ta’ regoli b’mod parallel 4 .

Dan ir-Rapport attwali u d-Dokument tal-Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah huma disponibbli għall-pubbliku fuq: http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm .



I.Il-kisbiet tal-Kummissjoni Juncker

I.1    Sistema TDI tal-UE applikata b’mod effettiv, sod u meqjus

Sabiex ikun ħieles, il-kummerċ irid ikun ġust. Id-difiża tal-kummerċ tal-UE hija l-pedament tal-azzjoni tal-UE biex jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ta’ kummerċ ġust. Fl-istess ħin, l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ modern (TDI) imisshom ikunu adatti għar-realtajiet ekonomiċi attwali u l-użu tagħhom jiġi limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jitneħħew l-effetti ta’ importazzjonijiet inġurjużi u mhux innegozjati ġustament. Huwa f’dan l-ispirtu li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ għal Kulħadd” 5 stabbiliet dil-mira ta’ prijorità li tagħmel it-TDI aktar effettiva u effiċjenti.

Dan kien saħansitra aktar importanti peress li matul il-mandat tagħha, il-Kummissjoni ta’ Juncker indirizzat għadd kbir ta’ każijiet ta’ importazzjonijiet mhux ġusti, li ħafna minnhom kienu kritiċi għall-ekonomija Ewropea. Fil-perjodu ta’ Novembru 2014 – Diċembru 2018, ġew applikati 170 każ TDI u 95 miżura biex jerġgħu jinkisbu kundizzjonijiet indaqs. Minn dawn tal-aħħar, 35 huma miżuri ġodda u l-bqija huma tiġdid jew estensjonijiet ta’ miżuri eżistenti.

It-TDI tal-UE jipproteġu l-impjiegi u għalhekk għandhom effett pożittiv dirett fuq in-nisġa industrijali u fuq l-ekonomija tal-UE: Il-miżuri tat-TDI tal-UE imposti mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni imantnu b’mod effettiv aktar minn 124 000 impjieg 6 . Is-settur tal-azzar ibbenefika l-aktar, b’aktar minn 86 000 impjieg protett. B’mod ġenerali, il-miżuri tal-UE li kienu fis-seħħ fi tmiem l-2018 ipproteġew b’mod effettiv 320 000 impjieg industrijali dirett minn kompetizzjoni inġusta.

It-TDI tal-UE jagħtu għajnuna lill-industrija bl-inqas spiża ekonomika. Fil-fatt, il-livelli ta’ dazju applikati mill-UE kienu iktar baxxi minn dawk imposti minn sħab kummerċjali oħrajn. Pereżempju, id-dazji fuq l-azzar ivarjaw bħala medja minn 29% sa 45%, filwaqt li l-medji tad-dazju korrispondenti applikati mill-Istati Uniti (US) huma ta’ 54% – 87% 7 . Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dawk id-dazji medji aktar baxxi fl-UE hija r-“regola tad-dazju inferjuri” (LDR, lesser duty rule) li tordna li s-sors ta’ kompetizzjoni inġusta (marġni ta’ dumping) jew l-effett tagħha (il-marġni ta’ dannu) - skont liema waħda tkun l-aktar baxxa - għandhom jiġu rimedjati 8 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibda biss investigazzjonijiet meta jkunu meħtieġa. Hija tirriċerka wkoll b’mod intensiv jekk il-miżuri TDI humiex kontra l-interess ekonomiku ġenerali tal-Unjoni qabel timponi miżuri korrettiv

Il-miżuri TDI tal-UE għandhom effett rimedjali qawwi: f’ħafna każijiet, matul l-investigazzjoni, iżda ċertament wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidjati diġà jonqsu b’mod konsiderevoli. It-tabella hawn taħt tinkludi kampjun ta’ miżuri tal-UE fis-seħħ, li juri l-impatt tagħhom:

Prodott taħt il-miżuri

Oriġini

Tnaqqis ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidjati mill-oriġinijiet kkonċernati wara l-impożizzjoni ta’ miżuri

(l-aktar importazzjonijiet riċenti meta mqabbla ma’ importazzjonijiet fl-IP oriġinali) 9

Radjaturi tal-aluminju

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-98%

Roti tat-triq tal-aluminju

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-38%

Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-28%

Madum taċ-ċeramika

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-84%

Karta fina miksija

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-99%

Tajers ġodda u miksijin mill-ġdid għal karozzi tal-linja jew trakkijiet

ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

-81%

Prodotti tal-azzar (il-miżuri kollha)

Prodotti tal-azzar (każijiet mibdija taħt il-Kummissjoni Juncker)

-70%

Prodotti tal-azzar (każijiet mibdija taħt il-Kummissjoni Juncker)

Diversi pajjiżi

-89%

Qamħirrum ħelu bil-qalba

it-Tajlandja

-62%

Karta termali

ir-Repubblika tal-Korea

-91%

Sors: Comext, ir-regolamenti tal-UE

Eżempju ieħor ta’ effettività tal-miżuri TDI tal-UE jista’ jinsab fir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-azzar, kif spjegat fit-taqsima I.3 hawn taħt.

Fil-perjodu ta’ Novembru 2014 – Novembru 2018, l-UE ġabret, riżultat tal-impożizzjoni tal-miżuri, aktar minn EUR 1,5 biljun f’dazji anti-dumping jew kumpensatorji, li kollha ġew trasferiti lill-baġit tal-UE.

Il-miżuri anti-dumping u antisussidji jridu jiġu rieżaminati ħames snin wara li jkunu ġew stabbiliti, jekk l-industrija tal-UE tkun trid iżżomm tali miżuri lil hinn minn dak il-perjodu. Minn Novembru 2014 sa Diċembru 2018, il-Kummissjoni bdiet 52 rieżami ta’ skadenza ta’ miżuri tal-UE. Tali rieżamijiet tal-iskadenza jippermettu tqabbil tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-UE fil-ħin tal-impożizzjoni tal-miżuri u ħames snin wara. Il-Kummissjoni tista’ żżomm il-miżuri jekk f’rieżami ta’ skadenza hija ssib li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping/sussidjar u dannu jekk il-miżuri ġew imħassra. L-industrija tal-UE titlob rieżamijiet ta’ skadenza f’madwar 75 % tal-każijiet 10 .

Eżempji ta’ rieżamijiet tal-iskadenza bħala miżura ta’ effiċjenza tat-TDI

Ir-rieżami ta’ skadenza tal-miżuri dwar il-madum taċ-ċeramika 11 huwa wieħed mid-diversi każijiet li juri kif il-miżuri tal-UE kienu effettivi sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-industrija tal-UE. Qabel ma ġew imposti l-miżuri biex jintemmu prattiki ta’ dumping Ċiniżi, l-importazzjonijiet taċ-Ċina pperikolaw l-istess eżistenza tal-industrija taċ-ċeramika tal-UE: il-profitti naqsu wkoll sa punt ta’ ekwilibriju, u l-investimenti u l-impjiegi naqsu wkoll b’mod konsiderevoli. L-impożizzjoni tal-miżuri tejbet is-sitwazzjoni: l-industrija tal-UE marret lura għall-profitabbiltà; il-produttività u l-investimenti żdiedu b’mod konsiderevoli. F’settur li huwa kostitwit b’maġġoranza mill-SMEs, tali tendenza fl-investimenti hija importanti biex tippermetti lin-negozji tal-UE jirnexxu, peress li huma għandhom bżonn kostanti li jimmodernizzaw it-tagħmir tagħhom sabiex isegwu t-tendenzi tas-suq Grazzi għall-miżuri, l-impjieg stabbilizza wkoll għadd sinifikanti ta’ madwar 60 000 impjegat (anki jekk dan kien aktar baxx minn qabel ma beda d-dumping). Ladarba dan intqal, minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, il-miżuri kellhom jinżammu minħabba l-kapaċitajiet ta’ riżerva massivi u prezzar aggressiv tal-esportaturi Ċiniżi. Ir-rieżami sab li, mingħajr miżuri, kien ikun hemm riskju konsiderevoli li l-prattiki tal-esportazzjoni Ċiniżi inġusti jerġgħu jibdew b’impatt negattiv konsegwenzjali fuq l-industrija tal-UE.

Il-miżuri dwar il-biċikletti  miċ-Ċina huma eżempju notevoli ieħor ta’ effikaċja tad-TDI. Il-miżuri ġew imposti għall-ewwel darba fl-1993 u serje ta’ rieżamijiet interim sussegwenti kkonkludew kull darba li dawn il-miżuri kienu għadhom meħtieġa sabiex jiskansaw dumping dannuż Ċiniż. Jista’ jiġi argumentat b’mod raġonevoli li llum, li kieku ma kienx hemm il-miżuri anti-dumping, l-industrija tal-biċikletti tal-UE ma teżistix. F’pajjiżi oħra, fejn miżuri ma kinux imposti jew skadew, l-esportaturi Ċiniżi kienu kważi ddominaw it-totalità tas-suq domestiku. L-investigazzjonijiet sabu b’mod ripetut li l-kapaċità żejda Ċiniża hija importanti ħafna – l-aħħar investigazzjoni stabbiliet kapaċità żejda ta’ 25 % ogħla mill-konsum totali tal-UE u ċ-Ċina kienet ippruvat tagħmel użu sħiħ minn din il-kapaċità. Riżultat ta’ dan, fl-2013 l-UE kellha twaqqaf skema ta’ ċirkomvenzjoni fuq skala kbira tad-dazji anti-dumping fuq biċikletti Ċiniżi li jgħaddu mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni tirritorna għal profitti modesti iżda sostnuti, kif muri fit-talba għal rieżami ta’ skadenza li għadha għaddejja bħalissa.

L-eżistenza kontinwa tal-industrija tal-biċikletti tal-UE għandha effetti strutturali fuq l-ekonomija tal-UE. Mingħajr industrija tal-biċikletti tal-UE li tiffunzjona, l-industrija tal-partijiet tal-biċikletti tal-UE ma kinitx tkun teżisti. Apparti dan, l-Ewropa ma setgħetx tiżviluppa suq ġdid importanti, jiġifieri l-industrija tal-biċikletti elettriċi għad għandha potenzjal tat-tkabbir sinifikanti. Fl-UE, il-11 000 impjieg huma direttament relatati mal-produzzjoni tal-biċikletti, 16 000 impjieg mal-produzzjoni tal-partijiet tal-biċikletti u 3 600 impjieg ma’ biċikletti elettriċi. F’Jannar 2019, il-Kummissjoni imponiet miżuri anti-dumping u antisussidji definittivi kontra importazzjonijiet ta’ biċikletti elettriċi miċ-Ċina. Instab li l-esportaturi tal-biċikletti elettriċi Ċiniżi bbenefikaw minn sussidji enormi.

Qabel il-miżuri TDI dwar ir-roti tal-aluminju għat-triq miċ-Ċina, 12 is-sitwazzjoni tal-industrija tal-UE marret għall-agħar minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, kif jixhdu pereżempju t-tnaqqis fil-produzzjoni u fil-volumi tal-bejgħ u s-sitwazzjoni ta’ telf kbir. Ħames snin wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping, is-sitwazzjoni tjiebet b’mod konsiderevoli. L-industrija tal-UE kienet kapaċi tirkupra u turi profitti tajbin, filwaqt li kibret f’konformità mas-suq. L-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas b’madwar 75 %. Il-miżuri żammew kompetizzjoni tajba fis-suq tal-UE, peress li s-sehem mis-suq tal-fornituri ta’ pajjiżi terzi irkupra, biex b’hekk ġiet permessa provvista iktar wiesgħa ta’ prodotti, li ma jkunux bi prezzijiet inġusti. L-industrija tal-UE żiedet il-bejgħ u l-produzzjoni tagħha bi 28 % u 25 % b’mod rispettiv u ħolqot 1 200 impjieg ġdid (żieda ta’ 10 %). Hija żiedet il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha biex tissodisfa d-domanda li qiegħda tikber u biex taġġorna l-firxa ta’ prodotti tagħha. Madankollu, il-miżuri għad iridu jinżammu, peress li kieku l-esportaturi Ċiniżi kienu jirritornaw fis-suq tal-Unjoni bi kwantitajiet kbar bi prezzijiet baxxi u li huma oġġett ta’ dumping: iċ-ċiklu ’l isfel kien ikun reġa’ beda għall-industrija tal-UE.

Il-globalizzazzjoni tal-kummerċ wasslet għal aktar possibilitajiet ta’ ċirkomvenzjoni jew inkella naqqset l-effikaċja ta’ miżuri TDI. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ilha timmonitorja b’mod kostanti l-istatistika tal-importazzjonijiet sabiex tidentifika ċirkomvenzjoni eventwali tal-miżuri 13 jew assorbiment tad-dazju 14 . Sabiex tirrimedja sitwazzjonijiet bħal dawn, bejn Novembru 2014 u Diċembru 2018, il-Kummissjoni fetħet 14-il investigazzjoni ta’ antiċirkomvenzjoni jew antiassorbiment, u konsegwentement, estendiet il-miżuri eżistenti f’14-il każ għal pajjiżi jew prodotti oħra biex tippreserva l-effett mixtieq tal-miżuri.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, biex tkun tista’ tiġġudika kif il-miżuri TDI issodisfaw l-għanijiet tagħhom, il-Kummissjoni baqgħet f’kuntatt kostanti mal-organizazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati mill-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ sabiex tevalwa l-effett tagħhom. Inżammu laqgħat regolari mar-rappreżentanti tan-negozju u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn, sabiex jinfurmaw jew jiddiskutu r-riformi leġiżlattivi, fejn jiddaħħal kemm jista’ jkun it-tħassib tad-diversi partijiet ikkonċernati.

I.2    Sistema msawra mill-ġdid għal aktar effikaċja u aktar ċertezza

Modernizzazzjoni

Il-qalba tal-ġabra ta’ regoli tad-TDI tmur lura għat-tmiem tan-negozjati tar-Round tal-Urugwaj. It-tentattivi biex jiġu modernizzati r-Regolamenti bażiċi imorru lura għall-2008. Madankollu, huwa f’idejn il-Kummissjoni attwali li l-bidliet ta’ modernizzazzjoni meħtieġa eventwalment ġew mitmuma b’suċċess. Kien anki għax ir-realtajiet tas-suq globali u mewġa dejjem tikber ta’ prattiki kummerċjali inġusti wrew b’mod ċar il-ħtieġa urġenti għal effikaċja u ċertezza addizzjonali. Wara li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2017, ir-regoli modernizzati daħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018. Dan il-pass ’il quddiem importanti għamel l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ aktar effettivi, trasparenti u aktar adatti biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-ekonomija globali, filwaqt li jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ firxa sħiħa ta’ partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-interessi tal-produtturi, l-importaturi u l-utenti downstream tal-UE.

Il-leġiżlazzjoni modernizzata tal-UE tipprovdi ħafna bidliet. Hija introduċiet kalkolu tal-marġni tad-dannu, li huwa ċentrali għall-applikazzjoni tal-LDR, waħda mill-karatteristiċi ewlenin tat-TDI. Il-kalkolu tal-prezz mhux dannuż ġie aġġornat sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet ekonomiċi attwali. Dan jinkludi profitt minimu ta’ 6 %, kif ukoll il-possibbiltà biex jiġu riflessi l-investimenti u l-ħtiġijiet tar-R&Ż tal-industrija tal-Unjoni meta jiġi kkalkolat il-marġni tad-dannu. Barra minn hekk, ir-regoli ġodda jistgħu jqisu l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima, li qegħdin dejjem aktar jaffettwaw ħażin l-iskambji kummerċjali tal-lum.

Għall-fini ta’ effiċjenza ogħla, ġie adottat qafas ta’ żmien aktar qasir għall-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji – dawn il-miżuri issa jridu jiġu adottati normalment fi żmien seba' xhur, iżda mhux aktar tard minn tmien xhur, filwaqt li qabel kienet tieħu disa’ xhur. Għalhekk, l-industrija Ewropea se tirċievi solliev aktar malajr minn kompetizzjoni inġusta. Apparti dan, sabiex timxi ’l quddiem biex tiżgura trasparenza fil-proċedimenti, u biex tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jadattaw aktar malajr għall-miżuri, l-UE introduċiet mekkaniżmu ta’ twissija minn qabel dwar l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping u antisussidji proviżorji. L-ebda ġurisdizzjoni ta’ TDI oħra ma topera sistema bħal din.

Element importanti ieħor li ppruvat tikseb il-Kummissjoni kien li t-TDI jinġiebu eqreb lejn il-ħtiġijiet ta’ kumpaniji iżgħar: f’konformità ma’ dan, l-SMEs tal-UE se jirċievu appoġġ addizzjonali meta jkunu qed jikkunsidraw jew meta jiġu affettwati miżuri TDI.

Fl-aħħar nett, għall-ewwel darba, il-liġi tad-difiża tal-kummerċ tippermetti lill-Kummissjoni tqis l-aspetti soċjali u ambjentali fil-pajjiżi taħt skrutinju f’għadd ta’ ċirkostanzi ddefiniti sew. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-LDR meta jiġi ddeterminat il-marġni tad-dannu. Dan l-approċċ il-ġdid iwieġeb għat-tħassib mifrux miżmum minn diversi partijiet ikkonċernati istituzzjonali u partijiet kbar tal-pubbliku li politika ta’ kummerċ miftuħ tista’ tinbena biss fuq kummerċ sostenibbli li jirrispetta għadd minimu ta’ valuri kondiviżi.

Metodoloġija ġdida ta’ kalkolu ta’ dumping u strument imsaħħaħ antisussidji

Fl-20 ta’ Diċembru 2017, ġew emendati r-Regolamenti bażiċi tal-UE, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex jiġu indirizzati aħjar ir-realtajiet ekonomiċi ġodda. Din il-bidla leġiżlattiva hija tiġdid maġġuri tat-TDI tal-UE. L-ewwel nett, l-emenda introduċiet metodoloġija ġdida biex tikkalkula l-valur normali ta’ oġġetti soġġetti għal investigazzjoni, f’każ ta’ distorsjonijiet sinifikanti indotti mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Distorsjonijiet bħal dawn jistgħu jeżistu f’pajjiż kollu kemm hu jew f’settur partikolari: ir-regoli l-ġodda huma mingħajr preġudizzju għat-trattament ta’ kwalunkwe pajjiż bħala suq jew ekonomija mhux orjentata lejn is-suq. Sabiex partijiet ikkonċernati ikunu jistgħu jiddefendu l-argumenti tagħhom rigward pajjiżi fejn jeżistu distorsjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tippubblika rapporti dwar id-distorsjonijiet ta’ pajjiżi jew settorjali. L-ewwel rapport bħal dan kien jikkonċerna ċ-Ċina, 15 peress li sa issa kien il-pajjiż l-aktar suġġett għall-attività ta’ difiża tal-kummerċ tal-UE. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li r-rapport tal-pajjiż li jmiss se jkun dwar ir-Russja 16 .

It-tieni, l-emendi l-ġodda saħħew ukoll l-istrument antisussidji. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tolqot il-firxa kompleta tas-sussidju billi tagħmilha possibbli li jiġu indirizzati wkoll is-sussidji li kienu identifikati biss matul l-investigazzjoni. Din il-bidla hija importanti għaliex il-gvernijiet barranin jipprovdu dejjem aktar sussidji b’mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar in-notifika tas-sussidji.

I.3    Sistema li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi globali emerġenti

Matul dawn l-aħħar snin, l-importanza tad-TDI ilha tiżdied peress li dawn l-istrumenti kienu essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi kummerċjali.

Minħabba l-effetti konsegwenzjali kummerċjali tal-kapaċità żejda Ċiniża, l-industrija tal-azzar Ewropea sofriet telf kbir matul il-perjodu 2013– 2016. Ir-rispons politiku kien rapidu u komprensiv, b’Komunikazzjoni maħruġa f’Marzu 2016 17 li tistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri li jinkludu – b’mod kruċjali – il-politika tan-negozju.

F’termini tat-TDI, ir-rispons kien doppju. Fis-snin 2014-2018, l-UE imponiet 25 miżura ġdida li jkopru prodotti tal-azzar (mill-35 miżura TDI ġodda kollha) bil-għan li jneħħu l-effetti dannużi ta’ importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping u sussidjati li jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ta’ negozjar ġusti, filwaqt li b’hekk jikkontribwixxu għall-irkupru tas-settur. Barra minn hekk, l-UE ħadet għadd ta’ passi biex tipproteġi aħjar l-industrija tal-azzar fil-qasam tad-difiża tal-kummerċ permezz ta’ sorveljanza tal-importazzjonijiet, investigazzjoniiet aċċellerati, il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet ibbażati fuq it-theddid tad-dannu (meta jkun ġustifikat), jew l-applikazzjoni ta’ dazji definittivi b’mod retroattiv, fejn kien ġustifikat.

Dawn il-passi kellhom impatt sinifikanti: l-importazzjonijiet ta’ prodotti koperti minn miżuri adottati fis-snin 2014 - 2017 naqsu b’aktar minn 95 % bħala medja meta mqabbla mal-volum ta’ importazzjonijiet qabel ma ġew imposti l-miżuri. L-importazzjonijiet ma baqgħux kompetittivi ladarba l-element inġust ta’ dawn l-importazzjonijiet, jiġifieri l-prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew issussidjati, ikunu ġew newtralizzati minn miżuri TDI. Fil-prodotti tal-azzar kritiċi, fejn l-industrija tal-utenti tal-UE tiddependi fuq l-importazzjonijiet, bħal kojls illaminati bis-sħana, l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping ġew sostitwiti minn importazzjonijiet oħrajn minn sorsi oħrajn, li għalihom ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ prezzijiet inġusti f’dak iż-żmien. Billi nnewtralizzaw importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji, il-miżuri TDI ġabu lura l-parità tal-kundizzjonijiet, mhux biss għall-industrija tal-produzzjoni tal-UE, iżda wkoll għal fornituri ta’ pajjiżi terzi, li b’hekk jippermettu li l-utenti tal-UE jkomplu jgawdu minn sorsi ta’ provvista diversifikati.

Is-sena 2017 ġabet magħha sinjali tanġibbli ta’ rkupru għas-settur tal-azzar, u dan kien parzjalment minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri TDI mill-Kummissjoni. Madankollu, l-industrija tal-azzar tal-UE baqgħet vulnerabbli u saritilha ħsara serja bl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji. Dan huwa kkawżat b’mod speċjali minn kapaċità żejda globali tal-azzar.

F’dan il-kuntest, is-sena 2018 ġabet magħha sfidi ulterjuri fil-qasam kummerċjali li kienu jeħtieġu reazzjoni rapida iżda mkejla mill-Kummissjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2018, l-Istati Uniti imponew dazju tal-importazzjoni ta’ 25 % fuq il-prodotti tal-azzar. L-UE qieset li dawn il-miżuri ma kinux legalment ġustifikati, u wieġbet b’mod riżolut għal dawn il-movimenti li jħarbtu n-negozju. F’azzjoni fuq tliet livelli – minbarra sfida tal-miżuri tal-Istati Uniti taħt is-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, u l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ riekwilibriju – il-Kummissjoni ħadet azzjoni ta’ difiża tal-kummerċ billi bdiet investigazzjoni ta’ salvagwardja, l-ewwel waħda mill-2002 ’l hawn. Fil-fatt, minħabba d-dazji tal-Istati Uniti, il-fornituri globali bdew jiddevjaw uħud mill-esportazzjonijiet tagħhom mill-Istati Uniti lejn l-UE. Sabiex tevita żieda qawwija f’importazzjonijiet li heddew li jaggravaw il-kundizzjoni ekonomika diġà fraġli tal-produtturi tal-azzar tal-UE (minħabba kapaċità żejda globali), il-Kummissjoni adottat miżuri ta’ salvagwardja erga omnes 18 . Il-miżuri, fil-forma ta’ kwoti tariffarji se jżommu l-flussi tal-kummerċ tradizzjonali u d-diversità ta’ sorsi tal-provvista l-utent tal-UE, filwaqt li jipproteġu l-industrija tal-produzzjoni tal-UE kontra d-devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali.

Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra s-sussidji li jgħawwġu l-kummerċ minn pajjiżi terzi. B’mod partikolari, is-sussidji li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda jistgħu jidhru distorsivi ħafna u spiss jirriżultaw f’effetti kollaterali ta’ produzzjoni żejda fis-swieq tal-esportazzjoni. Tali sussidji spiss għandhom effetti de facto li jixbhu lis-sussidji għall-esportazzjoni, fejn dawn tal-aħħar huma pprojbiti skont ir-regoli tad-WTO. Bejn Novembru 2014 u Diċembru 2018, il-Kummissjoni fetħet 25 investigazzjoni antisussidji u imponiet 12-il miżura antisussidji ġodda, estiżi jew prolongati. F’diversi każijiet, is-sejbiet tal-investigazzjoni wrew livelli relattivament għoljin ta’ sussidjar, li kellhom okkorrenza relattivament rari f’perjodi preċedenti. Biex insemmu xi wħud, id-dazji kompensatorji (CVD) ta’ ammonti sinifikanti ġew imposti fuq prodotti tal-azzar ċatti b’laminazzjoni termali miċ-Ċina (CVD sa 35,9 %) jew tajers miċ-Ċina (CVD sa 51,08 %). Minħabba l-importanza dejjem tikber tal-indirizzar tal-problema tas-sussidji minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni rrilaxxat bażi tad-data speċjali tas-sussidji bil-għan li tipprovdi trasparenza dwar skemi ta’ sussidji barranin. Il-bażi tad-data issa tinsab ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni 19 u tiġi aġġornata regolarment. F’dak ir-rigward, irid jiġi nnotat li l-Membri tad-WTO huma legalment obbligati jinnotifikaw is-sussidji tagħhom lid-WTO. Madankollu, diversi Membri tad-WTO ma jikkonformawx ma’ dan l-obbligu jew jikkonformaw miegħu biss parzjalment. L-UE tiddenunzja konsistentement dawn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-Kumitat Antisussidji tad-WTO. Barra minn hekk, hija kkummissjonat studji li jeżaminaw is-sussidjar minn gvernijiet barranin, speċjalment iċ-Ċina. Dawn l-istudji se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sabiex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ trasparenza ta’ skemi ta’ sussidji barranin.

I.4    Impenn b’saħħtu biex jiġu indirizzati azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Bħala parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kummerċ inġusti għall-industrija tal-Ewropa, il-Kummissjoni interveniet ukoll meta pajjiżi terzi intiżi biex jimponu miżuri ta’ difiża tal-kummerċ mhux ġustifikati kontra l-esportazzjonijiet tal-UE. L-attività ta’ difiża tal-kummerċ madwar il-globu ilha tiżdied b’mod kontinwu mill-2014, u laħqet ammont rekord fl-2018, meta s-servizzi tal-Kummissjoni intervenew f’madwar 70 investigazzjoni ta’ difiża tal-kummerċ barranin. Dawn l-interventi kkonsistew minn sottomissjonijiet bil-miktub u parteċipazzjoni f’seduti ta’ smigħ fil-livell tekniku fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għamlet ukoll interventi politiċi.

L-objettiv ta’ tali passi huwa li jiġi żgurat li r-regoli jiġu rispettati u l-użu abbużiv tat-TDI jiġi evitat. B’dan il-mod, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni evitaw diversi miżuri mhux ġustifikati. Eżempji notevoli jinkludu dawn li ġejjin:

(1) L-Istati Uniti fetħu investigazzjonijiet kontra l-importazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili mill-Kanada. Dan il-każ affetwa lill-UE indirettament peress li kien jinvolvi kumpanija tal-UE li tipproduċi ġwienaħ għall-inġenji tal-arju Kanadiżi. Kwalunkwe miżura setgħet ipperikolat b’mod dirett madwar 4 000 impjieg tal-UE. Il-Kummissjoni għamlet diversi interventi matul l-investigazzjoni tal-Istati Uniti li juru l-inkonsistenzi ċari tad-WTO tal-każ. B’mod partikolari, huwa ffoka fuq in-nuqqas ta’ dannu lill-industrija tal-Istati Uniti. Dan l-argument wassal għat-tmiem tal-investigazzjoni tal-Istati Uniti f’Jannar 2018.

(2) Il-Kummissjoni interveniet b’suċċess fl-investigazzjoni ta’ salvagwardja Torka dwar it-tajers, li potenzjalment taffettwa esportazzjonijiet annwali tal-UE ta’ EUR 450 miljun: il-Kummissjoni interveniet b’mod persważiv u l-miżuri ġew evitati.

(3) L-azzjoni tal-Kummissjoni kellha wkoll suċċess fl-investigazzjoni anti-dumping rigward importazzjonijiet ta’ karta miksija mmexxija mill-Indja (valur tal-esportazzjoni madwar EUR 110 miljun). Il-Kummissjoni interveniet diversi drabi, bl-involviment tad-Delegazzjoni tal-UE, u fl-aħħar nett permezz ta’ intervent dirett mill-Kummissarju Malmström mal-gvern Indjan. Il-każ ġie mitmum mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri.

(4) L-investigazzjoni Awstraljana AD rigward importazzjonijiet ta’ tadam tal-bott mill-Italja, każ li fih il-Kummissjoni kienet attiva għal diversi snin (miżuri inizjali ġew imposti fl-2014 u l-2016, fuq esportazzjonijiet b’valur ta’ madwar 60 miljun EUR) raw żvilupp pożittiv fl-2018. Il-panel ta’ rieżami Awstraljan ikkonferma li kwalunkwe miżura ta’ appoġġ dirett pprovduta lil kultivaturi tat-tadam Taljani ma kellha l-ebda effett distorsiv u l-ebda “sitwazzjoni tas-suq partikolari” ma eżistiet fis-suq tat-tadam Taljan, li għalaq il-każ b’mod definittiv.

(5) Il-Kummissjoni interveniet fl-investigazzjoni ta’ rieżami tal-AD imwettqa mill-Istati Uniti, rigward importazzjonijiet ta’ karta mhux miksija mill-Portugall (valur tal-esportazzjoni ta’ madwar EUR 140 miljun). Wara l-intervent tal-Kummissjoni, id-dazju finali ta’ 37 % tnaqqas għal 1,75 % (b’mod simili għal intervent ieħor fl-2016, bi tnaqqis minn 29 % għal 7 %).

(6) Il-Kummissjoni interveniet fl-investigazzjoni tal-AD mill-Kolombja dwar chips iffriżati mill-UE. Riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ kumpaniji milqutin mid-dazji tnaqqas u l-livelli ta’ dazju naqsu. Madankollu, il-miżuri jibqgħu problematiċi u l-Kummissjoni qed tikkunsidra passi ulterjuri sabiex jitneħħew il-miżuri, bħal interventi bilaterali ulterjuri, jew azzjoni eventwali fid-WTO.

F’diversi każijiet, il-Kummissjoni użat proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO sabiex tikseb it-tneħħija ta’ miżuri mhux ġustifikati. Dan kien il-każ għal Dazji Antidumping Russi fuq vetturi kummerċjali ħfief mill-Ġermanja u mill-Italja, fejn eventwalment ir-Russja instabet li qed tikser l-obbligi tagħha skont ir-regoli tad-WTO, u konsegwentement ma estendietx il-miżuri.

Matul il-mandat tal-Kummissjoni, in-negozjati tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles pprovdew opportunità li jiftiehmu mas-sħab tagħna dwar dixxiplini komuni fi proċedimenti ta’ difiża tal-kummerċ. Dawn tal-aħħar inkludew żieda fit-trasparenza meta wettqu investigazzjonijiet u ggarantixxew approċċ ibbilanċjat fl-applikazzjoni tad-dazji. Dan inkiseb, pereżempju, permezz tal-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-LDR, fejn possibbli, u billi ġew meqjusa l-interessi tal-importaturi u tal-utenti downstream. Dispożizzjonijiet bħal dawn issa huma parti mill-ftehimiet tagħna mal-Korea u mal-Ġappun u jinsabu taħt negozjati ma’ sħab oħra.

I.5    Sistema aktar trasparenti

Filwaqt li r-regoli tad-WTO jistabbilixxu biss rekwiżiti minimi, din il-Kummissjoni għandha għadd ta’ inizjattivi ta’ trasparenza li jagħmlu s-sistema TDI aktar effettiva, inklużiva u informattiva għal dawk ikkonċernati. Riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni issa topera pjattaforma Ewropea ddedikata (TRON) li tippermetti skambji ta’ informazzjoni aħjar u aktar faċli mal-partijiet interessati. Hija tagħti aċċess bla interruzzjoni għal fajls ta’ investigazzjoni mhux kunfidenzjali, għal difiża aktar effettiva tad-drittijiet tagħhom. Fir-rigward tat-trasparenza lejn il-pubbliku ġenerali, minn Mejju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat sistematikament fuq is-sit web tagħha sommarji eżekuttivi mhux kunfidenzjali tal-ilmenti jew tat-talbiet kollha għal rieżami. Barra minn hekk, lil hinn mill-impenji tal-Kummissjoni stess stabbiliti fil-Komunikazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”, mill-1 ta’ Awwissu 2017, is-servizzi tat-TDI jipprovdu lil kull parti interessata soġġetta għal żjara ta’ verifika rapport taż-żjara. Verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan ir-rapport hija inkluża wkoll fil-fajl, aċċessibbli għal partijiet interessati oħrajn. L-eżitu taż-żjarat ta’ verifika jistgħu jkunu kritiċi għas-sejbiet fir-rigward ta’ ċerti kumpaniji, u moviment bħal dan jista’ jikkontribwixxi għal litigazzjoni mhux meħtieġa.

Il-Kummissjoni qed tiffinalizza wkoll l-implimentazzjoni ta’ element ieħor li jiffaċilita l-għarfien tal-pubbliku dwar il-proċedimenti ta’ difiża tan-negozju billi jippermetti l-pubblikazzjoni fuq is-sit web tiegħu ta’ informazzjoni dwar talbiet tal-kumpaniji għal rifużjonijiet u l-investigazzjonijiet relatati.



II.    Attività tat-TDI fl-2018

II.1Attività investigattiva

II.1.1Ħarsa ġenerali

Fi tmiem l-2018, l-UE kellha fis-seħħ 93 miżura antidumping definittiva u 12-il miżura kompensatorja 20 . Dan jikkostitwixxi tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena preċedenti.

Il-ħidma investigattiva baqgħet f’livell għoli, u kważi laħqet dik tal-2017. Il-ħidma kkonsistiet primarjament f’investigazzjonijiet ġodda skont settijiet ġodda ta’ regoli TDI, kif ukoll f’għadd ta’ rieżamijiet li għadhom sinifikanti. Fi tmiem l-2018, kienu għadhom għaddejjin 45 investigazzjoni, kif ukoll sitt investigazzjonijiet ta’ rimborż li jkopru 99 talba għal rifużjoni.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn il-leġiżlazzjoni tat-TDI u informazzjoni dwar attività annwali huma mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal u fl-annessi rilevanti tiegħu li jakkumpanjaw dan ir-rapport.

II.1.2Investigazzjonijiet AD u AS (ara l-Annessi A sa I)

Fl-2018, inbdew 10 investigazzjonijiet ġodda. Ġew imposti dazji proviżorji f'żewġ proċedimenti. Erba’ każijiet ġew konklużi bl-impożizzjoni ta’ dazji definittivi, filwaqt li tmien investigazzjonijiet intemmu mingħajr miżuri.

Investigazzjonijiet ta’ rieżami komplew jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-każistika. Fl-2018, ġew mibdija 17-il investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza u seba’ rieżamijiet tal-iskadenza ġew konklużi b’konferma tad-dazju. Ġie konkluż rieżami tal-iskadenza bit-tmiem tal-miżuri. Matul l-2018, erba’ miżuri skadew awtomatikament.

Ġew mibdija tliet rieżamijiet interim. Erba’ rieżamijiet interim ġew mitmuma mingħajr emendi għall-miżuri, u tnejn ġew konklużi mingħajr emenda.

Fl-aħħar nett, fl-2018, ġew mibdija tliet riinvestigazzjonijiet, li normalment jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta' sentenzi tal-qorti. Ħames rieżamijiet bħal dawn ġew mitmuma.

II.1.3Investigazzjonijiet ta’ salvagwardja (ara l-Anness L)

Fl-2018, l-UE bdiet tliet investigazzjonijiet ta’ salvagwardja – waħda erga omnes dwar prodotti tal-azzar u tnejn bilatarali kontra l-Kambodja u Myanmar dwar ir-ross tal-Indica, skont ir-regoli tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE.

II.1.4Attivitajiet ta’ verifika 

Fil-kors tal-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni twettaq żjarat biex teżamina r-rekords ta’ kumpaniji jew assoċjazzjonijiet bil-għan li jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta matul il-proċedimenti. Matul l-2018, is-servizzi tat-TDI tal-UE għamlu 167 żjara bħal din, li ammontaw għal 1978 persuna/jum ta’ ħidma ta’ verifika.

II.2Infurzar ta’ miżuri (ara l-Annessi J, K, M, Q)

Kif intqal hawn fuq, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-miżuri imposti. Waħda mill-attivitajiet ewlenin biex jiġi żgurat li l-miżuri ma jkunux evażi permezz ta’ assorbiment jew ċirkomvenzjoni tad-dazju. Fl-2018, rieżami wieħed kontra l-assorbiment inbeda iżda kien għadu għaddej fi tmiem is-sena. Ma ġie konkluż l-ebda rieżami kontra l-assorbiment. Minbarra dan, filwaqt li ma nbdiet l-ebda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni , żewġ investigazzjoni bħal dawn li nfetħu fl-2017 ġew konklużi fl-2018 mingħajr l-estensjoni tad-dazju.

Il-monitoraġġ tal-impenji jifforma wkoll parti mill-attivitajiet ta’ infurzar. Fil-bidu tal-2018, kien hemm tliet impenji ta’ kumpaniji fis-seħħ. Ma ġie aċċettat l-ebda impenn ġdid matul is-sena. Għalhekk, tliet impenji baqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2018.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni għandha kooperazzjoni mill-qrib mal-OLAF. Bħas-soltu, fl-2018, il-Kummissjoni pprovdiet lill-OLAF bl-informazzjoni u bl-evidenza kollha relatata ma’ kwalunkwe attività illegali relatata mat-TDI.

II.3Intrapriżi żgħar u medji (SMEs)

Matul l-2018, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tat-TDI, il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex tgħin lill-SMEs affettwati mit-TDI, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi. Ġie stabbilit sit web iddedikat. Huwa ġabar flimkien f’post wieħed il-konsulenza għall-kumpaniji, il-kwestjonarji tal-kampjun kif ukoll gwida komprensiva dwar kif wieħed jimmaniġġja l-proċess tal-investigazzjonijiet. Dan huwa kumplimentari għall-Helpdesk tal-SMEs, li jkompli jgħin lill-SMEs ifittxu informazzjoni rigward l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali. Il-mistoqsijiet lill-helpdesk matul is-sena varjaw minn talbiet għal informazzjoni ġenerali rigward in-natura tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ għal mistoqsijiet aktar iffokati relatati mal-każijiet.

II.4    Standards soċjali u ambjentali

Meta tiġi applikata l-metodoloġija ġdida ta’ kalkolu tal-valur normali, il-Kummissjoni tagħżel pajjiż rappreżentattiv xieraq biex tiddetermina l-valur normali tal-prodott. Imbagħad għandha tibbaża l-għażla tagħha fuq valutazzjoni ta’ livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fil-pajjiżi involuti meta jkun hemm aktar minn pajjiż bħal dan. Il-Kummissjoni, għalhekk, tivverifika, fl-investigazzjonijiet u r-rieżamijiet ta’ skadenza ġodda wara l-20 ta’ Diċembru 2017, b’mod partikolari jekk il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti ġewx ratifikati.

Deskrizzjoni ta’ kif l-istandards tal-protezzjoni soċjali u ambjentali huma meqjusa u jitqiesu fl-investigazzjonijiet tat-TDI jistgħu jingħataw bħala referenza biss fir-rapporti annwali futuri, wara li l-investigazzjonijiet ikunu laħqu konklużjonijiet proviżorji jew finali. L-ebda waħda mill-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin li jużaw il-metodoloġija ġdida ma għadhom laħqu dan l-istadju – ir-riżultati se jkunu disponibbli biss fir-rapport annwali li jmiss.

Barra minn hekk, mid-dħul fis-seħħ ta’ regoli tat-TDI modernizzati, meta l-Kummissjoni tikkalkula l-prezz indikattiv ta’ prodott, dan jirrifletti wkoll il-kostijiet attwali jew futuri tal-produzzjoni ta’ kumpaniji tal-UE, li jirriżulta jew jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali (u l-protokolli tagħhom), kif ukoll ta’ ċerti konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol. Mit-8 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni bdiet tapplika r-regola fl-investigazzjonijiet tagħha. F’dan il-każ, ukoll, minħabba li l-ebda waħda mill-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fejn din tkun kwistjoni ma laħqet l-istadju proviżorju jew finali sa issa, konsegwentement ir-rapport annwali li jmiss se jirreferi għal każijiet bħal dawn.

II.5    Rieżami ġudizzjarju mill-Qrati tal-UE 

Fl-2018, il-Qorti Ġenerali (QĠ) u l-Qorti tal-Ġustizzja (QĠ) taw 26 sentenza fil-qasam tat-TDI: il-QĠ tat għaxar sentenzi u l-QĠ iddeċidiet dwar 12-il appell u tat erba’ deċiżjonijiet preliminari. Is-sentenzi pertinenti huma deskritti fl-Anness S.

Fl-2018 tressqu ħmistax-il każ ġdid fir-rigward tat-TDI (meta mqabbla ma’ 20 fl-2017).

II.6     L-attivitajiet ta’ pajjiżi terzi fil-konfront tal-UE

It-total tal-miżuri tat-TDI fis-seħħ, li jaffetwaw l-esportazzjonijiet tal-UE, ammontaw għal 174 fl-2018 (meta mqabbla ma’ 162 fl-2017). Din it-tendenza hija mistennija tkompli matul is-snin li ġejjin, anki minħabba l-għadd kbir ta’ investigazzjonijiet ġodda u li għadhom għaddejjin fl-2018 (35 meta mqabbla ma’ 31 fl-2017), li jista’ jwassal għall-impożizzjoni tal-miżuri fl-2019.

L-Istati Uniti rrappreżentaw l-akbar parti minn strumenti tat-TDI kontra esportazzjonijiet tal-UE, bi 33 miżura fis-seħħ (26 fl-2017). Meta mqabbla mal-2015 (18-il miżura) dan jirrappreżenta żieda ta’ 89 %. Indirettament ikkontribwixxa wkoll għaż-żieda globali fil-miżuri peress li pajjiżi bħat-Turkija jew il-Kanada bdew investigazzjonijiet rigward ċerti prodotti tal-azzar bħala tweġiba għall-miżuri tal-Istati Uniti dwar l-azzar taħt it-“Taqsima 232”. Madankollu, l-anti-dumping jibqa’ l-aktar strument użat globalment, b’133 miżura fis-seħħ minn 174.

L-Indja hija t-tieni l-akbar utent tat-TDI kontra l-UE, b’21 miżura fis-seħħ (21 fl-2017), segwita miċ-Ċina, bi 18-il miżura fis-seħħ fl-2018 (20 fl-2017).

F’termini ta’ investigazzjonijiet ġodda fl-2018, l-Istati Uniti bdiet tlieta, l-Indja erba’ u ċ-Ċina żewġ investigazzjonijiet ġodda. Minbarra dawn l-utenti regolari, xi utenti inqas frekwenti tat-TDI kkontribwew ukoll għax-xejra ta’ żieda. Dan kien partikolarment il-każ tal-Awstralja u tal-Arġentina li bdew tliet investigazzjonijiet ġodda kull wieħed fl-2018. Barra minn hekk, utenti oħra dehru fix-xena, bħall-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), bi tliet investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, il-Madagascar b’żewġ investigazzjonijiet ġodda ta’ salvagwardja, jew il-Kolombja, li fl-2018 bdew investigazzjoni rigward chips iffriżati, l-ewwel waħda f’ħames snin.

Rigward il-miżuri imposti, l-Istati Uniti tinsab fuq quddiem nett b’għaxar miżuri ġodda imposti fl-2018, segwita mill-Awstralja, b’erba’ miżuri ġodda, kif ukoll l-Indja u t-Turkija, bi tliet miżuri ġodda imposti kull wieħed. Iċ-Ċina imponiet miżura waħda ġdida fl-2018.

Meta wieħed iħares lejn is-setturi, l-azzar reġa’ kien is-settur l-aktar fil-mira, bi 12-il bidu minn 37 u 13-il miżura ġdida minn 32. Il-prodotti tal-azzar kellhom ukoll l-ogħla sehem f’miżuri totali fis-seħħ fl-2018 - 67 minn 174. Il-prodotti kimiċi komplew jirrappreżentaw sehem importanti bi tmien investigazzjonijiet ġodda mibdija.

Filwaqt li l-Kummissjoni tintervjeni fil-parti l-kbira tal-każijiet immirati kontra l-UE, hija tiffoka speċjalment fuq kwistjonijiet sistemiċi u każijiet li għalihom l-industrija talbet speċifikament assistenza. Fl-2018, il-Kummissjoni interveniet, pereżempju, fl-investigazzjoni ta’ salvagwardja rigward importazzjonijiet tat-trab tal-ħalib u tal-ġobon miċ-Ċilì u l-investigazzjoni tar-rieżami antidumping rigward it-tadam tal-bott mill-Awstralja. Id-dazji imposti mill-Kolombja fuq importazzjonijiet ta’ chips iffriżati jirrappreżentaw ostaklu partikolari għall-kummerċ peress li jidher li l-marġnijiet tad-dumping kienu minfuħa b’mod artifiċjali mill-użu ta’ metodoloġiji nieqsa.

Fl-2018, l-industrija tal-karti kienet ukoll fil-mira b’mod partikolari fl-investigazzjonijiet mill-Indja, il-GCC u l-Awstralja. Il-Kummissjoni interveniet f’kooperazzjoni mal-industrija tal-UE u tkompli timmonitorja mill-qrib dawn l-investigazzjonijiet.

II.7Attivitajiet fil-qafas tad-WTO

L-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ u attiva biex timbotta aġenda relatata mas-sussidji fid-WTO. Matul l-2018, negozjati intensivi dwar is-sussidji għas-settur tas-sajd komplew f’Ġinevra. Filwaqt li sar biss progress limitat, ġie adottat programm ta’ ħidma ambizzjuż għall-2019 li għandu jippermetti lill-Membri tad-WTO jikkonkludu n-negozjati sa tmiem l-2019.

Fl-2018, l-UE pparteċipat fil-ħidma tal-Kumitati rilevanti tad-WTO dwar it-TDI, li jinżammu f’April u f’Ottubru. Fil-Kumitat tal-Antidumping tad-WTO, l-UE wieġbet notevolment għal diversi mistoqsijiet dwar ir-riforma tal-leġiżlazzjoni tad-TDI tal-UE. Barra minn hekk, l-UE qajmet kwistjonijiet ta’ tħassib fl-investigazzjonijiet meħuda minn pajjiżi terzi kontra l-UE jew Stati Membri.

L-UE pparteċipat ukoll f’żewġ sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Antidumping tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni. Is-suġġetti diskussi kienu, pereżempju, il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, jew il-metodoloġiji biex tkun iddeterminata l-probabblità ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping jew ta’ dannu f’rieżamijiet ta’ qabel l-iskadenza (sunset reviews).

Fil-Kumitat Speċjali tas-Sussidji u l-Kumitat dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kontrobilanċ tad-WTO (SCC, Subsidies and Countervailing Committee), in-notifika tas-sussidji tal-2017 tal-UE ġiet rieżaminata. Fil-Kumitat dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kontrobilanċ regolari, barra minn hekk, id-diskussjonijiet komplew fir-rwol tas-sussidji bħala kontribut għal kapaċità żejda f’diversi setturi ta’ attività ekonomika, bil-kosponsorizzazzjoni tal-UE, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun. L-UE talbet ukoll ripetutament għal titjib fit-trasparenza minn membri oħra li jħeġġuhom jinnotifikaw is-sussidji tagħhom lid-WTO.

Fil-Kumitat dwar is-Salvagwardji tad-WTO, l-UE qajmet serje ta’ tħassib rigward investigazzjonijiet ta’ salvagwardja oħrajn ta’ Membri tad-WTO (bħaċ-Ċilì – ħalib tat-trab u ġobon Gouda, l-Istati Uniti – panelli solari jew it-Turkija – karta tal-ħajt). Barra minn hekk, l-UE wieġbet għal mistoqsijiet minn membri oħra tad-WTO relatati mal-bidu tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja rigward ċerti prodotti tal-azzar.

II.8     Attivitajiet tal-Uffiċjal tas-Seduta

Fl-2018, l-Uffiċjal tas-Smigħ irċieva 27 talba ta’ intervent u kellu tmien seduti. F’għadd ta’ każijiet, it-talba għal intervent ġiet ippreżentata b’mod simultanju b’talba għal smigħ mas-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ kien tal-fehma li l-parti interessata għandha tindirizza l-ewwel nett it-tħassib tagħha u huwa biss meta ma tkunx tista’ tintlaħaq soluzzjoni li jintervjeni l-Uffiċjal tas-Smigħ. Riżultat ta’ dan, il-partijiet interessati li jfittxu intervent jistgħu jsibu soluzzjoni direttament mat-timijiet ta’ investigazzjoni fil-maġġorparti tal-każijiet.

Fl-2018, huma ftit investigazzjonijiet biss li wasslu għal talbiet għal intervent. Dawn kienu talbiet minn diversi partijiet interessati jew għadd ta’ talbiet ta’ interventi mill-istess parti. Il-partijiet interessati l-aktar sfidati mid-determinazzjonijiet, il-fatti u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u fil-każijiet kollha s-servizzi qablu li jipprovdu kjarifiki jew żvelar addizzjonali. F’każ ewlieni, il-parti interessata sfidat il-politika tal-Kummissjoni ta’ protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni – il-każ kellu jiġi mgħoddi lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Matul l-interventi kollha fl-2018, l-Uffiċjal tas-Seduta sab li d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati kollha ġew rispettati.

Ir-rwol tal-Uffiċjal tas-Smigħ, wara l-bidliet leġiżlattivi, issa huwa rikonoxxut b’mod espliċitu fir-Regolament bażiċi AD u AS. F'dan il-kuntest, l-Uffiċjal tas-Smigħ, għalhekk, ikkontribwixxa għall-proċeduri li għandhom jiġu applikati lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza u tiggarantixxi d-drittijiet proċedurali tal-partijiet.

(1)      Ir-Regolament (UE)  2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2)      Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(3)      Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni, ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.
(4)      F’każijiet li ġew mibdija mit-8 ta’ Ġunju 2018 ’il quddiem, japplikaw kemm ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija ġdida ta’ kalkolu, kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu mal-modernizzazzjoni (li, inter alia, jimplika perjodu ta’ investigazzjoni aktar qasir). F’każijiet ġodda u rieżamijiet ta’ skadenza mibdija bejn l-20 ta’ Diċembru 2017 u s-7 ta’ Ġunju 2018, ir-regoli dwar il-metodoloġija ġdida għall-kalkolu japplikaw. Għall-każijiet l-oħra kollha, ir-regoli “antiki” baqgħu japplikaw.
(5)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Ottubru 2015, Kummerċ għal Kulħadd Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, COM/2015/0497 final.
(6)      Sors: Ir-regolamenti tal-UE u l-ilmenti formali jew it-talbiet ta’ rieżami tal-industrija.
(7)      Sors: Ir-regolamenti tal-UE u d-WTO
(8)      Hemm regoli speċifiċi biex jiġi kkalkolat il-marġni tad-dannu f’każ ta’ distorsjoni ta’ prezzijiet ta’ materja prima, li jikkostitwixxu mill-inqas 17 % tal-ispiża ta’ produzzjoni tal-oġġett. Fil-każ tas-sussidjar, normalment l-LDR ma japplikax.
(9)

     Id-data dwar l-importazzjonijiet fl-IP oriġinali (il-perjodu ta’ investigazzjoni) hija mqabbla mal-importazzjonijiet bejn Novembru 2017 u Ottubru 2018. Fil-każ ta’ “Tajers”, id-data disponsibbli wara l-impożizzjoni ta’ miżuri (sitt xhur) ġiet estrapolata għat-tqabbil. Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 tat-18 ta’ Novembru 2018 (ĠU L 263, 22.10.2018, p.3).

(10)      Id-data tal-Kummissjoni stess
(11)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2179 tat-22 ta’ Novembru 2017 (ĠU L 307, 23.11.2017, p.25).
(12)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/109 tat-23 ta’ Jannar 2017 (ĠU L 18, 24.1.2017, p.1).
(13)      Iċ-ċirkomvenzjoni hija definita bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni, li tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping jew kompensatorju.
(14)      L-assorbiment jista’ jseħħ meta, wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni ta’ miżuri, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni naqsu jew ma kien hemm l-ebda jew moviment insuffiċjenti fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-UE.
(15)      Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2.
(16)      Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Rapport, ir-rapport tal-pajjiż dwar ir-Russja kien għadu qed jitħejja.
(17)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tas-16 ta’ Marzu 2016, Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi sostenibbli u t-tkabbir fl-Ewropa, COM(2016) 155 final.
(18)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 (ĠU L 31, 1.2.2019, p.27).
(19)       http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157607.htm  
(20)    Il-miżuri jingħaddu skont il-prodott u l-pajjiż ikkonċernat, mingħajr estensjonijiet.
Top