Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0272

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi

    COM/2018/272 final - 2018/0128 (NLE)

    Brussell, 22.5.2018

    COM(2018) 272 final

    2018/0128(NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi

    {SWD(2018) 174 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    ·Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Wara d-diskussjonijiet fis-Summit għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f’Gothenburg f'Novembru 2017, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern esprimew ir-rieda tagħhom li jagħmlu aktar fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura. Il-Kummissjoni tat kontribut lid-dibattitu b’Komunikazzjoni dwar “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” 1 li tippreżenta viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li trid tinħoloq sal-2025. Din tiddeskrivi Ewropa li fiha l-edukazzjoni inklużiva, it-taħriġ u r-riċerka ta’ kwalità għolja mhumiex imxekkla mill-fruntieri; li wieħed iqatta’ xi żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja, jitgħallem, jew jaħdem saret xi ħaġa standard; hu ħafna aktar komuni li wieħed jitkellem żewġ lingwi flimkien mal-lingwa materna tiegħu; u n-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, kif ukoll konxji mill-wirt kulturali u mid-diversità tal-Ewropa.

    It-titjib fl-apprendiment tal-lingwi Ewropej jikkontribwixxi għall-fehim reċiproku u għall-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni u jgħin biex tiżdied il-produttività, il-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika. Il-lingwa tifforma l-bażi tal-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal; il-benefiċċji tal-kompetenzi multilingwi jinfluwenzaw l-aspetti kollha tal-ħajja.

    Il-kompetenzi lingwistiċi se jkollhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Għaldaqstant, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 2 , il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern saħqu mill-ġdid dwar l-ambizzjoni li “jittejjeb l-apprendiment tal-lingwi, sabiex aktar żgħażagħ jitkellmu mill-anqas żewġ lingwi Ewropej flimkien mal-lingwa materna tagħhom”.

    In-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi hu ostaklu għall-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni u fid-dinja, kemm fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq Ewropew tax-xogħol. Ir-Rapport Annwali dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema ġewwa l-UE tal-2017 jagħti indikazzjonijiet li l-ostakli lingwistiċi jistgħu jtappnu l-opportunitajiet ekonomiċi tas-swieq differenti tax-xogħol fiż-żoni transfruntiera 3 . Id-Dokument ta’ riflessjoni dwar l-Isfruttar tal-Globalizzazzjoni 4 ġustament jiddikjara li “(a) dinja aktar konnessa ġabet magħha opportunitajiet ġodda. Illum il-ġurnata n-nies jivvjaġġaw, jaħdmu, jitgħallmu u jgħixu f’pajjiżi differenti. Huma jinteraġixxu ma’ xulxin fuq il-web, u jaqsmu flimkien l-ideat, il-kulturi u l-esperjenzi tagħhom. L-istudenti għandhom aċċess onlajn għal korsijiet immexxija minn universitajiet ewlenin madwar id-dinja”. Il-kompetenzi lingwistiċi huma fatturi ewlenin biex ikun hemm aċċess għal dawn l-opportunitajiet ġodda. It-titjib tal-kompetenzi lingwistiċi taż-żgħażagħ fl-Unjoni kollha jirrikjedi riflessjoni dwar kif it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi jistgħu jittejbu fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni obbligatorja.

    Din ir-Rakkomandazzjoni tiffoka fuq it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja (li tkopri kemm l-iskejjel ġenerali kif ukoll vokazzjonali); għaldaqstant il-kompetenzi multilingwi jistgħu jiġu żviluppati f’perspettiva tul il-ħajja.

    Bħalissa l-Istati Membri mhumiex jagħmlu biżżejjed progress lejn il-mira maqbula fil-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona fl-2002 li appella għal aktar azzjoni biex jiġu mgħallma “mill-anqas żewġ lingwi minn età verament bikrija” 5 . Filwaqt li, kuntrarjament għal li kien jiġri fid-deċennji preċedenti, il-biċċa l-kbira tal-istudenti fl-Unjoni llum jibdew jitgħallmu l-ewwel lingwa barranija aktar kmieni, il-livell ta’ ambizzjoni għadu baxx fir-rigward tat-tieni lingwa barranija. Il-perċentwali tal-istudenti li jibdew jitgħallmu l-ewwel lingwa barranija tagħhom fl-iskola primarja issa hu ta’ 83,8 %, żieda ta’ 16,5-il punt perċentwali meta mqabbla mal-2005. Madankollu, hemm 11-il pajjiż fejn it-tieni lingwa barranija mhix obbligatorja fl-edukazzjoni sekondarja ġenerali u l-istudenti f’16-il sistema edukattiva ta’ edukazzjoni vokazzjonali jitgħallmu konsiderevolment anqas lingwi barranin mill-kontropartijiet tagħhom fl-edukazzjoni ġenerali 6 .

    Meta l-perspettiva tinbidel minn parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-ksib reali tal-kompetenzi, l-istudji 7 jsibu livell ta’ profiċjenza ġeneralment baxx fost l-istudenti fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja kif ukoll differenzi kbar ħafna bejn l-Istati Membri. Fl-2012, il-Kummissjoni ppreżentat analiżi tal-kompetenzi lingwistiċi fl-Ewropa 8 . Abbażi tal-ewwel Stħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi 9 , l-analiżi uriet li, minkejja l-investiment fl-apprendiment u t-tagħlim tal-lingwi, is-sistemi edukattivi għadhom jitħabtu biex jaraw titjib fil-kompetenzi lingwistiċi.

    Filwaqt li hemm qbil ġenerali li l-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tista’ tgħin fil-promozzjoni tal-multilingwiżmu u tista’ tappoġġa tagħlim u apprendiment aktar effettivi tal-lingwi fl-iskejjel, ma hemm l-ebda dejta tat-tqabbil dwar il-kompetenzi lingwistiċi fl-Unjoni. Studju dwar it-tqabbil tal-ittestjar tal-lingwi fl-Istati Membri wera li anke l-metodi attwali għall-valutazzjoni u għall-monitoraġġ tat-titjib ma jagħtux stampa sħiħa tal-kompetenzi lingwistiċi individwali. Biex ikun hemm stampa aktar preċiża u komparabbli dwar il-livell tal-kompetenzi lingwistiċi fl-Unjoni, wieħed ikollu bżonn jiġbor aktar dejta fuq bażi regolari 10 .

    Din il-proposta tindirzza a) il-bżonn li jsir investiment fl-apprendiment tal-lingwi billi tingħata attenzjoni partikolari lill-eżiti tal-apprendiment u b) l-opzjonijiet biex jittejjeb l-apprendiment tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi fl-edukazzjoni skolastika.

    Skejjel li huma konxji tal-lingwi jankraw l-apprendiment tal-lingwi, kemm dak tal-lingwi barranin kif ukoll dak tal-lingwa tal-iskola, f’approċċ li jqis il-kurrikuli kollha, imsejjes fuq il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tal-istudenti tagħhom filwaqt li jgħinuhom itejbu l-kompetenza lingwistika skont il-bżonnijiet, iċ-ċirkostanzi, l-abilitajiet u l-interess 11 .

    Skejjel u ċentri tat-taħriġ bi grad għoli ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi jistgħu jkunu elementi kostitwenti għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; dawn kapaċi jistimulaw interess f’pajjiżi, f’kulturi u f’lingwi oħrajn u jibnu s-sisien għall-mobbiltà għall-apprendiment u għall-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri. Din il-proposta għal rakkomandazzjoni tipproponi opzjonijiet konkreti biex jitjieb l-apprendiment tal-lingwi u biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitkellmu żewġ lingwi f’livell ta’ utent profiċjenti, filwaqt li jiksbu t-tieni lingwa barranija f’livell ta’ utent indipendenti 12 .

    Barra minn hekk, din tqajjem il-kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ punt ta’ riferiment għall-apprendiment tal-lingwi fl-Unjoni, li tista’ tistimula l-iżvilupp ta’ strateġiji effettivi u effiċjenti għal-lingwi u t-titjib ġenerali tal-kompetenza lingwistika fl-Unjoni kollha.

    ·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-apprendiment tal-lingwi jiġi indirizzat f’varjetà ta’ oqsma ta’ politika fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

    Fl-2006, ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja 13 ddefinixxiet żewġ kompetenzi relatati mal-apprendiment tal-lingwi: “Il-komunikazzjoni fl-ilsien nattiv” (ta’ spiss l-ilsien nattiv jitqies bħala ekwivalenti għal-lingwa tal-iskola) u “Il-komunikazzjoni f'ilsna barranin”. Rieżami ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tħabbret fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 14 . Il-proposta għal Rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja kif ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Jannar 2018 15 , tipproponi li tiddefinixxi l-kompetenzi “Litteriżmu” u “Kompetenza lingwistika”, filwaqt li toffri fehim aktar flessibbli tar-relazzjoni bejn il-lingwa materna u l-lingwa tal-iskola. L-approċċ il-ġdid iwieġeb għaż-żewġ sfidi ta’ livell baxx ta’ ħiliet tal-litteriżmu fl-Ewropa 16 u tan-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi.

    Ir-rabta qawwija bejn il-litteriżmu u l-lingwi tenfasizza l-fehim li hemm bżonn li l-kompetenzi jiġu żviluppati aktar fil-lingwa tal-iskola indipendentement mill-fatt jekk il-lingwa tal-iskola tkunx il-lingwa materna tal-istudent jew lingwa barranija.

    Iż-żieda tal-apprendiment tal-lingwi tappoġġa wkoll l-ideat espressi fil-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim 17 peress li tiffaċilita l-mobbiltà, l-iskambju u l-fehim interkulturali, u ssostni l-fehim tal-valuri komuni.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 18 indirizzat l-aspett tal-użu aktar effettiv tat-teknoloġiji diġitali għall-apprendiment, inkluż l-apprendiment tal-lingwi. Din

    tenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji diġitali li “(jkomplu jsaħħu) is-sens ta’ konnessjoni bl-iżvilupp ta’ kontenut speċifiku f’diversi lingwi u billi jużaw pjattaformi ewlenin tal-UE bħall-iSchool Education Gateway u l-Akkademja tal-Għalliema tagħha 19 .

    ·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    L-għan ewlieni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu kumplementari għax-xogħol li l-Kummissjoni qiegħda tagħmel fuq l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali peress li r-Rakkomandazzjoni tkompli tappoġġa “id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu [lil kulħadd] jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol 20 . Il-kompetenza lingwistika titqies bħala waħda mill-ħiliet kruċjali meħtieġa f’dan il-qasam.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE 21 ġġib argumenti favur il-promozzjoni tal-multilingwiżmu tal-fruntieri. Din tistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet “jużaw l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-bilingwiżmu fir-reġjuni tal-fruntiera”.

    Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-2018 22 jipproponu wkoll li “il-mobbiltà tal-istudenti u l-ħaddiema jeħtieġ li tiġi promossa bl-għan li jittejbu l-ħiliet tal-impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki.” In-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi jista’ jitqies bħala ostaklu ewlieni għall-mobbiltà li jista’ jiġi indirizzat fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluż fl-edukazzjoni obbligatorja.

    Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi 23 tal-Kummissjoni tal-2016 jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma fost l-aktar għodod qawwija għall-integrazzjoni. Dan jistqarr li “it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' destinazzjoni huwa kruċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex il-proċess ta' integrazzjoni tagħhom jirnexxi. (…) It-tfal kollha, irrispettivament mill-ambjent ta’ familja tagħhom jew l-isfond kulturali jew is-sess tagħhom, għandhom id-dritt għall-edukazzjoni li tkompli ssawwar l-iżvilupp tagħhom. Jista' jkun li l-edukazzjoni tat-tfal refuġjati ġiet interrotta jew f'xi każijiet għandu mnejn ma setgħux imorru skola u jkunu jeħtieġu appoġġ imfassal apposta fosthom lezzjonijiet ta' rkupru. L-għalliema jeħtieġu l-ħiliet neċessarji biex jgħinuhom u jeħtieġ li jkunu megħjuna f'xogħolhom fi klassijiet li dejjem aktar qed ikunu varjati, biex jiġu evitati wkoll il-falliment fl-iskola u s-segregazzjoni edukattiva.”



    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    ·Bażi ġuridika

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 165 jistqarr li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom. Din tistqarr ukoll li l-Unjoni għandha timmira lejn l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, b’mod partikolari permezz tat-tagħlim u tat-tixrid tal-lingwi tal-Istati Membri.

    L-Artikolu 166 jistqarr li l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u għall-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali. Din tistqarr ukoll li l-Unjoni għandhatinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-edukaturi u ta’ min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażagħ”. L-appoġġ għall-apprendiment u għat-tagħlim tal-lingwi jikkontribwixxi għal dan l-għan.

    Din ir-Rakkomandazzoni ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja tal-Unjoni u ma tirrikjedix xi impenji vinkolanti mill-Istati Membri. L-Istati Membri jiddeċiedu kif jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

    ·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-Kummissjoni tieħu din l-azzjoni biex tħeġġeġ, tappoġġa u tikkumplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-apprendiment tal-lingwi, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltà globali tagħhom għas-sistemi edukattivi tagħhom.

    L-apprendiment tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja ma għamilx progress skont l-intenzjonijiet iddikjarati fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona fl-2002. Nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi għadu jitqies bħala ostaklu għall-moviment liberu u għall-kummerċ u s-servizzi transfruntiera 24 .

    Il-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni jinsab fil-kapaċità tal-Unjoni li:

    ·tiffaċilita l-iskambju u l-qsim ta’ prattiki tajbin bejn l-organizzazzjonijiet f’pajjiżi differenti biex jitjiebu s-sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi u t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi; kif ukoll

    ·tiżviluppa inizjattivi li jappoġġaw aktar inizjattivi għall-apprendiment tal-lingwi fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, isostnu lill-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel fil-kompiti tagħhom, u jiżviluppaw aktar l-istrateġiji tal-lingwi u l-approċċi multilingwi, filwaqt li jippromwovu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

    ·Proporzjonalità

    Il-proposta tipprovdi eżempji ta’ prattiki tajbin u toffri appoġġ lill-Istati Membri fil-qsim tal-prattiki tajbin u tal-informazzjoni, u fl-iżvilupp ta’ politiki kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni. Peress li l-impenji li l-Istati Membri se jagħmlu huma ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jiddeċiedi dwar l-approċċ li se jieħu biex itejjeb it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, il-miżura titqies bħala proporzjonali.



    ·Għażla tal-istrument

    Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, strument xieraq huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, fejn l-Unjoni jkollha kompetenza ta’ appoġġ, u hija strument li spiss intuża għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Bħala strument legali, din turi l-impenji tal-Istati Membri lejn il-miżuri fit-test u tipprovdi bażi politika aktar b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    ·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    ·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din ir-Rakkomandazzjoni tistrieħ fuq elementi rilevanti mill-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-aspetti relatati mal-lingwi tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin 25 . Fir-rigward tal-kompetenzi lingwistiċi, il-konsultazzjoni online, id-dokumenti ta' pożizzjoni u l-laqgħat/konferenzi konsultattivi enfasizzaw il-bżonn li tingħata tweġiba għad-domandi ta’ kompetenzi fil-litteriżmu, fil-lingwi u fil-komunikazzjoni fis-soċjetajiet multilingwi u kulturalment diversi tal-lum, b’mod aktar integrat.

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm fokus akbar fuq il-litteriżmu u fuq l-iżvilupp ġenerali tal-lingwi. Dan jista’ jinkludi l-konsiderazzjoni ta’ perspettiva usa’ ta’ x’jikkonstitwixxi kompetenza fil-lingwi, illum il-ġurnata, meta wieħed iqis il-lingwa speċjalizzata jew akkademika jew l-iżviluppi fil-komunikazzjoni diġitali.

    Sabiex jinġabar b’mod wiesa’ l-input u jiġu diskussi xi ideat inizjali li ġew żviluppati wara fil-proposta preżenti, il-Kummissjoni organizzat laqgħa mal-partijiet ikkonċernati kmieni fi Frar 2018 li fiha ħadu sehem rappreżentanti minn xi 60 organizzazzjoni akkademika u tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati ewlenin, u xi 20 rappreżentant mill-Ministeri tal-Edukazzjoni tal-Istati Membri.

    B’mod ġenerali, il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kkonfermat ir-rilevanza tal-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għall-apprendiment tal-lingwi fl-iskejjel fl-Unjoni. Diversi kelliema qajmu l-punt li kien hemm progress limitat mill-2002 ’il hawn u rakkomandazzjoni jkollha bżonn tipproponi inizjattivi li jkollhom il-potenzjal li tassew itejbu l-apprendiment tal-lingwi. L-istrateġiji lingwistiċi fil-livell tal-iskejjel tqiesu bħala utli, peress li l-iskejjel ikollhom jittrattaw varjetà ta’ sfidi u jkollhom bżonnijiet differenti meta jkunu qed jindirizzaw il-lingwi (ir-reġjuni fil-fruntiera, l-għadd ta’ studenti bi sfond ta’ migrazzjoni jew ta’ minoranza).

    Diversi parteċipanti esprimew tħassib dwar l-għeluq tad-dipartimenti għal-lingwi moderni barranin fl-universitajiet, fatt li qed jiggrava n-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi kkwalifikati. In-nuqqas ta’ għalliema jirriskja li jxekkel it-tagħlim tal-lingwi moderni barranin fil-livell tal-iskola obbligatorja.



    Kwistjonijiet oħra li tqajmu huma:

    Il-każ favur il-ħolqien ta’ ambjenti ta’ apprendiment li fihom l-lingwi jiffjorixxu u d-domanda u l-motivazzjoni għall-apprendiment tal-lingwi jiġu appoġġati filwaqt li jiġi żgurat li l-pedagoġiji jiġu ċċentrati fuq l-istudenti u titrawwem l-awtonomija tal-istudenti;

    L-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel għandhom bżonn ta’ appoġġ u riżorsi; il-preparazzjoni u l-edukazzjoni tal-għalliema kienu kkunsidrati bħala l-kwistjonijiet ewlenin sabiex jinbidlu l-perċezzjonijiet u jittejjeb l-apprendiment tal-lingwi fl-Ewropa;

    Attenzjoni għas-sitwazzjoni speċifika tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni jew ta’ minoranza; li tinkludi l-konsiderazzjoni mill-ġdid tal-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi billi din tista’ tikkontribwixxi għal apprendiment aħjar, speċjalment meta jitqies il-multilingwiżmu tat-tfal;

    Jenħtieġ li jiġi appoġġat ir-rikonoxximent tal-apprendiment u l-għarfien preċedenti tal-lingwi li ma jkunux fil-kurrikuli; appoġġ għad-diversità tal-offerta lingwistika fl-iskejjel li tmur lil hinn mill-Ingliż.

    ·Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Ir-Rakkomandazzjoni tissejjes fuq ix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma preċedenti dwar il-Lingwi fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ fi ħdan il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) 26 .

    Aktar riċenti, fl-2016 u fl-2017, il-Kummissjoni organizzat serje ta’ panels tematiċi ta’ esperti u żewġ attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari li segwew żewġ għanijiet interkonnessi: li jipprovdu input dwar il-litteriżmu u l-kompetenzi lingwistiċi għar-rieżami tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin u li jeżaminaw kif l-Istati Membri jgħinu lit-tfal migranti jakkwistaw malajr l-profiċjenza fil-lingwa tal-iskola (il-prijorità attwali tal-ET2020) 27 .

    L-aħħar Rapport ta’ Dejta Ewlenija dwar it-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel fl-Ewropa pprovda wkoll veduti importanti fix-xejriet tal-provvista tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa kollha, inkluża (għall-ewwel darba) id-dejta dwar l-appoġġ lingwistiku strutturat għat-tfal migranti 28 .

    ·Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba l-approċċ kumplementari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-ambitu tal-impatti mistennija, ma saritx valutazzjoni tal-impatt. L-iżvilupp tal-proposta twettaq abbażi ta' għarfien minn studji preċedenti, konsultazzjoni tal-Istati Membri u l-konsultazzjoni pubblika.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    ·Drittijiet fundamentali

    Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt tal-edukazzjoni, ir-rispett għad-diveristà kulturali, reliġjuża u lingwistika u n-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi d-drittijiet tat-tfal kif stabbiliti fl-Artikolu 24 u tieħu inkonsiderazzjoni l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod partikolari l-Artikolu 29.1.c li jispeċifika li l-edukazzjoni tat-tfal għandha tiġi diretta lejn l-iżvilupp tar-rispett għall-ġenituri tat-tfal, għall-identità kulturali, għal-lingwa u għall-valuri tat-tfal, għall-valuri nazzjonali tal-pajjiż li fih it-tfal qegħdin jgħixu, għall-pajjiż li minnu jkunu ġejjin, u għaċ-ċiviltajiet differenti minn tagħhom 29 . Din ir-Rakkomandazzjoni trid tiġi implimentata f'konformità ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    L-azzjonijiet proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni li jkollhom implikazzjonijiet għall-baġit se jiġu appoġġati fi ħdan ir-riżorsi eżistenti tal-programm Erasmus+, kif ukoll possibbilment, tal-Orizzont 2020 jew tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej sakemm id-dispożizzjonijet tal-atti bażiċi rilevanti jipprevedu tali appoġġ. Din l-inizjattiva ma tippreġudikax in-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-programmi tal-futur. Ma jkun hemm bżonn ta’ ebda riżorsa addizzjonali mill-baġit tal-UE.

    5.    ELEMENTI OĦRA

    ·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Biex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, materjal ta’ gwida u ta’ appoġġ li jista’ jindirizza d-dgħufijiet identifikati fl-implimentazzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment orjentati lejn il-kompetenzi.

    Il-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta dwar l-użu tar-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendiment.

    ·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    ·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Dispożizzjonijiet tal-Istati Membri

    Biex tgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha jiksbu livell ta’ utent profiċjenti f’mill-anqas lingwa Ewropea oħra u tħeġġeġ il-ksib ta’ lingwa addizzjonali (it-tielet) fil-livell ta’ utent indipendenti, il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri:

    ·Japplikaw approċċi komprensivi biex itejbu t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi fil-livelli kollha u fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    ·Jiżviluppaw skejjel konxji dwar il-lingwi skont il-linji deskritti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni, fejn jipprovdu għalliema b’edukazzjoni u b’appoġġ xierqa;

    ·Jippromwovu l-mobbiltà għall-apprendiment fl-edukazzjoni tal-għalliema kollha tal-lingwi u jippromwovu perjodi ta’ apprendiment barra l-pajjiż;

    ·Jidentifikaw u jippromwovu pedagoġiji innovattivi, inklużivi u multilingwi, fejn jintużaw għodod u pjattaformi Ewropej kull meta jkun xieraq;

    ·Jimmiraw li jiżviluppaw metodi biex jimmonitorjaw il-progress fil-kompetenzi lingwistiċi fi stadji differenti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

    Dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li tilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

    ·Tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tal-Anness tagħha billi tiffaċilita l-apprendiment bejn il-pari fost l-Istati Membri u billi tiżviluppa materjal u għodod ta’ referenza li jkunu xierqa;

    ·Tara li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jkun disponibbli għall-appoġġ tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi u b’mod partikolari ssaħħaħ l-qasam tal-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus+, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport;

    ·Issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u maċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tiegħu fl-oqsma tal-għarfien espert tagħhom.

    2018/0128 (NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fil-Komunikazzjoni “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura 30 ”, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li fiha l-edukazzjoni inklużiva, it-taħriġ u r-riċerka ta’ kwalità għolja 2025ma jkunux imxekkla mill-fruntieri; li wieħed iqatta’ xi żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja, jitgħallem, jew jaħdem saret xi ħaġa standard; hu ħafna aktar komuni li wieħed jitkellem żewġ lingwi flimkien mal-lingwa materna tiegħu; u n-nies għandhom sens qawwi tal-identità tagħhom bħala Ewropej, kif ukoll konxji mill-wirt kulturali u mid-diversità tal-Ewropa.

    (2)F’sessjoni ta' ħidma informali tas-Summit ta’ Gothenburg għall-impjiegi ġusti u t-tkabbir, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern iddiskutew dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u l-kultura għall-ġejjieni tal-Ewropa. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 31 isejħu lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex imexxu ’l quddiem il-ħidma f’dan il-qasam.

    (3)Il-kompetenzi lingwistiċi huma fil-qalba tal-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Biż-żieda fil-mobbiltà għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għax-xogħol ġewwa l-Unjoni, biż-żieda fil-migrazzjoni minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, u l-kooperazzjoni globali ġenerali, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom bżonn iqisu mill-ġdid l-isfidi fit-tagħlim u fl-apprendiment tal-lingwi u l-opportunitajiet provduti mid-diversità lingwistika tal-Ewropa.

    (4)Billi jiżdied u jitjieb l-apprendiment tal-lingwi, tista’ tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fit-tagħlim 32 . Din tista’ trawwem l-iżvilupp ta’ identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha, filwaqt li tikkumplementa l-identitajiet u t-tradizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali u jkun hemm fehim aħjar tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

    (5)Kważi nofs l-Ewropej jirrappurtaw li mhumiex kapaċi jagħmlu konversazzjoni bi kwalunkwe lingwa oħra għajr bil-lingwa materna tagħhom 33 . In-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi hu sors ta’ diffikultà li jxekkel l-iskambji ta’ natura sinifikanti bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-individwi bejn il-fruntieri fl-Unjoni 34 .

    (6)Fl-edukazzjoni sekondarja, erbgħa minn kull għaxar studenti biss jilħqu l-livell ta’ “utent indipendenti” fl-ewwel lingwa barranija, li jindika li wieħed jista’ jagħmel konversazzjoni sempliċi. Kwart biss jiksbu dan il-livell fit-tieni lingwa barranija 35 . Analiżi komparattiva tal-lingwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ 36 uriet li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiffaċċaw sfidi meta jiġu biex jiżguraw eżiti xierqa ta’ apprendiment fil-qasam tal-lingwi. Filwaqt li l-isfidi jeżistu fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, dawn huma partikolarment akuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fejn ikun hemm anqas enfasi fuq l-apprendiment tal-lingwi.

    (7)Il-kompetenzi lingwistiċi limitati jibqgħu wieħed mill-ostakli ewlenin biex wieħed jieħu benefiċċju mill-opportunitajiet offruti mill-programmi Ewropej għall-edukazzjoni, għat-taħriġ u għaż-żgħażagħ 37 . Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-titjib tal-kompetenzi lingwistiċi, il-persuni jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet li joffri s-suq intern, bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll jieħdu deċiżjoni aktar infurmata u ġusta dwar opportunitajiet f’pajjiżi oħra tal-UE.

    (8)Il-ħiliet fil-lingwi barranin jipprovdu vantaġġi kompetittivi kemm għan-negozji kif ukoll għall-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol – jekk jiffurmaw parti minn sett usa’ ta’ ħiliet utli 38 . Hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-ħiliet fil-lingwi barranin u l-probabbiltà li tkun f’impjieg 39 . Madankollu, ir-riżultati mill-aħħar Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu (CVTS 2016) juru li 7,9 % biss tal-kumpaniji (li jipprovdu taħriġ għall-impjegati tagħhom) jibagħtu lill-impjegati tagħhom għall-korsijiet tal-lingwi (firxa ta’ bejn 22,1 % fis-Slovakkja għal 0,5 % fl-Irlanda).

    (9)Il-persuni għandhom bżonn sett xieraq ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi biex isostnu l-istandards attwali ta’ għajxien, jappoġġaw ir-rati għolja ta’ impjiegi u jrawmu l-koeżjoni soċjali fid-dawl tas-soċjetà u d-dinja tax-xogħol tal-futur 40 . Dan hu importanti wkoll sabiex tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tat-tfal, tal-istudenti u tal-adulti immigranti 41 . Hemm bżonn li jiġu esplorati modi ġodda ta’ apprendiment għal soċjetà li qed issir dejjem aktar mobbli u diġitali 42 . Il-ksib ta’ kompetenzi lingwistiċi aħjar tista’ ssostni ż-żieda fil-mobbiltà u l-kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, l-iżviluppi diġitali jippermettu li jkun hemm aktar u aktar apprendiment u prattika tal-lingwi barra mill-klassi u l-kurrikuli. Il-proċeduri attwali ta' valutazzjoni ma jirriflettux bis-sħiħ dawn l-iżviluppi.

    (10)L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 43 jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal l-edukazzjoni inklużiva, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità sabiex kulħadd ikollu u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġa b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-kompetenza lingwistika hija waħda mill-kompetenzi ewlenin li tista’ trawwem l-impjegabbiltà, l-possibbiltà li wieħed jilħaq il-milja personali tiegħu, iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali; din hija definita bħala “l-abbiltà li jintużaw lingwi differenti b’mod xieraq u effettiv għall-komunikazzjoni” 44 .

    (11)Aktar minn nofs l-Istati Membri jirrikonoxxu b’mod uffiċjali l-lingwi reġjonali jew minoritarji fi ħdan il-fruntieri tagħhom għal skopijiet legali jew amministrattivi, inklużi l-lingwi nazzjonali tas-sinjali. Diversi lingwi minn dawn imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-lingwi li jżidu l-popolazzjonijiet tal-immigranti jgħaqqdu l-istampa lingwistika fl-Ewropa 45 .

    (12)L-iskejjel qed isiru aktar konxji tan-neċessità li jkun żgurat li t-tfal kollha, irrispettivament mill-isfond u mill-ewwel lingwa, jiksbu livell verament tajjeb tal-lingwa tal-iskola, jekk ikun xieraq permezz ta’ miżuri speċjali ta’ appoġġ. Dan isostni l-ekwità u l-opportunitajiet indaqs, u jnaqqas ir-riskju ta’ tluq bikri mill-iskola 46 .

    (13)Is-sensibilizzazzjoni favur il-lingwi fl-iskejjel tista’ tinkludi s-sensibilizzazzjoni u l-fehim favur il-kompetenzi lingwistiċi tal-istudenti kollha, inklużi l-kompetenzi f’lingwi li ma jiġux mgħallma fl-iskola. L-iskejjel jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn livelli differenti ta’ kompetenzi lingwistiċi skont il-kuntest u l-iskop u li jikkorrispondu għaċ-ċirkostanzi, il-bżonnijiet, l-abilitajiet u l-interessi ta’ kull student.

    (14)In-nuqqas ta’ għalliema f’xi suġġetti, inkluż fil-lingwi moderni barranin, tissemma bħala sfida f’aktar min-nofs is-sistemi tal-edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea 47 u diversi Stati Membri introduċew riformi jew inċentivi biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema tal-lingwi. Dawk ir-riformi u l-inċentivi jistgħu jinkludu boroż ta’ studju biex jattiraw persuni ggradwati fil-lingwi b’esperjenza professjonali oħra fit-tagħlim jew fil-programmi riformati tal-edukazzjoni tal-għalliema 48 .

    (15)Inizjattivi biex jittejbu l-kompetenzi ewlenin fl-edukazzjoni skolastika 49 , inkluż billi jkun hemm rabta aħjar bejn l-esperjenza reali tal-ħajja u l-apprendiment akkademiku, bl-użu tat-teknoloġiji diġitali u bl-appoġġ għall-innovazzjoni fl-iskejjel, saħħew il-fokus fuq l-eżiti tal-apprendiment 50 . Dawn appoġġaw ukoll il-ksib tal-kompetenzi lingwistiċi.

    (16)L-apprendiment Integrat tal-Kontenut u tal-Lingwi, jiġifieri li s-suġġetti jiġu mgħallma permezz ta’ lingwa barranija, u l-għodod diġitali u online għall-apprendiment tal-lingwi kienu effiċjenti għal kategoriji differenti ta’ studenti 51 . L-għalliema tal-lingwi fl-Ewropa kollha jistgħu jibbenefikaw minn żvilupp professjonali kontinwu kemm biex jaġġornaw il-kompetenzi diġitali tagħhom kif ukoll biex jitgħallmu kif l-aħjar jappoġġaw il-prattika tat-tagħlim tagħhom bl-użu ta’ metodoloġiji differenti u ta’ teknoloġiji ġodda. Inventajru tar-riżorsi edukattivi miftuħa 52 jista’ jappoġġahom biex jagħmlu dan.

    (17)Inizjattivi varji fl-Ewropa appoġġaw id-definizzjoni u l-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi. Il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi huwa strument ta’ referenza trasparenti, koerenti u komprensiv għall-valutazzjoni u għat-tqabbil tal-livelli ta’ kompetenza 53 . Dan jagħmel distinzjoni bejn il-livell ta’ utent bażiku, il-livell ta’ utent indipendenti u l-livell ta’ utent profiċjenti, u b’dan tal-aħħar, utent ikun jista’ jaħdem jew jistudja fil-lingwa valutata. Fl-2018, l-istrument ġie kkumplementat b’deskritturi ġodda għall-medjazzjoni, għal studenti żgħażagħ u għal-lingwi tas-sinjali, bil-ħsieb li l-Qafas ikun aktar aċċessibbli għal udjenza usa’ 54 .

    (18)It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi 55 tippremja l-eċċellenza u l-innovazzjoni fit-tagħlim tal-lingwi fil-pajjiżi parteċipanti kollha. Din tipprovdi inċentiv għall-iskejjel biex jużaw teknoloġiji u strateġiji ġodda li jindirizzaw prijoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropej. Din ikkontribwiet biex tiżdied is-sensibilizzazzoni dwar il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi u biex tissaħħaħ id-dinamika multilingwi fis-setturi edukattivi kollha 56 .

    (19)L-Istati Membri kollha rrikonoxxew il-bżonn li jsaħħu il-multilingwiżmu u jiżviluppaw il-kompetenzi lingwistiċi fl-Unjoni 57 . Sabiex tingħata stampa aktar preċiża tal-kompetenzi lingwistiċi fl-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem fuq proposta għal punt ta’ riferiment Ewropew ġdid għall-kompetenzi lingwistiċi li tinkludi opzjonijiet għall-ġbir tad-dejta.

    (20)Filwaqt li tirrikonoxxi li l-kompetenzi lingwistiċi jinkisbu tul il-ħajja u li jenħtieġ li l-opportunitajiet jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-ħajja, din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza b’mod partikolari l-edukazzjoni obbligatorja u t-taħriġ u tirrispetta bis-sħiħ l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità f’dan il-qasam.

    JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    F'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea, ir-riżorsi disponibbli u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:

    (1)Jesploraw modi biex jgħinu liż-żgħażagħ kollha jiksbu – flimkien mal-lingwa tal-iskola – livell ta’ utent profiċjenti f’mill-anqas lingwa Ewropea oħra qabel it-tmiem tat-taħriġ u tal-edukazzjoni sekondarja għolja, u jħeġġu l-ksib ta’ lingwa addizzjonali (it-tielet) fil-livell ta’ utent indipendenti.

    (2)Japplikaw approċċi komprensivi biex itejbu t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi fil-livelli nazzjonali, reġjonali, lokali jew tal-iskola kif ikun xieraq, filwaqt li jużaw l-eżempji ta’ politika stabbiliti fl-Anness.

    (3)Jiżguraw li s-setturi kollha tal-edukazzjoni obbligatorja u t-taħriġ jiġu indirizzati, billi jibdew minn kmieni kemm jista’ jkun u billi jinkludu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali.

    (4)Bħala parti minn dawn l-istrateġiji komprensivi, jappoġġaw l-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi fl-iskejjel u fiċ-ċentri tat-taħriġ billi:

    (a)jappoġġaw b’mod attiv il-mobbiltà tal-istudenti, inkluż billi jużaw l-opportunitajiet provduti mill-programmi rilevanti ta’ finanzjament mill-UE;

    (b)jagħtu ċans lill-għalliema jindirizzaw l-użu ta’ lingwa speċifika fil-qasam tas-suġġett rispettiv tagħhom;

    (c)isaħħu l-kompetenza fil-lingwa tal-iskola bħala l-bażi għal kisbiet ulterjuri fl-apprendiment u fl-edukazzjoni skolastika għall-istudenti kollha, u speċjalment dawk li ġejjin minn sfondi ta’ migranti jew ta’ żvantaġġi;

    (d)jagħtu valur lid-diversità lingwistika tal-istudenti u jużawha bħala riżorsa ta’ apprendiment inkluż bl-involviment tal-ġenituri u tal-komunità lokali usa’ fl-edukazzjoni lingwistika;

    (e)joffru opportunitajiet biex jiġu vvalutati u vvalidati l-kompetenzi lingwistiċi li mhumiex parti mill-kurrikulu, imma li jkunu nkisbu mill-istudenti xi mkien ieħor, inkluż permezz tal-espansjoni tal-firxa ta’ lingwi li jistgħu jiżdiedu mal-kwalifiki tat-tluq mill-iskola tal-istudenti.

    (5)Jappoġġaw lill-għalliema, lill-ħarrieġa u lill-mexxejja tal-iskejjel fl-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni dwar il-lingwi billi:

    (a)jinvestu fl-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema tal-lingwi biex ikollhom offerta wiesgħa tal-lingwi fl-edukazzjoni obbligatorja u t-taħriġ;

    (b)jinkludu l-preparazzjoni għad-diversità lingwistika fil-klassi fl-edukazzjoni inizjali u fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskejjel;

    (c)jippromwovu perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż għall-istudenti kollha li jkunu qed jistudjaw biex jakkwistaw kwalifika ta’ għalliem, filwaqt li jħeġġu l-mobbiltà għall-għalliema u għall-ħarrieġa kollha;

    (d)jintegraw il-mobbiltà għall-apprendiment fl-edukazzjoni tal-għalliema kollha tal-lingwi sabiex l-għalliema tal-lingwi li jkunu għadhom kif iggradwaw jibbenifikaw mill-anqas minn esperjenza ta' sitt xhur ta’ apprendiment jew ta’ tagħlim barra mill-pajjiż;

    (e)jirrakkomandaw l-użu tal-eTwinning 58 biex jarrikkixxu l-esperjenzi ta’ apprendiment fl-iskejjel u jiżviluppaw il-kompetenzi tal-lingwa tal-għalliema u tal-istudenti.

    (6)Iħeġġu r-riċerka f’pedagoġiji innovattivi, inklużivi u multilingwi u l-użu tagħhom, inkluż l-użu tal-għodod diġitali u tal-Apprendiment Integrat tal-Kontenut u tal-Lingwi.

    (7)Jiżviluppaw metodi biex jimmonitorjaw il-kompetenzi lingwistiċi miksuba fi stadji differenti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, filwaqt li jikkumplementaw l-informazzjoni eżistenti dwar il-provvista tal-apprendiment tal-lingwi.

    (8)Jirrappurtaw permezz tal-oqfsa u l-għodod eżistenti dwar l-esperjenzi u l-progress fil-promozzjoni tal-apprendiment tal-lingwi.

    B’DAN JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    1.Tappoġġa s-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi tiffaċilita l-apprendiment reċiproku fost l-Istati Membri u b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tiżviluppa:

    (a)linji gwida dwar kif it-tagħlim u l-valutazzjoni tal-lingwi jistgħu jintrabtu mal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għall-kompetenzi lingwistiċi 59 ;

    (b)materjal ta’ gwida bbażat fuq l-evidenza dwar forom ġodda ta’ apprendiment u approċċi ta’ appoġġ;

    (c)għodod diġitali għall-apprendiment tal-lingwi u għall-iżvilupp professjonali tal-persunal edukattiv, fil-qasam tal-apprendiment tal-lingwi, bħalma huma l-korsijiet miftuħa massivi online, l-għodod ta’ awtovalutazzjoni 60 , u n-netwerks, inklużi l-eTwinning u l-Akkademja tal-Għalliema tal-iSchool Education Gateway.

    (d)metodoloġiji u għodod li jappoġġaw il-monitoraġġ tal-kompetenzi lingwistiċi fl-Unjoni Ewropea.

    2.Issaħħaħ il-mobbiltà tal-istudenti tal-iskola u tal-istudenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali fi ħdan il-programm Erasmus+ u tappoġġa b’mod ġenerali l-użu tal-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, bħal pereżempju mill-Erasmus+, mill-Orizzont 2020, mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) jew mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, fejn ikun xieraq għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tal-Anness tagħha, mingħajr xi preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

    3.Issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, u maċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni, fil-qasam tal-apprendiment tal-lingwi biex issaħħaħ il-metodi innovattivi fit-tagħlim u fl-apprendiment tal-lingwi u biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol kruċjali tal-apprendiment tal-lingwi fis-soċjetajiet moderni.

    4.Tirrapporta dwar is-segwitu tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni primarjament permezz tal-oqfsa u l-għodod eżistenti.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura; COM(2017) 673 final  
    (2)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017: http://www.consilium.europa.eu/media/32220/14-final-conclusions-rev1-mt.pdf  
    (3)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), 2017 Annual Report on intra-EU Labour Mobility (Ir-Rapport Annwali dwar il-Mobbiltà tal-Ħaddiema ġewwa l-UE tal-2017): http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8066&furtherPubs=yes  
    (4)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Dokument ta’ riflessjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-globalisation_mt.pdf  
    (5)    Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Barċellona, Marzu 2002, http://ec.europa.eu/invest-in-research/pdf/download_en/barcelona_european_council.pdf .
    (6)    Il-Kummissjoni Ewropea/ EACEA/Eurydice (2017), Key data on teaching languages at school in Europe, l-edizzjoni tal-2017, https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/eurydice/images/0/06/KDL_2017_internet.pdf .
    (7)    Pereżempju: Language competences for employability, mobility and growth (Kompetenzi lingwistiċi għall-impjegabbiltà, il-mobbiltà u t-tkabbir), SWD(2012)372: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012SC0372&from=EN ; L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi twettaq fl-2011. Is-sejbiet tiegħu ġew ippubblikati f'Ġunju 2012. http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/languages/library/studies/executive-summary-eslc_en.pdf
    (8)    Language competences for employability, mobility and growth (Kompetenzi lingwistiċi għall-impjegabbiltà, il-mobbiltà u t-tkabbir), SWD(2012)372: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012SC0372&from=EN  
    (9)    L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenzi Lingwistiċi twettaq fl-2011. Is-sejbiet tiegħu ġew ippubblikati f'Ġunju 2012. http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/languages/library/studies/executive-summary-eslc_en.pdf  
    (10)    Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Study on comparability of language testing in Europe, http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/education/library/reports/language-test-summary_en.pdf . Fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet punt ta’ riferiment Ewropew għall-kompetenzi lingwistiċi li wara ġie rifjutat mill-Kunsill.
    (11)    Ara pereżempju Carl James u Peter Garrett: Language awareness in the classroom .
    (12)    Għad-definizzjonijiet tal-livelli ta’ utent profiċjenti u ta’ utent indipendenti, ara l-Common European Framework of Reference – global scale table: https://www.coe.int/en/web/common-european-framework-reference-languages/table-1-cefr-3.3-common-reference-levels-global-scale  
    (13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE)
    (14)    Il-Komunikazzjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa COM(2016)0381 tagħmel diversi referenzi għall-importanza tal-ksib tal-ħiliet lingwistiċi bħala parti mill-politika ġenerali Ewropea dwar il-ħiliet.
    (15)    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja, COM(2018)24  Staff Working Document on Key Competences for Lifelong Learning, SWD (2018)14  
    (16)    OECD (2016), Ir-riżultati tal-2015 ta’ PISA, https://www.oecd.org/pisa/pisa-2015-results-in-focus.pdf .
    (17)    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, COM(2018)23 final    
    (18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, COM(2018)22
    (19)    L-Akkademja tal-Għalliema: https://www.schooleducationgateway.eu/mt/pub/teacher_academy.htm  
    (20)    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f'20 prinċipju: https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt    
    (21)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE, COM(2017)534
    (22)    L-Anness tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, COM(2017)677 final  
    (23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, COM(2016)377
    (24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE, COM(2017)534
    (25)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Report on the results of the stakeholder consultation - https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/96e12ad1-8b9b-11e7-b5c6-01aa75ed71a1  
    (26)    Ir-rapporti kollha jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/education/library_en?field_eac_eat_event_categories_value=language_teaching_learning&field_eac_eat_type_of_documentr_value=All&field_eac_eat_year_value=2014&=Apply
    (27)    Ir-rapporti kollha jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/education/policy/multilingualism/multilingual-classrooms_mt .
    (28)    Il-Kummissjoni Ewropea/Eurydice (2017), Key data on Teaching Languages at School in Europe, https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/eurydice/images/0/06/KDL_2017_internet.pdf .
    (29)    NU (1989), Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-20 ta’ Novembru 1989: http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CRC.aspx  
    (30)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura; COM(2017) 673 final  
    (31)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017: http://www.consilium.europa.eu/media/32220/14-final-conclusions-rev1-mt.pdf .
    (32)    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, COM(2018)23 final
    (33)    Europeans and their languages (L-Ewropej u l-Lingwi tagħhom – sommarju tar-rapport speċjali tal-Ewrobarometru tal-2012): http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/archives/ebs/ebs_386_sum_en.pdf .
    (34)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE,   COM(2017) 534
    (35)    Il-Kummissjoni Ewropea (2012) – First European Survey on language competences, sommarju eżekuttiv : http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/languages/library/studies/executive-summary-eslc_en.pdf
    (36)    Il-Kummissjoni Ewropea (2014) - Comparative analysis of languages in education and training: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/languages/library/studies/lang-eat_en.pdf
    (37)    Il-programm Erasmus+ joffri appoġġ lingwistiku online biex jikkumpensa għal dan. https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/online-linguistic-support_mt .
    (38)    Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Study on Foreign Language Proficiency and Employability .
    (39)    Il-Kummissjoni Ewropea (2015), Languages and employability .
    (40)    Ara l-Kummissjoni Ewropea (2017), Dokument ta’ Riflessjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa, https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-social-dimension-europe_mt.pdf .
    (41)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, COM(2016) 377 .
    (42)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Dokument ta’ riflessjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni, https://ec.europa.eu/commission/publications/reflection-paper-harnessing-globalisation_mt .
    (43)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, COM (2017)250
    (44)    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja, COM (2018)24  
    (45)    Il-Kummissjoni Ewropea/ EACEA/Eurydice (2017), Key data on teaching languages at school in Europe, l-edizzjoni tal-2017, https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/eurydice/images/0/06/KDL_2017_internet.pdf .
    (46)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ: http://ec.europa.eu/education/policy/strategic-framework/et-monitor_mt  
    (47)    Il-Kummissjoni Ewropea/EACEA/Eurydice (2018), Teaching careers in Europe: Access, progression and support: https://eacea.ec.europa.eu/national-policies/eurydice/content/teaching-careers-europe-access-progression-and-support_en  
    (48)    Il-Kummissjoni Ewropea (2014), Languages in education and training: Final comparative analysis, ara n-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna.
    (49)    Staff Working Document on Key Competences for Lifelong Learning, SWD (2018)14
    (50)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja , COM(2017)248 .
    (51)    Il-Kummissjoni Ewropea (2014), Report on improving the effectiveness of language learning: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/languages/library/studies/clil-call_en.pdf  
    (52)    Iċ-Ċentru Ewropew ghal-Lingwi Moderni: ICT-Rev https://ict-rev.ecml.at/ .  
    (53)    Il-Kunsill tal-Ewropa (2001) – Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi : https://www.google.com/search?hl=en&q=Global+levels+https%3A%2F%2Fwww.coe.int%2Fen%2Fweb%2Fcommon-european-framework-reference-languages%2Ftable-1-cefr-3.3-common-reference-levels-global-scale&gws_rd=ssl
    (54)    Il-Kunsill tal-Ewropa (2018) – CEFR: Companion Volume with new descriptors: https://rm.coe.int/cefr-companion-volume-with-new-descriptors-2018/1680787989  
    (55)    It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi tingħata fil-qafas tal-programm Erasmus+ tal-Kummissjoni Ewropea.
    (56)    It-Tikketta Ewropea għal-Lingwi: http://ec.europa.eu/education/initiatives/language-label_mt
    (57)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi, Mejju 2014 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014XG0614(06)&from=MT
    (58)    L-eTwinning hija komunità ta’ għalliema mill-iskejjel preprimarji sal-iskejjel sekondarji għolja, li jiġu ospitati fuq pjattaforma sigura tal-internet: https://www.etwinning.net
    (59)    Abbażi tal-esperjenzi u tal-għarfien espert żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa waqt il-ħolqien u l-aġġornament tal-Qafas u miċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni u l-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni ta’ dan ix-xogħol fl-edukazzjoni tal-għalliema permezz ta’ proġetti ffinanzjati b’mod konġunt: https://relang.ecml.at/Home/tabid/4079/language/en-GB/Default.aspx
    (60)    Bħalissa l-Europass toffri għodda ta’ awtovalutazzjoni għall-kompetenza lingwistika u l-funzjonament u l-effettività ta’ dan se jkunu rieżaminati bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-Europass. https://europass.cedefop.europa.eu/mt/documents/european-skills-passport/language-passport  
    Top

    Brussell, 22.5.2018

    COM(2018) 272 final

    ANNESS

    tar-

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill


    dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi

    {SWD(2018) 174 final}


    ANNESS
    Is-Sensibilizzazzjoni favur il-Lingwi fl-Iskejjel –

    l-iżvilupp ta’ approċċi komprensivi għall-apprendiment tal-lingwi

    Approċċi lingwistiċi komprensivi jistgħu jsostnu l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-apprendiment tal-lingwi. Dan l-anness jelenka għadd ta’ prinċipji pedagoġiċi u prattiki tajbin, li b’mod komuni għandhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni lingwistika ġenerali fl-iskejjel, bl-għan aħħari li jtejbu r-riżultati tal-apprendiment tal-lingwi.

    Meta wieħed iħares lejn il-modi varji li bihom lingwa tintuża fil-klassi u r-rwol vitali li l-lingwa tilgħab fl-apprendiment u fil-fehim tal-kontenut ta’ suġġett, it-tagħlim tal-lingwi huwa element importanti fis-suġġetti kollha. Il-ħakma ta’ għarfien tajjeb ta’ lingwa akkademika timxi id f’id mal-iżvilupp tal-fehim u l-għarfien ta’ suġġett.

    Is-sensibilizzazzjoni favur il-lingwi fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta’ taħriġ tista’ tgħin biex nifhmu li l-apprendiment tal-lingwi huwa proċess dinamiku u hu continuum – il-ksib tal-lingwa materna u r-reġistri u l-istili differenti tagħha jkompli u jintrabat b’mod profond mal-apprendiment ta’ lingwi oħra, f’livelli differenti ta’ profiċjenza skont iċ-ċirkustanzi, il-bżonnijiet u l-interessi ta’ kull student.

    Is-sensibilizzazzjoni favur il-lingwi fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta’ taħriġ tista’ ssostni r-riflessjonijiet dwar id-dimensjoni lingwistika fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni tal-iskola, tat-tagħlim u tal-prattika: fl-iżvilupp tal-litteriżmu, fl-apprendiment tal-lingwi barranin, fit-tagħlim ta’ suġġetti, għar-rikonoxximent ta’ lingwi oħra miġjuba mill-istudenti, fil-komunikazzjoni mal-ġenituri u fl-ambjent usa’ tal-iskola, eċċ.

    Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-diversi membri tal-komunità tal-iskola, idealment f’kunċett tal-iskola bħala organizzazzjoni ta’ apprendiment jew f’approċċ ta’ skola sħiħa, tista’ tippromwovi tali fehim ta’ sensibilizzazzjoni lingwistika.

    Sabiex is-sensibilizzazzjoni favur il-lingwi fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta’ taħriġ tiġi sostnuta, ġew identifikati l-eżempji ta’ prattika tajba li ġejjin.

    1. Il-multilingwiżmu fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta’ taħriġ

    ·Attitudni pożittiva lejn id-diversità lingwistika tista’ tgħin biex jinħoloq ambjent favur il-lingwi fejn l-apprendiment u l-użu ta’ diversi lingwi jitqiesu bħala rikkezza u riżorsa. Is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-apprendiment tal-lingwi, u dwar il-benefiċċji edukattivi, konjittivi, soċjali, interkulturali, professjonali u ekonomiċi ta’ użu usa’ tal-lingwi tista’ tiżdied u titħeġġeġ.

    ·L-iżvilupp tal-kompetenza lingwistika u tas-sensibilizzazzjoni lingwistika jista’ jiġi integrat b’mod trasversali fil-kurrikuli. L-integrazzjoni tal-lingwi u ta' suġġetti oħra tista’ tagħti l-possibilità li jingħata apprendiment aktar awtentiku mmirat lejn sitwazzjonijiet fil-ħajja ta’ kuljum.

    ·Il-motivazzjoni tal-istudenti biex jistudjaw il-lingwi tista’ tissaħħaħ billi l-kontenut tal-edukazzjoni jintrabat ma’ ħajjithom u mal-interessi tagħhom stess, filwaqt li jitqies l-apprendiment informali u jiġu mħeġġa sinerġiji ma’ attivitajiet mhux kurrikulari. Ir-rabtiet bejn il-prattika tal-lingwi fil-ħajja ta’ kuljum u l-iskejjel jew iċ-ċentri ta’ taħriġ jistgħu jissaħħu permezz tar-rikonoxximent tal-apprendiment preċedenti tal-lingwi, u billi tiġi offruta l-possibilità li l-kompetenzi lingwistiċi miksuba barra mill-edukazzjoni formali jitniżżlu fiċ-ċertifikati ta’ tmiem l-iskola.

    ·Ir-repertorju lingwistiku sħiħ tal-istudent jista’ jiġi vvalwat u appoġġat fl-iskola u jista' jintuża wkoll bħala riżorsa pedagoġika għal apprendiment ulterjuri tal-istudenti kollha. L-istudenti jistgħu jgħinu lil xulxin fl-apprendiment, jispjegaw il-lingwa(i) tagħhom lil oħrajn u jqabblu l-lingwi.

    ·L-iskejjel jistgħu joffru firxa usa’ ta’ lingwi minbarra l-lingwi globali ewlenin ta’ komunikazzjoni. L-offerta tista’ kun differenti skont jekk pajjiż għandux żewġ lingwi tal-istat jew aktar jew jekk hemmx interess iddikjarat li jippromwovi l-apprendiment tal-lingwa ta’ pajjiż ġar.

    ·It-twaqqif ta’ skejjel preprimarji u ta' skejjel bilingwi fir-reġjuni tal-fruntieri jħeġġeġ lit-tfal jitgħallmu l-lingwa tal-ġar tagħhom minn età bikrija u jnaqqas l-ostakli lingwistiċi fir-reġjuni transfruntiera.

    2. Tagħlim effiċjenti u innovattiv għal apprendiment imsaħħaħ tal-lingwi

    ·Il-potenzjal tal-għodod diġitali jista’ jitħaddan bis-sħiħ biex jittejbu l-apprendiment, it-tagħlim u l-valutazzjoni tal-lingwi. It-teknoloġija tista’ tappoġġa b’mod massiv it-twessigħ tal-offerta lingwistika, tipprovdi opportunitajiet għall-espożizzjoni lingwistika, u tkun utli ħafna biex tappoġġa dawk il-lingwi li mhumiex mgħallmin fl-iskejjel. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku u tal-litteriżmu medjatiku kif ukoll użu xieraq tat-teknoloġija jistgħu jkunu element essenzjali tal-apprendiment.

    ·Il-kooperazzjoni virtwali bejn l-iskejjel permezz tal-eTwinning tista’ tippermetti liż-żgħażagħ itejbu l-apprendiment tal-lingwi, jaħdmu ma’ kollegi minn pajjiż ieħor u jħejju għall-mobilità biex jistudjaw, jitħarrġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.

    ·Il-mobilità tal-istudenti, inkluż permezz tal-Erasmus+, tista’ ssir parti integrali tal-proċess tal-apprendiment. Jenħtieġ li din tiġi estiża għall-mobilità virtwali u usa’ tal-persunal.

    ·Tista’ tintuża taħlita ta’ valutazzjoni dijanjostika, formattiva u kumulattiva mill-għalliema, mill-ħarrieġa u mill-istudenti biex jimmonitorjaw u jevalwaw l-iżvilupp tal-lingwi; jintużaw portafolli lingwistiċi individwali biex jiġi ttraċċat il-progress, pereżempju, permezz tal-Portafoll Ewropew tal-Lingwi jew il-Passaport tal-Lingwi Europass.

    3. Appoġġ għall-għalliema u għall-ħarrieġa

    ·L-għalliema tal-lingwi moderni jistgħu jiġu mħeġġa jieħdu sehem fi skemi ta’ skambju ma’ pajjiżi fejn hija mitkellma l-lingwa fil-mira tagħhom, bħala parti mill-edukazzjoni inizjali tagħhom u/jew bħala parti mill-iżvilupp professjonali addizzjonali. Kull għalliem tal-lingwa gradwat ġdid jista’ jqatta’ mill-inqas sitt xhur ta’ tagħlim jew ta' apprendiment barra mill-pajjiż.

    ·L-għalliema u l-ħarrieġa ta’ suġġetti li mhumiex il-lingwi moderni jistgħu jiksbu sensibilizzazzjoni lingwistika u għarfien dwar id-didattika lingwistika u jiksbu strateġiji biex jappoġġaw lill-istudenti.

    ·L-assistenti lingwistiċi jistgħu jiġu inklużi fit-tagħlim tal-lingwi, billi jużaw l-opportunitajiet provduti minn skemi ta’ skambju bejn l-Istati Membri.

    ·Opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu jistgħu jsiru aċċessibbli għall-għalliema (permezz ta’ netwerks, komunitajiet ta’ prattika, korsijiet tal-lingwa onlajn miftuħin massivi, ċentri ta’ għarfien espert, apprendiment kooperattiv onlajn, riċerka ta’ azzjoni, eċċ.) sabiex dawn jinżammu aġġornati mal-aħħar innovazzjonijiet pedagoġiċi u biex itejbu l-ħiliet tagħhom.

    4. Sħubijiet u rabtiet fl-ambjent usa’ tal-iskola biex isostnu l-apprendiment tal-lingwi

    ·L-iskejjel u ċ-ċentri ta’ taħriġ jistgħu jikkooperaw mal-ġenituri fuq kif jistgħu jsostnu l-apprendiment tal-lingwi ta’ wliedhom, speċjalment meta t-tfal jikbru b’aktar minn lingwa waħda jew jużaw lingwa differenti d-dar mill-lingwa tal-iskola. 

    ·L-iskejjel u ċ-ċentri ta’ taħriġ jistgħu jiżviluppaw sħubijiet ma’ ċentri/laboratorji lingwistiċi, ma’ libreriji pubbliċi, ma’ ċentri kulturali jew ma’ assoċjazzjonijiet kulturali, universitajiet u ċentri ta’ riċerka oħra biex joħolqu ambjenti ta’ apprendiment aktar impenjattivi, biex jarrikkixxu l-użu tal-lingwi u biex itejbu u jinnovaw il-prattika tat-tagħlim.

    ·L-iskejjel, iċ-ċentri ta’ taħriġ u l-muniċipalitajiet jistgħu jiġbru flimkien ir-riżorsi biex joħolqu ċentri lingwistiċi b’offerta akbar ta’ lingwi, sabiex jiġu sostnuti l-lingwi inqas mitkellma, u/jew lingwi li ma jiġux mgħallma fl-iskejjel.

    ·Il-kooperazzjoni mal-impjegaturi fir-reġjun jew lil hinn minnu tista’ tgħin biex jiżdied il-fehim tal-importanza tal-kompetenzi lingwistiċi fil-ħajja tax-xogħol u tista’ tgħin biex jiġi żgurat li l-kompetenzi lingwistiċi miksuba jsostnu b’mod effettiv l-impjegabbiltà.

    ·Jistgħu jiġu mħeġġa sħubijiet transfruntiera bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġfir-reġjuni tal-fruntieri. Il-mobilità tal-istudenti, tal-għalliema, tal-ħarrieġa u tal-persunal amministrattiv, kif ukoll tal-kandidati tad-dottorati u tar-riċerkaturi, tista’ tiġi ffaċilitata billi jingħataw informazzjoni u korsijiet bil-lingwi mitkellma fil-pajjiż ġar. Il-promozzjoni tal-multilingwiżmu f’dawn is-sħubijiet transfruntiera jistgħu jħejju lill-gradwati biex jidħlu fis-suq tax-xogħol fiż-żewġ naħat tal-fruntiera.

    Top