Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 ta’ Ċipru
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 ta’ Ċipru
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Qieset il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamati mill-Parlament Ewropew,il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn Ċipru kien identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”).
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, Ċipru jeħtieġ li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-Rakkomandazzjonijiet minn (1), (3) u (5) hawn isfel.
(3)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għal Ċipru ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress ta’ Ċipru biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Ċipru lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u r-riżultati ġew ippublikati fis-7 ta’ Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni twassallha biex tikkonkludi li Ċipru għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, huwa essenzjali li l-pajjiż jindirizza l-istokk kbir ta’ żbilanċi fil-forma ta’ sporġenza debitorja privata, pubblika u esterna, u l-livell għoli ta’ self improduttiv.
(4)Fid-19 ta’ April 2018, Ċipru ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 fit-30 ta’ April 2018. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun neċessarju biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u fil-programmi rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika tajba.
(6)Bħalissa Ċipru qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u huwa soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-gvern jippjana surplus baġitarju f’termini nominali ta’ madwar 1,7 % tal-PDG fl-2018 u ftit inqas minn 2,0 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, stabbilit f’pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali, huwa ppjanat li jintlaħaq matul 2018-2021. Wara li naqas għal madwar 97,5 % tal-PDG fl-2017, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jilħaq 105,6 % fl-2018 u li jonqos b’mod konsistenti wara dan, għal 88 % sal-2021, skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projjezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Ir-riskji assoċjati mas-suppożizzjonijiet makroekonimiċi ppreżentati fil-Programm ta' Stabbiltà huma ‘l isfel, fil-parti l-kbira marbuta mal-ammont għoli ta’ self improduttivi fis-settur finanzjarju.
(7)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda li Ċipru jibqa’ fl-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2018. Dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima netta fl-infiq primarju tal-gvern ta’ 1.9 % fl-2018, ekwivalenti għal aġġustament ta’ bilanċ strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018, il-bilanċ strutturali huwa previst li jirreġistra surplus ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2018 u 0,5 % tal-PDG fl-2019, ‘il fuq mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Ċipru huwa previst li jikkonforma mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2018 u r-regola tad-dejn fl-2019. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li Ċipru huwa previst li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u l-2019. Fl-istess ħin, l-iżviluppi fin-nefqa għandhom ikunu segwiti b’attenzjoni fit-terminu qasir u medju, b’mod partikolari fid-dawl ta’ riskji futuri eventwali għar-robustezza tad-dħul.
(8)Minkejja sforzi reċenti dwar servizzi ta’ governanza elettronika, kwalità regolatorja u mobilità tal-persunal, l-ineffiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika tibqa’ ta' sfida u għandha impatt fuq l-ambjent tan-negozju. Proposti leġiżlattivi ewlenin li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kwistjoni għadhom pendenti. Dawn jinkludu abbozzi ta’ liġijiet dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-gvernijiet lokali. Nuqqasijiet fil-qafas ta’ governanza għal entitajiet li jappartjenu għall-istat jistgħu jiffaċilitaw l-akkumulazzjoni ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti pubbliċi u jxekklu l-kapaċità tal-investiment f’utilitajiet importanti, bħat-telekomunikazzjoni u l-enerġija. It-trażżin tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku kien fattur sinifikanti fil-konsolidament fiskali f’Ċipru. Iżda, il-ftehim kollettiv attwali li jillimita l-pagi fis-settur pubbliku jiskadi fl-2018 u soluzzjoni iktar permanenti għadha nieqsa.
(9)Strateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni u pjan ta' azzjoni ġew adottati f’Diċembru 2017. Il-korp eżistenti kontra l-korruzzjoni jibqa’ nieqes mir-riżorsi, iżda l-gvern qed jikkonsidra t-twaqqif ta’ aġenzija indipendenti ġdida. Inizjattivi leġiżlattivi varji, bħall-abbozzi ta’ liġijiet dwar il-protezzjoni tal-informatur, il-lobbjar u dikjarazzjoni tal-assi, bħalissa jinsabu taħt skrutinju parlamentari u, jekk jiġu adottati, jgħinu wkoll biex isaħħu l-qafas nazzjonali kontra l-korruzzjoni.
(10)As indicated in the 2018 euro area recommendation, the fight against aggressive tax planning strategies is essential to impede distortions of competition between firms, provide fair treatment of taxpayers and safeguard public finances. Spill-over effects of taxpayers' aggressive planning strategies between Member States call for a coordinated action of national policies to complement EU legislation. Il-livelli għolja ta’ pagament ta’ dividendi u imgħax (relativi għall-PDG) ikomplu jissuġġerixxu li r-regoli tat-taxxa ta’ Ċipru qed jiġu sfruttati minn kumpaniji li jeżerċitaw ippjanar aggressiv tat-taxxa. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ‘l barra mill-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiżi terzi) minn dividendi, imgħax u, f’bosta każijiet, pagamenti ta’ royalties minn kumpaniji bbażati f’Ċipru għal residenti ta’ pajjiżi terzi jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk ma jkunux suġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. In-nuqqas ta’ tali taxxi, flimkien mar-regoli ta’ residenza tat-taxxa korporattiva, jistgħu ikomplu jiffaċilitaw ppjanar aggressiv tat-taxxa. Filwaqt li reġimi ta’ tnaqqis ta' mgħax nozzjonali jgħinu biex tonqos l-inklinazzjoni lejn il-konverżjoni tad-dejn f'ekwità, jistgħu jintużaw ukoll għal skopijiet ta’ evażjoni tat-taxxa, jekk ma jkunx hemm regoli effettivi kontra l-abbuż. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-passi pożittivi reċenti mħabbra jew adottati (jiġifieri r-reviżjoni mħabbra ta’ regoli tat-taxxa korporattiva residenzjali, tibdil ippjanat dwar dispożizzjonijiet ta’ pprezzar ta’ trasferiment. Abbażi ta’ skambji reċenti, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra l-istrateġija ta’ ppjanar aggressiv tal-kontribwenti tat-taxxa.
(11)Ineffiċjenzi fis-sistema ġudizzjarja jkomplu jaffettwaw l-infurzar ta’ kuntratti u r-riżoluzzjoni rapida ta’ kawżi ċivili u kummerċjali. Proċedura ċivili diffiċli u infurzar dgħajjef tad-deċiżjonijiet tal-qrati huma ta’ piż fuq l-inċentivi tal-banek biex jużaw oqfsa ta’ insolvenza u preklużjoni biex inaqqsu l-ammont ta’ self improduttiv tagħhom. Serje ta’ riformi bdew jindirizzaw il-problemi l-iktar serji fis-sistema tal-ġustizzja, b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni baxxa tal-qrati u n-nuqqas ta’ taħriġ tul il-ħajja għall-imħallfin.
(12)L-użu ta’ oqfsa ġodda ta’ insolvenza u preklużjoni għadu limitat, li jimmina l-isforzi ta’ tnaqqis tas-self improduttiv. Twaqqaf grupp ta' ħidma ta' partijiet ikkonċernati biex jirrevedi l-implimentazzjoni u l-prestazzjoni tal-oqfsa. Ittieħdu miżuri amministrattivi biex inaqqsu x-xogħol b'lura fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà. Madankollu, l-akkumulazzjonijiet jibqgħu għoljin u għadha nieqsa soluzzjoni strutturali li tindirizza l-inadegwatezzi tas-sistema ta’ tranżazzjoni tal-proprjetà (jiġifieri l-ħruġ u t-trasferiment ta' titoli tal-proprjetà).
(13)Il-livell għoli ta’ self improduttiv jibqa’ l-vulnerabbiltà ewlenija tas-settur bankarju u dan jaffettwa l-provvista tal-kreditu. Il-banek għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ impedimenti fit-tisħiħ tal-pretensjonijiet tagħhom fuq selliefa li jkunu fallew u d-dixxiplina dgħajfa ta’ ripagament għadha problematika. Fl-2017, is-self improduttiv naqas, għalkemm b’mod mhux ugwali fost il-banek, bħala riżultat tar-ristrutturar tad-dejn permezz ta’ tħassir u skambju ta’ dejn ma’ assi. Għad fadal inċertezzi dwar is-sostenibbiltà tal-pjanijiet ta’ tnaqqis tal-banek, hekk kif ir-riinadempjenza tas-self u r-ririistrutturar jibqgħu għoljin u l-iskopertura diretta tal-banek għas-suq immobiljari qed tiżdied. Dawn il-fatturi jindikaw il-ħtieġa għal implimentazzjoni malarj ta’ strateġija iktar komprensiva biex jitħaffef it-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek, b’kunsiderazzjoni għall-konsegwenzi soċjali għal gruppi vulnerabbli u inċentivi mfassla sew biex tissaħħaħ id-dixxiplina tar-ripagament. Bħala parti minn din l-istrateġija, emendi leġiżlattivi biex jippermettu għall-infurzar effettiiv tal-pretensjonijiet u biex jiffaċilitaw il-bejgħ ta’ self jidher neċessarju, inkluż dwar protezzjoni għal min jissellef u l-introduzzjoni ta’ rkanti elettroniċi. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ governanza u amministrattiva ta’ assigurazzjoni u superviżjoni tal-fond tal-pensjoni għadhom baxxi. Il-gvern bi ħsiebu jippreżenta proposti leġiżlattivi biex jindirizza din il-kwistjoni matul l-2018.
(14)L-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għal tkabbir wassal għal xi progress fl-oqsma ta’ investimenti strateġiċi, l-intraprenditorija u regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, riformi importanti waqfu, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ liċenzji li jawtorizzaw proġetti ta’ investiment. L-aċċess għal finanzjament tjieb, permezz ta’ xi titjib fir-rekwiżiti tal-kollateral, iżda jibqa’ kwistjoni ewlenija, b’mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Miżuri ta’ appoġġ finanzjarju huma bbażati fuq għotjiet, fil-biċċa l-kbira. Sorsi alternattivi ta’ finanzjament bħall-kapital ta' riskju, finanzjament permezz tal-ekwità u finanzjament kollettiv, jibqgħu marġinali għan-negozji Ċiprijotti. Sforzi ta’ privatizzazzjoni, immirati biex jattiraw investimenti barranin li jtejjbu l-produttività, f’bosta każijiet huma sospiżi u biss uħud mill-proġetti ta’ privatizzazzjoni qed javvanzaw b’mod gradwali (pereż il-port ta’ Larnaca).
(15)L-impjieg qed jiżdied u l-qgħad qed jonqos b’rata mgħaġġla, għalkemm jibqa’ għoli fost iż-żgħażagħ u dawk li ilhom mingħajr impjieg fit-tul. Ikomplu l-isforzi biex titjieb il-kapaċità amministrattiva tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg. Madankollu, il-forniment ta’ servizzi lil min iħaddem, il-kategorizzazzjoni tal-klijent, il-gwida u l-attivazzjoni personalizzati, inkluż għal dawn li jirċievu dħul minimu garantit, jibqgħu ta’ sfida. Il-proporzjon taż-żgħażagħ (età 15-24) mhux impjegati, f’edukazzjoni, jew taħriġ għadu fost l-ogħla fl-UE. Il-miżuri ta’ ilħiq u assistenza personallizzata f’waqtha għaż-żgħażagħ huma limitati, kif ikkonfermat mill-għadd baxx tagħhom fi skemi ta’ attivazzjoni relevanti.
(16)Il-modernizzazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni avvanza iżda għad fadal sfidi sostanzjali. Żviluppi reċenti pożittivi jinkludu reviżjoni fil-fond tal-curricula tal-iskejjel u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ħatra għall-għalliema. In-nefqa fl-edukazzjoni hija ‘l fuq mill-medja tal-UE, li juri impenn sod fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. Madankollu, il-kisbiet fl-edukazzjoni għadhom baxxi u t-tluq bikri mill-iskola, għalkemm inqas mill-medja tal-UE, żdied b’mod sinifikanti. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali hija baxxa, ir-riforma tas-sistema tal-evalwazzjoni tal-għalliema għadha pendenti u proporzjoni għoli ta’ gradwati terzjarji jkomplu jaħdmu f’impjieg li ma jirrekjedix neċessarjament lawrija akkademika.
(17)Ċipru għamel progress sostanzjali fil-kura tas-saħħa billi adotta leġiżlazzjoni biex jistabilixxi s-Sistema Nazzjonali ġdida tal-Kura tas-Saħħa. Is-sistema l-ġdida għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess, tintroduċi kopertura universali tas-saħħa, tnaqqas il-livell għoli ta’ pagamenti mill-but u żżid l-effiċjenza fl-għoti tal-kura fis-settur pubbliku. Qabel ma tibda taħdem bis-sħiħ fl-2020, is-sistema għadha qed tiffaċċja sfidi kbar ta’ implimentazzjoni u investiment. Għandhom ikomplu l-isforzi għal salvagwardja kontra spejjeż possibbli li jkunu akbar minn dawk ippjanati, il-modernizzazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza tal-fornituri tal-kura tas-saħħa, inkluż il-kura tas-saħħa primarja, l-introduzzjoni tas-Saħħa-e u t-twaqqif ta’ Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Mediċini. Il-livell tal-kura fit-tul huwa baxx u jibqa’ ta’ sfida meta titqies it-tixjieh tal-popolazzjoni.
(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Ċipru u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill Ċipru fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli f’Ċipru imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(19)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu hija li Ċipru huwa mistenni jikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(20)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 sa 5 hawn taħt,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċipru jieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:
1.Jadotta riformi leġiżlattivi ewlenin biex itejjeb l-effiċjenza fis-settur pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika u tal-governanza tal-entitajiet li huma proprjetà tal-istat u tal-gvernijiet lokali.
2.Iżid l-isforzi biex itejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudikatura billi jirrevedi l-proċeduri ċivili, iżid l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u jwaqqaf sistema ta’ ġustizzja elettronika operazzjonali bis-sħiħ. Jieħu miżuri biex jrendi operazzjonali bis-sħiħ l-oqfsa ta’ insolvenza u preklużjoni u jiżgura sistemi affidabbli u rapidi għall-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà u t-trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà immobbli.
3.Iħaffef it-tnaqqis tas-self improduttivi billi jimplementa strateġija komprensiva, inkluż emendi leġiżlativi li jippermettu l-infurzar effettiv tal-pretensjonijiet u l-faċilitazzjoni tal-bejgħ ta’ self. Jintegra u jsaħħa is-superviżjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u ta' fondi tal-pensjonijiet.
4.Jagħti prijorità għall-implimentazzjoni tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' azzjoni għat-tkabbir, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni rapida ta’ investimenti strateġiċi, u jieħu miżuri addizzjonali biex itejjeb l-aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Itejjeb il-prestazzjoni tal-impriżi tal-istat inkluż billi jkompli bl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ privatizzazzjoni.
5.Ilesti r-riformi mmirati biex iżidu l-kapaċità u l-effettività tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jsaħħaħ l-ilħiq u l-appoġġ għall-attivazzjoni għaż-żgħażagħ li mhumiex f’imjieg, fl-edukazzjoni jew f'taħriġ. Ilesti r-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-evalwazzjoni tal-għalliema u azzjonijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jieħu miżuri biex jiżgura li s-Sistema Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa ssir operazzjonali bis-sħiħ fl-2020, kif ippjanat.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President