Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0686

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2019

    COM/2018/686 final

    Brussell, 11.10.2018

    COM(2018) 686 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2019

    {SWD(2018) 434 final}


    1.Introduzzjoni

    L-istandards huma strumenti indispensabbli għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Dawn isostnu tkabbir ekonomiku akbar billi jneħħu l-ostakli li jipprevjenu milli prodotti u servizzi innovattivi u kompetittivi jidħlu fis-swieq u billi jespandu l-kummerċ għal swieq ġodda. L-istandards itejbu l-kompatibbiltà, il-kwalità u l-prestazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi, filwaqt li joffru bażi stabbli lill-manifatturi biex jinvestu f’teknoloġiji ġodda u fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi. Minbarra dan, l-istandards jippermettu lill-manifatturi jimmaniġġaw it-tranżizzjoni lejn riżorsi tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, filwaqt li jinvolvu ruħhom fi ktajjen globali tal-valur u jżidu l-komponenti tas-servizzi mal-prodotti.

    Hu kruċjali li biex jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tal-istandardizzazzjoni, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea, filwaqt li titqies ukoll id-dimensjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Is-sinerġiji jridu jinkludu lill-SMEs u lin-negozji ġodda, biex b’hekk jissaħħu l-innovazzjoni u t-teknoloġija fis-suq intern.

    Il-Kummissjoni qed issegwi l-għan ġenerali tagħha ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz ta’ azzjonijiet identifikati fil-programmi ta’ ħidma annwali tagħha. L-istandards Ewropej jaqdu rwol importanti ta’ appoġġ f’ħafna minn dawn l-azzjonijiet għax jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti billi joffru preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tagħha. Barra minn hekk, l-istandards jipprovdu interoperabbiltà bejn għadd ta’ setturi, bħal fl-ICT, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji, applikazzjonijiet u servizzi ġodda u jingħata appoġġ lit-tkabbir u lill-kompetittività Ewropej.

    Lil hinn mill-istandards armonizzati mitluba formalment mill-Kummissjoni b’sostenn ta’ att leġiżlattiv, hemm ukoll sett sħiħ ta’ standards Ewropej u ta’ riżultati tal-istandardizzazzjoni Ewropea żviluppati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni 1 (l-ESOs). Dawn l-istandards jaf ma jkunux intalbu b’mod formali, iżda xorta waħda jkunu meħtieġa biex isostnu l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Kummissjoni. Il-programm ta’ ħidma annwali tal-2019 tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea (AUWP) jidentifika wħud mill-oqsma ta’ politika ewlenin li huma rilevanti minn din il-perspettiva: l-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, id-difiża, is-sigurtà, is-suq intern, is-suq uniku diġitali. Dan jistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jappoġġaw kemm il-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll il-politiki tal-UE. L-AUWP jixħet dawn il-prijoritajiet strateġiċi wkoll f’kuntest usa’ ta’ koperazzjoni internazzjonali fl-istandardizzazzjoni.

    Is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea hi bbażata fuq sistema unika ta’ sħubija pubblika privata privileġġjata bejn il-Kummissjoni u l-ESOs li tirrifletti d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 2 . L-AUWP tal-2019 jiddefinixxi l-orjentazzjonijiet ewlenin għall-iżviluppi futuri ta’ din is-sħubija, inkluż il-prinċipju importanti tal-inklużività.

    Mindu adottat il-Komunikazzjoni dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21 3 , il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mas-sħab tagħha mill-industrija, mal-awtoritajiet pubbliċi, ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi u mal-qasam akkademiku biex timplimenta l-inizjattivi proposti mill-Komunikazzjoni, inkluż ċiklu ta’ governanza li jsaħħaħ id-djalogu mal-koleġiżlaturi tal-UE u l-iżvilupp tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni 4 (il-JIS). Il-JIS se tikkonkludi l-ħidma tagħha tal-2019 u l-AUWP jipproponi oqsma ta’ prijorità għall-aħħar sena tal-implimentazzjoni tagħha.

    Dan il-programm ta’ ħidma tħejja bil-kontribut tassew siewi tad-djalogu interistituzzjonali, organizzat f’Ġunju 2018 li ġabar flimkien lil rappreżentanti ta’ livell għoli tal-komunità tal-istandardizzazzjoni, lill-industrija, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lil partijiet konċernati oħra tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

    Dan l-avveniment kien opportunità biex jiġu skambjati ideat dwar kwistjonijiet strateġiċi, jiġi pprovdut rispons dwar l-inizjattivi tal-istandardizzazzjoni tal-Kummissjoni u jiġu diskussi b’mod liberu l-prijoritajiet ta’ politika futuri u modi li jsaħħu s-Sistema tal-Istandardizzazzjoni Ewropea. Id-diskussjoni misset firxa ta’ suġġetti li jinkludu l-funzjonament ġenerali tas-sistema tal-istandardizzazzjoni, mistoqsijiet dwar il-proċess ta’ governanza tagħha u l-orjentazzjoni tal-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-UE, ilkoll fi ħdan il-kuntest internazzjonali usa’ wkoll. Il-kontribut tas-sistema edukattiva Ewropea għas-sostenn ta’ teknoloġiji ġodda u għall-provvista ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ esperti ġie enfasizzat bħala aspett partikolarment importanti. Barra minn hekk, il-grupp ta’ esperti tal-Pjattaforma tal-Multipartijiet Konċernati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT (MSP) 5 u l-Pjan Rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT kienu mfaħħra bħala mudell għal ippjanar koperattiv u għall-involviment tal-partijiet konċernati.

    Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli dan il-format fil-ġejjieni filwaqt li tislet tagħlimiet importanti minn dan id-djalogu. L-eżiti tiegħu se jintużaw bħala kontribut għall-ħidma li għaddejja b’rabta mal-prijoritizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni u se jikkontribwixxu għar-riflessjonijiet interni u għall-azzjonijiet preparatorji qabel ma jsir ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Dan ir-rapport għandu jitħejja mill-Kummissjoni u jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 6 .

    2.Prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni 7

    2.1.Azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija għal suq uniku diġitali

    Id-disponibbiltà ta’ standards tal-ICT u ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, b’mod partikolari biex jiġi pprovdut għal interoperabbiltà bejn il-prodotti, is-servizzi u l-apparati, hi kritika biex jinkisbu l-benefiċċji kollha li jġib miegħu s-Suq Uniku Diġitali. Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej u Internazzjonali u ma’ fora u konsorzji oħrajn, kif ukoll ma’ partijiet konċernati industrijali u soċjetali, għamlet progress f’kull qasam ta’ prijorità u dominju li hemm identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali 8 , kif irrappurtat fil-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni u l-kontribut tal-istandards Ewropej għall-politiki tal-UE 9 .

    Id-diġitalizzazzjoni hi xprunata mill-ħtieġa li l-industriji individwali jsaħħu l-prestazzjoni tagħhom iżda anki mill-aspettattivi tal-klijenti u tal-fornituri tagħhom. Għaldaqstant hu importanti li fl-elaborazzjoni tal-istandards tal-ICT mhux biss jiġu involuti l-fornituri iżda anki l-benefiċjarji, inkluż il-gruppi vulnerabbli u ta’ minoranza fis-soċjetà bħall-persuni b’diżabbiltajiet. Il-kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni jridu jiġu indirizzati wkoll fil-livell tal-UE biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni rilevanti, bħar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, titqies kif inhu xieraq.

    Il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni b’appoġġ għall-politiki tal-UE huma spjegati fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT kif aġġornat annwalment u ppubblikat mill-Kummissjoni. Il-verżjoni tal-2018 tal-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT 10 tidentifika 170 azzjoni organizzata fuq erba’ oqsma tematiċi: abilitanti ewlenin, sfidi soċjetali, innovazzjoni għas-suq uniku u t-tkabbir sostenibbli.

    Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba biex in-netwerks u s-servizzi diġitali jiffjorixxu hu wieħed mit-tliet pilastri tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Fl-2019, l-istandardizzazzjoni se ssostnih billi tiffoka fuq l-Internet tal-Oġġetti, il-Big Data, il-blockchain, is-Sistemi koperattivi tat-Trasport Intelliġenti u s-sewqan awtonomu, is-Saħħa elettronika, il-bliet intelliġenti, l-aċċessibbiltà, il-Gvern elettroniku u l-intelliġenza artifiċjali. L-armonizzazzjoni b’rabta mal-ispettru tal-5G u d-disponibbiltà tal-istandards globali tal-5G sa tmiem l-2019, kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-5G, jippromwovu l-investimenti f’netwerks u f’applikazzjonijiet tal-5G.

    Ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà jenħtieġ joffru protezzjoni parallela mill-attakki ċibernetiċi fuq is-softwer u l-ħardwer li jikkontrollaw il-proċessi, is-sistemi u t-tagħmir. Fil-proposta tagħha tal-2017 dwar ir-Regolament tal-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà 11 , il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ qafas ta’ ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-ICT tal-UE għall-prodotti u għas-servizzi. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni se jużaw standards u speċifikazzjonijiet tekniċi biex jesprimu u jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti speċifikati taċ-ċibersigurtà.

    It-teknoloġija tal-blockchain tappoġġa l-ħżin sigur u awditjabbli tad-data u tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għax tikseb livelli għoljin ta’ traċċabbiltà u sigurtà fit-tranżazzjonijiet ekonomiċi online. Is-sistema tikkumpila netwerks pubbliċi u privati u għalhekk l-istandardizzazzjoni hi meħtieġa biex tipprovdi interoperabbiltà bejn il-konfigurazzjonijiet differenti tat-teknoloġija tal-blockchain. Fl-1 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni nediet l-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain, li l-Grupp ta’ Ħidma tagħhom fuq il-Politika u l-Kundizzjonijiet ta’ Qafas tal-Blockchain se jindirizza, fost l-oħrajn, kwistjonijiet relatati mal-iżviluppi teknoloġiċi u fl-ekosistema bħall-interoperabbiltà, fejn l-istandardizzazzjoni tista’ toffri soluzzjonijiet. Dan se jidentifika wkoll kwalunkwe ħtieġa tal-istandardizzazzjoni tal-blockchain fil-livell tal-UE 12 .

    L-Intelliġenza Artifiċjali (AI) tħalli impatt mifrux fuq l-ekonomija u s-soċjetà u f’ħafna aspetti tinfluwenza l-ħajjiet ta’ kuljum tagħna. Il-prodotti u s-servizzi tal-AI jeħtieġ ikunu lesti għas-suq u jiżguraw il-konformità mal-istandards dwar is-sikurezza 13 . L-Alleanza Ewropea għall-Intelliġenza Artifiċjali se tkun il-pjattaforma ta’ referenza Ewropea għall-ħsieb u għar-riflessjoni dwar l-AI. Il-Kummissjoni qed twaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, li se jkun il-grupp ta’ tmexxija għall-ħidma tal-Alleanza Ewropea għall-AI u se jassisti fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni.

    2.2.Azzjonijiet b’appoġġ tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-klima

    Il-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għat-tipi kollha ta’ vetturi għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tat-trasport, filwaqt li jiżguraw il-kompetittività tas-settur u jwasslu għal iffrankar tal-fjuwil għall-konsumaturi. Miri bħal dawn jistgħu jtejbu wkoll il-kwalità tal-arja fil-bliet tagħna u jagħmlu l-ġid lill-ambjent. Fl-istess ħin, dawn iservu ta’ sfida għall-industrija awtomobilistika biex din issib modi kif tnaqqas il-konsum tal-fjuwil. Il-Kummissjoni stabbiliet l-għanijiet tagħha 14 , u l-mira għall-istandardizzazzjoni hi li tipprovdi standards li jiffaċilitaw l-industrija fit-tnaqqis tas-CO2 billi jistimolaw l-innovazzjoni u jtejbu l-effiċjenza tal-vetturi (eż. il-prestazzjoni ajrudinamika).

    Bħala parti mit-tielet pakkett dwar il-mobbiltà 15 , ir-Regolament propost tal-UE dwar it-tikkettar tat-tajers 16 għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-effiċjenza fil-fjuwil, għas-sikurezza u għat-tnaqqis tal-istorbju billi jipprovdi informazzjoni aħjar lill-konsumaturi meta jixtru t-tajers. Pereżempju l-istandards jistgħu jsostnu l-iżvilupp ta’ testijiet armonizzati tal-prestazzjoni bħall-prestazzjoni fis-silġ li jridu jiġu inklużi fuq it-tikketta biex il-konsumaturi jingħataw stampa aktar sħiħa tal-prestazzjoni tat-tajers fil-kundizzjonijiet xitwin. Ir-Regolament propost iwitti t-triq ukoll biex potenzjalment it-tikketta turi informazzjoni dwar il-brix tat-tajers. Il-brix tat-tajers ġie identifikat bħala l-aktar sors waħdieni importanti ta’ tniġġis tal-mikroplastiks, iżda l-metodi tal-ittestjar li jsostnu miżura ta’ politika bħal din huma neqsin.

    Finalment, l-istandards jistgħu jkunu ta’ sostenn għall-ekoloġizzazzjoni tas-settur tat-trasport marittimu bl-użu ta’ fjuwils alternattivi (eż. LNG magħmul minn teknoloġiji tal-fossili, tal-bijomassa jew ta’ gass bl-elettriku, mill-elettriku, mill-idroġenu) għal applikazzjoni fuq l-ilma.

    Il-Kummissjoni qed tespandi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għal kategoriji ġodda ta’ prodotti: pompi, ħiters tal-ispazju lokali, ħiters tal-ispazju lokali bi fjuwil solidu, prodotti tat-tisħin tal-arja, prodotti tat-tkessiħ, kessieħa bi proċess ta’ temperatura għolja u unitajiet bil-koljatura tal-fann, kundizzjonament tal-arja u batteriji. Fis-snin li ġejjin, l-istandardizzazzjoni hi mistennija tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jiġu implimentati dawn ir-rekwiżiti ġodda.

    2.3.Azzjonijiet li jappoġġaw il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari

    Traffiku aktar sikur, vetturi li jniġġsu anqas u soluzzjonijiet teknoloġiċi aktar avvanzati jsostnu l-kompetittività tal-industirja tal-UE filwaqt li jġibu benefiċċji ċari għaċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni stabbiliet Pjan ta’ Azzjoni strateġiku 17 għall-iżvilupp u għall-manifattura ta’ batteriji fl-Ewropa abbażi tal-ħidma tal-Alleanza Ewropea għall-Batteriji 18 . Speċifikament, il-Pjan jipprevedi azzjonijiet għall-istandardizzazzjoni biex tiġi identifikata l-possibbiltà li tiġi żviluppata skema ta’ valutazzjoni standardizzata tal-UE tul iċ-ċiklu tal-ħajja għall-batteriji. Barra minn hekk, jista’ jitqies ir-rwol tal-ekodisinn biex jiġu proposti rekwiżiti dwar id-disinn u l-użu sostenibbli għall-batteriji. F’dak il-kuntest, se jiġi mistħarreġ ir-rwol potenzjali għall-istandards Ewropej biex ikunu jistgħu jsiru produzzjoni sikura u sostenibbli, użu (mill-ġdid) u riċiklaġġ tal-batteriji.

    Rigward il-plastik, waħda mir-raġunijiet għall-użu baxx tal-plastik riċiklat hi d-dubji tal-ħafna ditti u manifatturi tal-prodotti, li jibżgħu li l-plastik riċiklat ma jkunx jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom għal provvista affidabbli, b’volum għoli ta’ materjali u bi speċifikazzjonijiet kostanti tal-kwalità. Filwaqt li jqis dan, l-iżvilupp ta’ standards tal-kwalità għall-iskart tal-plastik magħżul u għall-plastik riċiklat jista’ jiffaċilita integrazzjoni akbar tal-attivitajiet ta’ riċiklaġġ fil-katina tal-valur tal-plastik. Wara l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni 19 , il-Kummissjoni se tipproponi l-iżvilupp ta’ standards li jindirizzaw il-kwistjonijiet proċedurali u infrastrutturali għar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, l-Istrateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari tidentifika l-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi għall-valutazzjoni tat-telf tal-mikroplastik, fost l-oħrajn minn sorsi tessili. Fl-2019, il-korpi tal-istandardizzazzjoni se jkollhom ir-rwol li janalizzaw u possibbilment jelaboraw il-metodi tal-ittestjar imwiegħda fi Ftehim Transindustrijali 20 għall-valutazzjoni tar-rilaxx tal-mikroplastik fl-ambjent akkwatiku waqt il-ħasil ta’ tessili sintetiċi.

    Fil-proposta riċenti tagħha għal Direttiva li tindirizza l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent 21 , il-Kummissjoni inkludiet proposta li teżiġi li l-kontenituri tax-xorb jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk it-tappijiet u l-għotjien jintrabtu mal-kontenituri, għax it-tappijiet u l-għotjien huma fost l-aktar oġġetti misjuba. Bil-ħsieb li jkun żgurat funzjonament tajjeb tas-suq intern wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni inkludiet ukoll l-iżvilupp ta’ standard armonizzat fil-proposta, u dan hu mejus kruċjali kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Parlament Ewropew.

    2.4.Azzjonijiet li jappoġġaw suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa

    L-istandardizzazzjoni hi prerekwiżit importanti għal suq intern aktar profond u aktar ġust. L-iżvilupp ta’ standards tekniċi ewlenin hu rilevanti ħafna biex tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi differenti u jista’ jiffaċilita ferm l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà adottat dan l-aħħar li jgħin lis-settur tat-trasport jagħmel tranżizzjoni kompetittiva u soċjalment ġusta għall-enerġija nadifa u għad-diġitalizzazzjoni jistabbilixxi għadd ta’ inizjattivi. Pereżempju, b’hekk imsejjaħ “platooning”, grupp ta’ vetturi awtonomi jkunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod sikur billi jużaw sistemi intelliġenti awtomatizzati tal-kontroll li jikkomunikaw bejniethom. F’dan il-każ, vettura prinċipali tikkontrolla l-veloċità u d-direzzjoni tal-oħrajn kollha u din hi teknoloġija promettenti biex it-toroq tagħna jsiru aktar sikuri u t-trasport isir aktar effiċjenti. L-istandardizzazzjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament propost tal-UE 22 billi tiġi pprovduta speċifikazzjoni teknika li ssolvi l-ħtiġijiet tal-interkonnessjoni u tal-interoperabbiltà tas-sistema. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se taħdem biex tindirizza 23 l-kwistjonijiet tal-ispettru biex issostni t-teknoloġiji tal-aċċess għar-radju għall-mobbiltà konnessa u awtomatizzata fil-banda 5.9 GHz.

    Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet sikuri tas-sewqan fit-territorju tal-UE jrid ikun hemm konverġenza fid-disinn, fil-bini u fil-ġestjoni tal-infrastruttura tat-toroq. L-istandards jistgħu jrawmu armonizzazzjoni u qsim tal-għarfien bejn l-Istati Membri dwar il-proċeduri u r-rekwiżiti rispettati.

    Barra minn hekk, għal sikurezza aħjar u biex jitneħħew ostakli tekniċi u tintuża malajr l-innovazzjoni, se tibqa’ ssir enfasi fuq l-iffissar ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda għall-interoperabbiltà relatati mal-infrastruttura u mas-subsistemi ferrovjarji tas-sistema ferrovjarja.

    It-tlestija tan-netwerk u tal-kurituri ewlenin tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) se żżid il-kapaċità tat-trasport fis-suq intern bla ma żżid l-emissjonijiet tas-CO2. L-istandardizzazzjoni tista’ ssostni soluzzjonijiet biex ikunu żgurati l-interoperabbiltà u l-komunikazzjoni bejn is-sistemi elettroniċi tan-netwerk.

    Flimkien mal-fatturar elettroniku, l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija se tagħmel is-settur loġistiku aktar effiċjenti. Fuq l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija, l-istandards għandhom jagħmluha eħfef biex jiġi elaborat approċċ uniformi għall-aċċettazzjoni tad-dokumenti elettroniċi.

    Il-Kummissjoni se titlob ukoll li jiġu aġġornati l-istandards meħtieġa għall-ispezzjoni u għall-ittestjar ta’ oġġetti perikolużi trasportati bejn l-Istati Membri.

    2.5.Azzjonijiet li jappoġġaw il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża

    Is-suq Ewropew tad-difiża hu frammentat u fih ma ssirx biżżejjed kollaborazzjoni industrijali. Għaldaqstant, waħda mit-tliet miżuri mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Difiża 24  hi li jkun żgurat suq uniku miftuħ u kompetittiv tal-UE għad-difiża. L-istandardizzazzjoni Ewropea għandha rekord storiku li tappoġġa bil-provi l-ftuħ u l-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-Kummissjoni pproponiet lill-Aġenzija Ewropea tad-Difiża biex tibda tiżviluppa pjan ta’ azzjoni għall-istandardizzazzjoni fil-qasam tad-difiża b’kollaborazzjoni mal-ESOs.

    2.6.Azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija spazjali għall-Ewropa

    It-tnedija tas-sistema Galileo għandha titlesta sal-2020, fl-istess ħin mal-fażi tal-użu mibdija fl-2017. Dan ifisser li sa dak iż-żmien is-Segment tal-Ispazju se jkun tnieda għalkollox u s-servizzi kollha jkunu ġew iddikjarati operazzjonali bis-sħiħ. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Aġenzija Ewropea tas-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita tibda tiżviluppa pjan ta’ azzjoni għall-istandardizzazzjoni fil-qasam b’kollaborazzjoni mal-ESOs.

    2.7.Azzjonijiet li jappoġġaw l-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà

    Biex tindirizza l-isfidi ġodda għas-sigurtà, l-UE qed tiffinanzja attivitajiet tar-riċerka biex tavvanza t-teknoloġiji tas-sigurtà fil-livell Ewropew. Il-bażi industrijali tas-sigurtà tal-UE għandha pożizzjoni b’saħħitha biex tipprovdi s-soluzzjonijiet meħtieġa. Madankollu, din l-industrija trid issewwi l-frammentazzjoni eżistenti għall-użu mifrux tal-eżiti tar-riċerka ffinanzjata mill-UE. L-istandards jistgħu jxejnu din il-lakuna. Dawn jistgħu joffru ekonomiji ta’ skala u jnaqqsu l-asimetriji fl-informazzjoni bejn in-naħa tal-provvista u n-naħa tad-domanda, bi tranżazzjonijiet transfruntieri.

    3.Koperazzjoni internazzjonali

    L-appoġġ għall-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-UE fil-katina tal-valur globali u t-tisħiħ tal-preżenza tagħha fis-swieq internazzjonali huma kundizzjonijiet importanti biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa, b’mod partikolari fid-dawl tad-dinamika li qed tinbidel fil-politiki internazzjonali dwar il-kummerċ 25 .

    Dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu qabelxejn billi jiġi mmirat għall-akbar koerenza possibbli bejn l-istandards internazzjonali u Ewropej, u billi jiġi promoss l-użu ġenerali ta’ standards Ewropej u/jew internazzjonali barra mill-UE.

    Fl-2019, il-Kummissjoni se tkompli tintensifika d-djalogu politiku tagħha ma’ korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali u tkompli bil-parteċipazzjoni tagħha fil-fora internazzjonali rilevanti 26 . Il-Kummissjoni se taħdem ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni bħal ISO/IEC/JTC1/ITU-T u meta rilevanti se ssegwi l-ħidma tal-kumitati tekniċi tagħha.

    Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll l-istandardizzazzjoni Ewropea u tikkontribwixxi għal kapitli dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ meta tinnegozja, telabora u timplimenta diversi azzjonijiet tal-politika internazzjonali, bħal Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles 27 , il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE/Ukrajna 28 , is-Sħubija tal-Lvant 29 , is-Sħubija Mġedda Ewropa/Asja 30 u l-proċess ta’ Konnettività Ewropa/Asja 31 .

    Il-Kummissjoni se tniedi djalogu dwar l-istandards mal-Istati Uniti biex tħaffef il-kummerċ, tnaqqas l-ostakli burokratiċi u tnaqqas drastikament l-ispejjeż 32 .

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tiżgura l-kontinwità tal-proġetti ta’ viżibbiltà, bħall-iskemi attwali għall-esperti ssekondati Ewropej tal-istandardizzazzjoni fiċ-Ċina u fl-Indja, u l-pjattaforma tal-istandardizzazzjoni bbażata fuq il-web maċ-Ċina 33 u l-proġetti relatati mal-koperazzjoni internazzjonali għall-istandardizzazzjoni tal-ICT 34 . L-għan ġenerali ta’ dawn l-azzjonijiet hu li jippreżentaw is-Sistema tal-Istandardizzazzjoni Ewropea bħala alternattiva attraenti għal arranġamenti ta’ standardizzazzjoni reġjonali jew nazzjonali oħra, jipprovdu intelligence rilevanti għall-istandardizazzjoni u jiffaċilitaw il-koperazzjoni bilaterali dwar temi relatati mal-istandardizzazzjoni.

    Barra minn hekk, l-azzjonijiet se jappoġġaw lill-kumpaniji Ewropej li jsibu diffikultà biex jiksbu aċċess għal swieq mhux tal-UE minħabba kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni. Il-Kummissjoni qed tippjana li ġġedded il-proġett attwali fl-Indja minn nofs l-2019 sal-2022. Il-Kummissjoni se ssostni l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Proġett ta’ Sħubija tat-Tielet Ġenerazzjoni (3GPP) fl-Ewropa biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva ta’ firxa wiesgħa ta’ delegati Ewropej, minn atturi industrijali ewlenin, inkluż SMEs, akkademiċi u istituzzjonijiet tar-riċerka.

    4.Sħubija pubblika privata

    4.1.Governanza

    Biex jinħolqu standards ta’ kwalità għolja fil-ħin hemm bżonn koperazzjoni kontinwa u tinbena fiduċja bejn iż-żewġ naħat tas-sħubija pubblika privata tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

    B’mod partikolari, il-kwalità tal-istandards armonizzati, li jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità, jeħtieġu attenzjoni speċifika miż-żewġ naħat. Dak it-tip ta’ standard irid jissodisfa l-ġurisprudenza riċenti f’dan ir-rigward, jikkonforma mar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea u jissodisfa r-rekwiżiti legali tal-leġiżlazzjoni settorjali li jkopri. Wara dik il-ġurisprudenza riċenti, il-Kummissjoni se tissokta tivvaluta mill-ġdid il-proċeduri tagħha u taqsamhom mal-partijiet konċernati permezz tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni mnedija fl-2016 u permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-referenzjar ta’ standards armonizzati li dwaru ntlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni u l-ESOs fl-2017 35 . L-ESOs huma mistiedna jagħtu l-akbar prijorità lill-indirizzar tal-istandards armonizzati mhux referenzjati biex jissodisfaw l-istandards ta’ kwalità għolja mitluba mis-suq u mil-leġiżlatur u biex jiżguraw referenzjar fil-ħin f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni, fl-2019 il-Kummissjoni se tiffoka fuq aktar konsolidazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-konsulenti dwar l-istandards armonizzati li ġiet implimentata fl-2018. Is-sistema twaqqfet biex jiġu verifikati u vvalutati l-kwalità tal-abbozz ta’ standards armonizzati u l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni u l-politiki korrispondenti tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni se tkompli ssostni l-proċess ta’ governanza tul id-djalogi strutturali regolari tagħha mal-ESOs. Dan jidher li hu qafas siewi biex jingħelbu kmieni l-ostakli u biex issir implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet miftiehma.

    4.2.Inklużività

    Il-Kummissjoni ttenni l-istedina tagħha lill-ESOs, lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni 36 u lill-organizzazzjonijiet tal-Anness III (SBS, ANEC, ETUC u ECOS) 37 biex ikomplu l-isforzi tagħhom ħalli jiżguraw li l-partijiet konċernati jieħdu sehem u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni tagħhom, jekk ikun hemm bżonn billi jadattaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha l-għan li turi l-impatt favorevoli tal-inklużività fuq il-kwalità tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-ħila ta’ din li tikseb riżultati tal-ogħla livell, li kapaċi ssaħħaħ il-kompetittività tan-negozji filwaqt li tikkunsidra l-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar u tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se titlob lill-SBS, li tirrappreżenta lin-negozji ż-żgħar fl-istandardizzazzjoni Ewropea, biex tipprovdi eżempji konkreti li juru kif il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-istandardizzazzjoni toħloq valur miżjud billi żżid il-kompetittività. B’mod simili, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ambjentali u l-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema fl-istandardizzazzjoni (ANEC, ETUC u ECOS) għandhom jipprovdu eżempji li juru kif l-involviment tagħhom fl-istandardizzazzjoni jibbenefika lis-soċjetà ġenerali. Eżempji bħal dawn jistgħu jistabbilixxu punti ta’ riferiment u l-aqwa prattiki li organizzazzjonijiet oħra jistgħu jsegwu.

    Barra minn hekk, ikun siewi li kieku l-organizzazzjonijiet tal-Anness III isaħħu u jenfasizzaw ir-rabta tagħhom mal-kostitwenzi tagħhom fi Stati Membri differenti. Importanti li l-membri nazzjonali tagħhom jaraw il-vantaġġi tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III involuti fl-istandardizzazzjoni Ewropea u jsaħħu l-leġittimità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

    L-ESOs għandhom jirrapportaw ukoll il-każijiet meta l-parteċipazzjoni ta’ partijiet konċernati mhux rappreżentati biżżejjed, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-Anness III, tkun ta’ benefiċċju għas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea u għall-mod kif topera.

    Tul d-djalogu bilaterali tagħha mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u mal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC), il-Kummissjoni se tkompli tindirizza l-inklużività u l-isfidi relatati.

    4.3.Evalwazzjoni tar-Regolament

    L-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea jistipula li sal-31 ta’ Diċembru 2015, u kull ħames (5) snin wara dakinhar, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    F’dan il-kuntest, fl-2019, il-Kummissjoni se tniedi rieżami indipendenti tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea biex tevalwa l-prestazzjoni tagħha. Ir-rieżami indipendenti se jibni fuq l-eżitu tal-Inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni u possibbilment fuq ir-riżultati tal-istudju dwar l-impatt tal-istandardizzazzjoni.

    4.4.Il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea

    Il-Ftehimiet Qafas attwali ta’ Sħubija mas-CEN, mas-CENELEC u mal-ETSI, li jipprovdu l-qafas ġuridiku għall-finanzjament mill-Unjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea, se jintemmu f’Diċembru 2020. Biex tonqas l-amministrazzjoni għall-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni u biex il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni kollha jitħallew jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-istandards, il-Kummissjoni se tivvaluta miżuri ġodda potenzjali biex tissimplifika l-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea billi testendi l-użu ta’ somom f’daqqa għall-forom kollha tal-għotjiet. Biex tikkalkola l-iskali tal-ispejjeż unitarji u tas-somom f’daqqa, il-Kummissjoni se titlob lill-ESOs jissottomettu l-metodoloġija, l-istatistiki u ċ-ċertifikati tal-awditjar tagħhom.

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ftehim qafas ta’ sħubija li jmiss u li jsegwi l-kronoloġija tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP 2021-2027), il-Kummissjoni se tesplora modi, mal-ESOs u mal-organizzazzjonijiet tal-Anness III, dwar kif l-aħjar tiddefinixxi indikaturi ewlenin aġġornati tal-prestazzjoni (KPIs) u l-implimentazzjoni tagħhom għall-attivitajiet rispettivi tagħhom. In-negozjati għall-ftehimiet qafas ta’ sħubija li jmiss se jibdew fl-2019.

    5.Eżekuzzjoni tal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (il-JIS)

    L-Inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni topera b’viżjoni konġunta għall-istandardizzazzjoni li hi bbażata fuq prinċipji sottostanti maqbula b’mod reċiproku. Minn mindu ġiet iffirmata f’Ġunju 2016, l-inizjattiva ġiet xprunata mill-partijiet konċernati u ffaċilitata mill-Kummissjoni u, fil-prinċipju, se ttemm l-ħidmitha fl-2019. Għalhekk il-Kummissjoni se tanalizza r-riżultati tagħha. Dawn jaqgħu taħt tliet kategoriji:

    1. Is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-fehim tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea;

    2. Il-koordinazzjoni, il-koperazzjoni, it-trasparenza u l-inklużività;

    3. Il-kompetittività u d-dimensjoni internazzjonali.

    5.1.Studju dwar l-impatt tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà

    L-istandards jaqdu rwol vitali, għad li kultant donnu inviżibbli, fl-għoti ta’ appoġġ għat-tkabbir ekonomiku permezz tar-rwol tagħhom fit-tisħiħ tal-produttività, tal-kompetittività u tal-innovazzjoni u tal-benessri soċjali. Barra minn hekk, l-impatt tal-istandards fi ħdan in-negozji u l-katini tal-provvista tagħhom mhux mifhum biżżejjed. L-istess japplika għas-settur pubbliku, li mhux dejjem ikun konxju u informat dwar l-impatt tal-użu tal-istandards fil-politiki pubbliċi.

    Għaldaqstant, fuq stedina tal-Kunsill u b’konformità mal-Inizjattiva konġunta dwar l-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni qed tħejji studju dwar l-impatti tal-istandardizzazzjoni fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà fl-UE. Il-proċess tal-offerti bħala prekursur għat-tnedija tal-istudju hu ppjanat fl-2018 u hu sostnut minn studju tal-fattibbiltà li tnieda fl-2017.

    (1)

    CEN — il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, CENELEC — il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u ETSI — l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea.

    (3)

    COM(2018)358

    (4)

    C(2016) 3211

    (5)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/european-multi-stakeholder-platform-ict- standardisation

    (6)

    B’konformità mal-obbligu stipulat mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 Art. 24.3.

    (7)

    ara l-azzjonijiet fl-SWD mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni

    (8)

    COM(2016) 176

    (9)

    COM(2018) 26 u SWD(2018) 15

    (10)

      http://ec.europa.eu/growth/industry/policy/ict-standardisation_mt#rolling_plan_ict_standardisation

    (11)

    COM(2017)477

    (12)

    Il-Kummissjoni hi involuta b’mod dirett fl-istandardizzazzjoni permezz ta’ kollegament mal-Kumitat Tekniku 307 tal-ISO dwar il-blockchain u t-teknoloġiji distribwiti. Taħdem qrib wkoll il-Grupp ta’ Fokus tas-CEN dwar il-Blockchain u t-Teknoloġiji tar-Reġistru Distribwit, li l-kompitu oriġinali tiegħu hu li jipproduċi white paper tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni tal-blockchain. Dan se jidentifika wkoll kwalunkwe ħtieġa tal-istandardizzazzjoni tal-blockchain fil-livell tal-UE.

    (13)

    ara d-dettalji f’COM(2018) 237

    (14)

    COM(2018)284

    (15)

      https://ec.europa.eu/transport/modes/road/news/2018-05-17-europe-on-the-move-3_mt

    (16)

    COM(2018)296

    (17)

     Anness 2 għal COM(2018) 293

    (18)

     L-Alleanza Ewropea għall-Batteriji (l-EBA) tnediet f’Ottubru 2017 mill-Viċi President Šefčovič:

    https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/european-battery-alliance_mt

    (19)

    Ir-riżultati tal-azzjoni eżegwita bħalissa intitolata “azzjoni anċillari u preliminari dwar is-sustanzi kimiċi sostenibbli” skont il-Ftehim

    ta’ Għotja Nru CEN/000/2017-05 Sustanzi Kimiċi Sostenibbli

    (20)

    Il-Ftehim hu ffirmat minn ħames assoċjazzjonijiet industrijali: AISE, CIRFS, EOG, EURATEX u FESI.

    (21)

    COM(2018) 340

    (22)

    COM(2018)286

    (23)

    Ara d-dettalji f’COM(2018)283

    (24)

    COM(2016) 950

    (25)

    L-implikazzjonijiet tad-dinamika internazzjonali li qed tinbidel għall-involviment tal-politika mill-Kummissjoni (eż. il-politika industrijali) kienu fost is-suġġetti diskussi fid-djalogu interistituzzjonali ta’ Ġunju 2018 dwar l-istandardizzazzjoni.

    (26)

    Bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Kumitati tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (27)

      http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/negotiations-and-agreements/

    (28)

    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3-2137

    (29)

    Is-Sħubija tal-Lvant (SL) hi inizjattiva konġunta li tinvolvi lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil sitt Sħab Ewropej tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

    (30)

    COM(2017) 763 final

    (31)

    JOIN(2018) 31

    (32)

      http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-4687_mt.htm

    (33)

      https://webgate.ec.europa.eu/cesip/

    (34)

      www.indico-ictstandards.eu ; www.standict.eu

    (35)

    Ara l-Pjan ta’ Azzjoni fl-SWD(2018)15

    (36)

    Il-korpi nazzjonali tal-istandards skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012

    (37)

      L-Istandards għan-Negozji ż-Żgħar , il-vuċi tal-konsumaturi Ewropej fil-qasam tal-istandardizzazzjoni , il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions u l-Organizzazzjoni Ambjentali taċ-Ċittadini Ewropej fil-qasam tal-Istandardizzazzjoni

    Top