Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0802

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fir-Rumanija

COM/2018/802 final

Brussell, 21.11.2018

COM(2018) 802 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju

fir-Rumanija

{SWD(2018) 503 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-ħsieb li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju

fir-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fl-2016 seħħet devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju ta’ -1% tal-PDG fir-Rumanija. Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fis-16 ta’ Ġunju 2017 huwa ħareġ rakkomandazzjoni għar-Rumanija biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiggarantixxi li fl-2017 ir-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma tkunx qabżet it-3,3 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG. Fil-5 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill osserva li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tas-16 ta' Ġunju 2017 u għaldaqstant ħareġ rakkomandazzjoni ġdida. Fir-rakkomandazzjoni l-ġdida, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta' tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG. Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill osserva li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-rakkomandazzjoni riveduta tal-5 ta' Diċembru 2017.

(2)Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill iddeċieda f'konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE li fir-Rumanija kienet ukoll seħħet devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2017. Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni 2 għar-Rumanija biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiggarantixxi li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett 3 ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018 u l-5.1% fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,8 % tal-PDG f’kull sena. Huwa rrakkomanda wkoll li r-Rumanija tuża kull gwadann mhux previst għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenża tal-15 ta’ Ottubru 2018 biex ir-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’reazzjoni għal din ir-rakkomandazzjoni.

(3)Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda li r-Rumanija tiżgura li, fl-2018 u fl-2019, hija tikkonforma mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tikkorreġi d-devjazzjoni sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju 4 .

(4)Fis-27 u t-28 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini tal-monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li l-eżiti provviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat l-eżiti tagħha lill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2018. Dawk il-konklużjonijiet sussegwentement ġew ippubblikati.

(5)Fis-16 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw rapport dwar azzjoni effikaċi b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 5 . Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet fir-rapport tagħhom u l-valutazzjoni kumplessiva bbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2018 tal-Kummissjoni, il-Kunsill fil-21 ta’ Novembru 2018 ikkonkluda li r-Rumanija ma ħaditx azzjoni effikaċi b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018.

(6)Fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni effikaċi mir-Rumanija u devjazzjoni akkumulata għolja mill-pjan ta’ aġġustament adatt lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju, huwa xieraq li tiġi indirizzata rakkomandazzjoni riveduta lill-Istat Membru dwar il-miżuri xierqa li jridu jittieħdu skont l-Artikolu 121(4) TFUE.

(7)Id-defiċit strutturali tar-Rumanija żdied b’2.1 % tal-PDG fl-2016 u b’1.2 % tal-PDG fl-2017. Dan laħaq it-3.4 % tal-PDG fl-2017 u huwa pproġettat fit-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2018 li jiġi ġeneralment stabbilizzat fl-2018. Sabiex tikkoreġi d-devjazzjoni akkumulata u biex ir-Rumanija tmur lura fil-perkors ta’ aġġustament xieraq wara l-aħħar nuqqasijiet tal-passat, sforz addizzjonali għandu jikkomplementa l-isforz strutturali ta’ 0.8 % tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill fit-22 ta’ Ġunju 2018. Jidher li sforz addizzjonali ta’ 0,2 % tal-PDG ikun xieraq fid-dawl tal-kobor tad-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Dan għandu jaċċellera l-aġġustament lura lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju mingħajr ma jpoġġi f’riskju t-tkabbir ekonomiku.

(8)It-titjib rekwiżit tal-bilanċ strutturali b’1,0 % tal-PDG fl-2019 huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma teċċedix 4,5 % fl-2019.

(9)Il-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018 tipproġetta aktar deterjorament tal-bilanċ strutturali b’0,1 % tal-PDG fl-2019. Għaldaqstant, titjib strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG jissarraf fil-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ rendiment strutturali totali ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2019 meta mqabbel mal-linja bażi attwali attwali fit-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2018.

(10)It-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2018 jipproġetta defiċit pubbliku ta’ 3,4 % fl-2019, li jkun ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3% tal-PDG. L-aġġustament strutturali meħtieġ jidher xieraq ukoll biex jiġi żgurat li r-Rumanija tirrispetta l-marġni ta' 3 % tal-PDG tal-valur referenzjarju tat-Trattat fl-2019.

(11)Jekk ir-Rumanija tonqos milli taġixxi fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti biex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti osservata kif ukoll ikun hemm ir-riskju li teċċedi l-valur referenzjarju tat-Trattat, tinħoloq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti sabiex il-politika fiskali tagħha tinġieb lura fuq pjan prudenti.

(12)Sabiex jintlaħqu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li r-Rumanija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri neċessarji u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tan-nefqa kurrenti,

(13)Ir-rekwiżiti maħruġa f’din ir-rakkomandazzjoni, jipprevalu fuq l-elementi korrispondenti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni fiskali li tinsab fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill indirizzata lir-Rumanija fit-13 ta’ Lulju 2018.

(14)Jenħtieġ li r-Rumanija tagħti rapport lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni sal-15 ta’ April 2019, possibbilment bħala parti mill-Programm ta’ Konverġenza tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(15)Huwa xieraq li din ir-rakkomandazzjoni ssir pubblika,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI R-RUMANIJA:

(1)tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li fl-2019 ir-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta ma tkunx ogħla minn 4,5 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1.0 % tal-PDG, u b’dan il-mod l-Istat Membru jitqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju;

(2)tuża kull gwadann mhux previst li jista' jkun hemm għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

(3)tagħti rapport lill-Kunsill sal-15 ta’ April 2019 dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni. jenħtieġ li r-rapport jipprovdi biżżejjed miżuri li jkunu speċifikati u kredibbli, inkluż l-implikazzjoni għall-baġit ta’ kull waħda minnhom, kif ukoll proġettazzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2019.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3.
(3)    In-nefqa pubblika primarja netta tal-gvern hija magħmula tan-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(4)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-13 ta’ Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tar-Rumanija (ĠU C 320, 10.9.2017, p. 98).
(5)    Disponibbli fis-sit http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13279-2018-INIT/en/pdf
Top