IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.6.2018
COM(2018) 443 final
2018/0233(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
{SWD(2018) 323 final}
{SWD(2018) 324 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-perjodu 2021-2027. Il-Kummissjoni pproponiet baġit ġdid, modern u għal żmien twil, strettament orjentat lejn il-projoritajiet politiċi tal-Unjoni ta’ 27. Il-baġit propost iwaħħad l-istrumenti l-ġodda mal-programmi modernizzati biex jintlaħqu b’mod effiċjenti l-prijoritajiet tal-Unjoni. Filwaqt li tibni fuq dawk is-sisien, il-Kummissjoni qed tipproponi programm Fiscalis ġdid taħt l-intestatura tal-baġit għal Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali. Dan il-programm se jikkontribwixxi għat-titjib tal-operat tal-politika tat-tassazzjoni, inluża l-kooperazzjoni amministrattiva, u jappoġġa l-awtoritajiet tat-taxxa kif deskritti fil-Komunikazzjoni li takkumpanja l-proposta dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali,
Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru, b’konformità man-notifika mir-Renju Unit dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea u l-Euratom abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li waslet għand il-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2017.
•Raġunijiet u għanijiet
L-Unjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għadhom ibatu minn nuqqas ta’ kapaċità u minn nuqqas ta’ kooperazzjoni – kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi – fit-twettiq effettiv u effiċjenti tal-missjonijiet tagħhom. Dawn iridu jipprovdu rispons mgħaġġel u konġunt għall-problemi emerġenti bħalma huma l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali ġodda, u fl-istess ħin jevitaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Dawn ix-xejriet joħolqu kontinwament sfidi ġodda għall-funzjonament u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali. Dawn jappellaw għal modi aħjar u innovattivi biex iwettqu l-kompitu ewlieni tagħhom, jiġifieri l-ġbir tat-taxxi li jsostni direttament il-baġit nazzjonali u indirettament dak tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi programm Fiscalis li jkun fih il-mezzi u baġit li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ attivitajiet li jibnu l-kapaċità amministrattiva u tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) u permezz ta’ kooperazzjoni operattiva.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika
Din il-proposta tikkonforma mal-aġenda tal-Kummissjoni li tiżgura sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti fl-Unjoni bil-ħsieb li, fost l-oħrajn, tipproteġi l-ħila tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jiġbru t-taxxi. Bosta mill-inizjattivi adottati f’dak il-qafas għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza tat-taxxa u li jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva, fost l-oħrajn, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-taxxa. Il-programm Fiscalis propost se jipprovdi l-mezzi, anke dawk baġitarji, biex jappoġġa u jimplimenta dawn l-interventi regolatorji. Il-karatteristiċi importanti ta’ din il-kooperazzjoni amministrattiva huma s-sistemi elettroniċi Ewropej rilevanti li permezz tagħhom l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni b’mod konkret.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija konsistenti ma’ programmi oħra proposti ta’ azzjoni tal-UE li għandhom għanijiet simili f’oqsma relatati ta’ kompetenza, speċjalment:
–Il-Programm Doganali, li jappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana;
–Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi li jiġġieled il-frodi biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-TFUE;
–Il-Programm tas-Suq Uniku, li jappoġġa l-azzjonijiet tal-UE biex jinkiseb suq uniku li jaħdem aħjar;
–Il-Programm ta’ Apoġġ għar-Riformi li jgħin pajjiżi speċifiċi tal-UE biex jibnu istituzzjonijiet aktar effettivi, oqfsa ta’ governanza aktar b’saħħithom u awtoritajiet pubbliċi effiċjenti.
Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm aktar sinerġiji li jiġu sfruttati fil-qasam tal-IT b’diversi inizjattivi tal-Unjoni, bħall-Programm Ewropa Diġitali, il-programmi kollha li jmexxu sistemi elettroniċi (sinifikanti), l-użu mill-ġdid tal-elementi importanti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, il-Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-pjan ta’ azzjoni dwar FinTech, l-Orizzont Ewropa jew il-ħidma tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain u inizjattivi oħra dwar il-frodi u r-riskji ta’ ċibersigurtà,
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Parti importanti mill-programm Fiscalis tikkonċerna l-appoġġ tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tipprevedi l-użu mill-Istati Membri tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Din il-proposta tispeċifika li l-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżguraw li s-sistemi elettroniċi Ewropej imsemmija fil-Kapitolu IV, ikunu żviluppati u mħaddma b’mod adegwat. F’dan il-kuntest, hija tipprevedi li dawn se jikkoordinaw regolarment l-interventi rispettivi tagħhom u li jaqblu fuq l-aspetti kollha meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Hemm ukoll dispożizzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet li jridu jittieħdu għall-koordinazzjoni tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu. Dawn l-aspetti tal-bini tal-kapaċità fl-IT flimkien ma’ aspetti oħra tal-kapaċità amministrattiva tal-programm se jikkontribwixxu għall-funzjonament aħjar tas-suq intern u b’hekk jiġġustifikaw il-fatt li l-programm huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.
Il-programm Fiscalis propost jipprovdi mekkaniżmi, mezzi, kif ukoll il-finanzjament meħtieġ bil-għan li jappoġġa l-politika tat-tassazzjoni u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Il-miżura proposta tinkludi, fost l-oħrajn, laqgħat u avvenimenti simili ad hoc, kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti, u azzjonijiet li jibnu l-kompetenza u l-kapaċità umana, li l-Istati Membri u l-uffiċjali tagħhom jistgħu jipparteċipaw fihom fuq bażi volontarja. L-għan ġenerali ta’ dawk l-azzjonijiet huwa li jsaħħu kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni li jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 197 tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-għanijiet tal-UE dwar it-tassazzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, it-titjib tal-ġustizzja u t-trasparenza tat-taxxa, kif ukoll l-appoġġ għall-funzjonament tas-suq uniku u l-kompetittività ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jiġu affaċċjati l-isfidi kollha relatati, jeħtieġ li jkun hemm regoli komuni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri.
Dan il-livell għoli ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni jista’ jinkiseb biss b’approċċ ċentralizzat, idealment fil-livell tal-Unjoni. L-attivitajiet Fiscalis huma aktar kosteffettivi milli kieku kull pajjiż parteċipant kellu jistabbilixxi oqfsa ta’ kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali u jiżviluppa soluzzjonijiet nazzjonali tal-IT għall-problemi transnazzjonali. Barra minn hekk, l-attivitajiet u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni Fiscalis jippermettu l-approfondiment sinifikanti tal-fiduċja bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali li huwa meħtieġ għal kooperazzjoni u kofunzjonament bla problemi tas-sistemi tat-taxxa tal-UE fis-suq uniku.
F’dan l-isfond, il-programm Fiscalis se jikkonċentra l-intervent tal-UE fuq it-twaqqif ta’ mekkaniżmi effiċjenti (u ta’ għodod indispensabbli tal-IT) għall-kooperazzjoni amministrattiva, bil-għan li jipprovdi mezzi aktar effettivi lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, filwaqt li indirettament jiffaċilita l-konformità tal-kontribwenti mar-regoli tat-taxxa.
•Proporzjonalità
Il-biċċa l-kbira tal-baġit propost se tintefaq fuq attivitajiet li jibnu l-kapaċità fl-IT. L-approċċ magħżul huwa bbażat fuq mudell tal-arkitettura tal-IT li fih is-sistemi elettroniċi Ewropej ikunu magħmulin minn kombinazzjoni ta’ komponenti komuni u nazzjonali. Dan il-mudell ġie ppreferut minn mudell tal-arkitettura tal-IT ċentralizzat għalkollox peress li tal-ewwel iħalli parti mir-responsabbiltà baġitarja f’idejn l-Istati Membri li se jiżviluppaw il-komponenti nazzjonali tal-IT fil-livell nazzjonali filwaqt li jqis ukoll il-preferenzi, ir-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet nazzjonali. B’hekk it-titjib tal-interoperabbiltà u tal-interkonnettività b’risq is-suq intern jinkiseb b’mod proporzjonat.
•Għażla tal-istrument
L-intervent tal-UE permezz ta’ programm ta’ finanzjament huwa xieraq. Il-Kummissjoni qed tipproponi suċċessur tal-programm Fiscalis 2020 bħala Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Din il-proposta tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni finali ta’ Fiscalis 2013, kif ukoll ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Fiscalis 2020 li għaddejja bħalissa. Dawn jindikaw li l-programm qed jipprovdi valur miżjud b’saħħtu għall-UE, qed jibni l-fiduċja u qed irawwem kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi parteċipanti oħra (pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali). Il-programm jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jippermetti t-titjib fl-effiċjenza (permezz tal-qsim tar-riżorsi) speċjalment fil-qasam tas-sistemi elettroniċi (fejn l-intervent tal-UE qed jirriżulta f’ekonomiji ta’ skala u fi tnaqqis tal-kostijiet ta’ żvilupp) u fil-moduli ta’ taħriġ (fejn l-intervent tal-UE huwa rrappurtat li qed jiffranka l-ħin u l-flus lil xi awtoritajiet). Il-parteċipanti rrappurtaw ukoll interess qawwi u dejjem jikber f’azzjonijiet konġunti (partikolarment żjarat ta’ ħidma, seminars u workshops) bħala għodda effettiva li tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Fir-rigward ta’ Fiscalis 2020, l-introduzzjoni ta’ Timijiet ta’ Esperti qiegħda titqies bħala għodda b’saħħitha li tixpruna kooperazzjoni aktar fil-fond (fuq bażi reġjonali jew tematika) minħabba l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-istruttura operattiva speċifika tagħha. Xi parteċipanti indikaw il-possibbiltà li tiżdied id-distribuzzjoni attwali tal-fondi favur din l-attività li tibni l-kapaċità amministrattiva.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern biex tappoġġa l-evalwazzjoni ex ante li kienet tinkludi attivitajiet ta’ konsultazzjoni ddedikati għall-ġbir usa' tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha. Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni partikolari tal-programm (l-awtoritajiet tat-taxxa huma l-uniċi benefiċjarji diretti), dawn il-konsultazzjonijiet ikkonċentraw fuq l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ diskussjonijiet fi grupp tal-proġett, żjarat fil-pajjiżi/studji ta’ każijiet u stħarriġ speċifiku. Dawn l-attivitajiet ġew ikkumplementati b’intervisti ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u akkademiċi, kif ukoll ma’ parteċipanti ta’ Fiscalis 2020, konsulenti u organizzazzjonijiet internazzjonali (eż. l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi).
L-istudju estern u l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni relatati kkonfermaw li l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom quddiemhom żminijiet diffiċli u li huwa meħtieġ programm ambizzjuż mibni fuq żewġ dimensjonijiet ewlenin: fuq naħa, il-kontinwità u t-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-bini tal-kapaċità (fl-IT u umana) u ta’ kooperazzjoni għal applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tat-taxxa nazzjonali u tal-UE u, fuq in-naħa l-oħra, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva u l-indirizzar aħjar tal-innovazzjoni.
Saret konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar “Il-fondi tal-UE fil-qasam tal-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u s-suq uniku”. Din ġabret il-fehmiet taċ-ċittadini dwar, fost l-oħrajn, l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ politika għall-intervent tal-UE fir-rigward tat-tassazzjoni.
•Għarfien espert estern
Il-Kummissjoni kkummissjonat studju estern biex tappoġġa l-evalwazzjoni ex ante billi tipprovdi informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jiġu identifikati l-fatturi ewlenin li jistabbilixxu l-kuntest tat-tassazzjoni wara l-2020 kif ukoll il-problemi li jridu jaffaċċjaw l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jistgħu jiġu indirizzati taħt intervent ta’ finanzjament futur tal-UE, li jqis in-natura tal-fatturi identifikati u l-konsegwenzi tagħhom.
L-istudju għen lill-Kummissjoni sabiex: - tidentifika għanijiet għal intervent fil-livell tal-UE bbażat fuq il-muturi u l-problemi identifikati; - tidentifika għażliet possibbli ta’ politika tal-UE sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, tiskjera intervent ta’ finanzjament futur tal-UE bi tweġiba għall-muturi u l-problemi identifikati u tivvaluta l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali mistennija tal-għażliet identifikati; - tqabbel l-għażliet skont il-kriterji stabbiliti (bħalma huma l-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza) u tikklassifikahom.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-kontinwità f’termini ta’ kontenut, struttura u daqs tal-baġit tal-programm Fiscalis propost meta mqabbel mal-programm Fiscalis 2020 preċedenti, il-valutazzjoni tal-impatt ma tqisitx meħtieġa. Evalwazzjoni ex ante tqieset aktar adegwata biex tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar b’mod proporzjonat.
•Simplifikazzjoni
Il-programm li għaddej bħalissa diġà huwa simplifikat b’enfasi qawwija fuq l-outputs u r-riżultati. Huwa jimplimenta s-simplifikazzjonijiet kollha li ġew identifikati fl-evalwazzjonijiet tal-passat. Is-simplifikazzjoni addizzjonali ewlenija li ġiet identifikata tikkonsisti fl-użu estiż ta’ somom f’daqqa / kostijiet unitarji u fil-possibbiltà li jiġu adottati programmi ta’ ħidma pluriennali sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv annwali tal-komitoloġija.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Iż-żmien tar-reviżjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE huwa marbut mal-proposta għal Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid, kif propost fit-2 ta’ Mejju 2018. Skont din il-proposta, dan ir-Regolament dwar il-Programm Fiscalis fih qafas baġitarju ta’ EUR 270 miljun (fi prezzijiet kurrenti) għall-perjodu 2021-2027.
Il-programm Fiscalis se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta u b’mod ibbażat fuq il-prijoritajiet. Il-programmi ta’ ħidma jiġu stabbiliti – flimkien mal-partijiet ikkonċernati – billi jiġu stipulati l-prijoritajiet għal perjodu speċifiku.
Il-programm se jkollu impatt fuq id-dħul tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għalkemm mhuwiex kwantifikabbli, dan se jiffaċilita u jissimplifika x-xogħol magħmul mill-awtoritajiet tat-taxxa għall-ġbir tat-taxxi diretti u indiretti. Biż-żieda tal-kwalità tax-xogħol bil-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità umana u fl-IT, l-awtoritajiet tat-taxxa se jkunu aktar effiċjenti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-impatt tal-programm Fiscalis propost se jiġi vvalutat b’evalwazzjonijiet interim u finali, kif ukoll bil-monitoraġġ fuq bażi kontinwa ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta’ livell għoli. Dawn l-evalwazzjonijiet se jsiru b’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016, fejn it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw li l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni u l-politika eżistenti jenħtieġ li jipprovdu l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal azzjoni ulterjuri; Dawn l-evalwazzjonijiet se jivvalutaw l-effetti tal-Istrument abbażi ta’ indikaturi u miri u ta’ analiżi dettaljata ta’ kemm l-istrument jista’ jitqies rilevanti, effettiv, effiċjenti, jipprovdi biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwa koerenti ma’ politiki oħra tal-UE. L-evalwazzjonijiet se jinkludu tagħlimiet meħuda biex jidentifikaw kwalunkwe nuqqas/problema jew kwalunkwe potenzjal biex ikomplu jtejbu l-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom u biex jgħinu jimmassimizzaw l-impatt tagħhom. Dawn se jinkludu wkoll l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-kostijiet regolatorji, tal-benefiċċji u tal-iffrankar.
Is-sistema ta’ rapportar tal-evalwazzjoni se tiżgura li d-data għall-evalwazzjoni tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtha u fil-livell xieraq ta’ granularità; dik id-data u l-informazzjoni se jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, b’mod li jikkonformaw ma’ dispożizzjonijiet legali oħra; pereżempju, meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li d-data personali tkun anonima. Għal dan il-għan, se jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.
Ir-riżultati u l-outputs tal-programm se jkunu soġġetti għal valutazzjoni regolari permezz ta’ sistema komprensiva ta’ monitoraġġ, ibbażata fuq indikaturi definiti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-għoti tal-valur għall-flus.
Id-data għall-kejl tal-prestazzjoni se tinkiseb minn għodod differenti tal-ġbir tad-data. L-għodod ewlenin previsti bħalissa huma formoli ta’ segwitu tal-azzjonijiet, formoli għall-valutazzjoni ta’ avvenimenti u stħarriġ regolari tal-uffiċjali tat-taxxa.
Peress li l-programm għandu rwol ta’ appoġġ, li jgħin lill-awtoritajiet tal-pajjiżi parteċipanti jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u li jixpruna l-kapaċità tagħhom, is-sistema ta’ monitoraġġ tiffoka fuq is-segwitu tal-progress tal-attivitajiet tal-programm f’termini tal-indikaturi fil-livelli tal-outputs. Kull meta jkun possibbli, hija ssegwi wkoll indikaturi f’oqsma marbuta mal-għanijiet ta’ livell għoli tal-programm.
Il-Kummissjoni, fuq bażi annwali, se toħroġ rapport dwar il-progress tal-programm li jkun fih sommarju tal-prestazzjoni lejn l-għanijiet tal-programm u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati relatati.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kapitolu I - Dispożizzjonijiet Ġenerali
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm ġie aġġustat biex jippermetti l-għoti ta’appoġġ b’mod aktar komprensiv għall-politika tat-tassazzjoni u għall-awtoritajiet tat-taxxa fid-dawl tal-ħtiġijiet emerġenti. Għalkemm il-programm Fiscalis 2020 li għaddej bħalissa għandu l-għan ġenerali li jtejjeb il-funzjonament xieraq tas-sistemi tat-tassazzjoni fis-suq intern, il-programm propost se jipprovdi appoġġ għall-politika tat-tassazzjoni u għall-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u b’hekk jindirizza aħjar il-ħtiġijiet ta’ appoġġ li jirriżultaw, fost l-oħrajn, minn inizjattivi oħra ta’ politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’hekk, il-programm għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u t-trawwim tal-kompetittività tal-UE; u għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ approċċ konġunt tal-Unjoni f’fora internazzjonali. Għaldaqstant, anke jekk jiġu preżentati xi ftit differenti u b’mod issimplifikat, mingħajr għanijiet operattivi, fi prinċipju l-għanijiet tal-programm jibqgħu l-istess.
Bħall-programm Fiscalis 2020 li għaddej bħalissa, il-programm il-ġdid se jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, tal-pajjiżi aderenti, tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali. B’konformità mal-politika ġenerali tal-Unjoni, il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-pajjiżi terzi, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi, se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jieħdu sehem fil-programm taħt ċerti kundizzjonijiet.
Kapitolu II - Eliġibbiltà
It-tipi ta’ azzjonijiet meqjusa eliġibbli għal finanzjament tal-programm huma essenzjalment simili għal dawk taħt il-programm attwali. Madankollu, ġiet issimplifikata u tnaqqset it-tipoloġija tagħhom biex tipprovdi aktar flessibbiltà. Il-lista indikattiva fl-Anness 1 tipprovdi ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet konkreti li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt il-programm.
Abbażi tat-tagħlimiet li ttieħdu bl-għodda attwali tat-Timijiet Esperti taħt il-programm Fiscalis 2020, il-proposta tipprovdi enfasi speċifika fuq il-kooperazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġett bl-għan li tixpruna l-kooperazzjoni operattiva msaħħa u tippermetti forom profondi u integrati ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti.
Element ġdid meta mqabbel mal-programm attwali huwa d-dispożizzjoni dwar l-azzjonijiet li huma meħtieġa għall-adattament jew għall-estensjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Din tipprovdi mekkaniżmu eħfef u aktar dirett minn dak li hemm fil-programm Fiscalis 2020, li ma jippermettix li tiġi ffinanzjata xi modifika tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-użu mingħajr ftehim internazzjonali konkluż mal-pajjiż terz rilevanti skont l-Artikolu 218 tat-TFUE. Biex tiggarantixxi ħin tar-rispons ottimali għall-istabbiliment ta’ din l-interkonnettività ma’ pajjiżi terzi, il-proposta tippermetti li jiġu ffinanzjati l-adattamenti jew l-estensjonijiet meħtieġa u li jiġu adottati arranġamenti amministrattivi li jkun fihom il-kundizzjonijiet rilevanti, inkluża possibbilment kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-pajjiż terz jew mill-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni. Dan ikun possibbli biss jekk l-azzjoni tkun ta’ interess għall-Unjoni.
Meta titqies l-importanza tal-globalizzazzjoni, il-Programm se jkompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke minn pajjiżi terzi, kif ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-operaturi ekonomiċi jew tas-soċjetà ċivili bħala esperi esterni, jekk ikunu ta’ benefiċċju għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan tal-Programm.
Kapitolu III - Għotjiet
L-implimentazzjoni tal-programm se sseħħ permezz ta’ wieħed mill-aktar mekkaniżmi ta’ nfiq użati tal-baġit tal-Unjoni, jiġifieri l-akkwist pubbliku u l-għotjiet. Fir-rigward tal-għotjiet, il-proposta tistipula li ma tapplika l-ebda sejħa għal proposta jekk l-entitajiet eliġibbli jkunu l-awtoritajiet tat-taxxa.
Bħal fil-passat, jenħtieġ li l-Programm jiffinanzja l-azzjonijiet sa 100 % minħabba l-valur miżjud b’saħħtu tagħhom għall-UE. Jekk l-azzjonijiet jeħtieġu l-għoti ta’ għotjiet, ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli se tkun stabbilita fil-programmi ta’ ħidma.
Kapitolu IV - Dispożizzjonijiet speċifiċi għal azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT
Id-dispożizzjonijiet taħt dan il-kapitolu għandhom l-għan li jipprovdu qafas u governanza aħjar għall-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT imwettqa taħt il-programm. Abbażi tal-esperjenza tal-programmi Fiscalis preċedenti u fid-dawl tal-għadd dejjem akbar ta’ sistemi elettroniċi Ewropej, qegħdin jiġu proposti xi novitajiet. Ġiet integrata definizzjoni aħjar tal-komponenti komuni u tal-komponenti nazzjonali biex tirrifletti aħjar ir-realtà tal-proġetti tal-IT u l-karatteristiċi tagħhom. Ġew elenkati l-kompiti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fuq naħa, u tal-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bi sħab mal-Istati Membri, se tfassal Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni li se jippermetti l-ippjanar aħjar tar-riżorsi baġitarji u umani, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Ġew introdotti dmirijiet ta’ rappurtar li jakkumpanjaw biex jippermettu l-monitoraġġ aħjar tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT.
Kapitolu V - Programmazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll
Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-għanijiet segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jkopru diversi snin. Dan huwa element ġdid meta mqabbel mal-programm Fiscalis 2020 attwali li jipprevedi l-programmi ta’ ħidma annwali. Għalkemm ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-Programm, il-programmi ta’ ħidma pluriennali se jnaqqsu l-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tkun assistita minn Kumitat tal-Programm Fiscalis (proċedura ta’ eżami).
Fl-Anness 2 żdiedet lista ta’ indikaturi ewlenin biex jittejbu mill-bidu nett il-monitoraġġ tal-programm u l-prestazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet għal qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni anke permezz ta’ emendi għall-Anness 2 biex, fejn meħtieġ, tirrevedi u/jew tikkomplementa l-lista ta’ indikaturi.
L-evalwazzjonijiet interim u finali se jsiru f’waqthom biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Kapitolu VI - Eżerċizzju tad-delega u proċedura ta’ kumitat
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati dwar ir-reviżjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni u tal-indikaturi relatati.
Il-Kummissjoni se tkun assistita minn Kumitat tal-Programm Fiscalis (proċedura ta’ eżami).
Kapitolu VII - Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali
Se tiġi żgurata l-informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inklużi l-midja u l-pubbliku.
2018/0233 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 197 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-programm Fiscalis 2020, li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u huwa implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membru u l-pajjiżi assoċjati, u l-predeċessuri tiegħu kkontribwew b’mod sinifikanti biex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni. Il-valur miżjud ta’ dawk il-programmi, anke fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-kontribwenti, ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiżi parteċipanti. L-isfidi identifikati għad-deċennju li ġej ma jistgħux jiġu indirizzati jekk l-Istati Membri ma jħarsux lil hinn mill-fruntieri tat-territorji amministrattivi tagħhom jew ma jikkooperawx b’mod intensiv mal-kontroparti tagħhom.
(2)Il-programm Fiscalis 2020 joffri lill-Istati Membri qafas tal-Unjoni biex jiżviluppaw dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, u li jkun aktar kosteffettiv milli kieku kull Stat Membru kellu jistabbilixxi oqfsa ta’ kooperazzjoni individwali fuq bażi bilaterali jew multilaterali. Għaldaqstant ikun xieraq li tiġi żgurata t-tkomplija ta’ dak il-programm billi jiġi stabbilit programm ġdid fl-istess qasam, il-programm Fiscalis (“il-Programm”).
(3)Bil-provvista ta’ qafas għal azzjonijiet li jappoġġa s-suq uniku, irawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji fi tranżazzjonijiet transfruntiera; għall-kisba tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u t-trawwim tal-kompetittività tal-Unjoni; u għall-appoġġ ta’ approċċ konġunt tal-Unjoni f’fora internazzjonali.
(4)Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(5)Sabiex jappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni u ta’ assoċjazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni kemm tal-pajjiżi aderenti u tal-pajjiżi kandidati kif ukoll tal-kandidati potenzjali u tal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jista’ jkun miftuħ ukoll għal pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jkopru l-parteċipazzjoni tagħhom għal kwalunkwe programm tal-Unjoni.
(6)Ir-Regolament (UE, Euratom) [2018/XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għal dan il-Programm. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku u rimborżi ta’ esperti esterni.
(7)L-azzjonijiet li kienu japplikaw taħt il-programm Fiscalis 2020 wrew li kienu adegwati u għaldaqstant jenħtieġ li jinżammu. Sabiex jipprovdu aktar sempliċità u flessibbiltà fit-twettiq tal-Programm u b’hekk jintlaħqu aħjar l-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li l-azzjonijiet jiġu definiti biss f’termini ta’ kategoriji ġenerali b’lista ta’ eżempji illustrattivi ta’ attivitajiet konkreti. Jenħtieġ li l-programm Fiscalis jippromwovi u jappoġġa wkoll l-użu u l-isfruttament tal-innovazzjoni biex ikompli jtejjeb il-kapaċitajiet li jintlaħqu l-prijoritajiet ewlenin tat-tassazzjoni, permezz tal-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità.
(8)Meta jitqiesu l-mobbiltà dejjem tikber tal-kontribwenti, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jmorru lil hinn sew mill-fruntieri tal-Unjoni, l-adattamenti tas-sistemi elettroniċi Ewropej għal pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew l-estensjoni tagħhom, jista’ jkollhom interess għall-Unjoni jew għall-Istati Membri. B’mod partikolari, dawn kieku jevitaw il-piż amministrattiv u l-kostijiet implikati billi jiżviluppaw u joperaw żewġ sistemi elettroniċi simili għall-iskambji ta’ informazzjoni tal-Unjoni u dawk internazzjonali, rispettivament. Għaldaqstant, meta jkunu ġġustifikati kif xieraq b’dan l-interess, jenħtieġ li l-adattamenti jew l-estensjonijiet tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ikunu l-kostijiet eliġibbli taħt il-Programm.
(9)Meta titqies l-importanza tal-globalizzazzjoni, jenħtieġ li l-Programm ikompli jipprovdi l-possibbiltà li jiġu involuti esperti esterni skont it-tifsira tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju. Dawk l-esperti esterni jenħtieġ li jkunu prinċipalment rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke minn pajjiżi terzi mhux assoċjati, kif ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-operaturi ekonomiċi, tal-kontribwenti u tas-soċjetà ċivili.
(10)B’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura l-koerenza u s-simplifikazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament, stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2010 intitolata “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, jenħtieġ li r-riżorsi jinqasmu ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni jekk l-azzjonijiet previsti taħt il-Programm ikollhom għanijiet li huma komuni għal diversi strumenti ta’ finanzjament, bl-esklużjoni tal-finanzjament doppju. Jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt il-Programm jiżguraw il-koerenza fl-użu tar-riżorsi tal-Unjoni li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa.
(11)L-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT) huma stabbiliti biex jattiraw il-biċċa l-kbira tal-baġit taħt il-Programm. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi jiddeskrivu l-komponenti komuni u nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej, rispettivament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.
(12)Attwalment, ma jeżisti l-ebda rekwiżit biex jitfassal Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (“MASP-T”) għall-ħolqien ta’ ambjent elettroniku koerenti u interoperabbli għat-tassazzjoni fl-Unjoni. Sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT, jenħtieġ li l-Programm jipprevedi l-ħolqien ta’ dan il-MASP-T.
(13)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat bi programmi ta’ ħidma. Fid-dawl tan-natura fuq terminu medju sa twil tal-għanijiet segwiti u abbażi tal-esperjenza miksuba matul iż-żmien, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jkunu kapaċi jkopru diversi snin. Il-bidla mill-programmi ta’ ħidma annwali għal dawk pluriennali se tnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri.
(14)Sabiex ikunu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(15)Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-ftehim Interistituzzjonali għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016, jeħtieġ li dan il-programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri. Fejn xieraq, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Istrument fuq il-post.
(16)Sabiex ikun hemm tweġiba xierqa għall-bidliet fil-prijoritajiet tal-politika tat-tassazzjoni, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ indikaturi li jkejlu l-kisba tal-għanijiet speċifiċi tal-Programm. Hu tassew importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anke fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(17)Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE) 2017/1939, jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(18)Għal dan ir-Regolament japplikaw ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist pubbliku, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-ġestjoni finanzjarja tajba u l-finanzjament effettiv mill-UE.
(19)Jenħtieġ li t-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni taħt dan ir-Regolament jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jilħqu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jitqies l-użu ta’ somom sħaħ, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-kostijiet imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.
(20)Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwali, iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
(21)Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) 1286/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għalhekk jenħtieġ li jitħassar,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm “Fiscalis” għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (“Programm”).
2.Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021 – 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“tassazzjoni” tfisser kwistjonijiet, inkluż it-tfassil, l-amministrazzjoni, l-infurzar u l-konformità, relatati mat-taxxi u d-dazji li ġejjin:
(a)it-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE;
(b)it-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE;
(c)id-dazji tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE;
(d)it-taxxi fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE;
(e)taxxi u dazji oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE sa fejn ikunu rilevanti għas-suq uniku u għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri;
(2)“awtoritajiet tat-taxxa” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħra li huma responsabbli mit-tassazzjoni jew minn attivitajiet relatati mat-taxxa;
(3)“sistemi elettroniċi Ewropej” tfisser sistemi elettroniċi meħtieġa għat-tassazzjoni u biex jitwettqu l-missjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa;
(4)“pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni.
Artikolu 3
Għanijiet tal-programm
1.Il-Programm għandu l-għan ġenerali li jappoġġa l-awtoritajiet tat-taxxa u t-tassazzjoni biex isaħħaħ il-funzjonament tas-suq uniku, irawwem il-kompetittività tal-Unjoni u jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
2.Il-Programm għandu l-għan speċifiku li jappoġġa l-politika tat-tassazzjoni, il-kooperazzjoni dwar it-taxxa u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej.
Artikolu 4
Baġit
1.Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027 għandu jkun ta’ EUR 270 000 000 fi prezzijiet kurrenti.
2.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll spejjeż ta’ preparazzjoni, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu, ta’ evalwazzjoni u ta’ attivitajiet oħra għall-ġestjoni tal-Programm u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-għanijiet tiegħu. Barra minn hekk jista’ jkopri l-ispejjeż relatati mal-istudji, mal-laqgħat ta’ esperti, ma’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, sa fejn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm, kif ukoll spejjeż marbuta ma’ netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b’rabta mal-ġestjoni tal-Programm.
Artikolu 5
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi terzi li ġejjin:
(a)il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;
(b)il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi sakemm dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-metodi amministrattivi rilevanti għal dawk tal-Unjoni;
(c)pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:
–jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;
–jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont l-Artikolu [21(5)] tar-Regolament [2018/XXX] [ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid];
–ma jagħtix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-Programm;
–jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.
Artikolu 6
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-UE
1.Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.
2.Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari l-għotjiet, il-premjijiet, l-akkwist pubbliku u r-rimborż ta’ spejjeż ta’ vjaġġar u sussistenza mġarrba mill-esperti esterni.
KAPITOLU II
ELIĠIBBILTÀ
Artikolu 7
Azzjonijiet eliġibbli
1.L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
2.L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:
(a)laqgħat u avvenimenti simili ad hoc;
(b)kollaborazzjoni strutturata bbażata fuq il-proġetti;
(c)azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità fl-IT, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej;
(d)azzjonijiet ta’ bini tal-kompetenza u tal-kapaċità umana;
(e)appoġġ u azzjonijiet oħra, inklużi:
(1)studji;
(2)attivitajiet ta’ innovazzjoni, b’mod partikolari l-inizjattivi dwar il-provi tal-kunċett, il-proġetti pilota u l-prototipi;
(3)azzjonijiet ta’ komunikazzjoni żviluppati b’mod konġunt;
(4)kwalunkwe azzjoni prevista fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 13, li tkun meħtieġa biex jinkisbu jew bħala appoġġ tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
Il-forom possibbli ta’ azzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (d) huma ppreżentati f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness 1.
3.L-azzjonijiet li jikkonsistu fl-iżvilupp u l-operat ta’ adattamenti jew ta’ estensjonijiet tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi Ewropej għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament meta jkunu ta’ interess għall-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, li jistgħu jipprevedu għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-partijiet terzi kkonċernati minn dawn l-azzjonijiet.
4.Meta azzjoni ta’ bini tal-kapaċità fl-IT imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 tikkonċerna l-iżvilupp u l-operat ta’ sistema elettronika Ewropea, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm il-kostijiet relatati biss mar-responsabbiltajiet fdati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2). L-Istati Membri għandhom iġarrbu l-kostijiet relatati mar-responsabbiltajiet fdati lilhom skont l-Artikolu 11(3).
Artikolu 8
Esperti esterni
1.Jekk ikunu ta’ benefiċċju biex jinkisbu l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet governattivi, anke dawk minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm skont l-Artikolu 5, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet oħra rilevanti, tal-operaturi ekonomiċi u tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili, jistgħu jieħdu sehem bħala esperti esterni għall-azzjonijiet organizzati taħt il-Programm.
2.Il-kostijiet imġarrba mill-esperti esterni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eliġibbli għal rimborż taħt il-Programm skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju.
3.L-esperti esterni għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-azzjoni speċifika, u b’tali mod li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess.
KAPITOLU III
GĦOTJIET
Artikolu 9
Għoti, komplementarjetà u finanzjament ikkombinat
1.L-għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2.Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm, sakemm il-kontribuzzjoni ma tkoprix l-istess kostijiet. Ir-regoli ta’ kull programm ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.
3.Skont l-Artikolu 198(f) tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet għandhom jingħataw mingħajr sejħa għal proposti meta l-entitajiet eliġibbli jkunu awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.
Artikolu 10
Rata ta’ kofinanzjament
1.B’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, il-Programm jista’ jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni.
2.Ir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli meta l-azzjonijiet ikunu jeħtieġu l-għoti ta’ għotjiet, għandha tiġi stabbilita fil-programmi ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 13.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-AZZJONIJIET TA’ BINI TAL-KAPAĊITÀ FL-IT
Artikolu 11
Responsabbiltajiet
1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-operat, inkluż it-tfassil, l-ispeċifikazzjoni, l-ittestjar tal-konformità, l-użu, iż-żamma, l-evoluzzjoni, is-sigurtà, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità tas-sistemi elettroniċi Ewropej elenkati fil-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fl-Artikolu 12.
2.B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura dan li ġej:
(a)l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti komuni kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;
(b)il-koordinazzjoni ġenerali tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb tal-operabbiltà, l-interkonnettività u t-titjib kontinwu u l-implimentazzjoni sinkronizzata tagħhom;
(c)il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej bil-ħsieb li jiġu promossi u implimentati fil-livell nazzjonali;
(d)il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej rigward l-interazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, bl-esklużjoni ta’ azzjonijiet imfassla biex jissodisfaw rekwiżiti nazzjonali;
(e)il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell tal-Unjoni.
3.B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
(a)l-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali kif stabbiliti taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni previst fl-Artikolu 12;
(b)il-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-operat tal-komponenti nazzjonali tas-sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali;
(c)il-koordinazzjoni tas-sistemi elettroniċi Ewropej ma’ azzjonijiet oħra rilevanti relatati mal-gvern elettroniku fil-livell nazzjonali;
(d)il-provvista regolari ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex l-awtoritajiet jew l-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-sistemi elettroniċi Ewropej;
(e)l-implimentazzjoni ta’ sistemi elettroniċi Ewropej fil-livell nazzjonali.
Artikolu 12
Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni (MASP-T)
1.Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni li jelenka l-kompiti kollha rilevanti għall-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej u tikklassifika kull sistema jew parti minnha, bħala:
(a)komponent komuni: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell tal-Unjoni, li huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha jew identifikat bħala komuni mill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni;
(b)komponent nazzjonali: komponent tas-sistemi elettroniċi Ewropej żviluppat fil-livell nazzjonali, li huwa disponibbli fl-Istat Membru li ħoloq dan il-komponent jew li kkontribwixxa għall-ħolqien konġunt tiegħu;
(c)jew taħlita tat-tnejn.
2.Il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni għandu jinkludi wkoll azzjonijiet pilota u innovattivi kif ukoll appoġġ għall-metodoloġiji u l-għodod relatati mas-sistemi elettroniċi Ewropej.
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull darba li jlestu kompitu allokat lilhom taħt il-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Dawn għandhom ukoll jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tal-kompiti tagħhom.
4.Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni b’rapporti ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Pluriennali dwar it-Tassazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel. Dawk ir-rapport annwali għandhom ikunu bbażati fuq format stabbilit minn qabel.
5.Abbażi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 4 u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport konsolidat li jivvaluta l-progress magħmul mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 u tippubblika dak ir-rapport.
KAPITOLU V
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 13
Programm ta’ ħidma
1.Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma pluriennali msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju.
2.Il-programmi ta’ ħidma pluriennali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 14
Monitoraġġ u rapportar
1.L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, huma stabbiliti fl-Anness 2.
2.Biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 ħalli temenda l-Anness 2, biex fejn jitqies meħtieġ jiġu riveduti jew ikkumplementati l-indikaturi u biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.
3.Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u f’waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.
Artikolu 15
Evalwazzjoni
1.L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2.L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.
3.Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm mill-Kummissjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 16
Awditi u investigazzjonijiet
Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm b’deċiżjoni taħt il-ftehim internazzjonali jew bis-saħħa ta’ kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).
KAPITOLU VI
EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA U PROĊEDURA TA’ KUMITAT
Artikolu 17
Eżerċizzju tad-delega
1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 18
Proċedura ta’ kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat tal-Programm Fiscalis”. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 19
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1.Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-midja u lill-pubbliku.
2.Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 20
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 21
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1.Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, taħt ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013, li għandu jkompli japplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
2.Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati taħt il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2013.
3.Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (raggruppament ta’ programmi)
1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.Durata u impatt finanzjarju
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata(i)
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Fiscalis għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (raggruppament ta’ programmi)
Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja
X l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni jew dirottar ta' azzjoni waħda jew aktar lejn/ma' azzjoni oħra jew azzjoni ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Il-programm se jiġi implimentat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jadotta programm ta’ ħidma pluriennali. L-adozzjoni hija ppjanata għall-ewwel trimestru tal-2021 wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Fiscalis. L-eżekuzzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali se titwettaq permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja mal-benefiċjarji u l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku mal-fornituri tas-servizz li jibdew mhux aktar tard mit-tieni trimestru tal-2021.
1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadann mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-kumplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur li kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
Raġunijiet għal azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante)
L-Unjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għadhom ibatu minn problema ta’ nuqqas ta’ kapaċità u nuqqas ta’ kooperazzjoni – kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi – fit-twettiq effettiv u effiċjenti tal-missjonijiet tagħhom. Dawn iridu jipprovdu rispons mgħaġġel u konġunt għall-problemi emerġenti bħalma huma l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, id-diġitalizzazzjoni u l-mudelli kummerċjali ġodda, u fl-istess ħin jevitaw il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għaċ-ċittadini u n-negozji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera. Dawn ix-xejriet joħolqu kontinwament sfidi ġodda għall-funzjonament u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali. Dawn jappellaw għal modi aħjar u innovattivi biex iwettqu l-kompitu ewlieni tagħhom, jiġifieri l-ġbir tat-taxxi li jsostni direttament il-baġit nazzjonali u indirettament dak tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi programm Fiscalis li jkun fih il-mezzi u baġit li jappoġġaw il-politika tat-tassazzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa permezz ta’ attivitajiet li jibnu l-kapaċità amministrattiva u dik fl-IT u permezz ta’ kooperazzjoni operattiva.
Valur miżjud iġġenerat tal-Unjoni mistenni (ex post)
Il-biċċa l-kbira tal-baġit propost se tintefaq fuq attivitajiet li jibnu l-kapaċità fl-IT. Is-sinsla tal-kooperazzjoni dwar it-taxxa hija netwerk iddedikat ta’ komunikazzjoni b’sigurtà għolja li jiżgura li kull amministrazzjoni nazzjonali teħtieġ li tikkonnettja darba biss ma’ din l-infrastruttura komuni biex tkun tista’ tiskambja kwalunkwe tip ta’ informazzjoni. Jekk din l-infrastruttura ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jkollhom jingħaqdu 27 darba mas-sistemi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra.
1.4.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Din il-proposta tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni finali ta’ Fiscalis 2013, kif ukoll ir-riżultati preliminari tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Fiscalis 2020 li għaddejja bħalissa. Dawn jindikaw li l-programm qed jipprovdi valur miżjud b’saħħtu għall-UE, qed jibni l-fiduċja u qed irawwem kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi parteċipanti oħra (pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali). Il-programm jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jippermetti t-titjib fl-effiċjenza (permezz tal-qsim tar-riżorsi) speċjalment fil-qasam tas-sistemi elettroniċi (fejn l-intervent tal-UE qed jirriżulta f’ekonomiji ta’ skala u fi tnaqqis tal-kostijiet ta’ żvilupp) u fil-moduli ta’ taħriġ (fejn l-intervent tal-UE huwa rrappurtat li qed jiffranka l-ħin u l-flus lil xi awtoritajiet). Il-parteċipanti rrappurtaw ukoll interess qawwi u dejjem jikber f’azzjonijiet konġunti (partikolarment żjarat ta’ ħidma, seminars u workshops) bħala għodda effettiva li tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u għat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ Timijiet ta’ Esperti qiegħda titqies bħala mezz b’saħħtu li jixpruna l-kooperazzjoni aktar fil-fond (fuq bażi reġjonali jew tematika) minħabba l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-istruttura operattiva speċifika tagħha. Xi parteċipanti indikaw il-possibbiltà li tiżdied id-distribuzzjoni attwali tal-fondi favur din l-attività li tibni l-kapaċità amministrattiva.
1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Din il-proposta hija konsistenti ma’ programmi u fondi oħra proposti ta’ azzjoni tal-UE li għandhom għanijiet simili f’oqsma relatati:
-
Il-Programm Doganali, li jappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana;
-
Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi li jiġġieled il-frodi biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-TFUE;
-
Il-Programm tas-Suq Uniku, li jappoġġa l-azzjonijiet tal-UE biex jinkiseb suq uniku li jaħdem aħjar;
-
Il-Programm ta’ Apoġġ għar-Riformi li jgħin pajjiżi speċifiċi tal-UE biex jibnu istituzzjonijiet aktar effettivi, oqfsa ta’ governanza aktar b’saħħithom u awtoritajiet pubbliċi effiċjenti.
1.5.Durata u impatt finanzjarju
X durata limitata
–X
fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2027
–X
L-impatt finanzjarju mill-2021 sal-2027 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2021 sal-2030 għall-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti.
◻ durata illimitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–X mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ lill-korpi li jissemmew fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
L-impatt tal-programm Fiscalis propost se jiġi vvalutat b’evalwazzjonijiet interim u finali, kif ukoll bil-monitoraġġ fuq bażi kontinwa ta’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta’ livell għoli.
Ir-riżultati u l-outputs tal-programm se jkunu soġġetti għal valutazzjoni regolari permezz ta’ sistema komprensiva ta’ monitoraġġ, ibbażata fuq indikaturi definiti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-għoti tal-valur għall-flus. Id-data għall-kejl tal-prestazzjoni se tinkiseb minn għodod differenti tal-ġbir tad-data, inklużi formoli ta’ segwitu tal-azzjonijiet, formoli għall-valutazzjoni ta’ avvenimenti u stħarriġ regolari tal-uffiċjali tat-taxxa.
Peress li l-programm għandu rwol ta’ appoġġ, li jgħin lill-awtoritajiet tal-pajjiżi parteċipanti jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u li jixpruna l-kapaċità tagħhom, is-sistema ta’ monitoraġġ tiffoka fuq is-segwitu tal-progress tal-attivitajiet tal-programm f’termini tal-indikaturi fil-livelli tal-outputs. Kull meta jkun possibbli, hija ssegwi wkoll indikaturi f’oqsma marbuta mal-għanijiet ta’ livell għoli tal-programm.
Il-Kummissjoni, fuq bażi annwali, se toħroġ rapport dwar il-progress tal-programm li jkun fih sommarju tal-prestazzjoni lejn l-għanijiet tal-programm u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati relatati.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposti
Il-programm se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta minħabba n-natura tal-attivitajiet tal-programm, l-enfasi tiegħu fuq l-awtoritajiet tat-taxxa bħala benefiċjarji u s-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tat-tassazzjoni. Dan il-mod ta’ ġestjoni jipprevedi l-aktar allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi finanzjarji u l-akbar impatt possibbli. Fil-fatt huwa joffri kemm flessibbiltà kif ukoll setgħa ta’ tmexxija lill-Kummissjoni biex, permezz tad-deċiżjoni tagħha dwar il-finanzjament, talloka annwalment il-fondi xierqa skont il-prijoritajiet miftiehma mal-Istati Membri permezz tal-komitoloġija, inklużi l-ħtiġijiet emerġenti.
Il-programm se jiġi implimentat l-aktar permezz tal-akkwist pubbliku u, fuq skala inqas, permezz ta’ ftehimiet ta’ għotja stabbiliti mal-awtoritajiet nazzjonali.
Għall-akkwist pubbliku, il-modalitajiet ta’ pagament huma allinjati bis-sħiħ mal-istandards korporattivi (l-ebda prefinanzjament; il-pagamenti kollha huma marbutin mal-aċċettazzjoni ta’ riżultati predefiniti).
Għall-għotjiet huwa previst prefinanzjament sa 90 %. Il-pagamenti/l-irkupri finali għall-għotjiet isiru abbażi ta’ rapporti finanzjarji flimkien ma’ awditi ex post fuq il-post.
Is-sistema ta’ kontroll għall-akkwist pubbliku hija bbażata fuq verifika ex ante bir-reqqa ta’ 100 % tat-tranżazzjonijiet kollha, u b’hekk teskludi xi żball fil-ħin tal-pagament.
Għall-għotjiet, l-istrateġija ta’ kontroll għandha approċċ doppju:
(1) ir-rapporti finanzjarji tal-awtoritajiet nazzjonali jingħalqu wara analiżi ta’ malajr mhux fuq il-post segwita mill-ordni finali ta’ pagament/ta’ rkupru (u b’hekk jitnaqqas id-dewmien fil-pagamenti). Dawn l-ordnijiet ta’ pagament/ta’ rkupru jibqgħu jiġu verifikati bil-kontrolli ex ante tas-soltu inkorporati fiċ-ċirkwiti finanzjarji (verifika ex ante ta’ 100 % tat-tranżazzjonijiet).
(2) il-kontrolli ta’ hawn fuq jiġu sostnuti b’awditu ex post fuq il-post fl-Istati Membri. Id-DĠ TAXUD jimmira li jwettaq missjonijiet ta’ awditi fuq il-post fi tlieta sa ħames Stati Membri kull sena bil-ħsieb li jkopri l-maġġoranza tal-pajjiżi parteċipanti qabel tmiem il-perjodu tal-programm.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jimplimentaw il-programm huma limitati.
(1) Għall-akkwist pubbliku, il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet (marbutin l-aktar mal-l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi) jiġu implimentati bl-użu ta’ kuntratti qafas eżistenti u/jew permezz ta’ kodelegazzjoni lil servizzi oħra tal-Kummissjoni.
Is-sistema ġenerali ta’ kontroll intern fis-seħħ fid-DĠ TAXUD (ibbażata fuq verifika ex ante bir-reqqa ta’100 % tat-tranżazzjonijiet relatati), ippermettiet li r-rati ta’ żball fil-programm preċedenti jinżammu ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità (jiġifieri fil-livell stmat ta’ 0.5 %). Din is-sistema ta’ kontroll se tkompli tintuża u tiġi applikata għat-tranżazzjonijiet kollha taħt il-programm il-ġdid biex ikunu żgurati rati ta’ żball ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità.
(2) Għall-għotjiet, it-tranżazzjonijiet għandhom ugwalment livell baxx ta’ riskju, partikolarment minħabba li:
•
il-benefiċjarji huma awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali – f’dan il-każ ma jsirux sejħiet għal proposti;
•
l-ispiża hija marbuta l-aktar ma’ bosta azzjonijiet b’ammonti relattivament żgħar involuti għal kull azzjoni (prinċipalment rimborżi tal-infiq tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza);
•
l-użu obbligatorju ta’ ART2 (is-sistema elettronika għall-monitoraġġ tal-infiq) għar-reġistrazzjoni tal-azzjonijiet u għall-kompilazzjoni ta’ rapporti finanzjarji - din is-sistema tinkorpora ċerti kontrolli;
•
il-proġetti u l-azzjonijiet kollha taħt il-programm huma approvati ex ante mid-DĠ TAXUD, il-kontrolli relatati mal-fażijiet tal-għażla u tal-għoti tal-kuntratti jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-impenji tal-għotjiet;
•
l-analiżi tal-aktar żbalji komuni identifikati matul il-verifiki ex post jew l-awditi ex post fuq il-post tal-passat, tikkonferma li t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati għandhom riskju baxx.
Taħt il-programm preċedenti, ir-rata ta’ żball għall-parti implimentata permezz ta’ għotjiet ukoll kienet konsistentement taħt il-livell limitu ta’ materjalità (jiġifieri madwar 1 %). Din is-sistema ta’ kontroll se tkompli tiġi applikata biex hekk tiżgura rati ta’ żball ferm inqas mil-livell limitu ta’ materjalità.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontrolli ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-pagament u fl-għeluq)
Il-kost totali annwali tal-kontrolli taħt il-programm preċedenti kien konsistentement madwar 1.5 % (il-kost tal-kontrolli kollha (akkwist pubbliku u għotjiet) diviż bil-pagamenti li saru matul is-sena) u jitqies kosteffettiv.
Ir-riskju ta’ żball, kif ġie indikat hawn fuq, huwa limitat meta titqies in-natura tat-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati u l-metodu ta’ implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, is-sistema ta’ kontroll intern globali, ibbażata fuq verifiki ex ante bir-reqqa, timmira li telimina l-iżbalji potenzjali kollha qabel il-pagament/l-għeluq.
Il-kontrolli ex post fuq il-post għall-għotjiet jissoktaw inaqqsu r-riskju potenzjali ta’ żball mal-pagament/fl-għeluq minħabba l-effett qawwi ta’deterrent li għandhom.
L-istrateġija ta’ kontroll applikata taħt il-programm preċedenti nstabet li hi effettiva u effiċjenti u l-kost tal-kontroll deher li huwa limitat.
Meta jitqies li se jintużaw l-istess sistemi ta’ kontroll għall-programm il-ġdid, il-kost antiċipat tal-kontrolli u l-livell mistenni ta’ riskju ta’ żball mal-pagament/fl-għeluq taħt il-programm il-ġdid se jkunu simili.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
L-istrateġija kontra l-frodi (AFS) tad-DĠ TAXUD tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ kultura b’saħħitha kontra l-frodi fid-DĠ permezz ta’attivitajiet li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji potenzjali tal-frodi u dwar l-imġiba etika fost il-persunal tad-DĠ TAXUD. Barra minn hekk, l-istrateġija tindirizza kooperazzjoni attiva mal-OLAF u l-integrazzjoni ta’aspetti tal-frodi fiċ-ċiklu tal-ipproggrammar u l-ippjanar strateġiku (SPP) tad-DĠ.
Meta jitqies li l-programm se jiġi implimentat (l-aktar) permezz tal-akkwist pubbliku, l-għan 3 tal-AFS tad-DĠ TAXUD (jiġifieri, “Il-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess fir-relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati esterni bħalma huma lobbyists, offerenti u kuntratturi”) b’enfasi fuq 1) iż-żamma ta’ reġistru tal-kuntatti mal-lobbyists, 2) il-ġestjoni ċentralizzata tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tal-kuntatti mal-offerenti, 3) it-taħriġ dedikat dwar il-kuntatti mal-lobbyists, se jkun partikolarment applikabbli għall-implimentazzjoni tal-programm. Il-konsultazzjoni obbligatorja mas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni qabel ma jingħataw il-kuntratti (u kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja) se tinkludi wkoll kwalunkwe frodi jew irregolarità potenzjali.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji ġodda tan-nefqa proposti
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./mhux diff.
|
mingħand il-pajjiżi tal-EFTA
|
mingħand il-pajjiżi kandidati
|
mingħand pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju
|
|
1
|
03.01 Suq Uniku – Linja amministrattiva
03.04 Suq Uniku – Kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (FISCALIS)
|
Diff.
|
LE
|
IVA
|
IVA
|
LE
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
1
|
“Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali”
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali (maqsuma skont il-linji baġitarji elenkati taħt 3.1)
|
Impenji
|
(1)
|
33.202
|
34.036
|
35.326
|
37.122
|
39.494
|
42.540
|
46.180
|
|
267.900
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
7.957
|
24.607
|
31.141
|
33.479
|
35.699
|
38.342
|
41.504
|
55.171
|
267.900
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
Impenji = Pagamenti
|
(3)
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
|
2.100
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm
|
Impenji
|
=1+3
|
33.502
|
34.336
|
35.626
|
37.422
|
39.794
|
42.840
|
46.480
|
|
270.000
|
|
|
Pagamenti
|
=2+3
|
8.257
|
24.907
|
31.441
|
33.779
|
35.999
|
38.642
|
41.804
|
55.171
|
270.000
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Riżorsi umani
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
|
45.892
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
|
2.121
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
|
48.013
|
EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
fl-INTESTATURI kollha
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
40.361
|
41.195
|
42.485
|
44.281
|
46.653
|
49.699
|
53.339
|
|
318.013
|
|
|
Pagamenti
|
15.116
|
31.766
|
38.300
|
40.638
|
42.858
|
45.501
|
48.663
|
55.171
|
318.013
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
6.556
|
45.892
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
0.303
|
2.121
|
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
6.859
|
48.013
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
2.100
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
0.300
|
2.100
|
|
TOTAL
|
7.159
|
7.159
|
7.159
|
7.159
|
7.159
|
7.159
|
7.159
|
50.113
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni taħt il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–X
Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)
|
|
Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
42
|
42
|
42
|
42
|
42
|
42
|
42
|
|
Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE) - AC, AL, END, INT u JED
Intestatura 7
|
|
Iffinazjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
7
|
7
|
7
|
7
|
7
|
7
|
7
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
49
|
49
|
49
|
49
|
49
|
49
|
49
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma' kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista' tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni taħt il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompliti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
Iċ-ċifri jinkludu kemm il-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni u l-implimentazzjoni diretta tal-programm kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq oqsma ta’ politika appoġġati/iffinanzjati mill-programm.
|
|
Persunal estern
|
Iċ-ċifri jinkludu kemm il-persunal li jaħdem fuq il-ġestjoni u l-implimentazzjoni diretta tal-programm kif ukoll il-persunal li jaħdem fuq oqsma ta’ politika appoġġati/iffinanzjati mill-programm.
|
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–X
ma tipprevedix il-kofinanzjament minn partijiet terzi
–◻
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi u li qed jiġi stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–X
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–X
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul huwa assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
EUR miljun (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).
L-impatt tal-programm jista’ jaffettwa indirettament id-dħul tal-UE billi l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali aħjar u aktar effiċjenti huma mistennija li jwasslu biex, fost l-oħrajn, tinġabar aktar VAT. Madanakollu dan l-effett mhuwiex kwantifikabbli.