Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0400

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar ir-rwol tal-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fil-ħolqien tal-impjiegi u fir-riattivazzjoni tal-persuni qiegħda (2018/2053(INI))

ĠU C 345, 16.10.2020, pp. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/2


P8_TA(2018)0400

Ir-rwol tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fil-ħolqien tal-impjiegi u fir-riattivazzjoni tal-persuni qiegħda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar ir-rwol tal-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fil-ħolqien tal-impjiegi u fir-riattivazzjoni tal-persuni qiegħda (2018/2053(INI))

(2020/C 345/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikjedi lill-UE tippromwovi livell għoli ta' impjiegi, tiggarantixxi protezzjoni soċjali xierqa, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll tiżgura livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bl-isem “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 bl-isem “Il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea” (COM(2014)0168),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2012 bl-isem “Pjan ta' Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli” (COM(2012)0740),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394) u l-Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2008 u l-2009,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2006 bl-isem “L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Trasferiment tan-Negozji – Kontinwità bis-saħħa ta' bidu ġdid” (COM(2006)0117),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2002 bl-isem “Qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati” (COM(2002)0364) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Ġunju 2003 (2) dwarha,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fl-Ewropa,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturar (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji (4), u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (2013/2127(INI)),

wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bl-isem “Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji”, li ġie ppubblikat f'Settembru 2012,

wara li kkunsidra r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali COM(2017)0292, ippubblikat fit-8 ta' Ġunju 2017,

wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni bl-isem il-“Promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati”, li l-verżjoni finali tiegħu ġiet ippubblikata fl-2014,

wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER IV, bl-isem “Benchmarking of employee participation in profits and enterprise results in the member and candidate Countries of the European Union” (Benchmarking tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri u kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f'Ottubru 2009 mill-Università Ħielsa ta' Berlin,

wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER III, bl-isem “Promotion of employee participation in profits and enterprise results in the New Member and Candidate Countries of the European Union” (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri ġodda u dawk kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f'Ġunju 2006 mill-Università Ħielsa ta' Berlin,

wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Diċembru 2003 tal-grupp ta' livell għoli ta' esperti indipendenti dwar ostakoli transnazzjonali għat-tkabbir tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati f'intrapriżi transnazzjonali,

wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER II, bl-isem “Promotion of participation by employed persons in profits and enterprise results (including equity participation) in Member States” (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni mill-persuni impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi (inkluża l-parteċipazzjoni fil-kapital) fl-Istati Membri), li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f'Jannar 1997 (COM(1996)0697),

wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER I, bl-isem “Promotion of employee participation in profits and enterprise results” (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi), li ġie ppubblikat f'Marzu 1991 mill-Kummissjoni u l-Istitut Universitarju Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0293/2018),

A.

billi hemm diversi mudelli ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (EFP) li minnhom jista' jagħżel min iħaddem: qsim tal-profitti, pjanijiet ta' sjieda ta' ishma għall-impjegati, sjieda ta' ishma għall-ħaddiema f'mudelli kooperattivi u pjanijiet ta' sjieda ta' stokks għall-impjegati (ESOPs);

B.

billi l-aktar mudell tal-EFP xieraq fil-parti l-kbira jrid jintgħażel b'attenzjoni mill-kumpanija individwali u l-ħaddiema tagħha filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-kuntest speċifiku tar-regoli ta' tassazzjoni nazzjonali u settorjali, u fil-biċċa l-kbira jiddependi fuq id-daqs, l-attività u l-istatus tal-kumpanija, speċjalment jekk din tkun elenkata; billi mhuwiex xieraq li jiġi żviluppat mudell komprensiv “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-EFP fil-livell tal-UE;

C.

billi, skont id-data mill-Istħarriġ Ewropew tal-Kumpaniji tal-2013 (5), l-iskemi tal-EFP jistgħu jvarjaw ħafna skont il-karatteristiċi tal-kumpanija; billi 62 % tal-istabbilimenti Ewropej jużaw xi forma ta' paga varjabbli, bil-kondiviżjoni tal-profitti fi 30 % tal-każijiet u bil-paga marbuta mal-prestazzjoni tal-grupp f'25 % tal-każijiet; billi skemi ta' sjieda ta' ishma qed jintużaw minn 5 % tal-istabbilimenti; billi dawn l-iskemi EFP huma aktar prevalenti fis-settur privat milli fis-settur pubbliku (b'xi eċċezzjonijiet nazzjonali) kif ukoll f'ċerti setturi ekonomiċi, b'mod partikolari t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, il-finanzi, l-assigurazzjoni u l-konsulenza; billi huwa aktar probabbli li kumpaniji akbar jużaw dawn l-iskemi EFP minn intrapriżi żgħar u medji, u dawn l-iskemi huma wkoll ħafna aktar komuni f'kumpaniji ta' kapital barrani jew multinazzjonali u f'kumpaniji li jinstabu f'reġjuni ekonomikament (6) ċentrali jew avvanzati;

D.

billi l-ESOPs huma forma ta' EFP li jużaw entità intermedja kapaċi teżerċita drittijiet tal-vot jew forom oħra ta' governanza f'isem l-impegati, li jistgħu jagħżluhom fuq bażi volontarja;

E.

billi l-iskemi tal-EFP li jinvolvu lill-ħaddiema f'konsultazzjoni jew fit-teħid ta' deċiżjonijiet urew (7) li huma ta' benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-kumpanija inkluż f'termini ta' governanza sostenibbli, trasparenza, djalogu soċjali, rispett reċiproku bejn l-impjegati u min iħaddem, u aspetti oħra bħar-reklutaġġ, iż-żamma, il-motivazzjoni, is-sodisfazzjoni fl-impjieg u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll il-prestazzjoni globali u l-profittabbiltà;

F.

billi l-parteċipazzjoni tal-impjegati fit-teħid tad-deċiżjonijiet tista' ttejjeb il-prestazzjoni organizzazzjonali u l-kwalità tal-ħajja tax-xogħol tal-impjegati, u billi tista' taġixxi bħala għodda għall-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol (8) biex tippromwovi sens ta' sjieda, ittejjeb il-fluss tal-informazzjoni fil-kumpanija u ttejjeb il-livelli ta' fiduċja bejn min iħaddem u l-impjegati;

G.

billi l-iskemi tal-EFP jista' jkollhom impatti pożittivi fuq l-ekonomija tal-Istati Membri minħabba li jappoġġaw lill-kumpaniji inkluż lill-SMEs u s-suq tax-xogħol; billi l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema fil-kumpanija tagħhom tista' tikkontribwixxi għas-sodisfazzjon fl-impjieg, is-sens ta' sjieda, ir-rispett reċiproku bejn min iħaddem u l-impjegati u għall-prestazzjoni globali, u tista' tgħin lill-impjegati jsibu opportunitajiet f'pajjiżhom;

H.

billi, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), l-EFP tista' tikkontribwixxi għall-objettivi tas-CMU ta' tkabbir inklużiv u ta' trasparenza fl-attività ekonomika; billi l-EFP, jekk tkun marbuta ma' taħriġ għal parteċipanti pprovdut mill-kumpaniji u mill-Istati Membri, tista' ttejjeb l-edukazzjoni finanzjarja fost iċ-ċittadini tal-UE, u b'hekk potenzjalment tnaqqas ir-riluttanza tagħhom li jinvestu, u potenzjalment iżżid l-investiment fil-livell tal-konsumatur;

I.

billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Istrateġija Ewropa 2020 jistabbilixxu l-prijoritajiet biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar; billi ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-impjegati fir-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji u l-offerta ta' kumpens aħjar jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

J.

billi l-EFP trid timxi id f'id ma' livell għoli ta' informazzjoni, taħriġ u konsultazzjoni tal-impjegati sabiex dawn ikunu kompletament konxji tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja li jistgħu jissieħbu fihom u għalhekk ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni kompletament infurmata tal-vantaġġi u r-riskji potenzjali ta' dawn l-iskemi, bħal fil-każ ta' falliment tal-kumpanija;

K.

billi permezz tal-EFP, id-djalogu soċjali msaħħaħ u t-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi, min iħaddem jista' jinvesti f'opportunitajiet għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tagħhom, u għaldaqstant jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-iżgurar ta' livell għoli ta' taħriġ;

L.

billi bl-involviment tal-impjegati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, skont l-ispeċifiċità tal-iskema, l-EFP tista', f'xi każijiet, tgħin lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, fir-rigward tar-ristrutturar u tal-kontinwità tan-negozju billi tindirizza s-suċċessjoni tal-kumpanija u l-problemi ta' tiġdid ġenerazzjonali, pereżempju f'negozji tal-familja;

M.

billi ta' min jikkunsidra li l-EFP għandha elementi pożittivi u negattivi;

N.

billi l-EFP iġġorr xi riskji finanzjarji, imma tista' taġixxi wkoll bħala ammortizzatur, filwaqt li tippermetti bonuses jew kumpens ieħor u tiżgura li l-ħaddiema jkollhom portafoll ta' ishma mfaddla; billi l-ESOPs b'mod partikolari jistgħu jkunu eżempju ta' mudell ta' akkwiżizzjoni ta' kumpaniji mhux elenkati mill-impjegati fejn il-proċess ta' akkwiżizzjoni prijoritarja jista' jippermetti lill-impjegati jkunu jistgħu potenzjalment jissalvagwardjaw l-impjiegi tagħhom stess meta jkun hemm il-possibbiltà ta' akkwist minn kumpaniji oħra;

O.

billi għalhekk huma meħtieġa miżuri sabiex l-impjegati jiġu protetti u jiġi evitat li jiffaċċjaw riskji bħal pereżempju li jitilfu kemm l-impjieg tagħhom kif ukoll il-kapital investit meta min iħaddimhom jintlaqat minn kriżi; billi l-EFP ma tistax tintuża biex jitnaqqsu id-drittijiet soċjali u dawk tal-impjieg akkwistati mill-impjegati, ma tridx tieħu post il-paga bażika normali, forom oħra ta' remunerazzjoni jew kontribuzzjonijiet għal skemi ta' pensjoni, u ma tridx tkun mod li bih jiġu ttrasferiti r-riskji fuq il-ħaddiem jew biex ma tkunx rispettata l-liġi tax-xogħol;

P.

billi l-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-EFP għandha tibqa' volontarja, partikolarment fl-SMEs, filwaqt li ma għandhiex taffettwa l-mobbiltà tagħhom fis-suq tax-xogħol, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali jew id-drittijiet tagħhom li jieħdu azzjoni kollettiva; billi l-impjegati għandu għalhekk ikollhom aċċess f'kull ħin għal tagħrif dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija, bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħha u ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u jkunu informati bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull skema tal-EFP disponibbli;

Q.

billi l-inċentivi fiskali huma elementi ewlenin sabiex tiġi promossa EFP li tista' tħalli l-frott tagħha fuq medda ta' żmien medju sa twil, meta jitqies li l-pajjiżi li għandhom tradizzjoni twila ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati għandhom ukoll l-aktar sjieda żviluppata għall-impjegati u l-ogħla benefiċċji fiskali;

R.

billi politiki tal-impjieg proattivi, bħall-appoġġ għall-impjieg indipendenti ġenwin u l-intraprenditorija regolari u soċjali, huma għodda kruċjali biex in-nies qiegħda jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Intraprenditorija Ewropew adottat f'Jannar 2013;

S.

billi l-Fond Soċjali Ewropew attwali jippromwovi l-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà u l-FSE Plus li jmiss għandu jkompli jagħmel dan; billi l-EFP tista' tagħti kontribut siewi għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà billi, pereżempju, tagħmel l-investiment jew il-finanzjament aktar aċċessibbli;

T.

billi l-EFP tista' tikkomplementa l-programmi tal-UE maħsuba biex itejbu l-aċċess għall-kapital, speċjalment għall-SMEs, bħall-programm COSME, il-programm InnovFin, il-programm Ewropa Kreattiva u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej;

U.

billi l-EFP tista' tkun għodda komplementari għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li jgħin lill-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom wara bidliet strutturali kbar ikkawżati mill-globalizzazzjoni jew mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, fir-rigward tal-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet, ta' taħriġ, ta' għajnuna għall-impjieg indipendenti, għall-ħolqien ta' intrapriżi u għall-irkupru ta' intrapriżi mill-impjegati;

V.

billi l-linji gwida tal-UE għall-EFP jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jiżviluppaw oqfsa għall-iskemi tal-EFP li jistgħu potenzjalment iwasslu għal benefiċċji kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati u wkoll biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-EFP;

1.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra rakkomandazzjonijiet xierqa biex tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, jiżviluppaw u joffru skemi tal-EFP għall-benefiċċju u fl-interess kemm tal-impjegati kif ukoll tal-kumpaniji; jenfasizza li dawn l-iskemi għandhom:

jipproteġu s-sigurtà tad-dħul tal-ħaddiema,

ma jisfruttawx lill-ħaddiema f'sitwazzjoni ta' kriżi,

ma jittrasferux ir-riskju intraprenditorjali fuq il-ħaddiema;

jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni għall-investimenti tal-ħaddiema;

2.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi mhux obbligatorji, inklużi inċentivi tat-taxxa li ma jipprevalux fuq ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-aħjar prattika, meta jkunu qed jippromwovu skemi ta' sjieda għall-impjegati fost il-kumpaniji u l-impjegati, fl-istess waqt jappoġġaw l-ogħla standards ta' protezzjoni soċjali għall-impjegati u jissalvagwardjaw id-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva;

3.

Jissottolinja l-fatt li l-EFP għandha tiġi inkorporata f'sistema li tinvolvi lill-ħaddiema, pereżempju fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija, inkluż permezz tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u li l-EFP ma għandhiex tkun sostitut għal paga ġusta u deċenti, u lanqas m'għandha tkun alternattiva għall-pensjonijiet pubbliċi jew għal skemi ta' pensjonijiet miftiehma kollettivament;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-“pjan ta' azzjoni b'ħames punti” inkluż fir-rapport finali tal-proġett pilota għall-promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati mill-2014;

5.

Jirrikonoxxi r-rabta bejn il-miżuri leġiżlattivi fil-livell nazzjonali li jiffavorixxu skemi tal-EFP u l-għadd ta' kumpaniji u impjegati li jużawhom;

6.

Jenfasizza l-ostakli transnazzjonali li jiġu iffaċċjati kemm mill-kumpaniji li joffru dawn l-iskemi f'diversi Stati Membri, kif ukoll mill-impjegati, jiġifieri d-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni u r-riskji tat-tassazzjoni doppja li jistgħu jiġġeneraw spejjeż amministrattivi sostanzjali u jaffettwaw il-libertà ta' moviment tal-ħaddiema, aspett importanti biex jinqered il-qgħad u jittejbu l-konverġenza u l-integrazzjoni fost l-Istati Membri;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni kif ġie rrakkomandat fir-rapport finali tal-proġett pilota għall-promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati mill-2014, jikkapitalizzaw fuq is-sejbiet tal-proġetti ta' riċerka u jħeġġu t-trasferibbiltà transfruntiera tal-aħjar prattiki, u jipproponu sett ta' mudelli ta' appoġġ sempliċi, elementari u bażiċi;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu siti web apposta li jkunu jinkludu ftehimiet mudell ta' qsim fil-profitti għall-SMEs u l-VSEs biex jaġevolaw l-implimentazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar ir-riskji marbuta u materjal rilevanti ieħor; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tkompli tiġbor id-data dwar l-użu u l-firxa tal-iskemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja, kif ukoll teżamina l-impatt tal-parteċipazzjoni finanzjarja fuq l-operat tal-kumpanija, il-kwalità tax-xogħol u ż-żamma tal-impjiegi tagħha, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol;

9.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jassistu lill-kumpaniji li juru interess fl-EFP b'soluzzjonijiet u miżuri ta' appoġġ speċifiċi biex jevitaw spejjeż amministrattivi u ta' żvilupp eċċessivi marbuta mal-implimentazzjoni tal-EFP, speċjalment fl-SMEs, u biex jinkoraġġixxu lill-operaturi tal-esternalizzazzjoni bħall-banek u fondi ta' investiment biex jipproponu skemi sempliċi tal-EFP adattati apposta għal din it-tip ta' kumpanija, filwaqt li jiżguraw li l-intermedjarji ma jiħdux vantaġġ mill-iżgħar kumpaniji, u li ma jkunx hemm spejjeż moħbija;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni finanzjarja sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċittadini tal-UE f'dan ir-rigward u titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-EFP;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fil-bidu tal-proċess mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet u ma' partijiet ikkonċernati oħra dwar is-sjieda tal-ishma tal-impjegati sabiex ifasslu l-aktar oqfsa tal-EFP xierqa, u meta skema tal-EFP titqies rilevanti, jinnegozjawha fuq bażi ta' kull impjant b'mod individwali, filwaqt li jikkunsidraw id-daqs, it-tip ta' kumpanija, il-forza tax-xogħol u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, iżda anki l-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali;

12.

Jirrakkomanda li l-iskemi u l-għodod ta' tfaddil tal-pagi jkunu nnegozjati fil-livell ta' kull fergħa, sabiex ftehimiet standard li jkunu jistgħu jiġu applikati direttament u faċilment ikunu magħmula disponibbli għall-SMEs u l-VSEs;

13.

Jenfasizza li l-EFP għandha tkun miftuħa għall-impjegati kollha fuq bażi nondiskriminatorja, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, in-nazzjonalità, l-arranġamenti tax-xogħol full-time / part-time, eċċ.;

14.

Iżid jgħid li d-differenzazzjoni bejn l-impjegati tista' tiġi ġġustifikata sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-interessi differenti tal-impjegati, bħal pjanijiet ta' ishma ristretti li jkunu limitati għad-diriġenti;

15.

Jikkunsidra li l-ESOPs għandhom jippermettu wkoll li l-impjegati jużaw il-kont tal-ESOP għal ekwità oħra għajr dik ta' min attwalment iħaddimhom, sabiex b'hekk jiġi mmitigat ir-riskju ta' konċentrazzjoni, b'mod partikolari għal SMEs;

16.

Ifakkar li d-deċiżjoni ta' sħubija ma' skemi tal-EFP għandha tkun għalkollox volontarja, li jfisser li ma għandha tittieħed ebda azzjoni kontra impjegati li jiddeċiedu li ma jingħaqdux u meta jkun hemm qbil, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq taħriġ xieraq u l-kunsens infurmat tal-impjegati, li jkollhom għarfien sħiħ tal-intitolamenti, l-obbligi u r-riskji, tas-sitwazzjoni tal-kumpanija, tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull skema, u tal-effetti tat-tassazzjoni meta jissieħbu mal-iskema u tal-kundizzjonijiet li japplikaw meta huma jitilqu l-kumpanija jew l-iskema;

17.

Jikkunsidra li l-EFP m'għandhiex tissostitwixxi jew tnaqqas ir-remunerazzjoni ta' bażi normali jew xi forma oħra ta' kontribuzzjoni bħall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, iżda trid tkun komplementarja għad-drittijiet soċjali u kuntrattwali kollha, u din tkun prekundizzjoni biex tiġi implimentata EFP;

18.

Jemmen li għandhom jiġu żviluppati aktar rabtiet bejn l-EFP u l-ekonomija soċjali, speċjalment permezz ta' programmi bħall-Ewropa Kreattiva, li toffri mikrokrediti sa EUR 25 000 lil kumpaniji żgħar u negozji soċjali;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-evoluzzjoni u l-bidla rapida tas-suq tax-xogħol u l-isfidi konsegwenti li jirrigwardaw il-ħiliet, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni, l-inugwaljanzi fil-ġid u l-qtugħ tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-ħolqien kontinwu ta' opportunitajiet ġodda li jappoġġaw u jipproteġu lill-ħaddiema u jippermettulhom jadattaw u jiżviluppaw professjonalment u personalment;

20.

Jenfasizza r-rwol importanti li jista' jkollha l-EFP fl-iżvilupp tal-intraprenditorjat u l-kultura tal-intraprenditorija billi tiffaċilita r-riċerka u l-aċċess għall-kapital, l-aktar għan-negozji ġodda;

21.

Jenfasizza li għalkemm il-mikrointrapriżi għandhom rwol importanti fl-ekonomija tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, għadha ma ġiet implimentata l-ebda miżura ta' appoġġ għas-sjieda tal-ishma tal-impjegati;

22.

Jilqa' l-inizjattivi mmexxija mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, bħad-DĠ EMPL, FISMA u GROW, li jappoġġaw l-impjiegi, l-SMEs u l-unjoni tas-swieq kapitali, u jitlob approċċ ikkoordinat biex ir-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aħjar mod, filwaqt li jfakkar li l-benefiċjarju aħħari huwa ċ-ċittadin Ewropew;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.

(2)  ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 429.

(3)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.

(4)  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 41.

(5)  It-Tielet Stħarriġ Ewropew tal-Kumpanniji, Eurofound, 2013.

(6)  Changes in remuneration and reward systems (Tibdil f'sistemi ta' remunerazzjoni u ta' kumpens), Eurofound, 2016.

(7)  Stħarriġ ekonomiku annwali tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati f'pajjiżi Ewropej.

(8)  Workplace Innovation in European companies (Innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol fil-kumpaniji Ewropej), Eurofound 2016.


Top