EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3933

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013” [COM(2018) 366 final]

EESC 2018/03933

ĠU C 110, 22.3.2019, p. 87–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 110/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013”

[COM(2018) 366 final]

(2019/C 110/17)

Relatur:

Emmanuelle BUTAUD-STUBBS

Korelatur:

Zbigniew KOTOWSKI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.6.2018

Kunsill, 21.6.2018

Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

19.6.2018

Bażi legali

L-Artikoli 173(3) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

22.11.2018

Adottata fil-plenarja

12.12.2018

Sessjoni plenarja Nru

539

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (2021 sal-2027) (COM(2018) 366 final) u l-indikaturi tagħha stabbiliti fl-Anness II. Il-bini ta’ Ewropa b’saħħitha u magħquda għandu jkun ibbażat fuq id-diversità ta’ għeruq kulturali li għandhom jiġu trażmessi permezz tal-edukazzjoni. Il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm għandha titqies bħala ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp tal-kultura Ewropea u tal-kulturi tal-Istati Membri individwali li huwa pedament tas-soċjetà tagħna minn fejn joriġinaw il-valuri demokratiċi tagħna.

1.2.

Għal bosta snin, il-KESE ppromova l-kontribut sinifikanti tas-setturi kreattivi u kulturali u tal-industriji għall-ħolqien tal-UE tal-valur u l-impjiegi, l-inklużività u t-tkabbir (1). Fl-2012, skont l-OECD, l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur (2) fl-UE ammontaw għal 4,2 % tal-PDG u 3,2 % tal-impjiegi. Skont l-Artikolu 2 tal-proposta għal Regolament (COM(2018) 366), dawn is-setturi jinkludu “l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja’ artistiċi, l-awdjoviżiv (inkluż il-film, it-televiżjoni, il-logħob tal-vidjo u l-multimedia), il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, id-disinn (inkluż id-disinn tal-moda), il-festivals, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-kotba u l-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva”.

1.3.

Filwaqt li jqis in-natura speċifika tal-atti u tal-proċessi kreattivi li mhux dejjem jaqgħu b’mod faċli fil-qafas ġenerali tal-liġi tax-xogħol, il-KESE huwa kompletament konxju tal-isfidi soċjali li għandhom jiġu indirizzati f’xi Stati Membri: it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-tneħħija ta’ sigħat mhux imħallsa, il-ġlieda kontra d-disparità bejn is-sessi, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, kundizzjonijiet aħjar ta’ saħħa u sikurezza, l-iffaċilitar tal-mobbiltà, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u dawk li huma esklużi, il-politika kontra l-fastidju sesswali u l-bqija.

1.4.

Il-KESE jqis li l-baġit ippjanat ta’ EUR 1,8 biljun mhuwiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027. Din hija r-raġuni għaliex il-KESE jitlob baġit akbar. Dan l-investiment sinifikanti fil-kreattività tal-Ewropa, l-artisti tagħha, il-ħallieqa, il-mużiċisti, il-kittieba, il-fotografi, l-arkitetti, l-inventuri tal-logħob tal-vidjo, il-persuni li jagħmlu l-films, eċċ., se jgħin lill-UE biex tikkompeti b’suċċess ma’ pajjiżi kbar bi strateġiji intenzjonati “ta’ setgħa ta’ persważjoni” (l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel) fil-livell nazzjonali u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Dak il-finanzjament tal-UE għandu jkun ikkomplementat minn finanzjament pubbliku nazzjonali u reġjonali. Inċentivi fiskali speċifiċi jistgħu wkoll jattiraw il-filantropija (pereżempju r-restawr tal-wirt storiku) u jiffaċilitaw il-crowdfunding għall-ħolqien ta’ mudelli ġodda ta’ negozju.

1.5.

Il-KESE jemmen ukoll li huwa meħtieġ li jsir investiment f’għodod legali u tekniċi sabiex il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ promozzjoni ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, b’mod partikolari fil-produzzjoni ta’ logħob tal-vidjo online għat-tfal u għaż-żgħażagħ tkun aktar effiċjenti.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ dimensjoni kreattiva u kulturali fil-politika esterna tal-UE (politika kummerċjali, relazzjonijiet internazzjonali, eċċ.) (3).

1.7.

Dan l-isforz finanzjarju mingħajr preċedent għandu jinkiseb permezz ta’ tliet modi:

Baġit miżjud għal “Ewropa Kreattiva” ta’ EUR 1 930 000 minflok ta’ EUR 1 850 000 għall-2021-2027 li se jinkludi finanzjament addizzjonali ta’ EUR 80 miljun għat-Taqsima TRANSSETTORJALI li se jippermetti proġetti ta’ “transfertilizzazzjoni” bejn l-industriji kulturali u kreattivi (IKK) infushom (mużika, moda, disinn, arti, ċinema, pubblikazzjoni. eċċ.) u bejn l-IKK u l-industriji l-oħrajn, u aktar riżorsi finanzjarji għal aktar taħriġ fil-qasam tal-midja f’kuntest li fih il-pluraliżmu tal-midja dan l-aħħar ġie kkontestat fl-UE;

Appoġġ finanzjarju għall-kultura u l-ħolqien f’medda wiesgħa ta’ programmi tal-UE sabiex “jittejjeb il-proċess tal-integrazzjoni tal-kultura f’politiki settorjali oħra, li jirriżultaw f’benefiċċji reċiproki kemm għas-settur tal-kultura kif ukoll għas-settur rilevanti” (4): Orizzont 2020, Fond Soċjali Ewropew, Ewropa Diġitali, Fond ta’ Koeżjoni, Erasmus;

Appoġġ kontinwu għall-Faċilità tal-Garanzija Finanzjarja ddedikata għall-“industriji kreattivi u kulturali” sabiex jiġu pprovduti garanziji u, fejn meħtieġ, appoġġ ta’ ekwità għall-SMEs u għan-negozji ġodda.

1.8.

Din l-ambizzjoni mġedda għal Ewropa aktar kulturali u kreattiva se tkun ukoll ta’ benefiċċju għal diversi setturi u katini tal-valur industrijali tal-UE mit-tessuti, il-ħwejjeġ, il-ġilda, l-għamara, iċ-ċeramika, il-ġugarelli, it-turiżmu, l-arti u l-artiġjanat, għall-karozzi, il-kostruzzjoni, is-saħħa u l-benesseri, l-enerġija ekoloġika u l-bqija, bis-saħħa tal-integrazzjoni tal-kreattività, id-disinn u teknoloġiji l-aktar avvanzati. Hemm ħafna eżempji fl-Ewropa tal-bidla b’suċċess minn xi reġjuni jew bliet industrijali lejn l-industriji kreattivi li jiġġeneraw aktar valur miżjud (Turin).

1.9.

L-opportunitajiet ipprovduti mir-“rivoluzzjoni diġitali” f’dawk l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur huma partikolarment importanti u għandu jiġi promoss investiment suffiċjenti f’tagħmir u software (pereżempju l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, l-istampar 3D, id-diġitalizzazzjoni tal-arkivji) kif ukoll fit-taħriġ.

1.10.

Il-potenzjal tal-innovazzjoni ta’ dawn l-industriji huwa mingħajr limitu peress li dawn jiddependu l-aktar fuq il-kreattività individwali, il-ħiliet u l-immaġinazzjoni. Huwa għalhekk li l-industriji kulturali u kreattivi (IKK) għandu jkollhom baġit speċifiku taħt “Orizzont 2020” (mill-inqas EUR 3 biljun li huwa ftit inqas minn piż tagħhom fil-PDG tal-UE (4,2 %)).

1.11.

Fis-suq tal-Istati Uniti għaddejjin operazzjonijiet ta’ fużjoni akbar li se jkollhom impatt fuq l-IKK tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi offerta għal rapport dwar il-business intelligence li huwa mistenni fl-2019 dwar ix-xejriet ekonomiċi u teknoloġiċi ewlenin fl-Istati Uniti li jaffettwaw il-midja, iċ-ċinema u l-awdjoviżiv u l-konsegwenzi probabbli tagħhom fuq il-kontropartijiet tal-UE fil-qasam tal-produzzjoni, tal-konsum u tad-distribuzzjoni.

1.12.

Minħabba l-fatt li l-UE 27 jistgħu jibbenefikaw b’mod konsiderevoli minn djalogu kontinwu mar-Renju Unit li huwa attur ewlieni f’dawn l-industriji, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja kull djalogu bilaterali bejn il-gvernijiet u n-netwerks li jistgħu jwittu t-triq għal ftehim bilaterali sabiex isegwu programmi bilaterali ambizzjużi fil-qafas ta’ Ewropa Kreattiva 2021-2027. Fil-passat (2014-2020) ġew konklużi ftehimiet bilaterali simili ma’ pajjiżi terzi bħall-Georgia, is-Serbja jew l-Ukrajna.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Livell ġdid ta’ ambizzjoni

2.2.

Il-proposta għal Regolament (COM(2018) 366) hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-UE ssegwi l-għan “li tippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha”, l-UE “għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.” Iżda hemm perċezzjoni ċara li n-numru ta’ sfidi li se taffaċċja huma akbar, b’mod partikolari fil-kompetizzjoni minn pjattformi online u magni tat-tiftix, il-konċentrazzjoni tas-settur madwar numru limitat ta’ atturi kbar, jew il-bidu tad-“diżinformazzjoni”.

2.3.

B’dan il-programm ġdid, il-Kummissjoni tal-UE trid toffri opportunitajiet lill-operaturi biex jiżviluppaw inizjattivi transkonfinali Ewropej innovattivi mil-lat tekniku u artistiku għall-iskambju, il-ħolqien u l-produzzjoni konġunti u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej. L-iskop huwa wkoll li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-atturi tal-UE fl-UE u fis-swieq globali. Eżempji tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam jistgħu jinsabu fl-attivitajiet tal-Kunsill tal-fond “Eurimages” tal-Ewropa.

2.4.   Baġit ikbar iżda xorta mhux biżżejjed

2.4.1.

Il-baġit propost ta’ EUR 1,85 biljun għal 27 Stat Membru huwa akbar minn dak attwali iżda jirrappreżenta biss 1/1 000 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali globali tal-UE 2021-2027: EUR 1 135 biljun.

2.5.

Il-baġit propost mill-KE huwa maqsum fi tliet partijiet:

It-Taqsima tal-KULTURA b’EUR 609 miljun (33 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 31 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020);

It-Taqsima tal-MIDJA b’EUR 1 081 miljun (58 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 56 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020);

It-Taqsima TRANSSETTORJALI b’EUR 160 miljun (9 % tal-baġit totali meta mqabbel ma’ 13 % tal-baġit totali ta’ Ewropa Kreattiva 2014-2020).

2.5.1.

Il-KESE jitlob baġit addizzjonali ta’ EUR 80 miljun għat-Taqsima TRANSSETTORJALI għall-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tal-proġetti ta’ “transfertilizzazzjoni” (5) (ekonomija diġitali, turiżmu, arti, lussu, kultura, stampar diġitali…) u biex jiġu identifikati aktar tweġibiet prattiċi fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku.

2.5.2.

L-objettiv li jingħata appoġġ prijoritarju lil proġetti li huma mmirati lejn udjenza akbar huwa xieraq għas-settur awdjoviżiv (Taqsima MEDIA) iżda m’għandux japplika għall-attivitajiet kulturali kollha, b’mod partikolari f’żoni rurali. Il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali huma fil-qalba tal-proġett Ewropew.

2.6.   Il-każ ta’ Brexit għall-ħolqien u l-kultura

2.6.1.

Dan il-programm ġdid se jseħħ fl-UE27 wara l-ħruġ tar-Renju Unit li huwa wieħed mill-Istati Membri fejn l-industriji kreattivi u kulturali għandhom rwol ewlieni (90 biljun Lira Sterlina fl-2016, 2 miljun ħaddiem). Il-KESE jqis li huwa essenzjali, għad-dinamika ta’ “Ewropa Kreattiva”, li jinżammu relazzjonijiet kulturali b’saħħithom mar-Renju Unit u li għandha titħeġġeġ, fejn ikun possibbli u neċessarju, il-kooperazzjoni bilaterali. L-għan ta’ ftehim bilaterali speċifiku u mfassal apposta mar-Renju Unit sabiex ikunu segwiti l-azzjonijiet u l-programmi għandu jiġu mfittex abbażi tal-Artikolu 8 tal-proposta għal regolament u b’konformità mad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

2.7.   Lezzjonijiet li tgħallimna mill-programm preċedenti Ewropa Kreattiva 2014-2020

2.7.1.

Fil-bosta studji ta’ valutazzjoni mitluba mill-KE, il-limiti ewlenin kienu li ġejjin:

Baġits insuffiċjenti biex isir impatt kbir fil-livell tal-UE jew dak settorjali;

Il-finanzjament kien wisq frammentat għall-programm tal-MIDJA;

Kumplessità eċċessiva għall-aċċess u r-rapportar amministrattiv għall-programmi u l-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari għall-SMEs u l-individwi, u applikanti għall-ewwel darba;

Distribuzzjoni mhux indaqs tal-fondi skont l-Istati Membri.

2.7.2.

Waqt seduta li ġiet organizzata f’Pariġi (6 ta’ Ottubru 2016) minn Sylvia Costa, President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, partijiet ikkonċernati identifikaw kwistjonijiet konkreti oħra:

Il-proporzjon ta’ suċċess għas-sejħa għall-offerti fit-taqsima tal-KULTURA huwa baxx wisq: 11 %;

It-tul massimu għal traduzzjoni letterarja huwa qasir wisq: sentejn;

In-numru ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jkunu involuti f’xi proġetti huwa limitat wisq;

Il-kunċett ta’ “esperimentazzjoni” għandu jiġi promoss u appoġġjat, kif ukoll dak tal-“innovazzjoni”.

Sabiex tiġi kkunsidrata din il-kritika, il-KE tipproponi ċerti simplifikazzjonijiet għall-2021-2017:

Flessibbiltà akbar sabiex il-programmi ta’ ħidma jiġu adattati għal ċirkostanzi mhux previsti;

Aktar ftehimiet qafas ta’ sħubija u għotjiet kaskata;

Aktar inċentivi biex jippremjaw riżultati marbuta mal-kapaċità sabiex jintlaħqu udjenzi akbar;

Użu sistematiku ta’ formoli elettroniċi u rapporti elettroniċi u rekwiżiti ta’ rappurtar inqas stretti.

2.8.   It-Taqsima tal-Kultura

2.8.1.

Il-baġit globali ta’ EUR 609 miljun se jappoġġja ċirkolazzjoni transkonfinali ta’ xogħlijiet u mobilità ta’ operaturi kreattivi, se jinkoraġġixxi s-sħubijiet, in-netwerks u l-pjattaformi li jfittxu udjenza usa’ fl-Ewropa u lil hinn għal operaturi u xogħlijiet kulturali u kreattivi Ewropej, u se jippromovi l-identità, il-patrimonju u l-valuri Ewropej permezz ta’ għarfien kulturali, edukazzjoni tal-arti u kreattività fl-edukazzjoni. Se jiġu appoġġjati wkoll azzjonijiet tal-UE speċjali bħall-Kapitali Ewropej tal-Kultura, premjijiet kulturali tal-UE u t-tikketta tal-Wirt Ewropew. Prijorità oħra hija li jiġi promoss il-bini ta’ kapaċità internazzjonali sabiex tippermetti lis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej ikunu attivi fuq livell internazzjonali.

Il-KESE jixtieq iżid paragrafu mar-Regolament propost dwar il-folklor u l-kreattività “dilettanteska”, peress li hija preċiżament din il-forma ta’ kreattività li kienet il-bażi għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ sensibilità artistika u umanistika ġenwina.

2.9.   It-Taqsima tal-Midja

2.9.1.

Dan il-programm ikopri l-midja awdjoviżiva, iċ-ċinema u l-logħob tal-vidjo b’baġit globali ta’ EUR 1 081 000. Dan huwa marbut ma’ xi għodod leġislattivi speċifiċi: ir-reviżjoni tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur u d-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

2.9.2.

Dak preċedenti (COM(2016) 593 final) ġie adottat mill-Parlament Ewropew (12 ta’ Settembru 2018) fl-ewwel qari.

Din il-proposta għandha tliet għanijiet ewlenin: (a) li jitjieb l-aċċess għal kontenut online u bejn il-fruntieri għal programmi tat-televiżjoni u tar-radju fuq pjattaformi VoD; (b) li jiġu armonizzati u mmodernizzati l-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni fl-oqsma tat-tagħlim, tar-riċerka u tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali; (c) li jiġi stabbilit post tas-suq li jiffunzjona tajjeb għad-drittijiet tal-awtur għal pubblikaturi tal-istampa, awturi u artisti tal-ispettaklu li jipproduċu kontenut għal pjattaformi online.

2.9.3.

It-tieni wieħed għandu diversi objettivi: li jiġu pprovduti aktar opportunitajiet għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej fi ħdan (minimu ta’ 30 % tax-xogħlijiet tal-UE fuq pjattaformi tal-vidjo online) u barra l-UE, li titrawwem kooperazzjoni tul il-katina tal-valur mill-istadji bikrin tal-produzzjoni sad-distribuzzjoni u l-wiri, u li jitjieb il-livell ta’ protezzjoni tat-tfal u tal-konsumaturi.

2.9.4.

Il-baġit ta’ EUR 1 081 000 iddedikat lis-settur awdjoviżiv Ewropew, inkluża l-industrija tal-films, tat-TV u tal-logħob tal-vidjo għandu l-għanijiet li ġejjin: (a) li jistimula kollaborazzjoni u innovazzjoni fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tal-UE; (b) li jtejjeb id-distribuzzjoni teatrali u online bejn il-fruntieri; (c) li jappoġġja l-influwenza internazzjonali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tal-UE permezz ta’ promozzjoni u distribuzzjoni internazzjonali aħjar ta’ xogħlijiet Ewropej u rakkuntar tal-istejjer innovattiv li jinkludi r-realtà virtwali.

2.10.   It-Taqsima Transettorjali

2.10.1.

Baġit globali ta’ EUR 160 miljun huwa ppjanat li jappoġġja l-bidu ta’ proġetti transettorjali bejn atturi kreattivi u kulturali (mużika, midja, litteratura, arti…), biex jgħin lid-desks tal-Ewropa Kreattiva jippromovu l-programm f’pajjiżhom, u sabiex jittejjeb “ambjent medjatiku ħieles, diversifikat u pluralistiku, tal-ġurnaliżmu ta’ kwalità u tal-litteriżmu medjatiku” (l-Artikolu 6(c), COM(2018) 366 final).

2.10.2.

Dan l-aħħar għan huwa meqjus bħala kritiku mill-KESE: fl-2017 diversi Stati Membri waqgħu lura fil-qasam tal-libertà tal-istampa. Minħabba dan il-kuntest partikolari, il-KESE jitlob aktar finanzjament sabiex tiġi appoġġjata l-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, u ta’ ambjent tal-midja varjat u pluralistiku, il-promozzjoni ta’ standards tal-midja ta’ kwalità għolja f’termini ta’ kontenut, u programmi tal-litteriżmu tal-midja sabiex jippermetti liċ-ċittadini jiksbu fehim kritiku tal-midja.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Id-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali

3.1.1.

Studju tal-OECD mill-2015 dwar “Copyright in the digital era” (“Id-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali) jikkonferma l-intensità tad-dibattiti legali u pubbliċi dwar il-modi u l-mezzi ta’ kif oqfsa tad-drittijiet tal-awtur nazzjonali jiġu adattati għar-rivoluzzjoni tal-Internet.

Il-kwistjonijiet ewlenin li qegħdin jiġu diskussi huma: (a) il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur; (b) xogħlijiet orfni; (c) eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur; (d) reġistrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur; (e) infurzar.

3.1.2.

Il-KESE jixtieq jiddefendi d-drittijiet tal-awtur relatati ġodda għall-pubblikaturi għall-użu diġitali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom kif propost fl-Artikolu 11 tal-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali u l-protezzjoni ta’ kontenut minn servizzi online kif propost fl-Artikolu 13, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kuntratti (Artikolu 15) u l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim (Artikolu 16).

3.2.

Kompetizzjoni ħarxa fuq livell internazzjonali li għandha twassal għal strateġija tal-UE ċara għall-IKK għal politiki tas-suq uniku u dawk esterni (l-aġenda internazzjonali għall-kultura, id-diplomazija kulturali, il-politika tal-kummerċ).

3.2.1.

Ditti Amerikani bħal Apple b’iTunes, l-akbar ħanut tal-mużika online fid-dinja mill-2010, Netflix b’130 miljun abbonat fl-2017, u You Tube b’1 300 000 utent fix-xahar u aktar minn 5 biljun vidjo li l-utenti jaraw kuljum, għandhom pożizzjonijiet dominanti fil-qasam tal-pjattaformi online.

3.2.2.

Pereżempju, fl-industrija tal-films (6)“il-produzzjonijiet u l-koproduzzjonijiet mill-Istati Uniti jammontaw għal 90 % tal-films bl-ogħla livelli ta’ attendenza teatrali f’dik is-sena [2012]” b’korollarju naturali: “hemm predominanza ċara u kważi mhux ikkontestata tal-lingwa Ingliża”.

3.2.3.

Riċentement, fl-Istati Uniti seħħew fużjonijiet kbar li jikkonfermaw li qiegħed iseħħ tibdil konsiderevoli fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fil-konsum ta’ kontenut awdjoviżiv. X’se jkun l-effett ta’ dan it-tibdil ewlieni fl-Istati Uniti fuq is-settur awdjoviżiv tal-UE, li jibqa’ frammentat, b’inqas finanzjament pubbliku u b’livell persistentement baxx ta’ diffużjoni transkonfinali minħabba baġit limitat u ostakli lingwistiċi? Studju indipendenti b’data kwantitattiva u kwalitattiva se jkun utli ħafna.

Pajjiżi ewlenin oħrajn bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u l-Kanada implimentaw politiki ta’ inċentiv sabiex jappoġġjaw, kemm internament kif ukoll esternament, dawk l-assi li jagħmlu parti mis-“setgħa ta’ persważjoni” tagħhom; l-UE għandha tagħmel l-istess.

3.3.   Id-diversifikazzjoni u tiġdid tal-mudelli ta’ negozju

3.3.1.

Il-mudelli ta’ negozju innovattivi għall-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur fl-UE għandhom jiġu mħeġġa fi tliet direzzjonijiet:

(a)

l-użu ta’ għodod diġitali kollha (IA, blockchain, big data, istampar 3D, eċċ.) bħala opportunità biex jarrikkixxu l-kontenut ta’ prodotti u servizzi kulturali u l-mod li bih huma disponibbli għall-konsumaturi;

(b)

opportunitajiet b’rabta mal-portabilità mtejba ta’ kontenut fil-proġetti transkonfinali;

(c)

it-tiftix għal modi ġodda biex jiġi ġġenerat id-dħul (abbonamenti, ħlas skont kemm tara, eċċ) mingħajr ma jiġu esklużi konsumaturi vulnerabbli.

3.3.2.

L-“effett kollaterali” bejn l-IKK u d-diversi setturi ekonomiċi li jintegraw “komponent kulturali jew kreattiv” intwera f’bosta studji. Fl-interfaċċa tal-IKK u t-teknoloġiji diġitali hemm sors b’saħħtu ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarja u dik inkrementali.

3.3.3.

Naturalment, ċerti attivitajiet kulturali, li jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku jew privat m’għandhomx jiddependu biss fuq il-ġenerazzjoni ta’ profitt. Il-programm il-ġdid għandu jkopri wkoll l-attivitajiet li “mhumiex orjentati lejn is-suq”.

3.4.   Aċċess għall-finanzjament

3.4.1.

F’Ġunju 2016, tnediet faċilità ta’ garanzija ġdida mill-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku sabiex tkun ta’ benefiċċju għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-setturi IKK li qegħdin isibuha diffiċli biex jaċċessaw self f’pajjiżhom stess. Għal dan il-mekkaniżmu ġdid, ġie ppjanat ammont inizjali ta’ EUR 121 miljun li huwa mistenni li joħloq EUR 600 miljun f’self u prodotti finanzjarji oħra.

3.4.2.

Wara bidu bil-mod, disa’ Stati Membri – Spanja, Franza, ir-Rumanija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit – iffirmaw ftehimiet mal-Fond ta’ Investiment Ewropew (FIE) għal kapaċità globali ta’ aktar minn EUR 300 miljun ta’ self potenzjali. Fl-2017, ittieħdet deċiżjoni mill-FIE biex jiżdiedu EUR 70 miljun oħra. Skont rapport mill-FIE dwar l-użu tal-Garanzija CCI (Marzu 2018), 418-il “attur” kreattiv u kulturali bbenefikaw minn din il-faċilità għal ammont totali ta’ EUR 76 miljun f’self, li jirrappreżenta EUR 182 000 ta’ self bħala medja għal kull entità.

3.4.3.

Il-KESE jħeġġeġ ħafna lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli nazzjonali u reġjonali, f’żoni urbani u rurali, biex jippromovu din il-faċilità speċifika sabiex isaħħu t-tkabbir tal-IKK u biex jattiraw l-investiment u negozji ġodda f’dawk is-setturi. Hija r-responsabbiltà tagħhom li jevitaw diskrepanza dejjem tikber bejn “bliet intelliġenti” fejn il-KKI huma kkonċentrati (7) ħafna u ż-żoni rurali.

3.5.   Kwistjonijiet soċjali

3.5.1.

Id-data disponibbli f’xi Stati Membri turi kundizzjonijiet tax-xogħol soċjali inġusti u mhux sodisfaċenti: sigħat bla ħlas, sahra regolari, kuntratti temporanji, impjiegi part-time mhux intenzjonati, kundizzjonijiet ħżiena ta’ saħħa u sikurezza, nuqqas ta’ investiment fit-taħriġ, disparità bejn is-sessi (8), nuqqas ta’ diversità etnika, fastidju sesswali, livell baxx ta’ protezzjoni soċjali, mobilità insuffiċjenti minħabba tassazzjoni doppja u aċċess diffiċli għall-viżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Xi Stati Membri implimentaw rekwiżiti soċjali li l-IKK għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE, u b’hekk jappoġġjaw il-mudell soċjali Ewropew f’konformità mar-rwol potenzjalment mwettaq minn finanzjament pubbliku.

3.5.2.

Id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali għandu jiġi mħeġġeġ sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa ħalli tittejjeb is-sitwazzjoni. Fil-livell tal-UE, aktar studji indipendenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-IKK huma meħtieġa sabiex jispiraw il-politiki mġedda. Is-sejba riċenti turi, pereżempju, li l-kriterju “okkupazzjoni” jista’ jkun aktar effettiv minn dak “settorjali”, minħabba li 30,7 % biss tal-impjiegi “kreattivi” jinsabu ġewwa setturi tal-IKK! (9)

3.5.3.   Raggruppamenti u netwerks

Raggruppamenti reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni u sħubijiet transkonfinali. Il-ħolqien ta’ raggruppamenti u netwerks reġjonali ġodda għall-IKK għandu jitħeġġeġ permezz tal-programm il-ġdid kif ukoll sħubijiet siewja bejn raggruppamenti u netwerks eżistenti (Emilia-Romagna, Hamburg, Milan, eċċ.) li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-aħjar prattiki.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83, NAT/738 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 22), SOC/590 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 148).

(2)  L-industriji ewlenin intensivi fid-drittijiet tal-awtur jinkludu disa’ setturi: l-istampa u l-letteratura, il-mużika, l-opera u l-produzzjoni teatrali, iċ-ċinema u l-vidjo, il-fotografija, is-softwer u l-bażi tad-data, l-arti viżiva u l-grafika, ir-reklamar u l-arti, is-soċjetajiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur.

(3)  Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali, Join (20160 29 final.

(4)  Ikkwotata mid-dokument ta’ diskussjoni tal-Presidenza Bulgara: The way ahead: long term vision for the contribution of culture to the EU after 2020, (It-triq ’il quddiem: viżjoni fit-tul għall-kontribut tal-kultura lejn l-UE wara l-2020), 27 ta’ April 2018.

(5)  Ara l-punt 4.6 tal-opinjoni tal-KESE, ĠU C 13, 15.1.2016, p. 83.

(6)  Diversity and the film industry: An analysis of the 2014 UIS Survey on Feature Film Statistics (Id-diversità u l-industrija tal-films: Analiżi ta’ Stħarriġ tal-UIS tal-2014 dwar Statistika ta’ Films Ewlenin), Marzu 2016, p. 31 (Mhux disponibbli bil-Malti)

(7)  64 % tal-impjiegi kreattivi jinsabu fiż-żoni urbani, J. Vlegels, W. Ysebaert Creativiteit, diversiteit en werkomstandigheden: eien analyse van de drieand van culturele en creative arbeid in België, Sociologos 39, p. 241

(8)  Ara l-Qafas għal azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Kumitat għad-Djalogu Soċjali Awdjoviżiv.

(9)  J. Vlegels, W. Ysebaert, Sociologos 39, pp. 210-241.


Top