|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar il-Finanzi Sostenibbli
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Il-gvernijiet minn madwar id-dinja għażlu triq aktar sostenibbli għall-pjaneta tagħna u l-ekonomija tagħna billi adottaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-Unjoni Ewropea hija fuq quddiem f’dan il-qasam, u għaldaqstant f’Marzu 2018 adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tkabbir Sostenibbli, l-objettivi (i) tal-orjentazzjoni mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli, (ii) tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn sfidi ambjentali, u (iii) tat-trawwim tat-trasparenza u l-perspettiva fit-tul finanzjarja u l-attività ekonomika. L-azzjonijiet ivvalutati f’din il-valutazzjoni tal-impatt u li kienu mħabbra f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni huma parti minn strateġija usa’ u aktar mifruxa biex l-ekonomija Ewropea ssir verament sostenibbli. Dawn se jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni billi jindirizzaw il-problemi li ġejjin:
1.in-nuqqas ta’ inċentiv biex l-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi, il-konsulenti dwar l-investiment u d-distributuri tal-assigurazzjoni (“l-entitajiet rilevanti”) jikkunsidraw il-fatturi Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (Environmental, Social and Governance, ESG) fil-proċess konsultattiv u ta’ investiment tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza u koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward;
2.l-investituri finali jiffaċċjaw spejjeż għolja tat-tiftix a) biex jidentifikaw x’jikkostitwixxu l-investimenti sostenibbli u b) janalizzaw sa liema punt il-fatturi ESG huma integrati fil-prodotti finanzjarji disponibbli fis-suq.
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
L-objettivi speċifiċi ta' din l-inizjattiva huma:
1.żgurar taċ-ċarezza u approċċ koerenti bejn is-setturi u l-Istati Membri fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi ESG tal-entitajiet rilevanti fil-proċess konsultattiv / ta’ investiment tagħhom;
2.żieda fit-trasparenza fil-konfront tal-investituri finali billi jitjiebu r-rekwiżiti ta’ żvelar marbutin mal-ESG;
3.provvediment taċ-ċarezza dwar x’inhuma investimenti sostenibbli u, billi a) jinħoloq qafas tal-UE li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-investimenti ambjentali u sostenibbli - din is-sistema ta’ klassifikazzjoni li għandha ssir fil-livell tal-UE (imsejħa wkoll tassonomija) tistabbilixxi ċarezza fis-suq dwar liema attivitajiet huma “ekoloġiċi” jew “sostenibbli”, u b) tinħoloq kategorija ġdida ta’ parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u parametri referenzjarji ta' impatt pożittiv b'rabta mal-karbonju, ibbażati fuq metodoloġija soda, li jgħin lill-investituri jqabblu l-marka tal-karbonju tal-investimenti tagħhom.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
L-entitajiet finanzjarji li se jkunu milquta minn din l-inizjattiva qed jaħdmu l-aktar bejn il-fruntieri tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlazzjoni li tapplika għal dawk l-atturi fis-suq hija fil-biċċa l-kbira armonizzata fil-livell tal-UE. Azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu integrati l-fatturi ESG fid-deċiżjonijiet dwar l-investiment / il-proċess ta’ konsulenza tagħhom, tiżdied it-trasparenza fil-konfront tal-investituri finali u tingħata ċarezza dwar x’inhuma investimenti ambjentalment sostenibbli għaldaqstant tiżgura koerenza, tnaqqas il-frammentazzjoni, u tkompli ttejjeb it-tħaddim tas-suq uniku. Sabiex jinkisbu l-objettivi komuni tal-UE rigward l-iżvilupp sostenibbli u l-miri ta’ sostenibbiltà stabbiliti fuq livell dinji, tenħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
F’din il-valutazzjoni tal-impatt, qed jiġu analizzati erba’ azzjonijiet. Wara li ġew ikkunsidrati, kemm l-għażliet leġiżlattivi kif ukoll dawk li mhumiex, għal kull waħda minnhom, ġew identifikati l-għażliet ippreferuti li ġejjin:
1. Id-dmirijiet tal-investituri
Il-maniġers tal-assi, l-impriżi tal-assigurazzjoni, id-distributuri tal-assigurazzjoni, il-fondi ta’ pensjoni okkupazzjonali, il-konsulenti dwar l-investiment u l-maniġers tal-portafoll individwali jkunu meħtieġa li jintegraw il-fatturi ESG fid-deċiżjoni tal-investiment u l-proċess ta’ konsulenza bħala parti mid-dmirijiet tal-investituri tagħhom. Dan jipprovdi ċarezza u konsistenza fis-suq, u jintegra s-sostenibbiltà fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ konsulenza ta’ investiment ta’ dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari fil-ġestjoni tar-riskju tagħhom.
2. Żvelar
L-entitajiet rilevanti jkunu obbligati wkoll jiżvelaw kif jikkonformaw ma’ dawn id-dmirijiet. Barra minn hekk, dawk il-maniġers tal-assi u l-investituri istituzzjonali li jsostnu li jsegwu l-objettivi ta’ sostenibbiltà se jkollhom juru allinjament tal-investimenti tagħhom ma’ dawn l-objettivi. Dan iżid it-trasparenza fil-konfront tal-investituri finali, jiżgura tqabbil bejn il-prodotti, u jiskoraġġixxi l-“greenwashing”.
3. Sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-UE (“tassonomija”):
L-għażla ppreferuta tistabbilixxi kriterji uniformi fil-livell tal-UE sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex ambjentalment sostenibbli. Qed jiġi propost li l-Kummissjoni mbagħad tidentifika l-attivitajiet li jikkwalifikaw bħala sostenibbli filwaqt li tibni fuq il-parir ta’ grupp ta’ esperti tekniċi dwar finanzi sostenibbli li qed jiġi stabbilit. Dan jenħtieġ li l-atturi ekonomiċi u l-investituri jiġu pprovduti b’ċarezza dwar liema attivitajiet huma kkunsidrati ekoloġiċi / sostenibbli, sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet infurmati ta’ investiment tagħhom. Dan huwa l-ewwel pass u pass essenzjali fl-isforzi biex l-investimenti jwasslu għal attivitajiet sostenibbli.
4. Parametri referenzjarji
L-għażla ppreferuta tintroduċi żewġ kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji tal-impatt ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u parametri referenzjarji ta' impatt pożittiv b'rabta mal-karbonju. L-istandards minimi armonizzati għall-metodoloġija użata biex jiġu żviluppati dawn il-parametri referenzjarji jiġu definiti. Dan irawwem standard tas-suq li jirrifletti l-marka tal-karbonju tal-kumpaniji. Permezz ta’ dan, l-investituri li jixtiequ jinvestu fi strateġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju jiġu pprovduti b’għodda affidabbli.
|
|
Liema għażla u min jappoġġaha?
|
|
It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar id-dmirijiet tal-investituri ġeneralment jappoġġaw intervent fil-livell tal-UE minħabba li dan jipprovdi konsistenza u ċarezza lill-entitajiet finanzjarji rigward dak li huwa meħtieġ. Rigward l-iżvelar, il-maġġoranza tal-parteċipanti tas-suq ikkonfermaw li jenħtieġ li jiżvelaw kif iqisu l-fatturi ta’ sostenibilità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li qasmu l-fehmiet tagħhom mal-Kummissjoni qablu li tassonomija fil-livell tal-UE tista’ tkun ta’ għajnuna biex iwettqu d-dmirijiet tal-investituri tagħhom u jqisu l-fatturi ESG fil-proċessi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom.
|
|
C. L-impatti tal-għażliet ippreferuti
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Billi jżidu t-trasparenza globali, l-azzjonijiet differenti jnaqqsu l-assimetrija tal-informazzjoni bejn l-investituri finali, l-intermedjarji finanzjarji u l-fornituri tal-indiċi. L-inizjattiva tnaqqas il-frammentazzjoni attwali tas-suq, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ metodoloġiji għall-identifikazzjoni ta’ attivitajiet / investimenti ambjentalment sostenibbli. It-trasparenza u l-armonizzazzjoni mtejba jżidu l-affidabbiltà u l-attraenza tal-prodotti finanzjarji ESG u l-fiduċja fihom u jrawmu l-innovazzjoni fi strateġiji ta’ investiment u t-tfassil ta’ dawn il-prodotti finanzjarji. L-azzjonijiet se jgħinu wkoll għall-integrazzjoni tas-sostenibbiltà u tal-ġestjoni tar-riskju,u flimkien mal-miżuri l-oħrajn tal-Pjan ta’ Azzjoni, iwasslu għal tkabbir tas-suq finanzjarju sostenibbli tal-Ewropa. B’mod ġenerali, l-azzjonijiet jikkontribwixxu għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli u għalhekk għall-objettiv ta’ promozzjoni ta’ ekonomija sostenibbli. Dan jappoġġa t-trasformazzjoni sostenibbli wiesgħa prevista permezz tal-politiki ambjentali diġà fis-seħħ fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?
|
Il-kostijiet għall-entitajiet rilevanti tal-integrazzjoni tal-fatturi ESG fid-deċiżjoni tal-investiment u l-proċess ta’ konsulenza u t-titjib ta’ żvelar marbut mal-ESG huma mistennija li jibqgħu relattivament limitati, jekk isiru b’mod standardizzat. Għal dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li diġà żviluppaw tassonomija, l-użu tat-tassonomija tal-UE jista’ jinvolvi xi kostijiet - għalkemm dawn x’aktarx li jkunu aktar baxxi mill-iffrankar li jinħoloq biex tinżamm tassonomija proprja jew l-użu ta’ diversi tassonomiji, u f’kull każ aktar baxxi mill-benefiċċji mistennija mill-użu ta’ din it-tassonomija. Rigward il-fornituri tal-indiċi, il-ħolqien ta’ kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji tal-impatt tal-livell baxx u l-livell pożittivi tal-karbonju jiġġenera kostijiet limitati, minħabba li jipprovdi standards minimi għall-metodoloġiji biex jiġu żviluppati dawn il-parametri referenzjarji.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
L-għażliet ippreferuti jħallu impatt mhux dirett fuq in-negozji bħala emittenti ta’ titoli billi jiġu inkoraġġuti biex jiżvelaw l-informazzjoni ESG addizzjonali meħtieġa għall-intermedjarji finanzjarji u l-investituri. Mill-2018, id-Direttiva dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja diġà tesiġi li l-kumpaniji elenkati kbar kif ukoll il-banek mhux elenkati u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jiżvelaw informazzjoni materjali rigward is-sostenibbiltà. Rigward l-emittenti mhux fl-ambitu ta’ din id-Direttiva (inklużi l-SMEs), dan l-inċentiv li jiżvelaw informazzjoni addizzjonali se jkun jinvolvi spejjeż. Madankollu, dan l-iżvelar jenħtieġ ukoll li jippermetti li dawn l-emittenti jkollhom aċċess għal investituri addizzjonali u potenzjalment inaqqsu l-kost tal-kapital.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Mhumiex mistennija impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, minħabba li: (i) sa ċertu punt, ir-rekwiżiti leġiżlattivi se jkollhom jiġu implimentati mill-parteċipanti tas-suq, u (ii) ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ se jkunu limitati.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-impatti kbar diġà ġew deskritti fit-Taqsima dwar il-benefiċċji.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
L-evalwazzjoni ex post hija prevista ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-miżuri, biex, fost l-oħrajn, jiġi vvalutat kemm il-miżuri kienu effettivi u effiċjenti fil-kisba tal-objettivi ppreżentati f’din il-valutazzjoni tal-impatt, u jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda. Il-Kummissjoni se tkejjel il-progress permezz ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal kull azzjoni koperta minn din l-inizjattiva.
|