IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2019
COM(2019) 86 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega kkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tad-delega kkonferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam jew ir-Regolament) jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud illegalment jew prodotti magħmula minn tali injam. Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam huwa parti minn sett wiesa’ ta’ miżuri introdotti mill-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT, li hija t-tweġiba komprensiva tal-UE għall-problema mifruxa tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-impatt devastanti tiegħu fuq il-foresti. Huwa jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll għar-rwol tal-konservazzjoni tal-foresti, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tisħiħ tal-ħażniet tal-karbonju tal-foresti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam stabbilixxa tliet obbligi:
1.Huwa jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud illegalment (jiġifieri injam maħsud bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-qtugħ) jew prodotti magħmula minn tali injam;
2.Huwa jirrekjedi li l-operaturi li jqiegħdu l-injam jew il-prodotti tal-injam fis-suq tal-UE għall-ewwel darba jeżerċitaw “diliġenza dovuta”, jiġifieri li jwettqu eżerċizzju ta’ ġestjoni tar-riskju sabiex jiżguraw li fis-suq tal-UE jitqiegħed biss injam maħsud legalment (injam maħsud b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad) jew prodotti tal-injam derivati minn tali injam;
3.Huwa jirrekjedi li n-negozjanti tal-injam u tal-prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq tal-UE jżommu reġistri tal-fornituri u tal-akkwirenti tagħhom (“obbligu ta’ traċċabbiltà”).
Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam ikopri firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-injam elenkati fl-Anness tiegħu bl-użu tal-Kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE. Huwa jipprevedi wkoll “organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ” li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni u li għandhom ir-rwol li jipprovdu lill-operaturi b’sistemi operattivi ta’ diliġenza dovuta u jassistuhom biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.
Ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam ġie adottat f’Diċembru 2010 u daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Marzu 2013. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni adottat żewġ atti mhux leġiżlattivi. L-ewwel wieħed huwa r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, li ġie adottat skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u l-Artikolu 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni. It-tieni wieħed huwa r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat-23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010, li ġie adottat skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.
2.BAŻI ĠURIDIKA
Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam “il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati [...] rigward kriterji rilevanti oħrajn ta’ stima tar-riskju li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu ssupplimentati dawk imsemmijin” fir-Regolament tal-UE dwar l-Injam. L-Artikolu 8(7) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam jipprevedi l-possibbiltà li tadotta atti delegati li jissupplimentaw ir-regoli proċedurali fir-rigward tar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, jekk l-esperjenza turi dan. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, il-Kummissjoni “tista’ tadotta atti delegati [...] billi temenda u tissupplimenta l-lista ta’ injam jew prodotti tal-injam stabbiliti fl-Anness” tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam jistipula li “is-setgħat ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(3), 8(7) u 14 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mit-2 ta’ Diċembru 2010”. Huwa jipprevedi wkoll li “Id-delega tas-setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi”, jiġifieri għal seba’ snin, “sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex f’konformità mal-Artikolu 16” tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam. Għalhekk, id-delega tas-setgħat ġiet estiża l-aħħar mit-2 ta’ Diċembru 2017 sal-1 ta’ Diċembru 2024.
Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam jirrikjedi li l-Kummissjoni “tagħmel rapport dwar is-setgħat delegati mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni” tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, li kienet it-3 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni għamlet dan fit-18 ta’ Frar 2016.
L-Artikolu 15(1) jirreferi biss għall-ewwel skadenza ta’ rappurtar tliet xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni (jiġifieri Diċembru 2015), u r-ritmu ta’ rappurtar ta’ tliet snin mhuwiex sinkronizzat mal-perjodu ta’ estensjoni ta’ seba’ snin. Madankollu, jista’ jiġi konkluż mill-prattika ta’ rapportar dwar is-setgħat delegati, kif ukoll mill-għażla tal-artiklu indefinit fir-rigward tal-perjodu ta’ tliet snin, li l-Kummissjoni hija mistennija tirrapporta dwar l-użu tas-setgħat delegati kull tliet snin minn hemm ’il quddiem.
B’hekk, b’dan il-fehim, il-Kummissjoni qed tressaq dan it-tieni rapport dwar id-delega tas-setgħat.
3.EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
Matul it-tieni perjodu wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, sad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħat delegati tagħha. Fl-2017, il-Kummissjoni nediet studju dwar il-valutazzjoni tal-impatt. Dan kien segwitu tal-ewwel rieżami tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, li waħda mis-sejbiet tiegħu kienet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott attwali tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam ma kinitx ottimali, minħabba kopertura mhux kompluta tal-prodotti. L-għan tal-istudju kien li janalizza l-adegwatezza tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott attwali tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament – speċifikament il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat miegħu – u li jivvaluta kwalunkwe impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-għażliet għar-reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tiegħu. Dan l-istudju kien jinkludi wkoll konsultazzjoni pubblika, li seħħet mid-29 ta’ Jannar sal-24 ta’ April 2018. Il-Kummissjoni se tagħti segwitu tal-istudju dwar il-valutazzjoni tal-impatt fi żmien xieraq.