IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.4.2018
COM(2018) 174 final
2018/0083(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 (minn issa 'l quddiem: l-emenda tal-SBC (Schengen Border Code, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Shengen)) emenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (Convention Implementing the Schengen Agreement, CISA), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen [SBC]) u r-Regolament (KE) Nru 810/2009 (il-Kodiċi dwar il-Viżi) u – fost l-oħrajn – iddefinixxa mill-ġdid il-kunċett ta’ "soġġorn qasir" għal ċittadini ta’ pajjiż terz fiż-żona Schengen. Sa mit-18 ta’ Ottubru 2013, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – irrispettivament minn jekk kellhomx bżonn ta’ viża jew le – li jkollhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta’ Schengen għal soġġorn qasir, it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat huwa definit bħala "90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum". Kuntrarju għad-definizzjoni li kienet fis-seħħ sat-18 ta' Ottubru 2013 (tliet xhur waqt il-perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul), il-kunċett il-ġdid huwa aktar preċiż billi jistipula t-tul ta' żmien fi ġranet, minflok f'xhur. Barra minn hekk, it-terminu "mid-data tal-ewwel dħul" li wassal għal bosta inċertezzi u mistoqsijiet tneħħa mid-definizzjoni.
L-emenda tal-SBC introduċiet il-bidliet kollha meħtieġa fl-acquis tal-UE fil-qasam tal-viżi u l-fruntieri, i.e. is-CISA, l-SBC, il-Kodiċi dwar il-Viżi u r-Regolament (KE) Nru 539/2001. Madankollu, il-kunċett tas-soġġorn qasir huwa minqux ukoll fil-ftehimiet internazzjonali li ġew konklużi mill-Unjoni Ewropea. Il-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża li ġew konklużi ma' Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles għadhom jirreferu għad-definizzjoni l-qadima ("tliet xhur matul perijodu ta' sitt xhur wara d-data ta' meta jkunu daħlu l-ewwel darba") meta jiddefinixxu t-tul tas-soġġorn mingħajr viża.
Fis-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati għall-emendar tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir, bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fuq imsemmija, li l-Kunsill adotta fid-9 ta’ Ottubru 2014. L-għan kien li tiġi implimentata d-definizzjoni l-ġdida ta’ soġġorn qasir fir-rigward ta’ dawn is-seba’ pajjiżi, kif previst mill-emenda tal-SBC. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta' "soġġorn qasir" fil-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża f'termini ta' ġranet, minflok f'termini ta’ xhur, hija anqas ikkumplikata u tista' tiġi vverifikata u kkalkolata b'mezzi elettroniċi/ta' IT, u għalhekk hija iktar adatta għal sistemi ċentralizzati ta' ġestjoni tal-fruntieri, bħal ma hija s-sistema proposta ta' Dħul/Ħruġ (EES).
Wara l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati biex temenda l-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża mas-seba’ pajjiżi (Antigwa u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Brażil, Mauritius, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles).
In-negozjati mal-Brażil ġew iffinalizzati b’suċċess fil-31 ta’ Ottubru 2017 permezz tal-inizjalar tal-ftehimiet li jemendaw iż-żewġ Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji kif ukoll għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, tas-servizz u uffiċjali. Iż-żewġ partijiet qablu li jadottaw id-definizzjoni l-ġdida ta’ “soġġorn qasir”, fost dettalji tekniċi oħra (ara aktar ’l isfel), iżda l-emendi kollha huma insinifikanti mill-aspett tal-vjaġġatur.
Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu tal-ftehimiet.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji (minn hawn’ il quddiem: “il-Ftehim”) jeħtieġ l-approvazzjoni taż-żewġ partijiet kontraenti f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. Min-naħa tal-Unjoni, dan jitlob deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim.
Din il-proposta hija ppreżentata lill-Kunsill sabiex jawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim.
Il-Ftehim jiżgura li jkun hemm koerenza legali kif ukoll armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, billi jimxi mad-definizzjoni l-ġdida ta’ soġġorn qasir kif stipulata fl-emenda għall-SBC, li tipprovdi interpretazzjoni ċara ta’ "soġġorn qasir".
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.
L-Unjoni ma għandha ebda setgħa temenda l-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża li jorbtu lill-erba' pajjiżi li huma assoċjati mal-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen, inkluża l-politika komuni dwar il-viżi. Sabiex jiġu żgurati approċċ u implimentazzjoni armonizzati tad-dispożizzjonijiet dwar it-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona ta’ Schengen, dikjarazzjoni konġunta tinsab inkluża fil-Ftehim, li tiddikjara li huwa mixtieq li l-Brażil, min-naħa l-waħda, u l-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, min-naħa l-oħra, jimmodifikaw b’dan il-mod il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża bilaterali attwali.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 77(2)(a) TFUE, in-negozjar tal-ftehimiet tal-eżenzjoni mill-viżi huwa fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Minbarra dan, jekk waħda mill-partijiet kontraenti għall-ftehim internazzjonali tkun l-Unjoni Ewropea, l-ebda emenda ta’ ftehim bħal dan ma tista’ tiġi implimentata b’mod ġuridiku mill-Istati Membri infushom. Għalhekk, jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
•Il-proporzjonalità
Il-proposta preżenti ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri l-modifika tal-ftehim eżistenti bejn ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Unjoni Ewropea dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji.
3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.
4. RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill adotta direttivi ta’ negozjar li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Brażil biex jiġi emendat il-ftehim bejn iż-żewġ partijiet dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji. L-Istati Membri ġew infurmati dwar il-progress tan-negozjati f'laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża.
5.ELEMENTI OĦRA
•Ir-Riżultat tan-negozjati
Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li l-abbozz tal-ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.
Il-kontenut finali tiegħu jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:
a. Id-Durata tas-soġġorn
Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Brażil meta jivvjaġġaw lejn il-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum (minflok perjodu massimu ta' tliet xhur matul il-perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-ewwel dħul). Id-definizzjoni l-ġdida hija applikata matul il-Ftehim kollu.
b. Dispożizzjoni finali – sospensjoni tal-Ftehim (l-Artikolu 9(4))
Il-ftehim jimmodifika l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) bil-mod li ġej: “Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.” Billi jżid il-kliem "u għandha tneħħi dik is-sospensjoni", il-Ftehim jiċċara li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għandha fil-fatt titneħħa jekk ir-raġunijiet li wasslu għas-sospensjoni jisparixxu. Dwar dan il-punt, l-emenda tallinja l-kliem tal-ftehim mar-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji ma’ dak tal-ftehimiet l-oħra kollha dwar l-eżenzjoni mill-viża ffirmati mill-Unjoni fl-2015 u l-2016. Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Viża ġie kkonsultat dwar din l-emenda u l-ebda Stat Membru ma qajjem xi oġġezzjoni.
c. Dikjarazzjonijiet Konġunti
Żewġ dikjarazzjonijiet konġunti huma mehmuża mal-Ftehim:
- Dwar l-interpretazzjoni tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, kif ukoll;
- Dwar l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.
e. Dħul fis-seħħ
Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt (6) xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkun innotifikat lill-oħra li tlestew il-proċeduri tar-ratifika. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-vjaġġaturi jkunu jistgħu jifhmu l-liġi u josservawha, huwa meħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni twil biżżejjed. Hekk kif tiġi konkluża r-ratifika tal-Ftehim, il-perjodu ta’ sitt xhur se jippermetti lill-vjaġġaturi jtemmu s-soġġorni qosra, li jkomplu jiġu kkalkulati b’mod sħiħ skont id-definizzjoni l-qadima, qabel ma tidħol fis-seħħ id-definizzjoni l-ġdida dwar is-soġġorn qasir u l-perjodu ta’ referenza ta’ 180 jum li jirreferi għall-passat.
Id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-ftehim eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji jibqgħu mhux affettwati mill-Ftehim, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali.
6.KONKLUŻJONI
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni.
2018/0083 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħħal bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn qasir bħala massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
(2)Huwa meħtieġ li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji tinkorpora din id-definizzjoni ġdida fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar ir-reġim għal soġġorn qasir.
(3)Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji (“il-Ftehim”). In-negozjati mal-Brażil dwar il-Ftehim ġew iffinalizzati b’suċċess permezz tal-inizjalar tagħhom fit-31 ta’ Ottubru 2017.
(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(6)Jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi ffirmat, u li d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju jiġu approvati, f'isem l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorni qosra għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
It-test tal-Ftehim li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
L-Artikolu 2
Id-Dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għal Kunsill
Il-President