Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC1026(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 362, 26.10.2017, p. 31–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 362/31


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2017/C 362/05)

    Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1)

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

    “GUIJUELO”

    Nru tal-UE PDO-ES-0077-AM02 — 4.5.2017

    DOP ( X ) IĠP ( ) STG ( )

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Il-korporazzjoni tal-liġi pubblika “Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida ‘Guijuelo’”, stabbilita skont il-Liġi 6/2015.

    C/Filiberto Villalobos, 4

    C.P. 37770 Guijuelo

    SALAMANCA

    ESPAÑA

    Tel. +34 923581514

    Fax +34 923580097

    Email: certificacion@jamondoguijuelo.com

    Interess leġittimu:

    Il-Kunsill Regolatorju huwa uffiċjalment rikonoxxut bħala l-korp maniġerjali tad-DOP “Guijuelo” b’konformità mal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 6/2015 tat-12 ta’ Mejju 2015, dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-oriġini li l-ambitu territorjali tagħhom huwa lil hinn mill-komunitajiet awtonomi ta’ Spanja, u wieħed mill-funzjonijiet speċifiċi tiegħu huwa li jipproponi l-emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    Għadd ta’ fabbriki rreġistrati: 70//Għadd ta’ bdiewa rreġistrati: 399//Għadd ta’ biċċeriji rreġistrati: 10

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Spanja

    3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Oħrajn: (11) Immaġni tal-marka

    4.   Tip ta’ emenda

    Emenda fl-ispeċifiċikazzjoni ta’ prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

    Emenda fl-ispeċifiċikazzjoni ta’ prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ DPO jew IĠP irreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku (jew ekwivalenti).

    Emenda fl-ispeċifiċità ta’ prodott ta’ STG rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    5.   Emendi

    Attwalment:

    Proposta:

    Image

    Image

    Talba għall-inklużjoni, fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, tat-test li ġej dwar ir-regoli dwar l-użu:

    “Fil-każijiet kollha, il-logo tad-DOP ‘Guijuelo’ użat irid ikun dak irreġistrat legalment u li jidher hawn taħt.

    L-użu tal-logo tad-DOP ‘Guijuelo’ għandu jkun irregolat u konformi mal-Manwal tal-Identità Korporattiva fis-seħħ”.

    L-emenda qed tintalab għar-raġunijiet spjegati hawn taħt:

    L-Ispeċifikazzjoni tad-DOP “Guijuelo” tistipula r-riproduzzjoni ta’ trademark ta’ natura mħallta, li l-logo jew l-element grafiku tagħha jeħtieġ li jiġu emendati abbażi tal-vantaġġi, kif spjegat mill-korporazzjoni tal-korp maniġerjali, li joħorġu mill-immodernizzar tal-immaġni tal-Marka li ilha teżisti tletin sena, speċjalment mill-perspettiva tal-promozzjoni kummerċjali, skont l-Artikolu 45(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    L-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedi emendi fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott, u li t-talba għal emenda li ma taffettwax xi wieħed mill-aspetti stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu msemmi, hija ta’ natura minuri.

    L-għan tal-modifika li qed tiġi kkunsidrata bħala emenda minuri għall-Ispeċifikazzjoni ta’ din id-DOP skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huwa l-bidla fil-logo (trademark ta’ natura mħallta) li se jintuża fuq it-tikketti tal-prodotti koperti mid-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Guijuelo”, ladarba l-emenda tkun ġiet approvata, fil-perjodi prevvisti mil-Liġi.

    Id-Dokument Uniku wkoll irid jiġi emendat, biex jiddaħħal il-logo tad-DOP “Guijuelo” li ma kienx hemm qabel, u jinbidel il-kliem biex jiċċara l-użu.

    It-test li kien jidher fuq id-Dokument Uniku jgħid:

    “Hekk kif jitlesta l-proċess tal-produzzjoni, il-prodott jiġi ċċertifikat billi titwaħħal it-tikketta nnumerata speċifika mad-DOP ‘Guijuelo’, li jkollha s-simbolu tal-UE, kif ukoll il-marka kummerċjali ‘Guijuelo’, u tindika t-tip ta’ prodott, ir-razza u l-klassi li fiha jappartjeni l-prodott abbażi tad-dieta tal-annimal.

    It-tikketta trid tkun akkumpanjata dejjem b’tikketta kummerċjali, li trid tkun ġiet innotifikata mill-produttur lill-Korp Maniġerjali.

    Jekk produttur juża l-istess marka kummerċjali biex jikkumerċjalizza prodott protett u prodott li mhux protett, trid issir distinzjoni billi jkun inkluż il-logo DOP fuq it-tikketta kummerċjali tal-prodott protett.”

    It-test propost biex jidher fuq id-Dokument Uniku huwa dan li ġej:

    “Hekk kif jitlesta l-proċess tal-produzzjoni, il-prodott jiġi ċċertifikat billi titwaħħal it-tikketta nnumerata speċifika tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta ‘Guijuelo’, li jkollha s-simbolu tal-UE kif ukoll il-marka kummerċjali u/jew il-logo tiegħu, il-klassi li għaliha jappartjeni l-prodott skont id-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti fil-paragrafu B tal-Ispeċifikazzjoni.

    It-tikketta trid tkun akkumpanjata dejjem b’tikketta kummerċjali, li trid tkun ġiet innotifikata mill-produttur lill-Korp Maniġerjali.

    Il-prodotti kollha koperti jrid ikollhom il-logo, kif spjegat fl-Ispeċifikazzjoni. Fil-każijiet kollha, il-logo tad-DOP ‘Guijuelo’ użat irid ikun dak irreġistrat legalment u li jidher hawn taħt.”

    Image

    Speċifiċità aġġornata tal-prodott (għal DOP u IĠP biss)

    http://www.mapama.gob.es/es/alimentacion/temas/calidad-agroalimentaria/pliego2017-02-13_tcm7-448957.pdf

    DOKUMENT UNIKU

    “GUIJUELO”

    Nru tal-UE PDO-ES-0077-AM02 — 4.5.2017

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Isem

    “Guijuelo”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Deskrizzjoni: Prieżet u prieżet tal-ispalla tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Guijuelo” huma prodotti tal-laħam miksubin permezz tat-tmelliħ, tal-ħasil, tat-tmelliħ mill-ġdid, tat-tnixxif/tal-maturazzjoni u tal-maturazzjoni tas-saqajn ta’ quddiem u tas-saqajn ta’ wara tal-ħnieżer Iberiċi jew tal-ħnieżer inkroċjati bejn Iberiċi-Duroc li huma awtorizzati b’leġiżlazzjoni nazzjonali b’minimu ta’ 75 % ta’ demm Iberiku.

    Karatteristiċi morfoloġiċi: Dawn għandhom forma tawwalija u stilizzata, u l-prieżet jiżnu tal-anqas 6,5 kg u 3,7 kg rispettivament għall-prieżet u l-prieżet tal-ispalla minn ħnieżer ta’ razza pura, u mill-inqas 7 kg u 4 kg rispettivament għall-prieżet u l-prieżet tal-ispalla minn ħnieżer b’75 % ta’ demm Iberiku. Dawn huma ħielsa minn tbenġil, ksur jew kontużjonijiet, u s-sieq mhix imneħħija, ħlief meta jinbiegħu bla għadam, f’porzjonijiet jew f’biċċiet.

    Karatteristiċi organolettiċi: Il-wiċċ maqtugħ huwa ta’ lewn roża intensiv li jagħti għall-vjola fl-aħmar, b’dehra tleqq u bi strixxi ta’ tessut xaħmi. Għandu togħma delikata, ħelwa jew ftit mielħa u aroma karatteristika, li tiddependi mid-dieta tal-annimal qabel it-tbiċċir.

    Il-prieżet u l-prieżet tal-ispalla huma ggradati għall-bejgħ kif ġej:

    Klassi I

    :

    Jamón de Bellota 100 % Ibérico Perżut 100 % Iberiku mitmugħ il-ġandar, minn ħnieżer 100 % Iberiċi. Il-prieżet lesti jridu jiżnu aktar minn 6,5 kg u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 730 ġurnata. Jekk it-tul ta’ żmien minimu tal-proċess tal-produzzjoni għall-prieżet ta’ din il-kategorija jkun ta’ aktar minn 800 ġurnata, il-kliem “Gran Selección” jistgħu jiġu inklużi fuq it-tikketta fl-istess kamp viżiv tad-denominazzjonijiet tal-bejgħ.

    Paleta de Bellota 100 % Ibérica Perżut tal-ispalla 100 % Iberiku mitmugħ il-ġandar, minn ħnieżer 100 % Iberiċi. Il-prieżet tal-ispalla lesti jridu jiżnu aktar minn 3,7 kg u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 365 ġurnata. Jekk it-tul ta’ żmien minimu tal-proċess tal-produzzjoni għall-prieżet tal-ispalla ta’ din il-kategorija jkun ta’ aktar minn 425 ġurnata, il-kliem “Gran Selección” jistgħu jiġu inklużi fuq it-tikketta fl-istess kamp viżiv tad-denominazzjonijiet tal-bejgħ.

    Klassi II

    :

    Jamón de Bellota Ibérico Perżut Iberiku mitmugħ il-ġandar, minn ħnieżer 75 % Iberiċi. Il-prieżet lesti jridu jiżnu aktar minn 7 kg u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 730 ġurnata. Jekk it-tul ta’ żmien minimu tal-proċess tal-produzzjoni għall-prieżet ta’ din il-kategorija jkun ta’ aktar minn 800 ġurnata, il-kliem “Gran Selección” jistgħu jiġu inklużi fuq it-tikketta fl-istess kamp viżiv tad-denominazzjonijiet tal-bejgħ.

    Paleta de Bellota Ibérica Perżut tal-ispalla Iberiku mitmugħ il-ġandar, minn ħnieżer 75 % Iberiċi. Il-prieżet tal-ispalla lesti jridu jiżnu aktar minn 4 kg u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 365 ġurnata. Jekk it-tul ta’ żmien minimu tal-proċess tal-produzzjoni għall-prieżet tal-ispalla ta’ din il-kategorija jkun ta’ aktar minn 425 ġurnata, il-kliem “Gran Selección” jistgħu jiġu inklużi fuq it-tikketta fl-istess kamp viżiv tad-denominazzjonijiet tal-bejgħ.

    Klassi III

    :

    Jamón de Cebo de Campo Ibérico Perżut Iberiku tar-ragħa, mitmugħ l-għalf, minn ħnieżer li għandhom mill-inqas 75 % ta’ demm Iberiku. Il-prieżet lesti jridu jiżnu aktar minn 6,5 kg għall-perżut 100 % Iberiku u 7 kg għall-perżut 75 % Iberiku u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 730 ġurnata.

    Paleta de Cebo de Campo Ibérico Perżut tal-ispalla Iberiku tar-ragħa, mitmugħ l-għalf, minn ħnieżer li għandhom mill-inqas 75 % ta’ demm Iberiku. Il-prieżet tal-ispalla lesti jridu jiżnu aktar minn 3,7 kg għall-prieżet tal-ispalla 100 % Iberiċi u 4 kg għall-prieżet tal-ispalla 75 % Iberiċi u l-proċess tal-produzzjoni jrid jieħu mill-inqas 365 ġurnata.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Iż-żona ġeografika li fiha jitrabbew il-ħnieżer imsemmijin hawn fuq, tkopri ż-żona li fiha tradizzjonalment issir biedja intensiva ta’ ħnieżer Iberiċi mrobbija fuq l-ekosistema tad-dehesa (il-foresta tal-ballut), irziezet tal-bhejjem fid-dehesa u mergħat fejn l-annimali jistgħu jirgħu, li huwa l-metodu tradizzjonali tat-trobbija tal-ħnieżer Iberiċi.

    Il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw il-kwalità tal-ħnieżer Iberiċi u b’hekk il-kwalità organolettika tal-prieżet protetti u l-karatteristiċi partikolari tal-perżut tal-koxxa u tal-ispalla bid-DOP “Guijuelo” huma l-ikel u l-immaniġġjar tagħhom permezz tas-sistema ta’ biedja intensiva waqt l-istadju finali tat-tismin, billi jagħmlu użu sħiħ tar-riżorsi tad-dehesa jiġifieri: il-ġandar, il-mergħat naturali u l-qasbija. Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija ddefinita; u hemm kundizzjonijiet speċifiċi għall-produzzjoni, bħall-bżonn li tiġi stmata l-kwantità ta’ ġandar fuq is-siġar tal-ballut, il-ballut tas-sufra u l-galla tal-ballut disponibbli għall-ħnieżer fuq kull mergħa muntanjuża u li jiġi ddeterminat in-numru massimu ta’ ħnieżer li jistgħu jirgħu. Barra minn hekk, isiru kontrolli biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet speċifiċi huma mħarsa; u jitwettqu spezzjonijiet għall-għarrieda biex jivverifikaw li l-ħnieżer qed jieklu biss ġandar u għalf naturali u li qed jitrabbew b’mod estensiv waqt il-fażi tas-simna.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-ħnieżer Iberiċi jridu jitwieldu, jitrabbew u jissemmnu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. L-ipproċessar wara l-qatla u tbiċċir tal-annimali, li jinkludi l-istadji tat-tmelliħ, tal-ħasil, tat-tmelliħ mill-ġdid/tal-mistrieħ, tat-tnixxif/tal-istaġjonar u tal-maturazzjoni, iridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita fl-Ispeċifikazzjoni.

    3.5.   Passi speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-kantini jistgħu jikkummerċjalizzaw il-prieżet iċċertifikati mingħajr għadam, f’porzjonijiet jew f’biċċiet, diment li jsir il-kontroll xieraq u tkun fis-seħħ sistema ta’ tikkettar li tiggarantixxi t-traċċabilità tal-prodott, jiġifieri tal-perżut jew tal-perżut tal-ispalla, u l-klassi tal-prodott.

    Għal dan il-għan, il-Korp Maniġerjali għandu jiġi nnotifikat meta dan iseħħ.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Fil-biċċerija, irid jitwaħħal siġill innumerat mas-saqajn ta’ quddiem u ta’ wara li jkunu se jsiru l-prieżet u l-prieżet tal-ispalla protetti.

    Is-siġill irid juri bi prominenza l-isem u/jew il-logo tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Guijuelo”, li l-kuluri tiegħu jridu jikkorrispondu ma’ dawk stabbiliti għal kull kategorija mill-Istandard ta’ Kwalità għal-laħam, il-perżut, il-perżut tal-ispalla u l-flett ippreżervat Iberiku (Ibérico), bħalma jidher hawn taħt:

    —   Iswed- Perżut jew perżut tal-ispalla Bellota 100 % Iberiku.

    —   Aħmar- Perżut jew perżut tal-ispalla Bellota 75 % Iberiku.

    —   Aħdar- Perżut jew perżut tal-ispalla Iberiku tar-ragħa, mitmugħ l-għalf.

    Hekk kif jitlesta l-proċess tal-produzzjoni, il-prodott jiġi ċċertifikat billi titwaħħal it-tikketta nnumerata speċifika tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta “Guijuelo”, li jkollha s-simbolu tal-UE kif ukoll il-marka kummerċjali u/jew il-logo tiegħu, il-klassi li għaliha jappartjeni l-prodott skont id-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti fil-paragrafu 3.2.

    It-tikketta trid tkun akkumpanjata dejjem b’tikketta kummerċjali, li trid tkun ġiet innotifikata mill-produttur lill-Korp Maniġerjali.

    Fil-każijiet kollha, il-logo tad-DOP “Guijuelo” użat irid ikun dak irreġistrat legalment u li jidher hawn taħt.

    Image

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona tal-produzzjoni. Iż-żona li fiha tradizzjonalment jitrabbew il-ħnieżer Iberiċi tinsab fil-Punent u fil-Lbiċ ta’ Spanja. Din tinkludi ċerti distretti agrikoli fejn jippredominaw id-dehesa u l-mergħat, fil-provinċji li ġejjin: Zamora (il-Comarcas ta’ Duero Bajo y Sayago), Segovia (il-Comarca ta’ Cuellar), Ávila (il-Comarcas ta’ Piedrahita-Barco, Arévalo u Ávila), Salamanca (kollha kemm hi), Cáceres (kollha kemm hi), Badajoz (kollha kemm hi), Toledo (il-Comarcas ta’ Talavera u La Jara), Ciudad Real (il-Comarcas ta’ Montes Norte u Montes Sur), Sevilla (il-Comarca ta’ Sierra Norte), Córdoba (il-Comarcas ta’ Los Pedroches, La Sierra u Campiña Baja) u Huelva (il-Comarcas ta’ La Sierra, Andévalo Occidental u Andévalo Oriental).

    Iż-żona tal-ipproċessar. Din hi magħmula mit-78 muniċipalità li jinsabu fil-parti tax-Xlokk ta’ Salamanca, fejn it-terren u l-klima ffavorixxew it-tnedija tal-industrija tal-ipproċessar tal-laħam li tispeċjalizza fil-ħanżir Iberiku. Il-muniċipalitajiet ikkonċernati qegħdin dritt fin-nofs tad-dehesa ta’ Salamanca, fil-parti tax-Xlokk tal-provinċja ta’ Salamanca, fil-punt fejn jiltaqgħu l-firxiet tal-muntanji Béjar u Francia: Alberca (La), Aldeacipreste, Aldeanuela de la Sierra, Aldeavieja de Tormes, Bastida (La), Béjar, Cabaco (El), Cabeza de Béjar (La), Cabezuela de Salvatierra, Campillo de Salvatierra, Calzada de Béjar, Candelario, Cantagallo, Casafranca, Casas del Conde (Las), Cepeda, Cereceda de la Sierra, Cerro (El), Cespedosa, Cilleros de la Bastida, Colmenar de Montemayor, Cristóbal, Endrinal de la Sierra, Escurial de la Sierra, Frades de la Sierra, Fresnedoso, Fuenterroble de Salvatierra, Fuentes de Béjar, Garcibuey, Guijo de Ávila, Guijuelo, Herguijuela de la Sierra, Herguijuela del Campo, Horcajo de Montemayor, Hoya (La), Lagunilla, Ledrada, Linares de Riofrío, Madroñal, Miranda del Castañar, Mogarraz, Molinillo, Monforte de la Sierra, Monleón, Montemayor del Río, Navacarros, Nava de Béjar, Nava de Francia, Navalmoral de Béjar, Navarredonda de la Rinconada, Palacios de Salvatierra, Peñacaballera, Peromingo, Pinedas, Puebla de San Medel, Puerto de Béjar, Rinconada de la Sierra (La), Sanchotello, San Esteban de la Sierra, San Martín de Castañar, San Miguel de Robledo, San Miguel de Valero, Santibáñez de la Sierra, Santos (Los), Sequeros, Sierpe (La), Sorihuela, Sotoserrano, Tamanes, Tejeda y Segoyuela, Tornadizos, Valdefuentes de Sangusín, Valdehijaderos, Valdelacasa, Valdelageve, Valero, Valverde de Valdelacasa u Villanueva del Conde.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Trid issir distinzjoni bejn iż-żona ġeografika fejn jitrabbew il-ħnieżer Iberiċi, li ssir referenza għaliha bħala ż-żona tal-produzzjoni, u ż-żona ġeografika li fiha l-prieżet u l-prieżet tal-ispalla jiġu pproċessati, li ssir referenza għaliha bħala ż-żona tal-ipproċessar.

    In-natura indiġena tar-razza, il-klima taż-żona tal-ipproċessar, li hi l-aktar adattata għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-laħam immaturati bil-mod, u t-tradizzjonijiet tagħha tal-ipproċessar tal-laħam li jmorru lura sekli sħaħ, jingħaqdu flimkien biex jagħtu karattru distintiv lill-prodotti.

    Il-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-art taż-żona tal-produzzjoni huma partikolari għall-ekosistema tad-dehesa, li hi kkaratterizzata minn firxiet kbar ta’ mergħat bis-siġar u marġ, li fihom it-trobbija tal-bhejjem kienet tradizzjonalment attività importanti b’għeruq sodi ma’ dik l-art.

    Il-mergħat huma magħmulin minn komunitajiet erbaċei naturali li huma adatti għall-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona. F’ċerti każijiet, dawn huma reġjuni tipiċi tal-muntanji, għalkemm jippredominaw l-ispeċijiet penipjani flimkien mal-ħaxix u l-legumi.

    L-ispeċijiet ewlenin ta’ siġar li jippopolaw id-dehesa huma il-Quercus spp. Il-frott ta’ dawn l-ispeċijiet, il-ġandar, jintuża għat-tismin tal-ħnieżer tal-ogħla kwalità.

    Iż-żona fejn il-prieżet u l-prieżet tal-ispalla jiġu pproċessati tinsab fuq il-pjanura ta’ Salamanca, b’altitudni medja ta’ 975 m. Għandha klima kontinentali, bi xtiewi twal, kesħin, ġlata fit-tul u umdità relattiva baxxa, kundizzjonijiet li wasslu għall-preżenza ta’ industrija tal-ipproċessar tal-laħam fiż-żona li ilha tuża metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali għal mill-inqas 200 sena.

    Grazzi għall-pożiżżjoni tagħha bejn il-firxa tal-muntanji Béjar u l-quċċata ta’ La Peña de Francia, l-irwiefen prevalenti huma qawwijin ħafna u xotti, u dan jippromwovi t-tnixxif u l-preżervazzjoni sussegwenti tal-prodott.

    Il-fatturi li jiddistingwu l-materja prima użata biex jipproduċu l-prieżet u l-prieżet tal-ispalla protetti huma l-karatteristiċi speċifiċi tal-ħnieżer Iberiċi, is-sistema tradizzjonali tat-trobbija tal-bhejjem, id-dieta tal-ħnieżer u l-fatt li l-ħnieżer ikollhom età aktar avvanzata waqt it-tbiċċir. Il-kundizzjonijiet speċifiċi fiż-żona tal-ipproċessar flimkien mal-proċess ta’ maturazzjoni bil-mod, jagħtu karatteristiċi lill-prodott li jiddistingwuh mill-prodotti tal-laħam l-oħrajn kollha, hekk kif għandu kwalitajiet organolettiċi speċifiċi. Ta’ min jinnota t-togħma ħafifa tiegħu, li hi r-riżultat tal-kontenut baxx ta’ melħ, b’kuntrast ma’ prodotti oħrajn tal-laħam Spanjoli, il-kulur roża tal-laħam, li hu r-riżultat ta’ temperaturi ambjentali baxxi waqt il-proċess ta’ tnixxif, il-konsistenza żejtnija, li hi r-riżultat tad-dieta tal-annimal, u d-dehra b’ħafna strixxi bħall-irħam, ta’ xaħam instramuskolari, li hi r-riżultat tar-razza tal-annimali u tas-sistema li l-ħnieżer jittrabbew fuq id-dehesas u l-mergħat.

    Il-kwalità tal-prieżet u tal-prieżet tal-ispalla “Guijuelo” hi marbuta maż-żona ġeografika b’żewġ modi: minn naħa, permezz tat-trobbija tal-ħnieżer Iberiċi fuq id-dehesas taż-żona tal-produzzjoni u t-tieni permezz tal-ipproċessar tal-prieżet u tal-prieżet tal-ispalla f’żona tal-ipproċessar li hija ħafna aktar ristretta miż-żona tal-produzzjoni u li fiha t-tradizzjoni u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi (ftit xita, temperaturi ambjentali baxxi u rwiefen qawwijin minħabba l-post li jinsab fuq penipjan bejn żewġ firxiet ta’ muntanji, eċċ.) wasslu għall-preżenza ta’ industrija tal-ipproċessar tal-laħam tal-ħnieżer li hi speċjalizzata ħafna fi prodotti tal-ħnieżer Iberiċi.

    L-istadju tal-produzzjoni jseħħ f’distretti speċifiċi fil-Lbiċ ta’ Spanja fejn l-irziezet huma fuq id-dehesa, b’ekosistema silvopastorali kkaratterizzata mill-preżenza ta’ siġar tal-ġeneru Quercus, li l-frott tiegħu, il-ġandar, meta jittiekel mill-ħnieżer jirriżulta fi prodotti tal-ogħla kwalità. Il-ħnieżer jitrabbew b’sistema tal-biedja estensiva magħrufa bħala “montanera” (l-ikel mill-frott tas-siġar tal-foresti), li tippermetti l-alimentazzjoni tal-ħnieżer waqt l-istadju finali tat-tismin, fattur li huwa kruċjali fil-kwalità distintiva tal-prodott finali. Dan ifisser li l-għarfien tal-bdiewa fil-ħidma mal-ħnieżer jiżgura t-trattament xieraq u s-saħħa tajba tal-annimali u l-użu tar-riżorsi naturali li tipprovdi d-dehesa.

    L-istadji differenti fl-ipproċessar tal-prieżet u tal-prieżet tal-ispalla li jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita bħala ż-żona tal-ipproċessar, jagħtu l-karatteristiċi organolettiċi distintivi tagħhom lill-prodotti. Il-proċess ta’ produzzjoni hu kumpless għax hemm ħafna fatturi li jinfluwenzaw il-kwalità finali tal-prodott. Din hija r-raġuni għala l-għarfien mgħoddi minn ġenerazzoni għall-oħra huwa xi ħaġa li jiddistingwi l-prodott u jagħti lill-imgħallem li jagħmel il-perżut, il-ħiliet biex jiġġudika ż-żmien li hemm bżonn, skont il-kundizzjonijiet klimatiċi, biex iħalli l-prodott jimmatura gradwalment u jiżviluppa l-kwalitajiet organolettiċi neċessarji b’ammont minimu ta’ melħ u biex jiggarantixxi s-sikurezza alimentari b’referenza għall-kundizzjonijiet ambjentali (it-temperatura, l-umdità, il-ventilazzjoni) f’kull wieħed mill-istadji tal-produzzjoni sussegwenti għat-tmelliħ, filwaqt li jitqies li l-proċess isir f’nixxiefa naturali.

    Wara l-qatla u t-tbiċċir tal-karkassa, il-materja prima tgħaddi suċċessivament mill-proċessi li ġejjin:

    It-tmelliħ. Dan jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ melħ fuq il-wiċċ tal-laħam.

    Il-ħasil. Wara t-tmelliħ, il-melħ li jeħel mal-wiċċ jinħasel b’ilma tajjeb għax-xorb u l-laħam jiġi xkupiljat.

    It-tmelliħ mill-ġdid/il-mistrieħ. Waqt dan l-istadju, li t-tul tiegħu jvarja, il-melħ jippenetra b’mod uniformi sal-qalba tal-perżut jew tal-perżut tal-ispalla.

    It-tnixxif/l-istaġjonar. Dan jinvolvi t-telf gradwali tal-umdità mill-perżut jew mill-perżut tal-ispalla.

    Il-maturazzjoni. Waqt dan l-istadju, iseħħu reazzjonijiet bijokimiċi li jiġġeneraw il-komposti responsabbli mit-togħma u mill-aroma karatteristiċi tal-prodott.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    http://www.mapama.gob.es/es/alimentacion/temas/calidad-agroalimentaria/pliego2017-02-13_tcm7-448957.pdf


    (1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

    (2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top