Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0819

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija

COM/2018/819 final

Brussell, 11.12.2018

COM(2018) 819 final

2018/0415(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 1 (“id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku”) li temenda d-Direttiva 2006/112/KE 2 (“id-Direttiva tal-VAT”) li fost l-oħrajn:

Testendi l-ambitu tal-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli, kif definit fl-Artikoli 358 sa 369k tad-Direttiva tal-VAT (’l hekk imsejjaħ “punt uniku tas-servizz żgħir”) għat-tipi kollha ta’ servizzi kif ukoll għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, li jibdel il-punt uniku tas-servizz żgħir għal punt uniku tas-servizz. Il-punt uniku tas-servizz żgħir jipprovdi lill-fornituri ta’ tali servizzi li jużaw portal tal-internet fl-Istat Membru li fih huma identifikati biex jagħtu rendikont tal-VAT dovuta fi Stati Membri oħra;

Tintroduċi dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal persuni taxxabbli li jiffaċilitaw ċerti provvisti lil persuni mhux taxxabbli li jsiru minn persuni taxxabbli oħrajn permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali meħtieġa biex jappoġġaw dawn l-emendi tad-Direttiva tal-VAT li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021, sa fejn tali appoġġ ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 3 (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT”). Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija għal persuni mhux taxxabbli fl-UE minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-UE u l-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni fejn il-punt uniku tas-servizz għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, ma jintużax.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika u politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tistipula dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa biex jissupplimentaw id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li hija parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 4 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Minbarra l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku ġiet identifikata bħala inizjattiva ewlenija fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 5 , kif ukoll fl-Istrateġija għal Suq Uniku 6 u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku 7 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta qed tindirizza ċerti kwistjonijiet li jirriżultaw mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li trid tiġi applikata mill-Istati Membri kollha bl-istess mod. Il-bidliet iservu, b’mod partikolari, biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet fuq l-interfaċċi elettroniċi jiġu applikati b’mod armonizzat mill-Istati Membri kollha sabiex ma jinħolqux lakuni li jistgħu jiġġeneraw telf fid-dħul finanzjarju.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva tal-VAT għall-kummerċ elettroniku u bl-istess mod il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Fir-rigward tat-test tas-sussidjarjetà, mhuwiex possibbli li l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet jekk ma ssirx proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

Għażla tal-istrument

Il-proposta teħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT. Tistabbilixxi regoli speċifiċi meħtieġa għall-applikazzjoni korretta ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, fejn l-għanijiet fil-mira ma jkunux jistgħu jintlaħqu bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni peress li dawn jeħtieġu emenda fid-dispożizzjonijiet bażiċi tad-Direttiva tal-VAT. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, d-dispożizzjonijiet relatati ma’ interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija għal persuni mhux taxxabbli fl-UE minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-UE u l-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni fejn il-punt uniku tas-servizz għall-importazzjoni ma jintużax.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, kemm mill-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll mill-amministrazzjoni doganali, fi ħdan il-qafas tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT. Hija ltaqgħet ukoll man-negozji kkonċernati kemm fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT kif ukoll f’laqgħat speċifiċi ma’ operaturi tal-interfaċċi elettroniċi u postali. Fl-aħħar nett, f’Marzu 2018 f’Malta sar il-Workshop Fiscalis 2020 iddedikat, fejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana u s-setturi tan-negozju kkonċernati, b’mod konġunt iddiskutew il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt għall-proposta li twassal għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Il-proposta attwali temenda biss dak li huwa neċessarju għall-funzjonament ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tespandi fuq id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-persuni taxxabbli li joperaw interfaċċi elettroniċi bħal postijiet tas-suq, pjattaformi u portali li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija fl-UE minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-UE. Il-bidliet proposti se jkomplu jissimplifikaw il-piż amministrattiv għat-tali persuni taxxabbli billi jippermettu aktar tranżazzjonijiet li jiġu rrapportati fil-punt uniku tas-servizz, biex b’hekk jitjieb il-ġbir tal-VAT. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom l-ebda impatt għall-mikrointrapriżi jew l-SMEs stabbiliti fl-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-implimentazzjoni ser issir taħt is-sorveljanza tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (l-SCAC), appoġġati mis-sottokumitat tal-IT tiegħu, il-Kumitat Permanenti dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (l-SCIT)

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 14a li ddaħħal fid-Direttiva tal-VAT permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku jipprevedi li fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma jew portal, il-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi f’kunsinni ta’ valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150 (l-Artikolu 14a(1)) jew il-provvista ta’ merkanzija fi ħdan il-Komunità minn persuna taxxabbli mhux stabbilita hemmhekk lil persuna mhux taxxabbli (l-Artikolu 14a(2)), il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha titqies li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija hi stess.

Dan effettivament jaqsam il-provvista min-negozju għall-konsumatur (il-provvista B2C) mill-fornitur li jbigħ il-merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika lill-klijent f’żewġ provvisti: il-provvista minn dak il-fornitur għall-interfaċċa elettronika (il-provvista B2B) u l-provvista mill-interfaċċa elettronika lill-klijent (il-provvista B2C). Għalhekk jeħtieġ jiġi ddeterminat lil liema provvista għandu jiġi attribwit id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija biex jiġi ddeterminat kif suppost il-post tal-provvista tagħhom. Il-punt (1) tal-Artikolu 1 jipprovdi li d-dispaċċ jew it-trasport jenħtieġ li jiġi attribwit lill-provvista mill-interfaċċa elettronika għall-klijent, kif indikat ukoll fid-dikjarazzjoni inkluża fil-minuti tal-Kunsill mal-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

Applikazzjoni diretta tal-Artikolu 14a(2) taf toħloq piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-kumpaniji kkonċernati, kif ukoll ir-riskju ta’ telf mid-dħul tal-VAT li jirriżulta mill-ħlas tal-VAT permezz tal-interfaċċa elettronika lill-fornitur li jbigħ il-merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika. L-emendi li ġejjin proposti jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet:

Il-provvista B2B mingħand il-fornitur li jbigħ il-merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika lill-interfaċċa elettronika hija eżenti (l-Artikolu 1, punt (2)) bid-dritt għal dak il-fornitur għat-tnaqqis tal-VAT tal-input li jkun ħallas huwa stess għax-xiri jew l-importazzjoni tal-merkanzija pprovduti (Artikolu 1, punt (3));

Skont l-Artikolu 369b tad-Direttiva tal-VAT kif emendat permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-punt uniku tas-servizz jista’ jintuża biss biex tiġi ddikjarata u titħallas il-VAT fuq il-bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u mhux għall-provvista domestika tagħhom. Minħabba li l-fornituri li jbigħu l-merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jistgħu jżommu stokk ta’ merkanzija f’diversi Stati Membri li minnhom jagħmlu l-provvisti domestiċi, interfaċċi elettroniċi li jitqiesu li jkunu fornew dik il-merkanzija huma stess ikunu obbligati jirreġistraw għall-VAT f’dawn l-Istati Membri kollha biex jiddikjaraw il-VAT fuq dawn il-provvisti domestiċi. Dan ineħħi s-simplifikazzjoni ta’ punt uniku tas-servizz għal interfaċċi elettroniċi u b’hekk jirriżulta f’obbligi addizzjonali għalihom. Għaldaqstant qed jiġi propost li l-interfaċċi elettroniċi jitħallew jużaw il-punt uniku tas-servizz ukoll għall-provvisti domestiċi għall-klijenti meta jkunu meqjusa li jipprovdu l-merkanzija huma stess skont l-Artikolu 14a(2) tad-Direttiva tal-VAT. Dan jeħtieġ il-bidliet li ġejjin fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT:

Emenda fit-titolu tal-Kapitolu u t-Taqsima 3 tiegħu (l-Artikolu 1, il-punti (5) u (6));

Emenda fid-definizzjoni tal-Istat Membru ta’ konsum (Artikolu 1, il-punt (7)(a));

Estensjoni fl-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema speċjali (Artikolu 1, il-punt (8));

Emenda fid-dispożizzjoni dwar l-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli mill-iskema speċjali (Artikolu 1, il-punt (9));

Il-possibbiltà biex jiġu ddikjarati dawn il-provvisti domestiċi fid-dikjarazzjoni tal-VAT tal-punt uniku tas-servizz (Artikolu 1, il-punti (10) u (11)).

Fl-aħħar nett, qed tiġi proposta emenda tal-aħħar fl-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni fejn ma jintużax punt uniku tas-servizz biex tiġi ddikjarata l-VAT fuq il-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Skont l-Artikoli 369y sa 369zb kif imdaħħlin fid-Direttiva tal-VAT permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-ħlas globali tal-VAT fuq l-importazzjoni jrid isir lid-dwana sa tmiem ix-xahar ta’ wara dak tal-importazzjoni. Madankollu, din l-iskadenza għall-pagament mhux allinjata mal-iskadenza stabbilita għall-ħlas globali tad-dejn doganali fl-Artikolu 111 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jipprevedi ħlas differit sal-ewwel nofs xahar wara x-xahar tal-importazzjoni. B’din il-proposta, l-iskadenza għal ħlas differit skont dawn l-arranġamenti speċjali hija allinjata ma’ dak previst fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 8 (Artikolu 1, il-punt (12)).

L-Artikolu 2 jipprevedi li l-miżuri għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021, li hija d-data ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

2018/0415 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 11 kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 12 tipprevedi li meta persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma jew portal, il-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi f’kunsinni ta’ valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150 jew il-provvista ta’ merkanzija fi ħdan il-Komunità minn persuna taxxabbli mhux stabbilita hemmhekk lil persuna mhux taxxabbli, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha titqies li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija hi stess. Peress li din id-dispożizzjoni tifred provvista waħda f’żewġ provvisti, jeħtieġ jiġi ddeterminat għal liema provvista għandu jiġi attribwit id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija biex jiġi ddeterminat kif suppost il-post tal-provvista tagħhom.

(2)Filwaqt li persuna taxxabbli li, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika, tiffaċilita l-provvista ta’ merkanzija lil persuna mhux taxxabbli fil-Komunità, tista’ tnaqqas il-VAT imħallsa lil fornituri mhux stabbiliti fil-Komunità, f’konformità mar-regoli eżistenti, ir-riskju huwa li dan tal-aħħar ma jħallasx il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Sabiex jiġi evitat dak ir-riskju, il-provvista mingħand il-fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jenħtieġ li tkun eżenti mill-VAT, filwaqt li dak il-fornitur jenħtieġ li jingħata dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input li ħallas max-xiri jew l-importazzjoni tal-merkanzija pprovduta.

(3)Barra minn hekk, il-fornituri li mhumiex stabbiliti fil-Komunità, li jagħmlu użu minn interfaċċa elettronika biex ibigħu l-merkanzija, jistgħu jżommu stokk f’diversi Stati Membri u barra minn bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, jistgħu jipprovdu merkanzija minn dan l-istokk lill-klijenti fl-istess Stat Membru. Bħalissa dawn il-provvisti mhumiex koperti bl-iskema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fl-Unjoni iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dawk il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvista ta’ merkanzija lil persuni mhux taxxabbli fil-Komunità permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika, li huma meqjusa li rċivew u pprovdew il-merkanzija huma stess, jenħtieġ li jitħallew jużaw ukoll din l-iskema speċjali biex jiddikjaraw u jħallsu l-VAT fuq dawn il-provvisti domestiċi.

(4)Biex tiġi żgurata l-konsistenza f’termini ta’ ħlas ta’ VAT u dazju tal-importazzjoni fuq l-importazzjoni tal-merkanzija, il-perjodu ta’ żmien għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni lid-dwana meta l-arranġamenti speċjali għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni huma użati, jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dak stabbilit fir-rigward tad-dazju doganali fl-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 .

(5)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 14 , l-Istati Membri ħadu l-impenn li f’każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(6)Għaldaqstant id-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V, jiddaħħal l-Artikolu 36b li ġej:

“Artikolu 36b

Meta persuna taxxabbli hija kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija skont l-Artikolu 14a, id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija għandu jiġi attribwit lill-provvista magħmula minn dik il-persuna taxxabbli.”;

(2)Jiddaħħal l-Artikolu 136 a li ġej:

“Artikolu 136a

Meta persuna taxxabbli titqies li rċeviet u pprovdiet merkanzija f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ dik il-merkanzija lil dik il-persuna taxxabbli.”;

(3)Fl-Artikolu 169, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)tranżazzjonijiet li huma eżenti skont l-Artikoli 136a, 138,142 jew 144, l-Artikoli 146 sa 149, l-Artikoli 151, 152, 153 jew 156, l-Artikolu 157(1)(b), l-Artikoli 158 sa 161 jew l-Artikolu 164;”;

(4)fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 204, it-tielet subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, l-Istat Membri ma jistgħux japplikaw l-għażla msemmija fit-tieni subparagrafu għal persuna taxxabbli skont it-tifsira tal-punt (1) tal-Artikolu 358a, li għażlet l-iskema speċjali għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fi ħdan il-Komunità.”;

(5)l-intestatura tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b’dan li ġej:

“Skemi speċjali għall-persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil
persuni mhux taxxabbli, li jagħmlu bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti

provvisti domestiċi ta’ merkanzija”;

(6)L-intestatura tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII hija sostitwita b’dan li ġej:

“Skema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, għal provvisti
ta’ merkanzija fi ħdan Stat Membru li ssir permezz ta’ interfaċċa elettronika li tiffaċilita

dawk il-provvisti u għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti

fi ħdan il-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum
”;

(7)L-Artikolu 369a huwa emendat kif ġej:

(a)fl-ewwel paragrafu, il-punt (3) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(3)“Stat Membru ta’ identifikazzjoni” tfisser dan li ġej:

(a)fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, tfisser l-Istat Membru fejn il-provvista titqies li sseħħ skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V;

(b)fil-każ ta’ bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija tfisser l-Istat Membru fejn jintemm id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-konsumatur;

(c)fil-każ ta’ provvista ta’ merkanzija magħmula permezz ta’ interfaċċa elettronika li tiffaċilita dawk il-provvisti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-oġġetti pprovduti jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, tfisser dak l-Istat Membru.”;

(b)jiżdied it-tielet paragrafu li ġej:

“Fejn persuna taxxabbli ma stabbilietx in-negozju tagħha fil-Komunità u ma jkollha l-ebda stabbiliment fiss fiha, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija. Fejn ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li minnu l-merkanzija ntbagħtet jew kienet ittrasportata, il-persuna taxxabbli għandha tindika liema minn dawk l-Istati Membri għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’din id-deċiżjoni għas-sena kalendarja konċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara.”;

(8)L-Artikolu 369b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369b

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli li ġejjin li jużaw din l-iskema speċjali:

(a)persuna taxxabbli li twettaq bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija;

(b)persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvisti ta’ merkanzija skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a fejn it-trasport tal-merkanzija pprovduta jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru;

(c)persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ konsum li tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli.

Din l-iskema speċjali għandha tapplika għal dik il-merkanzija jew is-servizzi kollha prrovduti fil-Komunità mill-persuna taxxabbli kkonċernata.”;

(9)Fl-Artikolu 369e, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)jekk tinnotifika li ma għadhiex twettaq provvisti ta’ merkanzija u servizzi koperti minn din l-iskema speċjali;”;

(10)L-Artikolu 369f huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369f

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali, permezz ta’ mezzi elettroniċi, għandhom jippreżentaw lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’dikjarazzjoni tal-VAT għal kull tliet xhur kalendarji, kemm jekk ipprovdew merkanzija jew servizzi koperti minn din l-iskema speċjali, kif ukoll jekk le. Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sa tmiem ix-xahar wara t-tmiem tal-perjodu tat-taxxa kopert mid-dikjarazzjoni.”;

(11)fl-Artikolu 369g, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.    Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369d u, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn hi dovuta l-VAT, il-valur totali mingħajr il-VAT, ta’ rati ta’ VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti u l-VAT totali dovuta fir-rigward tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali mwettqa matul il-perijodu tat-taxxa:

(a)bejgħ intra-Komunitarju b’distanza ta’ merkanzija u provvisti ta’ merkanzija skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija pprovduti jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru;

(b)provvista ta’ servizzi.

Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll emendi relatati mal-perjodi tat-taxxa preċedenti kif previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.    Fejn il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn Stati Membri oħrajn li mhumiex l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali, għal kull Stat Membru fejn il-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn:

(a)bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija għajr dak magħmul permezz ta’ interfaċċa elettronika skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a;

(b)bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u provvisti ta’ merkanzija fejn id-dispaċċ jew it-trasport ta’ dik il-merkanzija jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, magħmul minn persuna taxxabbli skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 14a.

Fir-rigward tal-provvisti msemmija fil-punt (a), id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru ta’ identifikazzjoni.

Fir-rigward tal-provvisti msemmija fil-punt (b), id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi wkoll numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru bħal dan, jekk applikabbli.

Id-dikjarazzjoni tal-VAT għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu disaggregata skont l-Istat Membru ta’ konsum.”;

(12)Fl-Artikolu 369zb, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-VAT imsemmija fil-paragrafu 1 titħallas kull xahar. L-iskadenza għall-ħlas hija dik applikabbli għall-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni f’sitwazzjonijiet simili.”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. Għandhom minnufih jikkomunikaw t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(4)    COM (2016) 148 final — “Lejn żona unika tal-VAT — Iż-żmien biex niddeċiedu”
(5)    COM (2015) 192 final.
(6)    COM (2015) 550 final.
(7)    COM (2016) 179 final.
(8)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(9)    ĠU C [...], , p. .
(10)    ĠU C [...], , p. .
(11)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(14)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Top