|
Ġew ikkunsidrati għadd ta’ għażliet ta’ politika, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. L-għażliet li ġejjin inżammu sabiex issirilhom valutazzjoni bir-reqqa:
1.Ix-xenarju bażi - l-Għażla Kollaborattiva - tassumi l-kontinwazzjoni tal-approċċ attwali lejn il-bini ta’ kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi taċ-ċibersigurtà fl-UE permezz tal-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni u mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni relatati skont il-Programm Orizzont Ewropa;
2.Għażla 1: Netwerk ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà b’Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà li jingħata s-setgħa li jieħu miżuri li jappoġġaw it-teknoloġiji industrijali kif ukoll fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;
3.Għażla 2: Netwerk ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà b’Ċentru Ewropew ta’ Riċerka u ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà li jwettaq attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni biss;
L-għażliet li ġew skartati fi stadju bikri inkludew 1) L-ebda azzjoni; 2) Netwerk ta’ ċentri ta’ kompetenza eżistenti biss u 3) L-użu ta’ aġenzija eżistenti (ENISA, REA jew INEA).
Fid-dawl tal-impenn ġenerali li diġà ħadet il-Kummissjoni għal din l-inizjattiva kif ukoll fid-dawl tar-rwol importanti li jridu jaqdu l-Istati Membri, id-distinzjoni ewlenija bejn iż-żewġ għażliet politiċi analizzati fid-dettall tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kif rifless fil-bażi ġuridika tagħhom: entità li tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE (l-Għażla 2) tillimita l-inizjattiva għall-isfera tar-riċerka u l-innovazzjoni, u tipikament tippreżumi kontribuzzjoni finanzjarja mill-atturi privati. Min-naħa l-oħra, entità bbażata fuq bażi ġuridika doppja - l-Artikolu 187 tat-TFUE u l-Artikolu 173 tat-TFUE (l-Għażla 1) - tfisser mandat usa’ li jkopri wkoll, inter alia, l-appoġġ industrijali u l-implimentazzjoni u l-ħolqien ta’ sinerġiji aktar b’saħħithom mad-difiża ċibernetika. Din kieku tagħti wkoll rwol aktar prominenti lill-Istati Membri - kemm f’termini tar-rwol tagħhom fil-governanza kif ukoll fir-rwol tagħhom bħala akkwirenti tat-teknoloġija taċ-ċibersigurtà.
L-analiżi wriet li l-Għażla 1 hija l-aktar waħda xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva, filwaqt li toffri wkoll l-ogħla impatt ekonomiku, soċjetali u ambjentali u tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni. L-argumenti ewlenin favur din l-Għażla inkludew flessibbiltà biex il-mudelli ta’ kooperazzjoni differenti mal-komunità u man-netwerk taċ-ċentri ta’ kompetenza jitħallew jottimizzaw l-użu tal-għarfien u tar-riżorsi eżistenti; l-abbiltà li tiġi strutturata l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jiġu mis-setturi rilevanti kollha, inkluż is-settur tad-difiża; l-abbiltà li tinħoloq politika industrijali taċ-ċibersigurtà reali billi jiġu appoġġati l-attivitajiet li huma marbutin mhux biss mar-riċerka u l-iżvilupp iżda anki mal-implimentazzjoni fis-suq. Fl-aħħar, l-Għażla 1 tippermetti wkoll aktar koerenza billi taġixxi bħala mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għall-finanzjament relatat maċ-ċibersigurtà mill-Programm Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, u billi ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-dimensjoni taċ-ċibersigurtà ċivili u dik tad-difiża b’rabta mal-Fond Ewropew għad-Difiża.
|