This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018BP1330
Resolution (EU) 2018/1330 of the European Parliament of 18 April 2018 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the general budget of the European Union for the financial year 2016, Section VI — European Economic and Social Committee
Riżoluzzjoni (UE) 2018/1330 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Riżoluzzjoni (UE) 2018/1330 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ĠU L 248, 3.10.2018, p. 134–136
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 248/134 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1330 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-18 ta' April 2018
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2018), |
A. |
billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u billi jiġu implimentati l-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani; |
1. |
Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għall-infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhom l-ebda żball materjali; |
2. |
Jinnota li, fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”); |
3. |
Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-Kumitat jippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza jeħtiġilha tiġi ssimplifikata u mħaffa; jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali tkun il-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u dik għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tkun l-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, biex b'hekk tagħlaq il-proċedura ta' kwittanza matul is-sena ta' wara s-sena kontabilistika inkwistjoni; |
4. |
Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-Kumitat fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 mill-Viċi President Kristalina Georgieva bħala parti mill-inizjattiva “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati”; iħeġġeġ lill-Kumitat japplika dak il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tiegħu stess; |
5. |
Jinnota li, fl-2016, il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 130 586 475 (EUR 129 100 000 fl-2015), b'rata ta' użu ta' 97,55 %; jinnota ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2016 meta mqabbla mal-2015; |
6. |
Jenfasizza li l-baġit tal-Kumitat huwa purament amministrattiv, b'parti kbira minnu użat għan-nefqa li tikkonċerna persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni u l-bqija tal-ammont għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jinnota li l-Kumitat ikkonferma l-importanza li jiġu applikati prinċipji ta' baġit ibbażati fuq il-prestazzjoni għall-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu u informa dwar l-aġġornament tal-indikaturi tal-prestazzjoni tal-attività ewlenija (KAPIs) fl-2017; jitlob lill-Kumitat ikompli japplika dawk il-prinċipji u jinforma debitament u regolarment lill-Parlament dwar il-KAPIs riformati; |
7. |
Jinnota l-varar ta' riflessjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-Kumitat; jitlob li jkun infurmat dwar l-inizjattiva u l-iżviluppi tagħha; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza bi kjarifiki dwar l-infiq marbut ma' din il-modernizzazzjoni, sabiex iżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u jitolbu jippubblika l-valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji; |
8. |
jinnota li l-approprjazzjonijiet finali għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza għall-membri kienu jammontaw għal EUR 19 561 194; jilqa' r-rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-membri rigward il-punt 1 004 li l-Kumitat ippreżenta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, u jitlob lill-Kumitat jinkludi dan ir-rendikont għas-sena 2017 fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu jew fir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji tal-missjonijiet għall-Unjoni u l-pajjiżi miżjura, u l-lista ta' pajjiżi li nżaru fl-2016; iħeġġeġ li jiġu adottati miżuri xierqa sabiex isir iffrankar u jitnaqqas it-tniġġis ambjentali; jistieden lill-membri tal-Kumitat biex jivvalutaw il-potenzjal ta' strumenti oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-iffrankar, fost l-oħrajn fl-ispejjeż tal-ivvjaġġar; |
9. |
Josserva li l-Kumitat jiddikjara li hemm lok għal żvilupp ulterjuri tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament; huwa fiduċjuż li l-iżvilupp ulterjuri ta' sinerġiji jġib riżultati pożittivi għaż-żewġ partijiet; jieħu nota tal-progress fil-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament, jiġifieri l-kuntatti bejn il-President tal-Kumitat u l-Bureau tiegħu u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament; jitlob li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn il-Kumitat u l-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitati tal-Parlament sabiex jiżguraw segwitu aħjar għall-kontribut tal-Kumitat għall-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni; |
10. |
Huwa tal-fehma li valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament hija ta' interess għaż-żewġ istituzzjonijiet u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jipproponi li dan l-eżerċizzju jsir b'mod konġunt mal-Parlament bħala parti mill-istrateġija għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; huwa konxju li l-Kumitat qed jibni l-kapaċità f'termini ta' valutazzjoni ta' politika biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu fil-proċess leġiżlattiv bħala korp konsultattiv; jitlob lill-Kumitat jippreżenta analiżi dettaljata tal-funzjonament ta' dawk l-attivitajiet lill-awtorità ta' kwittanza fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu; |
11. |
Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-aċċess dirett bejn il-binjiet RMD u REM wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jbaxxu l-livell ta' theddida għall-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li dan se jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet biex jinfurmaw lill-membri u lill-persunal tagħhom dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-passaġġ; |
12. |
Jilqa' l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni, li daħal fis-seħħ fl-2016, u li jipprevedi direttorati kondiviżi tat-traduzzjoni u tal-loġistika; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi bażi tajba għall-iffrankar potenzjali fiż-żewġ kumitati; huwa fiduċjuż li dan il-ftehim se jwassal ukoll għal kooperazzjoni f'oqsma oħra; jitlob li jkun hemm pjan u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet tal-kumitati f'dawk l-oqsma; jemmen li dan il-ftehim se jiżgura wkoll aktar effiċjenza fil-prestazzjoni taż-żewġ kumitati kif ukoll iffrankar; |
13. |
Jilqa' l-konformità tal-Kumitat mal-miri stabbiliti mill-ftehim interistituzzjonali biex isir tnaqqis ta' 5 % fil-persunal fuq perjodu ta' ħames snin; jinnota li, minħabba t-trasferiment tal-persunal lejn is-servizz EPRS tal-Parlament, il-Kumitat naqqas bi 8 % l-għadd ta' postijiet fit-tabella tal-persunal tiegħu, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 43 post fl-2016; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji biex ikunu konxji mill-impatt fit-tul tat-tnaqqis tal-persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità tal-Kumitat li jtejjeb il-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku, kif ukoll mill-ħtieġa li, meta jippjanaw l-allokazzjoni futura tar-riżorsi finanzjarji għall-persunal, jibnu fuq il-kapaċità ta' uffiċjali ta' esperjenza li jassumu postijiet maniġerjali; |
14. |
Jinnota żieda ġenerali fir-rata ta' assenzi minħabba mard fil-Kumitat; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti miżuri biex jittejjeb il-benessri fuq il-post tax-xogħol u jitlob għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-assenzi; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Kumitat bħall-ħolqien ta' figura ta' “konsulent kunfidenzjali” biex jiġġieled kontra l-fastidju u jrawwem ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kumitat biex jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar fil-benessri tal-persunal fl-2017; |
15. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-proporzjon ta' nisa li jokkupaw postijiet ta' maniġment intermedju fil-Kumitat huwa ogħla minn 40 %; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jilħaq l-istess riżultati fejn ikunu kkonċernati postijiet ta' maniġment superjuri u biex jagħmel dak li jkun meħtieġ sabiex ikompli jnaqqas l-iżbilanċ ġeografiku; |
16. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 9 minn 22 sejħa għall-offerti li saru fl-2016, il-kuntratti ngħataw mingħajr kompetizzjoni lill-unika kumpanija li kienet applikat għas-sejħa għall-offerti; jitlob lill-Kumitat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-kompetizzjoni fost l-offerenti; |
17. |
Jilqa' l-fatt li, fl-2016, il-kopertura tal-Kumitat mill-midja żdiedet b'madwar 30 %; josserva li l-Kumitat stabbilixxa preżenza fil-midja soċjali u jistenna bil-ħerqa li jisma' dwar il-kisbiet minnha; |
18. |
jinnota li r-rata ta' servizzi tal-interpretazzjoni rikjesti iżda mhux użati żdiedet minn 3,5 % fl-2015 għal 4 % fl-2016, u jitlob li jsir monitoraġġ aktar mill-qrib tal-għoti effettiv ta' dawn is-servizzi; |
19. |
Jinnota ż-żieda kontinwa fir-rata ta' esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni (minn 9,74 % fl-2015 għal 16,61 % fl-2016) prevista fil-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni minħabba l-volum akbar ta' traduzzjonijiet u t-tnaqqis fil-persunal fid-direttorat (aktar minn 9 % meta mqabbel mal-2015); jinnota l-awditjar intern tal-2016 dwar l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni u l-implimentazzjoni u r-restrizzjonijiet tagħha fil-prattika, u jistenna bil-ħerqa li jkun infurmat dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditur intern fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tal-Kumitat; |
20. |
Jinnota l-impenn tal-Kumitat fir-rigward tal-EMAS u r-riżultati ambjentali tiegħu, li juru tnaqqis fil-konsum ta' gass, ilma, elettriku, karti u prodotti tat-tindif kif ukoll fil-produzzjoni tal-iskart; iħeġġeġ lill-Kumitat biex ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward; |
21. |
Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kumitat dam s'issa biex beda jħejji abbozzi ta' linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess fil-kuntest tad-djalogu soċjali; jinnota li l-abbozzi ta' linji gwida qegħdin attwalment jiġu ffinalizzati permezz ta' djalogu mal-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali; jitlob lill-Kumitat iħaffef il-proċess ta' finalizzazzjoni, jadotta linji gwida f'waqthom, jinkludi fihom rekwiżit li jipprovdi dettalji ta' sħubija fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra, u jippubblika l-linji gwida fis-sit web tiegħu; |
22. |
Jiddeplora l-fatt li la l-President, la l-Viċi Presidenti u lanqas is-Segretarjat tal-Kumitat ma ppubblikaw dikjarazzjonijiet ta' interess fis-sit web tiegħu; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblikahom sal-aħħar ta' Ġunju 2018, bl-indikazzjoni tas-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jiddeplora l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri huma ppubblikati b'diversi lingwi u f'formati differenti, b'mod li jillimita t-trasparenza; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblikahom, sal-aħħar ta' Ġunju 2018, f'format uniku u b'waħda mit-tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni li l-aktar jintużaw; |
23. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull rekluta ġdid huwa obbligat jipprovdi dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess, minflok dikjarazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jenfasizza li, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tan-nuqqas ta' kunflitti ta' interess ta' persuna, ir-responsabbiltà ma għandhiex taqa' f'idejn il-persuna; itenni li għandu jkun korp newtrali li jivvaluta l-eżistenza ta' kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-Kumitat, għalhekk, biex iressaq formola ta' dikjarazzjoni unika u kompluta ta' kunflitti ta' interess biex tieħu post id-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess; |
24. |
Jilqa' l-arranġamenti amministrattivi miftiehma bejn il-Kumitat u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni; |
25. |
Jilqa' d-deċiżjonijiet komplementari meħuda mill-Kumitat dwar regoli interni għall-iżvelar ta' informazzjoni u jenfasizza li huwa importanti li din l-inizjattiva tittejjeb; |
26. |
Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa; |
27. |
Jirrileva l-każ marbut ma' fastidju fil-Kumitat li swieh EUR 55 772; jiddispjaċih dwar l-okkorrenza ta' dak il-każ, iżda huwa sodisfatt li kien debitament segwit; jinnota li 20 membru ieħor tal-persunal ikkuntattjaw in-netwerk ta' kunsilliera kunfidenzjali tal-Kumitat rigward kwistjonijiet relatati ma' fastidju allegat; jistieden lill-Kumitat itejjeb il-politika tiegħu f'dan ir-rigward sabiex jipprevjeni kwalunkwe forma ta' fastidju psikoloġiku u sesswali; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li biħsiebu jieħu ħalli jindirizza dawn il-każijiet; |
28. |
Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni tal-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018. |