Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE4011

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni” [COM(2018) 482 final]

    EESC 2018/04011

    ĠU C 110, 22.3.2019, p. 46–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 110/46


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni”

    [COM(2018) 482 final]

    (2019/C 110/08)

    Relatur:

    Baiba MILTOVIČA

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 5.9.2018

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    21.11.2018

    Adottata fil-plenarja

    12.12.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    539

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    188/1/9

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-istil konċiż u l-enfasi tar-Rapport tal-2017 li huwa appoġġjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal estensiv. Politika tal-kompetizzjoni effettiva u infurzata hija l-bażi ta’ ekonomija tas-suq sostenibbli. Hija tista’ tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi ta’ beni u servizzi, tassigura lill-konsumaturi, tistimula l-kompetizzjoni u twassal objettivi soċjali fundamentali, bħal-libertà tal-għażla tal-konsumaturi, kif ukoll objettivi politiċi, bħall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tas-suq Ewropew. Din taqdi rwol importanti wkoll fir-rigward ta’ pajjiżi terzi filwaqt li tappoġġja dinamika kummerċjali, ambjentali u soċjali pożittiva fil-kummerċ internazzjonali.

    1.2.

    Ir-rapport tal-2017 jenfasizza bil-qawwa l-konformità u l-infurzar, u jipprovdi eżempji ta’ miżuri qawwija li ttieħdu mill-Kummissjoni. Il-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju spiss jitqiegħdu fi żvantaġġ fil-konfront ta’ kumpaniji kbar li possibbilment jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq, u għalhekk il-miżuri li jindirizzaw prattiki antikompetittivi jintlaqgħu partikolarment tajjeb.

    1.3.

    It-tkabbir tal-attività antikompetittiva fis-swieq tal-UE wassal għall-iżvilupp kostanti tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (NCAs) bħala infurzaturi importanti tad-dritt tal-kompetizzjoni. Id-Direttiva NEK+, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-NCAs sabiex ikunu aktar effettivi, issaħħaħ il-kapaċità nazzjonali f’dan il-qasam.

    1.4.

    It-tisħiħ tal-awtonomija tal-NCAs u l-forniment ta’ riżorsi adegwati huma vitali. Indipendenza ġenwina, għarfien espert u taħriġ huma kollha meħtieġa għal ħidma effettiva, u d-Direttiva NEK+ għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li dan jinkiseb. Għandha titħeġġeġ azzjoni preventiva biex tiġi evitata mġiba antikompetittiva, u għandhom jiżdiedu l-penali sabiex dawn ikunu deterrent effettiv.

    1.5.

    Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-qasam tal-infurzar legali privat tar-regoli tal-kompetizzjoni u jargumenta li l-azzjonijiet kollettivi għandhom ikunu ffaċilitati mis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fid-diversi Stati Membri u tieħu azzjoni addizzjonali jekk meħtieġ. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi, inkluża fil-proposta għal Patt Ġdid għall-Konsumaturi, hija diżappuntanti.

    1.6.

    Għandhom jiġu kkunsidrati proposti oħra dwar il-frankiġja, sabiex jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (1) ħalli jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ kummerċjali u kuntrattwali bejn il-konċessjonarji u l-franchisor.

    1.7.

    Fejn hemm attivitajiet parakummerċjali sinifikanti mwettqa mill-awtoritajiet lokali, li jistgħu jibbenefikaw minn sussidju pubbliku li jippermetti kompetizzjoni inġusta, għandhom jiġu studjati biex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ adattament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew ta’ strumenti oħra.

    1.8.

    Rigward id-Direttiva dwar l-Informaturi, huwa rrakkomandat li fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tagħha, il-liġi nazzjonali għandha tafferma li l-informaturi jkollhom aċċess għar-rappreżentanti tat-trejdjunjins f’kull ħin, u li l-informaturi jingħataw protezzjoni sħiħa fi kwalunkwe ċirkustanza.

    1.9.

    Fejn applikabbli għall-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, qed ikun issuġġerit li analiżi ddettaljata mill-Kummissjoni tal-prattiki tar-regolaturi tal-enerġija fl-Istati Membri, flimkien ma’ CEER u ma’ ACER, tista’ tidentifika azzjonijiet li jistgħu jeliminaw prattiki restrittivi li jkomplu jkunu ta’ detriment għall-konsumaturi.

    1.10.

    Reviżjoni ġdida tal-funzjonament tal-katina ta’ distribuzzjoni tal-ikel f’rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni fil-futur tista’ tidentifika u tipproponi rimedji għall-eżerċitar kontinwu tas-saħħa fis-suq minn bejjiegħa bl-imnut dominanti, li jista’ ma jkunx xieraq.

    1.11.

    Hemm firxa ta’ prattiki antikompetittivi eżistenti u li qegħdin jinħolqu kontinwament fi ħdan l-ekonomija diġitali. Il-Kumitat jinsab imħasseb li ma jiġux applikati riżorsi adegwati għall-monitoraġġ ta’ dan is-settur li qed jiżviluppa malajr u li huwa finanzjarjament vibranti u jappella għal dispożizzjoni speċifika li tagħmel dan fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

    1.12.

    Hemm għadd ta’ fatturi li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni immedjat tal-politika tal-kompetizzjoni, li iżda jqajmu tħassib dwar id-distorsjonijiet tas-suq: varjazzjonijiet kbar fil-politika tat-tassazzjoni korporattiva bejn l-Istati Membri, prattiki tal-impjiegi kollettivament magħrufa bħala dumping soċjali, prattiki li jirriżultaw fl-ekonomija tal-gigs u kwistjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà ekonomika globali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika s-setgħat u l-kapaċità kollha tagħha sabiex tiżgura li dawk iż-żoni griżi fejn teżisti l-imġiba antikompetittiva, fejn possibbli, ikunu mmonitorjati, ċċarati u rrimedjati.

    1.13.

    Id-dritt tal-kompetizzjoni huwa wieħed mill-eqdem partijiet tal-acquis iżda mhux dejjem huwa proporzjonat mal-isfidi ta’ dan is-seklu. B’mod partikolari, is-separazzjoni artifiċjali tal-isferi tas-suq u dawk soċjoambjentali jibbenefikaw minn reviżjoni komprensiva u sistematika tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    2.   Kontenut tar-Rapport tal-2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni

    2.1.

    Il-politika tal-kompetizzjoni hija l-bażi tas-Suq Uniku, u ilha stabbilita sa mit-Trattat ta’ Ruma u hija l-pedament tal-Unjoni Ewropea tal-lum. Hija ġiet stabbilita fi ħdan qafas minqux f’dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, li jiċċaraw is-sustanza u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    2.2.

    Fl-2017, ittieħdu azzjonijiet speċifiċi f’oqsma ewlenin għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-industrija Ewropea: l-ekonomija diġitali, l-enerġija, is-setturi tal-farmaċewtika u dak agrokimiku, l-industriji li jużaw netwerk u s-swieq finanzjarji. Dan is-sommarju jenfasizza l-punti prinċipali tar-Rapport, li huwa nnifsu huwa sommarju tax-xogħol estensiv li sar f’bosta setturi ekonomiċi.

    2.3.

    Il-politika trid tiġi trasposta f’regoli, u r-regoli jridu jiġu infurzati. Il-Kummissjoni Ewropea hija membru fundatur tan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni u hija attiva wkoll fil-forums internazzjonali kollha ddedikati għall-kompetizzjoni, inklużi l-OECD, l-UNCTAD, id-WTO u l-Bank Dinji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u pproponiet regoli ġodda fil-forma ta’ Direttiva (2) biex tippermetti li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jkunu aktar effettivi fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.

    2.4.

    Huwa importanti li individwi li jkollhom xi għarfien dwar l-eżistenza jew il-funzjonament ta’ kartell jew ta’ tipi oħra ta’ ksur antitrust ikollhom il-mezzi biex jixħtu d-dawl fuq dawn il-prattiki. Tnediet għodda ġdida u anonima għall-informaturi li tiffaċilita dan, u din qed tiġi użata b’mod attiv.

    2.5.

    Ir-rekwiżiti rigward in-notifika ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma iżgħar u inqas problematiċi ġew issemplifikati, u ġew introdotti eżenzjonijiet; 24 Stat Membru ngħaqdu mat-Transparency Award Module, li jipprovdi informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    2.6.

    Twettaq infurzar rigoruż tal-kompetizzjoni fi swieq ikkonċentrati. Is-settur tal-farmaċewtika kien suġġett għall-ewwel investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar prattiki ta’ pprezzar eċċessivi fl-industrija tal-farmaċewtika; għadd ta’ fużjonijiet fis-settur agrokimiku ġew skrutinizzati u ġiet projbita fużjoni fl-industrija tas-siment li kienet se tnaqqas il-kompetizzjoni.

    2.7.

    Fis-settur tal-enerġija, twettqu azzjonijiet ta’ infurzar relatati mal-għajnuna mill-Istat u mal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, u l-investigazzjoni tal-prattiki kummerċjali ta’ Gazprom fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant komplew b’sejba preliminari li kienu qed isir ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.

    2.8.

    Fit-trasport, ġew eżaminati l-akkwiżizzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni u ġew identifikati azzjonijiet antikompetittivi fit-trasport bil-ferrovija fil-Litwanja, li rriżultaw f’multi u f’azzjoni ta’ rimedju, u ġie approvat il-forniment ta’ għajnuna mill-Istat lis-settur fil-Greċja u fil-Bulgarija. Fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, ittieħdet azzjoni ta’ kontra l-kartelli fil-konfront ta’ Scania, u għadd ta’ ditti fis-settur tal-parts tal-karozzi kienu suġġetti għal multi kbar.

    2.9.

    L-estensjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-portijiet u l-ajruporti ffaċilitat l-għoti ta’ għajnuna adatta mill-Istat.

    2.10.

    L-investigazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-fużjoni proposta bejn Deutsche Börse u l-London Stock Exchange Group ikkonkludiet li dan kien ikun monopolistiku, u b’riżultat ta’ dan il-fużjoni ġiet ipprojbita.

    2.11.

    Ta’ min josserva li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE se jkollha tirreaġixxi b’mod kostruttiv u kreattiv għall-isfida tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Kif stipulat mill-Kunsill Ewropew, kwalunkwe ftehim kummerċjali fil-futur għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi, notevolment mil-lat tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ r-Rapport tal-2017, li jinkludi bosta eżempji tal-fokus tal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tal-benesseri tal-konsumatur u l-prevenzjoni ta’ ħsara lill-konsumatur. Wieħed mill-effetti konsegwenti ta’ dan l-approċċ huwa li mhux biss tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, iżda wkoll li jissaħħu l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet tal-politika soċjali relatati.

    3.2.

    F’din l-aħħar sena, l-Opinjonijiet tal-KESE spiss identifikaw l-importanza ta’ politika tal-kompetizzjoni effettiva u applikata. Il-benesseri tal-konsumatur u l-punti ta’ riferiment għall-benesseri, flimkien maż-żamma ta’ struttura kompetittiva effettiva, jipprovdu r-raġuni għall-indirizzar tal-isfruttament, tal-prattiki ta’ esklużjoni u tal-ftehimiet restrittivi. Billi tħeġġeġ l-aħjar prattika ekonomika, politika tal-kompetizzjoni soda tħeġġeġ it-tisħiħ tan-negozju Ewropew fi swieq internazzjonali kompetittivi u l-promozzjoni ta’ dawk l-għanijiet soċjali li tissejjes fuqhom.

    3.3.   L-emissjonijiet tal-karozzi

    3.3.1.

    Fl-Opinjoni tal-KESE dwar l-azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-konformità u l-governanza ambjentali (3), kien osservat li n-nuqqas ta’ rispett għall-mekkaniżmi li jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-governanza ambjentali huwa fattur spjaċevoli li jikkontribwixxi għal kompetizzjoni inġusta u għal dannu ekonomiku. Il-Kumitat josserva li l-konformità u l-aderenza għall-istat tad-dritt huma fundamentali għal politika tal-kompetizzjoni b’saħħitha.

    3.3.2.

    F’dan il-kuntest, il-Kumitat japprezza l-fatt li l-investigazzjoni preliminari tal-Kummissjoni rigward kartell possibbli li jinvolvi BMW, Daimler, Volkswagen, Audi u Porsche, dwar jekk il-kumpaniji llimitawx l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ riduzzjoni katalitika selettiva u ta’ filtri tal-partikuli tad-diżil, li potenzjalment jillimita t-tnedija u l-użu ta’ teknoloġiji aktar ekoloġiċi, wassal lit-tim tal-antikompetizzjoni sabiex jiftaħ investigazzjoni formali.

    3.4.   Mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv

    3.4.1.

    Il-Kumitat josserva li saret it-traspożizzjoni finali tad-Direttiva dwar id-Danni (4) li parzjalment tindirizza l-kwistjoni tal-forniment ta’ mekkaniżmu legali għal azzjonijiet kollettivi. Madankollu, l-irtirar tal-proposta għal direttiva mħejjija mid-DĠ COMP fl-2009, meta meħud flimkien mal-proposta inkluża riċentement fil-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, jagħti sinjal ta’ nuqqas ta’ rieda politika biex jittieħdu passi sinifikanti għall-istabbiliment ta’ qafas li jkun ġenwinament effiċjenti għal azzjonijiet rappreżentattivi fil-livell Ewropew. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fid-diversi Stati Membri, u biex tieħu azzjoni ulterjuri jekk meħtieġ.

    3.5.   Frankiġja tal-bejgħ bl-imnut

    3.5.1.

    Il-KESE josserva li hemm problema dejjem tikber relatata ma’ kuntratti ta’ frankiġja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jista’ jkollha implikazzjonijiet serji għall-kompetizzjoni. Pereżempju, tilwim kbir fin-Netherlands bejn il-franchisor HEMA u għadd ta’ konċessjonarji rigward kuntratti eżistenti u l-porzjon tal-qligħ mill-bejgħ fuq l-Internet irriżulta fil-kanċellazzjoni tal-kuntratti tal-konċessjonarji. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tanalizza din is-sitwazzjoni u biex tressaq proposti addizzjonali dwar il-frankiġja li jistgħu jiġu inklużi fir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, sabiex jintradd lura l-bilanċ kummerċjali u kuntrattwali bejn il-konċessjonarji u l-franchisor.

    3.6.   Sussidji fil-livell tal-awtorità lokali

    3.6.1.

    F’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali qed jirrikorru għall-iżvilupp ta’ attivitajiet kummerċjali bl-użu ta’ riżorsi jew faċilitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku. Dan jista’ jwassal għal kompetizzjoni inġusta jekk ikun preżenti element ta’ sussidju. Pereżempju, l-SMEs fl-industrija tas-servizzi alimentari u t-turiżmu jiffaċċjaw attivitajiet issussidjati fil-kantins ta’ klabbijiet sportivi, ċentri ta’ rikreazzjoni eċċ. L-awtoritajiet lokali jixtru jew joffru fondi pubbliċi lil dawn il-klabbijiet u assoċjazzjonijiet, li spiss ikunu eżenti milli jħallsu l-VAT u jibbenefikaw minn primjums soċjali, bħal xogħol volontarju. Dawn l-attivitajiet parakummerċjali spiss jiġu organizzati (mil-lat ta’ fatturat u ta’ profitti) bħala intrapriża kummerċjali normali. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex timmonitorja dan il-fenomenu u tara jekk jistax jiġi żviluppat adattament tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jew ta’ strumenti oħra fil-livell tal-UE biex dawn l-attivitajiet lokali jiġu rregolati, li f’xi każijiet huma saħansitra ssussidjati mill-fondi tal-UE!

    3.7.   Informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat

    3.7.1.

    Id-disponibbiltà u l-użu tat-Transparency Award Module (TAM) jintlaqgħu partikolarment tajjeb billi jippermettu li l-partijiet interessati (il-Kummissjoni, il-kompetituri u l-pubbliku inġenerali) jivverifikaw il-konformità tal-għajnuna mill-Istat mar-regoli. S’issa, ġew ippubblikati madwar 30 000 TAM.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   Id-Direttiva NEK+

    4.1.1.

    Il-KESE huwa mħeġġeġ mill-enfasi fuq l-infurzar f’dan ir-rapport u ħa din l-opportunità biex jerġa’ jiddikjara l-fehmiet tiegħu (5) dwar id-Direttiva NEK+ (6), li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-NCAs biex ikunu aktar effettivi.

    4.1.2.

    Il-Kumitat iddikjara preċedentement il-fehma tiegħu li Regolament jista’ jkun strument leġislattiv aktar effettiv f’dan il-qasam iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa għall-proporzjonalità. Barra minn hekk, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiggarantixxi opportunitajiet indaqs, bl-NCAs ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-miżuri u l-istrumenti legali meħtieġa biex jindirizzaw kartelli sigrieti.

    4.1.3.

    Għalkemm id-Direttiva NEK+ għandha tiggarantixxi l-indipendenza, ir-riżorsi u sett ta’ għodod effettivi biex jitwettaq l-infurzar, għad fadal xi mistoqsijiet dwar l-awtonomija u l-kapaċitajiet tal-NCAs. Indipendenza ġenwina, għarfien espert u taħriġ huma kollha meħtieġa għal xogħol effettiv. Għandha titħeġġeġ azzjoni preventiva biex tiġi evitata mġiba antikompetittiva, u għandhom jiżdiedu l-penali sabiex dawn ikunu deterrent effettiv. L-NCAs għandhom ikollhom ukoll is-setgħa li jibdew proċedimenti legali fuq inizjattiva tagħhom stess.

    4.2.   Protezzjoni tal-informaturi

    4.2.1.

    Irid jitwettaq aktar xogħol fir-rigward tal-għoti ta’ informazzoni lill-pubbliku dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni. Dan isaħħaħ l-effettività tal-għodod ġodda li huma disponibbli għar-rappurtar tal-ksur, bħall-għodda għall-informaturi. Għalkemm il-KESE huwa mħeġġeġ li jara li din l-għodda qed tintuża regolarment, huwa għandu għadd ta’ riżervi dwar id-Direttiva proposta, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni għall-informaturi (7).

    4.2.2.

    Il-KESE jirreferi lill-Kummissjoni għall-Opinjoni tiegħu dwar din id-Direttiva (8) fejn huwa jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma għandux ikun limitat għall-konformità mad-dritt tal-UE, iżda minflok jiġi estiż biex jinkludi konformità mal-liġi nazzjonali.

    4.2.3.

    Huwa importanti wkoll li ssir referenza għall-inklużjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u li r-rappreżentanti tat-trejdjunjins u tal-NGOs jissemmew bħala eżempji ta’ persuni ġuridiċi. L-informaturi għandhom ikollhom aċċess għar-rappreżentanti tat-trejdjunjins f’kull stadju tal-proċess.

    4.3.   L-ekonomija diġitali

    4.3.1.

    Il-KESE josserva li r-Regolament il-ġdid dwar Kooperazzjoni b’rabta mal-Protezzjoni tal-Konsumaturi (9) ġie adottat fi tmiem l-2017 u għandu jiżgura koordinazzjoni aħjar fost in-netwerks tal-konsumaturi biex jinforza miżuri kontra prattiki antikompetittivi transkonfinali. Pereżempju, ir-Regolament jidentifika prattiki ta’ imblukkar ġeografiku fis-settur tal-kummerċ elettroniku li, min-natura tagħha stess, hija kwistjoni transkonfinali. Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi ħadmu fuq din il-kwistjoni għal ħafna snin, fejn ġabru eżempji u prattiki transkonfinali. Flimkien man-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni u n-Netwerk ta’ Kooperazzjoni b’rabta mal-Protezzjoni tal-Konsumaturi, issa hija antiċipata azzjoni ta’ infurzar ikkoordinata aħjar.

    4.3.2.

    Fil-qasam li qed jikber malajr tal-ekonomija diġitali, qed jinħolqu kontinwament il-prattiki antikompetittivi ta’ ħafna tipi oħrajn. Pereżempju, l-użu ta’ algoritmi sofistikati jistgħu jaġġustaw il-prezzijiet abbażi tad-data miġbura minn sorsi diversi onlajn, u dan jgħin ukoll lill-kumpaniji jimpenjaw ruħhom f’kollużjoni onlajn. Jeħtieġ li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni riżorsi baġitarji adegwati sabiex timmonitorja u tiġġieled dawn il-prattiki.

    4.4.

    Il-KESE jemmen li kooperazzjoni aħjar bejn l-NCAs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, speċjalment billi l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jinfurmaw lill-NCAs dwar ksur suspettat. Fil-fatt, huma jistgħu jipprovdu data siewja lill-awtoritajiet mit-trattament tagħhom stess tal-ilmenti.

    4.5.

    L-Unjoni tal-Enerġija tista’ tistimula l-proċess kontinwu biex tinkiseb kompetizzjoni ġusta fis-settur tal-enerġija tal-UE, li għadu qasam fejn hemm firxa wiesgħa ta’ pprezzar għall-konsumatur u għall-industrija u fejn tista’ tiġi limitata l-għażla fis-suq. Il-KESE jemmen li analiżi dettaljata tal-prattiki regolatorji – li jvarjaw konsiderevolment fost l-Istati Membri – tkun tipprovdi l-bażi għal djalogu kostruttiv biex jiġu solvuti d-diskrepanzi, u dan għandu jitwettaq b’mod konġunt mill-NCAs, mir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u mill-Kummissjoni. Dan jista’ jixħet dawl fuq in-nuqqas ta’ għażla u l-prattiki restrittivi, pereżempju, fl-iskema ta’ tisħin distrettwali.

    4.6.

    L-eżerċitar mhux xieraq tas-saħħa fis-suq fis-settur tal-bejgħ tal-ikel huwa problema li għadha għaddejja. Il-Kummissjoni tqajjem il-mistoqsija ta’ jekk ktajjen kbar tal-bejgħ kisbux wisq saħħa ta’ negozjar (fin-negozjati bilaterali mal-fornituri tagħhom) u saħħa tax-xerrej (fis-suq inġenerali) bis-saħħa tar-rwol doppju tagħhom ta’ klijenti u kompetituri (permezz ta’ marki privati) tal-fornituri tagħhom (10). Il-Kumitat iħeġġeġ li tittieħed azzjoni f’konformità mal-Opinjoni reċenti tiegħu dwar is-suġġett (11) u jirrepeti r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tinkludi l-monitoraġġ tal-katina ta’ distribuzzjoni tal-ikel f’rapporti futuri dwar il-politika tal-kompetizzjoni.

    4.7.   Id-dritt tal-kompetizzjoni u l-interess pubbliku usa’

    4.7.1.

    Id-distorsjonijiet tas-suq jistgħu jkunu kkawżati minn numru ta’ fatturi li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni strett tal-politika tal-kompetizzjoni. Fost dawn insibu varjazzjonijiet kbar fil-politika tat-tassazzjoni korporattiva bejn l-Istati Membri, prattiki tal-impjiegi kollettivament magħrufa bħala dumping soċjali, prattiki li jirriżultaw fl-ekonomija tal-gigs u kwistjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà ekonomika globali.

    4.7.2.

    Id-dritt tal-kompetizzjoni, li għandu l-għeruq tiegħu fil-perspettivi ekonomiċi ta’ nofs is-seklu 20, issa jeħtieġ jiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21. Sabiex tingħeleb is-separazzjoni artifiċjali tal-isferi tas-suq u dawk soċjoambjentali, għandha tinbeda reviżjoni sistematika u komprensiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    4.7.3.

    Il-KESE jemmen li l-impenji li ħadet l-UE fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, flimkien mal-impenji eżistenti fit-trattati, għandhom jitqiesu bħala għanijiet ta’ interess pubbliku fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni flimkien ma’ dawk tal-interessi tal-konsumatur.

    4.7.4.

    Għandhom jiġu rikonoxxuti l-effetti tal-konċentrazzjonijiet tas-suq fuq il-ġenerazzjonijiet futuri tal-konsumaturi u l-produtturi. Għandhom jiġu vvalutati mudelli ta’ kalkolu differenti għal effetti dannużi fit-tul, eż. kif diġà sar fl-akkwist pubbliku permezz tal-kost taċ-ċiklu tal-ħajja.

    4.8.

    F’għadd ta’ Opinjonijiet reċenti (12), il-KESE appella biex jissaħħu l-miżuri relatati ma’ tassazzjoni ġusta li ttieħdu mill-Kummissjoni Ewropea (rigward kumpaniji multinazzjonali u individwi), billi ħafna kwistjonijiet pendenti għadhom ma ssolvewx. Dawn jinkludu l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, ir-rifuġji tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fost l-Istati Membri.

    4.9.

    B’mod partikolari, hemm distorsjonijiet kontinwi u sostanzjali kkawżati mis-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva li jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, fejn it-taxxa korporattiva tvarja minn 9 %-35 %, u rati saħansitra aktar baxxi huma disponibbli f’xi pajjiżi f’kategoriji bħad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Minħabba li l-politika dwar it-taxxa hija kompetenza nazzjonali, il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE dejjem se jkollha sfida biex timmodera d-distorsjonijiet ikkawżati.

    4.10.

    Id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD), li għandha tiġi applikata permezz tal-liġijiet tal-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2019, tistabbilixxi regoli kontra prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, u tinkludi elementi li għandhom jgħinu biex jiġu evitati ċerti approċċi nazzjonali diverġenti, u dan għandu jintlaqa’ tajjeb.

    Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:32010R0330

    (2)  http://ec.europa.eu/competition/antitrust/proposed_directive_mt.pdf

    (3)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.

    (4)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Azzjonijiet kontra d-Danni kkawżati mill-Antitrust (ĠU L 349, 512.2014, p. 1).

    (5)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 70.

    (6)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (COM/2017/142 final).

    (7)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018) 218 final).

    (8)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE. Relatur: Franca Salis-Madinier (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 155).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

    (10)  Commission Staff Working Document SWD(2018) 349 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (11)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.

    (12)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1; ĠU C 197, 8.6.2018, p. 29; ĠU C 81, 2.3.2018, p. 29.


    Top