IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.5.2018
COM(2018) 264 final
2018/0125(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ċertu prodotti jeħtieġu kwoti tariffarji awtonomi meta l-produzzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea ma tkunx tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-industriji li jużawhom fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-kwoti tariffarji tal-Unjoni jinfetħu b’rati ta’ dazju żero jew imnaqqsa għall-volumi x-xierqa, mingħajr ma jfixklu s-swieq ta’ dawn il-prodotti.
Fis-17 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali biex id-domanda tal-Unjoni għall-prodotti inkwistjoni tkun tista’ tiġi ssodisfata bl-iżjed kundizzjonijiet favorevoli.
Ir-Regolament jiġi aġġornat kull sitt xhur biex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja, eżaminat it-talbiet kollha tal-Istati Membri għal dazji tal-kwoti tariffarji awtonomi.
Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tqis li l-ftuħ tal-kwoti tariffarji awtonomi huwa ġġustifikat għal xi prodotti ġodda li bħalissa mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1388/2013. Fir-rigward ta’ xi prodotti oħra, trid tiġi modifikata d-deskrizzjoni tal-prodott biex jitqiesu l-aħħar żviluppi tekniċi jew irid jiġi aġġustat il-volum tal-kwota inizjali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta la taffettwa lill-pajjiżi li għandhom ftehim kummerċjali preferenzjali mal-Unjoni, u lanqas lill-pajjiżi kandidati jew lill-kandidati potenzjali għal ftehimiet preferenzjali mal-Unjoni (eż. is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi; is-sistema ta’ kummerċ tal-grupp tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku; il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles).
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta tikkonforma mal-politiki tal-Unjoni dwar l-agrikoltura, il-kummerċ, l-intrapriżi, l-iżvilupp, l-ambjent u r-relazzjonijiet esterni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-miżuri previsti jikkonformaw mal-prinċipji għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-operaturi involuti fil-kummerċ barrani, kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet li jridu jintlaħqu skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), “Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għandhom jkunu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni”. Għalhekk, l-istrument ix-xieraq huwa regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-iskema tal-kwoti tariffarji awtonomi kienet parti minn studju ta’ evalwazzjoni li sar fl-2013 dwar is-sospensjonijiet tariffarji awtonomi.
Dan għaliex iż-żewġ miżuri huma simili, ħlief għall-fatt li l-kwoti jillimitaw il-volumi tal-importazzjonijiet. L-evalwazzjoni kkonkludiet li r-raġuni fundamentali għall-iskema għadha valida. L-iffrankar tal-ispejjeż għan-negozji tal-Unjoni li jimpurtaw oġġetti skont l-iskema jista’ jkun sinifikanti. Barra minn hekk, skont il-prodott, il-kumpanija u s-settur ikkonċernati, dan l-iffrankar jista’ jwassal għal benefiċċji usa’, bħall-ixprunar tal-kompetittività, it-titjib fl-effiċjenza tal-metodi ta’ produzzjoni u l-ħolqien jew iż-żamma tal-impjiegi fl-Unjoni. Id-dettalji tal-iffrankar ta’ dan ir-Regolament jinsabu fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja, li jikkonsisti minn delegazzjonijiet mill-Istati Membri kollha u mit-Turkija, għen lill-Kummissjoni biex tivvaluta din il-proposta. Il-grupp iltaqa’ tliet darbiet qabel ma ntlaħaq ftehim dwar il-bidliet f’din il-proposta.
Kull talba (ġdida, jew għal emenda) ġiet ivvalutata bir-reqqa. B’mod partikolari eżamina kull każ biex jiżgura li ma kinitx qed tikkawża xi ħsara lill-produtturi tal-Unjoni u li kienet qed isaħħaħ u tikkonsolida l-kompetittività tal-produzzjoni tal-Unjoni. Il-membri tal-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja wettqu l-valutazzjoni permezz ta’ diskussjonijiet, u l-Istati Membri kkonsultaw lill-industriji, lill-assoċjazzjonijiet, lill-kmamar tal-kummerċ ikkonċernati u partijiet ikkonċernati oħra involuti.
Il-kwoti kollha elenkati kienu s-suġġett ta’ ftehimiet jew ta’ kompromessi milħuqa fid-diskussjonijiet li saru tal-Grupp dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ekonomija Tariffarja. Ma ssemma l-ebda riskju potenzjalment serju b’konsegwenzi irreversibbli.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-emenda proposta hija ta’ natura purament teknika u tikkonċerna biss il-kopertura tal-kwoti elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1388/2013. Għalhekk ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul li jwassal għal ammont totali ta’ dazji doganali mhux miġbura ta’ madwar EUR 0.8 miljun kull sena. L-effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit huwa ta’ EUR 0.6 miljun kull sena (80 % ta’ EUR 0.8 miljun kull sena).
It-telf tad-dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali għandu jiġi kkumpensat bl-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri abbażi tal-kontribuzzjonijiet għar-riżorsi.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-miżuri proposti huma ġestiti fil-qafas tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) u applikati mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri.
2018/0125 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Biex tiġi żgurata l-provvista suffiċjenti u mingħajr interruzzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli u industrijali li ma jiġux prodotti fi kwantitajiet biżżejjed fl-Unjoni u b’hekk jiġi evitat kull tfixkil fis-suq għal dawk il-prodotti, infetħu kwoti tariffarji awtonomi bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1388/2013. Il-prodotti li ma jaqbżux dawk il-kwoti tariffarji jistgħu jiġu importati fl-Unjoni b’rati ta’ dazju mnaqqsa jew żero.
(2)Peress li huwa fl-interess tal-Unjoni u wara li jitqies il-fatt li prodotti identiċi, ekwivalenti jew sostituti ma jiġux prodotti fi kwantitajiet biżżejjed fl-Unjoni, jeħtieġ li jinfetħu l-kwoti tariffarji b’rati ta’ dazju żero għall-kwantitajiet xierqa fir-rigward ta’ seba’ prodotti ġodda li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
(3)Jenħtieġ li jiżdiedu l-volumi tal-kwota fil-każ ta’ tmien prodotti addizzjonali bin-numri tal-ordni 09.2700, 09.2624, 09.2647, 09.2648, 09.2682, 09.2696, 09.2697 u 09.2643, billi din żieda hija fl-interess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Jenħteġ li tiġi emendata d-deskrizzjoni fil-każ ta’ tliet prodotti bin-numri tal-ordni 09.2676, 09.2876 u 09.2721.
(4)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 jiġi emendat skont dan. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fl-applikazzjoni tal-iskema tal-kwoti, jenħtieġ li l-bidliet fir-rigward tal-kwoti għall-prodotti kkonċernati previsti f’dan ir-Regolament japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2018. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1388/2013, it-tabella hija emendata kif ġej:
(1)fl-ewwel kolonna jitħassru l-asterisks (*) kollha;
(2)
ir-ringieli għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.2726, 09.2728, 09.2684, 09.2730, 09.2732, 09.2734 u 09.2736 stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jiddaħħlu skont l-ordni tal-kodiċijiet NM indikati fit-tieni kolonna ta’ dik it-tabella;
(3)
ir-ringieli għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.2700, 09. 2624, 09.2647, 09.2648, 09.2682, 09.2696, 09.2697, 09.2676, 09.2876, 09.2721 u 09.2643 huma sostitwiti bir-ringieli korrispondenti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.
ISEM IL-PROPOSTA:
Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1388/2013 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u industrijali
2.
LINJI BAĠITARJI
Kapitolu u Artikolu:
Il-Kapitolu 1 2 u l-Artikolu 1 2 0 - Dazji doganali u dazji oħra msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom;
Ammont ibbaġitjat għas-sena 2018 (22 844 000 000 EUR)
3.
IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja
X
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul. L-effett huwa kif ġej:
(miljuni ta’ EUR aġġustati ’l fuq għal pożizzjoni deċimali waħda)
|
Linja baġitarja
|
Dħul
|
Perjodu ta’ sitt xhur li jibda minn jj/xx/ssss
|
[Sena: it-tieni nofs tal-2018]
|
|
L-Artikolu 120
|
Impatt fuq ir-riżorsi proprji
|
01/07/2018
|
- 0,6
|
L-Anness I fih 7 prodotti ġodda. Id-dazji mhux miġbura li jikkorrispondu għal dawn il-kwoti, ikkalkulati abbażi tat-tbassir tal-Istat Membru li għamel it-talba għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2018 u l-31 ta’ Diċembru 2018, jammontaw għal EUR 0,6 miljun.
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impatt fuq it-telf ta’ dħul għall-baġit tal-UE li jirriżulta minn dan ir-Regolament huwa stmat li se jkun ta’ EUR 700 820 (ammont gross, inklużi l-kostijiet tal-ġbir) x 0,8 = EUR 560 656 kull semestru (ammont nett).
4.
MIŻURI KONTRA L-FRODI
Se jsiru kontrolli fuq l-użu aħħari ta’ wħud mill-prodotti koperti b’dan ir-Regolament tal-Kunsill skont l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.