Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE1830

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nibnu l-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem” [COM(2019) 168 final]

    EESC 2019/01830

    ĠU C 47, 11.2.2020, p. 64–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 47/64


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nibnu l-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem”

    [COM(2019) 168 final]

    (2020/C 47/09)

    Relatur: Franca SALIS-MADINIER

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 3.6.2019

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    18.10.2019

    Adottata fil-plenarja

    30.10.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    547

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    198/1/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-intelliġenza artifiċjali (IA) mhijiex mira fiha nfisha iżda għodda li tista’ twassal għal bidliet radikali pożittivi iżda li tinvolvi wkoll riskji. Huwa għalhekk li l-użu tagħha għandu jiġi regolat.

    1.2.

    Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni dwar il-previżjoni, il-prevenzjoni u l-projbizzjoni tal-użu malizzjuż tal-intelliġenza artifiċjali u tat-tagħlim awtomatiku, u għandha tirregola aħjar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’intenzjoni malizzjuża.

    1.3.

    B’mod partikolari, l-UE għandha tippromovi l-iżvilupp ta’ sistemi tal-intelliġenza artifiċjali mmirati lejn applikazzjonijiet konkreti biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika.

    1.4.

    Għandhom jiġu identifikati liema huma l-isfidi li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kodiċijiet etiċi, awtoregolazzjoni u impenji volontarji, u dawk li għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ mezzi regolatorji u leġislattivi b’segwitu u, fejn ikun hemm nuqqas ta’ konfomità, b’sanzjoni. Fi kwalunkwe każ, is-sistemi IA għandhom jikkonformaw mal-leġislazzjonijiet eżistenti.

    1.5.

    L-IA teħtieġ approċċ li jkopri l-aspetti tekniċi, iżda wkoll l-aspetti soċjetali u etiċi. Il-KESE jilqa’ r-rieda tal-UE li tibni approċċ tal-IA ċċentrat fuq il-bniedem u konformi mal-valuri li hija bbażata fuqhom l-Unjoni: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

    1.6.

    Il-KESE jafferma mill-ġdid (1) il-ħtieġa li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jiġu kkonsultati u jingħataw informazzjoni meta jiġu introdotti sistemi tal-IA li jistgħu jwasslu għal bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, is-sorveljanza u l-kontroll tiegħu kif ukoll is-sistemi ta’ evalwazzjoni u r-reklutaġġ tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni għandha tippromovi d-djalogu soċjali bil-għan li tinvolvi lill-ħaddiema fl-użu tas-sistemi tal-IA.

    1.7.

    Il-KESE jenfasizza (2) li IA affidabbli tirrikjedi li l-bniedem ikollu kontroll fuq il-magna u li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni dwar l-użu tagħha. Is-sistemi tal-IA għandhom ikunu jistgħu jiġu spjegati jew, meta dan ma jkunx possibbli, iċ-ċittadini u l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni dwar il-limiti u r-riskji tagħhom.

    1.8.

    L-UE għandha tindirizza r-“riskji emerġenti” (3) fir-rigward tas-saħħa u tas-sigurtà fuq ix-xogħol. Sabiex jiġi evitat li s-sistemi awtonomi jkunu ta’ detriment għall-persuni jew jikkawżawlhom ħsara, għandhom jiġu stabbiliti standards. Il-ħaddiema għandhom ikunu mħarrġa biex jaħdmu mal-magna u biex iwaqqfuha f’każ ta’ emerġenza.

    1.9.

    Il-KESE jitlob li tiġi stabbilita sistema robusta ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq proċeduri ta’ ttestjar li tippermetti lill-kumpaniji jaffermaw il-fiduċja u s-sigurtà tas-sistemi tal-IA tagħhom. It-trasparenza, it-traċċabilità u l-ispjegazzjoni tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi huma sfida teknika li titlob l-appoġġ ta’ strumenti tal-UE bħall-programm Orizzont Ewropa.

    1.10.

    Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data jiddetermina l-grad ta’ fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi fl-IA. Is-sjieda tad-data, il-kontroll u l-użu tagħha minn kumpaniji u organizzazzjonijiet għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom kwistjonijiet mhux solvuti (speċjalment bl-Internet tal-Oġġetti). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b’mod regolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (4) u r-regolamenti relatati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi.

    1.11.

    Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jitqies il-kontribut tas-sistemi tal-IA fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, b’mod partikolari fis-setturi tal-industrija, tat-trasport, tal-enerġija, tal-bini u tal-agrikoltura. Huwa jsostni li t-tranżizzjonijiet klimatiċi u diġitali huma interkonnessi.

    1.12.

    Il-KESE jemmen li l-kontroll tas-sistemi tal-IA jaf ma jkunx biżżejjed biex jiddefinixxi r-responsabbiltajiet u biex isaħħaħ il-fiduċja. Il-KESE jirrakkomanda li l-prijorità tkun marbuta mat-twaqqif ta’ regoli ċari li, f’każ ta’ ksur, jitfgħu r-responsabbiltà fuq il-persuni legali: persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex teżamina b’mod prijoritarju l-kwistjoni fundamentali ta’ assigurabbiltà tas-sistemi tal-IA.

    1.13.

    Il-KESE jipproponi li għall-kumpaniji li jikkonformaw mal-istandards jiġi żviluppat “ċertifikat Ewropew ta’ kumpaniji affidabbli fil-qasam tal-IA”, ibbażat fost oħrajn fuq il-lista ta’ evalwazzjoni proposta mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli fuq l-IA (HLG).

    1.14.

    Billi tippromovi x-xogħol fil-G7, il-G20 u fid-djalogi bilaterali, l-UE trid tfittex li tiżgura li r-regolamentazzjoni tal-IA tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa. Huwa ftehim internazzjonali għall-IA affidabbli li jeħtieġ li jinbena, li jiżviluppa standards internazzjonali u li jivverifika regolarment ir-rilevanza tagħhom.

    2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Din il-Komunikazzjoni tibbaża fuq il-ħidma tal-grupp ta’ HLG li l-Kummissjoni ħatret f’Ġunju 2018. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi seba’ rekwiżiti essenzjali biex tinkiseb IA affidabbli li huma elenkati fil-punt 4.

    2.2.

    Il-Kummissjoni nediet fażi pilota li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Dan l-eżerċizzju jiffoka b’mod partikolari fuq il-lista ta’ evalwazzjoni li l-HLG stabbilixxa għal kull waħda mir-rekwiżiti essenzjali. Fil-bidu tal-2020, l-HLG se jirrevedi u jaġġorna l-lista ta’ evalwazzjoni u l-Kummissjoni se tipproponi miżuri ġodda, kif xieraq.

    2.3.

    Il-Kummissjoni tixtieq tpoġġi l-approċċ fil-qasam tal-IA tagħha fix-xena internazzjonali u se tkompli jkollha rwol attiv, inkluż fil-G7 u l-G20.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    L-IA ċċentrata fuq il-bniedem teħtieġ approċċ li jkopri l-aspetti tekniċi, kif ukoll l-aspetti soċjetali u etiċi. Il-KESE jilqa’ r-rieda li wrew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jibnu approċċ tal-IA konformi mal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Kif tenfasizza l-Kummissjoni (5), l-IA mhijiex mira fiha nfisha, iżda għodda li tista’ ġġib bidliet radikali pożittivi. Bħal kwalunkwe għodda, hija toħloq opportunitajiet u riskji fl-istess ħin. Huwa għalhekk li l-UE għandha tirregola l-użu tagħha u tiddefinixxi b’mod ċar ir-responsabbiltajiet.

    3.2.

    Din il-fiduċja f’IA ċċentrata fuq il-bniedem se tirriżulta mill-affermazzjoni ta’ valuri u prinċipji, ta’ qafas regolatorju stabbilit sew u ta’ linji gwida dwar l-etika li fihom rekwiżiti essenzjali.

    3.3.

    Fost l-għadd ta’ sfidi tal-IA, għandu jiġi ddeterminat, mal-partijiet interessati kollha, liema sfidi għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ mezzi regolatorji u leġislattivi flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ regolatorji u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, flimkien ma’ sanzjonijiet, u liema sfidi jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kodiċijiet etiċi, ta’ awtoregolamentazzjoni u ta’ impenji volontarji. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni adottat xi prinċipji li oriġinarjament ġew indirizzati mill-KESE, iżda jiddispjaċih li f’dan l-istadju, hi ma tipproponi l-ebda miżura speċifika biex tindirizza t-tħassib leġittimu fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi, tas-sigurtà tas-sistemi, ta’ responsabbiltà.

    3.4.

    Is-sistemi tal-IA għandhom jirrispettaw il-qafas regolatorju eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, ir-responsabbiltà tal-prodott, il-protezzjoni tal-konsumatur, in-nondiskriminazzjoni, kwalifiki professjonali kif ukoll informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol. Għandu jiġi żgurat li dawn il-leġislazzjonijiet jiġu adattati għall-isfidi l-ġodda tad-diġitizzazzjoni u tal-IA.

    3.5.

    Kif tinnota l-Kummissjoni, “għandhom jiddaħħlu fis-seħħ proċessi biex jiġu ċċarati u vvalutati riskji potenzjali assoċjati mal-użu tas-sistemi ta’ IA f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni” (6). Il-KESE jagħti l-akbar importanza lill-metodi futuri ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll lill-ħolqien ta’ indikaturi li jistgħu jitqiesu sabiex tkun tista’ ssir din l-evalwazzjoni. L-abbozz ta’ lista ta’ evalwazzjoni mfassla mill-HLG huwa punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta’ tali proċessi.

    3.6.

    Dan jikkonċerna wkoll il-kwistjoni tad-distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud mistenni tas-sistemi tal-IA. Il-KESE jqis li t-trasformazzjonijiet pożittivi tal-IA f’termini tal-iżvilupp ekonomiku, tas-sostenibbiltà tal-proċessi ta’ produzzjoni u ta’ konsum (b’mod partikolari l-enerġija), ta’ titjib tal-użu tar-riżorsi għandhom jibbenefikaw minnhom il-pajjiżi kollha u, fi ħdanhom, iċ-ċittadini kollha.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   Intervent uman u sorveljanza umana

    4.1.1.

    Il-Kummissjoni trid tiżgura li l-użu tas-sistemi tal-IA fl-ebda ċirkostanza ma jista’ jdgħajjef l-awtonomija tal-bniedem jew jikkawża effetti negattivi. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ li l-bniedem ikollu kontroll fuq il-magna, kif diġà qal fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu.

    4.1.2.

    Dan jeħtieġ li ċ-ċittadini jiġu informati b’mod korrett dwar l-użu ta’ dawn is-sistemi, li dawn jiġu spjegati jew, meta dan ma jkunx possibbli (pereżempju fil-każ ta’ “apprendiment profond”), li l-utent jingħata informazzjoni dwar il-limiti u r-riskji tas-sistema. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jibqgħu liberi li jiddeċiedu li jużaw sistema oħra differenti mis-sistema tal-IA.

    4.1.3.

    Fil-kumpaniji u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu informati u kkonsultati kif xieraq meta jiġu introdotti sistemi tal-IA li jistgħu jbiddlu l-organizzazzjoni tax-xogħol u li jistgħu jaffettwawhom f’termini ta’ kontroll, sorveljanza, evalwazzjoni u reklutaġġ. Il-Kummissjoni għandha tippromovi djalogu soċjali bil-għan li tinvolvi lill-ħaddiema fl-użu tas-sistemi tal-IA.

    4.1.4.

    Fir-rigward tar-riżorsi umani, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskji ta’ użu ħażin tas-sistemi tal-IA bħal sorveljanza mingħajr limitu, il-ġbir ta’ data personali, ta’ data dwar is-saħħa, il-kondiviżjoni ta’ din id-data ma’ partijiet terzi; kif ukoll riskji emerġenti f’termini ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol (7). Sabiex jiġi evitat li l-kollaborazzjoni bejn il-bniedem u l-magni ma tikkawżax ħsara lill-persuni, għandhom jiġu stabbiliti standards ċari. L-istandard żviluppat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) dwar ir-robots kollaborattivi (8), li jindirizza lill-manifatturi, lill-integraturi u lill-utenti, jipprovdi linji gwida għall-ħolqien u l-organizzazzjoni ta’ spazju tax-xogħol u t-tnaqqis tar-riskji li għalihom jistgħu jiġu esposti l-persuni. Il-ħaddiema għandhom ikunu mħarrġa dwar kif jużaw l-IA u r-robotika, kif jaħdmu bihom u, b’mod partikolari, kif ikunu jistgħu jwaqqfuhom f’każ ta’ emerġenza (il-prinċipju tal-“emergency brake”).

    4.2.   Robustezza u sigurtà teknika

    4.2.1.

    Il-KESE jitlob għall-introduzzjoni ta’ standards Ewropej ta’ sikurezza u għall-iżvilupp ta’ sistema robusta ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq proċeduri ta’ ttestjar li jippermettu lill-kumpaniji jaffermaw l-affidabbiltà tas-sistemi tal-IA tagħhom. Il-KESE jixtieq ukoll jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni ta’ assigurabbiltà tas-sistemi tal-IA.

    4.2.2.

    Il-Kummissjoni ftit li xejn tindirizza l-aspett ta’ previżjoni, ta’ prevenzjoni u ta’ projbizzjoni tal-użu ħażin tal-IA u tat-tagħlim awtomatiku, li ħafna riċerkaturi jwissu kontrih (9). Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu, b’mod partikolari dawk dwar l-użu doppju ta’ dawn it-teknoloġiji, li jista’ jikkonċerna s-sigurtà diġitali (tixrid tal-attakki ċibernetiċi, sfruttament tal-vulnerabbiltajiet tal-bniedem u tal-IA, “data poisoning”), is-sigurtà fiżika (piraterija tas-sistemi awtonomi, inklużi vetturi awtonomi, inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, armi awtomatiċi) jew is-sigurtà politika (ġbir massiv ta’ data personali, propaganda mmirata, manipulazzjoni bil-vidjo, eċċ.). Ir-riċerkaturi, l-inġiniera u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkollaboraw mill-qrib biex jipprevjenu dawn ir-riskji; l-esperti u partijiet ikkonċernati oħra bħal utenti u konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f’diskussjonijiet dwar dawn l-isfidi.

    4.3.   Privatezza u governanza tad-data

    4.3.1.

    Il-Kummissjoni titlob li l-aċċess għad-data jiġi “ġestit u kkontrollat b’mod xieraq” (10). Il-KESE jemmen li għandna bżonn li mmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet ġenerali. Il-livell ta’ fiduċja li ċ-ċittadin jagħti lis-sistemi tal-IA jiddetermina wkoll l-iżvilupp tagħhom. Il-kwistjonijiet ta’ sjieda tad-data, ta’ kontroll u tal-użu tagħha minn kumpaniji u organizzazzjonijiet għadhom ma ġewx solvuti. L-ammont ta’ data trażmessa pereżempju mill-karozzi lill-manifatturi tal-karozzi kif ukoll it-tip ta’ data huma ta’ sfida (11). Minkejja l-kunċett ta’ “Privacy by design”, li l-oġġetti konnessi għandhom jikkonformaw mal-GDPR, instab li l-konsumatur għandu ftit jew l-ebda informazzjoni dwar dan is-suġġett, u li hu m’għandu l-ebda kontroll fuq din id-data. Huwa għalhekk li l-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi b’mod regolari l-GDPR u r-regolamenti relatati fid-dawl tal-evoluzzjonijiet teknoloġiċi (12).

    4.4.   Trasparenza

    4.4.1.

    Il-KESE jqis li l-ispjegazzjoni tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi hija essenzjali fil-fehim, mhux tal-mekkaniżmi bħala tali, iżda tal-loġika sottostanti għall-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll il-mod li bih dawn jiġu influwenzati mis-sistemi tal-IA. L-iżvilupp ta’ proċeduri standard ta’ ttestjar għal sistemi ta’ tagħlim awtomatiku jibqa’ sfida teknika li għandha tkun appoġġjata minn strumenti tal-UE bħall-programm Orizzont Ewropa.

    4.4.2.

    Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li s-sistemi tal-IA għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala tali “biex ikun żgurat li l-utenti jkunu jafu li qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA” (13), inkluż fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-pazjent u l-persunal tas-saħħa u s-servizzi professjonali relatati mas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini. Il-KESE jinsisti wkoll fuq il-fatt li l-utent jew il-konsumatur irid ikun kapaċi jiġi infurmat ukoll dwar is-servizzi pprovduti mill-bnedmin. Ħafna sistemi tal-IA fil-fatt jinvolvu ammont kbir ta’ xogħol mill-bniedem, li ta’ spiss ikun moħbi għall-utenti finali (14). Wara din il-kwistjoni hemm l-isfida tan-nuqqas ta’ trasparenza lejn l-utenti u l-konsumaturi tas-servizzi, iżda wkoll dik ta’ forma ta’ sfruttament ta’ xogħol moħbi u mhux rikonoxxut.

    4.4.3.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-konsumatur għandu dejjem jinżamm informat dwar l-integrazzjoni tas-sistemi tal-IA fil-prodotti li jixtri, u għandu dejjem ikun jista’ jaċċessa u jikkontrolla d-data tiegħu.

    4.5.   Diversità, nondiskriminazzjoni u ġustizzja

    4.5.1.

    Ir-riskji f’termini ta’ diskriminazzjoni huma preżenti f’ċerti applikazzjonijiet tal-IA li jippermettu l-immudellar ta’ profili taċ-ċittadini, utenti u konsumaturi (pereżempju għar-reklutaġġ, għall-kiri ta’ proprjetà immobbli, għal ċerti servizzi għall-persuni). L-UE għandha ġabra ta’ leġislazzjonijiet dwar it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni (15). Is-sistemi tal-IA għandhom jikkonformaw magħha. Iżda dawn il-leġislazzjonijiet għandhom ukoll jiġu adattati u, fejn xieraq, imsaħħa (inkluż f’termini ta’ monitoraġġ tal-konformità magħhom) biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-prattiki ġodda. Ir-riskju huwa reali li l-immudellar ta’ profili algoritmiku jsir għodda ġdida b’saħħitha ta’ diskriminazzjoni. L-UE għandha tipprevjeni dan ir-riskju.

    4.5.2.

    Id-Direttiva kontra r-razziżmu (16) u d-Direttiva dwar it-trattament indaqs bejn is-sessi lil hinn mid-dinja tax-xogħol (17) jipprevedu l-ħolqien ta’ korpi speċjali u kompetenti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-KESE jitlob li dawn l-organiżmi jkollhom rwol attiv fil-monitoraġġ u l-kontroll tas-sistemi tal-IA fir-rigward tar-riskji ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

    4.6.   Benesseri tas-soċjetà u tal-ambjent

    4.6.1.

    Il-Kummissjoni mhijiex qed tressaq pjani speċifiċi dwar il-mod li bih jingħaqdu t-tranżizzjoni tal-klima u t-trasformazzjoni diġitali, speċjalment fl-użu tas-sistemi tal-IA. Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġi rifless il-kontribut tas-sistemi tal-IA fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, b’mod partikolari fis-setturi tal-industrija, tat-trasport, tal-enerġija, tal-bini u tal-agrikoltura.

    4.6.2.

    Il-Kummissjoni ssostni li s-sistemi tal-IA jistgħu jintużaw biex isaħħu l-ħiliet soċjali, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu għad-deterjorament tagħhom. Il-KESE jemmen li l-UE għandha bżonn tqis aħjar uħud mill-isfidi tas-soċjetà. Studji wrew, pereżempju, li d-disinn ta’ ċerti applikazzjonijiet li jinkorporaw sistemi tal-IA huwa maħsub biex iżomm lill-utenti tas-servizzi onlajn konnessi kemm jista’ jkun (netwerks soċjali, logħob, vidjos, eċċ.). L-għan huwa li tinġabar kemm jista’ jkun data dwar l-imġiba tagħhom; u l-istrateġiji użati jvarjaw minn tiġdid bla tarf ta’ rakkomandazzjonijiet algoritmiċi, tfakkir u notifiki, għal-logħob, eċċ. L-effetti ta’ konnessjoni u solleċitazzjoni eċċessiva fuq it-tfal ġew studjati (18) u r-riżultati wrew żieda fl-ansjetà, fl-aggressjoni, fin-nuqqas ta’ rqad u fl-impatti fuq l-edukazzjoni, fir-relazzjonijiet soċjali, fis-saħħa u fil-benesseri. Biex tibni IA affidabbli, l-UE għandha tqis tali effetti u tipprevenihom.

    4.6.3.

    Finalment, wieħed mill-fatturi tal-benesseri soċjetali huwa relatat mas-sentiment ta’ sigurtà fuq ix-xogħol. L-effetti tad-diġitizzazzjoni jistgħu jkunu li joħolqu inċertezza u sors ta’ stress (19). Huwa għalhekk li huwa meħtieġ li jiġu pprovduti strateġiji għall-antiċipazzjoni tal-bidliet, qabel ma jseħħ kwalunkwe ristrutturar, u għal taħriġ kontinwu għall-ħaddiema kollha. Dan jeħtieġ, fi ħdan il-kumpaniji, djalogu soċjali ta’ kwalità bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li jippermetti l-użu inklużiv ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari l-IA u r-robotika. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja bejn il-maniġment u l-ħaddiema, is-sistemi tal-IA relatati mal-ġestjoni, l-evalwazzjonijiet u l-kontroll tal-ħaddiema għandhom jiġu spjegati, li l-parametri tagħhom jiġu rikonoxxuti u li l-funzjonament tagħhom ikun trasparenti.

    4.7.   Akkontabilità

    4.7.1.

    Id-deċiżjonijiet meħuda mis-sistemi ta’ tagħlim awtomatiku ma għandhomx spjegazzjonijiet sempliċi u barra minn hekk jiġu aġġornati b’mod regolari. Il-KESE jemmen li l-kontroll tas-sistemi tal-IA jaf ma jkunx biżżejjed biex jiddefinixxi r-responsabbiltajiet u biex isaħħaħ l-fiduċja. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti regoli li, f’każ ta’ ksur, jitfgħu r-responsabbiltà fuq il-persuni legali: persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Il-KESE jirrakkomanda li wieħed jibbaża aktar fuq kumpaniji jew professjonisti affidabbli milli fuq algoritmi, u jipproponi li, għall-kumpaniji li jikkonformaw mal-istandards kollha, jiġi żviluppat “ċertifikat Ewropew ta’ kumpaniji affidabbli fil-qasam tal-IA” bbażat inter alia fuq il-lista ta’ evalwazzjoni proposta mill-HLG.

    4.7.2.

    Id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti (20) tistabbilixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr tort li japplika għall-produtturi Ewropej: jekk prodott difettuż jikkawża ħsara lil konsumatur, il-produttur jista’ jinżamm responsabbli anke mingħajr tort jew negliġenza min-naħa tiegħu. Il-ħolqien, l-iskjerament u l-użu dejjem aktar mifrux tas-sistemi tal-IA jeħtieġu li l-UE tadotta regoli moderni ta’ responsabbiltà għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti b’kontenut diġitali u s-servizzi proposti lill-konsumaturi jistgħu jkunu perikolużi u ta’ ħsara. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għall-ġustizzja f’każ ta’ ħsara kkawżata minn sistema tal-IA.

    5.   Il-ħtieġa ta’ regolazzjoni lil hin mill-Ewropa

    5.1.

    F’dinja globali, ir-regolamentazzjoni tal-IA għandha tmur lil hinn mill-fruntieri Ewropej. L-Ewropa għandha tippromovi ftehim wiesgħa fuq l-IA fil-G7 u l-G20 u tkompli d-djalogu bilaterali sabiex il-maġġoranza tal-pajjiżi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni tal-IA u jivverifikaw b’mod regolari r-rilevanza tagħhom.

    Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

    Luca JAHIER

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1.

    (2)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1.

    (3)  https://osha.europa.eu/fr/emerging-risks.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (5)  COM(2019) 168 final.

    (6)  COM(2019) 168 final, p. 5.

    (7)  Ara b’mod partikolari “OSH and the future of work: benefits and risks of artificial intelligence tools in workplaces” (OSH u l-futur tax-xogħol: benefiċċji u riskji ta’ għodod ta’ intelliġenza artifiċjali fil-postijiet tax-xogħol).

    (8)  ISO/TS 15066, 2016.

    (9)  Ara r-rapport “The Malicious Use of Artificial Intelligence: Forecasting, Prevention, and Mitigation”, Frar 2018.

    (10)  COM(2019) 168 final, p. 6.

    (11)  “Your car knows when you gain weight”, The New York Times (International Edition), 22.5.2019.

    (12)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 17.

    (13)  COM(2019) 168 final, p. 6.

    (14)  Ara pereżempju: “A white-collar sweatshop’: Google Assistant contractors allege wage theft”, The Guardian, 29.5.2019 u “Bot technology impressive, except when it’s not the bot”, The New York Times (International Edition), 24.5.2019.

    (15)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22; ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16; ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37; ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

    (16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

    (17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

    (18)  Ara b’mod partikolari Kidron, Evans, Afia (2018), “Disrupted Childhood – The Cost of Persuasive Design”, 5Rights Foundation.

    (19)  Rapport tal-HLG dwar l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE, 2019.

    (20)  Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).


    Top