Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0272

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

SWD/2018/272 final

Brussell, 31.5.2018

SWD(2018) 272 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

{COM(2018) 358 final}
{SEC(2018) 263 final}
{SWD(2018) 273 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? Massimu ta’ 11-il linja

Id-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE, EU Emergency Travel Document) huwa l-aktar tip ta’ assistenza konsulari li tingħata lil ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’diffikultà f’pajjiżi terzi. Minkejja li ma jinħariġx f'ammonti kbar, l-għajnuna li ETD tal-UE jagħti liċ-ċittadini hija kruċjali biex ikunu jistgħu jirritornaw lura pajjiżhom u jirrappreżenta turija viżibbli tal-valur taċ-ċittadinanza tal-UE u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għoxrin sena wara l-introduzzjoni tal-ETD tal-UE, ġew identifikati l-problemi segwenti fl-implimentazzjoni tiegħu:

·nuqqas ta’ eżegwibbiltà tad-Deċiżjoni tal-PESK qabel Lisbona 96/409/CFSP;

·inċertezza tad-dritt minħabba diskrepanzi bejn id-Deċiżjoni u d-Direttiva aktar riċenti dwar il-Protezzjoni Konsulari;

·il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETD tal-UE huma antikwati u għandhom impatt negattiv fuq l-użu u l-aċċettazzjoni tiegħu;

·il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tittejjeb sabiex l-aċċess taċ-ċittadini għall-ETD tal-UE jkun iffaċilitat.

X'mistennija tikseb din l-inizjattiva? Massimu ta’ 8 linji

Objettivi ġenerali

oIt-tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE billi jiġi ffaċilitat id-dritt taċ-ċittadini għall-protezzjoni konsulari barra pajjiżhom.

oIt-titjib tas-sigurtà fl-UE u fil-fruntieri tagħha billi jittejbu l-karatteristiċi tas-sigurtà tad-dokument.

Objettivi speċifiċi

·Il-leġiżlazzjoni tal-ETD tal-UE ssir eżekutorja u tiġi adattata għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Konsulari.

·Tittejjeb is-sigurtà tad-dokument f’konformità max-xejriet u mal-politiki eżistenti dwar it-titjib tas-sigurtà.

·Ikun issimplifikat il-ħruġ tal-ETDs tal-UE għaċ-ċittadini u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

·Tittejjeb l-aċċettazzjoni tal-ETDs tal-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà) Massimu ta’ 7 linji

ETD tal-UE aktar sigur jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-Unjoni billi jindirizza “l-ħolqa d-dgħajfa” fost id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jippermettu d-dħul fl-UE. Jittratta wkoll il-frammentazzjoni fl-użu tal-ETDs tal-UE u jżid ir-rikonoxximent minn pajjiżi terzi. Min-naħa dan inaqqas ir-riskju li ċ-ċittadini jiġu miċħuda l-aċċess għall-inġenji tal-ajru jew it-tranżitu minn pajjiżi terzi, u b’hekk ikunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom b’faċilità akbar. L-azzjoni tal-UE skont it-Trattat ta’ Lisbona tagħti lok għal monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni u tiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ dan id-dritt ta’ ċittadinanza tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? Massimu ta’ 14-il linja

Tqiesu tliet għażliet ta’ politika prinċipali:

·Għażla ta’ Politika 1: Status quo

·Għażla ta’ Politika 2: Leġiżlazzjoni ġdida – ETD tal-UE b’karatteristiċi tas-sigurtà msaħħa

·Għażla ta’ Politika 3: Leġiżlazzjoni ġdida – ETD tal-UE b’ċipp bijometriku

Għażliet imwarrba:

·Miżuri mhux vinkolanti (xi miżuri mhux vinkolanti huma inklużi fl-għażla ppreferuta)

·Revoka tad-Deċiżjoni tal-ETD tal-UE

·ETD tal-UE obbligatorju għaċ-ċittadini kollha

L-għażla ppreferuta hija l-Għażla 2: Leġiżlazzjoni ġdida – ETD tal-UE b’karatteristiċi tas-sigurtà msaħħa.

Liema għażla u min jappoġġaha? Massimu ta’ 7 linji

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew esprimew ix-xewqa tagħhom li jżommu l-ETD tal-UE komuni u jaraw li jiġi mmodernizzat, b’enfasi fuq it-titjib tal-karatteristiċi tas-sigurtà. Il-konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE wrew li għall-biċċa l-kbira tagħhom, l-Għażla 3 (iċ-ċipp bijometriku) tqum wisq flus u jippreferu l-Għażla 2 (karatteristiċi tas-sigurtà msaħħa). Għall-pajjiżi terzi, l-Għażla 2 tkun biżżejjed biex tkopri l-każ l-aktar frekwenti ta’ vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll ix-xewqa tagħha li ttejjeb is-sigurtà tad-dokument u tagħti l-appoġġ tagħha għall-Għażla 2. Filwaqt li ċ-ċittadini ma sarulhomx mistoqsijiet dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà speċifiċi, dawk li wieġbu appoġġaw bi ħġarhom format komuni u t-titjib għall-aċċettazzjoni tad-dokument.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja

L-għażla ppreferuta se jkollha benefiċċji f’ħafna oqsma, għalkemm dawn mhumiex faċilment kwantifikabbli.

Iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jserrħu fuq il-fatt li ETD tal-UE jkun jista’ jinkiseb mill-konsolati kollha tal-Istati Membri, f’konformità mal-acquis attwali tal-UE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Konsulari. Għaldaqstant dawn ikunu jibbenefikaw minn dritt ġuridiku għal ETD tal-UE f’aktar sitwazzjonijiet minn dawk previsti skont id-Deċiżjoni attwali dwar l-ETD tal-UE u minn skadenzi u proċeduri ta’ ħruġ aktar ċari.

L-Istati Membri u l-UE jkunu jibbenefikaw minn fruntieri aktar siguri, bis-saħħa tal-karatteristiċi tas-sigurtà mtejba tal-ETD l-ġdid tal-UE. Id-dokument il-ġdid ikun ukoll aċċettat b’mod aktar mifrux u jkun aktar faċli li jiġi pproċessat fil-fruntieri. Rikonoxximent usa’ jwassal biex iċ-ċittadini mhux rappreżentati jiffrankaw finanzjarjament bis-saħħa ta’ anqas spejjeż ta’ inkonvenjent u frankar ieħor, pereż. fuq soġġorni f’lukandi u arranġamenti għal vjaġġi alternattivi. Il-format aktar sigur tal-ETD tal-UE, li se jkun multilingwi u jista’ jiġi prodott fil-livell tal-UE, jirrappreżenta wkoll alternattiva kosteffiċjenti għall-Istati Membri li qed jikkunsidraw li jissostitwixxu l-ETDs nazzjonali antikwati. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tkun tista’ tinforza l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-ETD tal-UE u twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja

Il-kost tad-dokument il-ġdid huwa mistenni li jibqa’ baxx, billi l-għażla ppreferuta terġa’ tuża t-tagħmir eżistenti użat għall-viżi, li diġà huwa disponibbli fil-konsolati tal-Istati Membri tal-UE u li l-persunal tal-konsolati huma diġà mħarrġa biex jużawh. Il-bżonn għal xi taħriġ addizzjonali għall-ETD tal-UE huwa għalhekk mistenni li jibqa’ baxx.

L-ETD l-ġdid tal-UE, inkluża l-istiker tal-ETD, huwa mistenni li jkun jiswa madwar EUR 8 għal kull dokument. Ladarba l-ammont ta’ ETDs li jinħarġu mill-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati huwa stmat għal madwar 1000 fis-sena, l-impatt finanzjarju totali huwa mistenni li jibqa’ baxx. Se jkun jiddependi mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, jekk il-kostijiet tal-produzzjoni għad-dokument il-ġdid jiġux mgħoddija jew le fuq iċ-ċittadini. Madankollu, minħabba l-kost baxx ta’ produzzjoni, l-impatt finanzjarju potenzjali ta’ kwalunkwe żieda huwa mistenni li jibqa’ baxx.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Massimu ta’ 8 linji

Xi benefiċċji li jirriżultaw minn ETD tal-UE mtejjeb huma mistennija li se jinħassu min-negozji, billi l-impjegati jkunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol aktar malajr jekk l-ETD tal-UE jiġi aċċettat b’mod aktar mifrux u jinħareġ aktar malajr. Iż-żieda fl-aċċettazzjoni tnaqqas ukoll il-kostijiet tal-kumpaniji tal-ajru li jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-imbarkazzjoni taċ-ċittadini li jkunu qed jivvjaġġaw b’ETD tal-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Massimu ta’ 4 linji

Ma huwa previst l-ebda impatt sinifikanti minħabba l-ammont żgħir ta’ ETDs tal-UE li jinħarġu, il-kost baxx ta’ produzzjoni u l-ħtiġijiet baxxi għat-taħriġ.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Massimu ta’ 6 linji

Ma huwa previst l-ebda impatt sinifikanti ieħor.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika? Massimu ta’ 4 linji 

Apparti monitoraġġ regolari mill-Istati Membri, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri leġiżlattivi.

Top