IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.5.2018
COM(2018) 431 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
bil-għan li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju
fl-Ungerija
{SWD(2018) 368 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
bil-għan li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju
fl-Ungerija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi fis-sod fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern.
(2)Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal biex jinħolqu l-impjiegi.
(3)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2017 l-Ungerija tikseb aġġustament fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG sakemm l-objettiv ta' terminu medju ma jintlaħaqx b’anqas sforz.
(4)Fuq il-bażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018 u d-data proviżorja tal-2017 ivvalidata mill-Eurostat, iż-żieda fl-infiq pubbliku, nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali u nfiq ta’ darba, kienet ħafna aktar mir-rata parametru referenzjarju applikabbli għall-infiq fl-2017, li tindika devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament strutturali meħtieġ (devjazzjoni ta’ 2,4 % tal-PDG. Fl-2017, minn pożizzjoni ta’ -1,8 % tal-PDG potenzjali fl-2016, il-bilanċ strutturali ddeterjora għal -3,1 % tal-PDG, li wkoll jindika devjazzjoni sinifikanti (devjazzjoni ta’ 1,4 % tal-PDG). Il-valutazzjoni ġenerali indikat li l-parametru referenzjarju għall-infiq kien milqut ħażin minn tliet elementi, inkluż rata ta’ tkabbir potenzjali fuq terminu medju baxxa wisq kif ukoll effett permanenti fuq id-dħul. Wara li ġew ikkoreġuti dawn il-fatturi kollha, il-parametru referenzjarju tal-infiq jidher li kien jirrifletti b’mod adegwat l-isforz fiskali u jindika devjazzjoni sinifikanti. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-valutazzjoni tal-pilastru tal-bilanċ strutturali, li wara li tikkunsidra l-impatti tan-nefqa dejjem tonqos fi mgħax, il-volatilità tal-investimenti u dħul mhux mistenni, xorta waħda tindika devjazzjoni sinifikanti. Il-valutazzjoni ġenerali għalhekk twassal għall-konklużjoni li d-devjazzjoni osservata mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2017 hija sinifikanti.
(5)Fit-[23 ta’ Mejju] 2018, wara valutazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni kkunsidrat li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju u ħarġet twissija lill-Ungerija b’konformità mal-Artikolu 121(4) TFUE u 10(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(6)Skont l-Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija, jenħtieġ li l-Kunsill jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri ta’ politika meħtieġa. Ir-Regolament jipprevedi li r-rakkomandazzjoni se tistabbilixxi skandenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur sabiex l-Istat Membru jindirizza d-devjazzjoni. Fuq dik il-bażi skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2018 għall-Ungerija biex tindirizza d-devjazzjoni tidher xierqa. Sa dik l-iskadenza jenħtieġ li l-Ungerija tirraporta l-azzjoni li tkun ittieħdet b’reazzjoni għal din ir-rakkomandazzjoni.
(7)Il-bilanċ strutturali tal-Ungerija għall-2017 huwa stmat li kien 1,6 % tal-PDG lil hinn mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju tagħha ta’ defiċit strutturali ta’ -1,5 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-proġettazzjonijiet tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2018, l-Ungerija għaddejja minn żminijiet ekonomiċi tajbin fl-2018. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali tal-Ungerija huwa ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-PDG. L-isforz strutturali minimu meħtieġ preskritt mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-matriċi tar-rekwiżiti, li ddaħħal fil-formula iċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u t-tħassib dwar is-sostenibbiltà, jammontaw għal mill-inqas 1 % tal-PDG għall-2018. Il-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018 tipproġetta aktar deterjorament tal-bilanċ strutturali b’0,5 % tal-PDG fl-2018. Għalhekk, titjib strutturali minimu ta’ 1 % tal-PDG fl-2018 jittraduċi ruħu bi bżonn li jiġu adottati miżuri ta’ rendiment totali ta’ 1,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-linja bażi attwali mill-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018. Minħabba d-daqs sinifikanti tal-isforz ta’ konsolidazzjoni strutturali meħtieġ li jirriżulta mir-rekwiżit ta’ aġġustament minimu, huwa xieraq li ma jkun meħtieġ ebda aġġustament rekwiżit addizzjonali apparti r-rekwiżit minimu ta’ 1 % tal-PDG.
(8)Ir-rekwiżit ta’ titjib fil-bilanċ strutturali b’1 % tal-PDG fl-2018 huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma jeċċedix it-2,8 % fl-2018.
(9)Huwa xieraq li din ir-rakkomandazzjoni ssir pubblika.
(10)Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li l-Ungerija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri meħtieġa u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tal-infiq kurrenti.
B’DAN JIRRAKOMANDA:
(1)Jenħtieġ li l-Ungerija tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura li fl-2018 ir-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-2,8 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG, biex b’hekk il-pajjiż jitqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju.
(2)Jenħtieġ li l-Ungerija tagħmel użu minn kull dħul mhux mistenni biex tnaqqas id-defiċit. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi jiggarantixxu titjib permanenti fil-bilanċ strutturali f’manjiera li taffavorixxi t-tkabbir.
(3)Jenħtieġ li sal-15 ta’ Ottubru 2018 l-Ungerija tirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet b’reazzjoni għal din ir-rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li r-rapport jipprovdi biżżejjed miżuri li jkunu speċifikati u kredibbli, inkluż l-implikazzjoni għall-baġit ta’ kull waħda minnhom, kif ukoll proġettazzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2018.
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President