Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0763

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

    COM/2017/0763 final

    Strasburgu, 12.12.2017

    COM(2017) 763 final

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    L-iskop ta’ din l-inizjattiva huwa li jiġġedded il-ftehim ta’ sħubija mal-pajjiżi membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Bħalissa dawn ir-relazzjonijiet huma rregolati mill-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (CPA - Cotonou Partnership Agreement), li jistabbilixxi li l-Partijiet iridu jiftħu n-negozjati tmintax-il xahar qabel ma dan jiskadi fi Frar 2020.

    L-għan tal-proposta huwa li jkun konkluż ftehim komprensiv mad-79 pajjiż firmatarju attwali tas-CPA, b’lenti fuq it-twettiq tal-interessi komuni kif ukoll tal-interessi speċifiċi tal-UE (pereż. il-migrazzjoni; il-paċi u s-sigurtà, l-investiment), li jittieħed pass lil hinn minn approċċ “universali” u li nitbiegħdu saħansitra aktar mid-dinamiċi ta’ donatur-benefiċjarju.

    L-UE, filwaqt li siltet it-tagħlimiet tagħha mill-eżiti pożittivi u mid-dgħufijiet tas-CPA attwali, waqt li qieset il-kuntest mibdul u l-politiki attwali tagħha stess, u wara li adottat perspettiva fuq terminu twil lil hinn mill-2020, identifikat l-interessi strateġiċi kumplessivi li għandha tfittex li tikseb. Jiġifieri: 1) issawwar sħubija politika li tikkonċentra fuq l-iżvilupp ta’ stati u soċjetajiet paċifiċi, stabbli, immexxija sew, prosperużi u reżiljenti; 2) tħaffef il-pass tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; 3) tibni alleanzi effettivi f’kuntesti internazzjonali bl-għan li tmexxi ’l quddiem l-azzjoni globali. Dawn l-objettivi jissarrfu f’għanijiet aktar speċifiċi għal kull wieħed mill-oqsma prijoritarji.

    Sabiex isir progress biex jintlaħqu dawn l-objettivi, ir-relazzjoni fuq terminu twil li evolviet b’mod sostanzjali tul dan iż-żmien, teħtieġ għal darb’oħra li tingħata xbieha ġdida sabiex tkun adegwata għall-iskopijiet tagħha. Dan għandu jsir b’rispett sħiħ li tinżamm il-bażi ferm b’saħħitha li ssawret matul iż-żmien u li fuqha għandhom jitkomplew il-passi li jmiss. F’dan ir-rigward, huwa tassew importanti li jitqiesu kompletament l-oqfsa reġjonali msaħħa u x-xejriet li feġġew min-naħa għall-oħra tal-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku.

    Għaldaqstant l-objettiv huwa li jinkiseb ftehim ġdid li jkun jikkonsisti minn tliet patti reġjonali bbażati fuq pedament komuni. Iċ-ċentru tal-gravità se jkun fuq il-patti reġjonali, li jistabbilixxu prijoritajiet speċifiċi għar-reġjuni vis-à-vis pajjiżi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Il-pedament komuni, applikabbli għall-membri kollha tas-Sħubija, se jelenka l-objettivi, l-prinċipji u l-prijoritajiet ġenerali, u se jagħti lok għal aktar kooperazzjoni fil-livell internazzjonali.

    Il-patti reġjonali se jkunu protokolli għall-ftehim, li jipprevedu qafas legali komprensiv tar-relazzjonijiet. Fl-istess waqt, il-ftehim se jippermetti aġġustament flessibbli għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu, permezz tal-applikazzjoni ta’ proċedura simplifikata biex issir reviżjoni tat-tliet patti reġjonali. Ir-rwol imsaħħaħ tal-organizzazzjonijiet (sotto)reġjonali se jkun meħtieġ li jiġi rrikonoxxut u previst fis-Sħubija, b’mod partikolari fir-rigward tal-governanza tal-patti reġjonali.

    Is-Sħubija se tkun miftuħa, f’livelli varji, għall-involviment jew l-adeżjoni ta’ pajjiżi oħra, li jikkondividu l-istess valuri u jikkontribwixxu sabiex l-objettivi jinkisbu. Dan huwa partikolarment rilevanti, pereżempju, biex jingħata lok għat-tisħiħ tal-approċċ għall-kontinent Afrikan kollu kemm hu, filwaqt li jkunu rrispettati l-ftehimiet bilaterali ta’ assoċjazzjoni li diġà jeżistu mal-pajjiżi Nordafrikani. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili kif ukoll tas-settur privat se jissaħħaħ, mhux biss fi ħdan is-Sħubija iżda wkoll bħala atturi kruċjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli inklużiv fil-pajjiżi u fir-reġjuni rispettivi tagħhom. Din l-evoluzzjoni se tkun riflessa fl-istruttura istituzzjonali li se ssir anqas ingombranti u aktar simplifikata.

    Ta’ min wieħed jinnota li l-ftehim komprensiv li qed nippruvaw naslu għalih, ipoġġi r-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab f’qafas fil-livelli politiċi kollha, kemm jekk nazzjonali, (sotto)reġjonali jew fil-livell tas-Sħubija, u li l-livell nazzjonali jibqa’ l-aktar effettiv, anki fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Bħal ftehimiet oħra, dan mhux se jkollu limitu ta’ żmien, iżda se jipprevedi l-possibbiltà li jkun jiġi tterminat meta ssir talba minn waħda mill-Partijiet.

    Il-pajjiżi sħab esprimew l-ambizzjoni tagħhom li jaslu għal ftehim legalment vinkolanti mġedded ta’ sħubija mal-UE, li jibni fuq il-bażi stabbilita fis-CPA attwali. Barra minn hekk, matul missjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni, il-pajjiżi sħab esprimew apprezzament ġenerali għall-approċċ reġjonali msaħħaħ li ġie propost.

    Huwa fl-interess tal-UE u tas-sħab li jikkonkludu n-negozjati f’ħin propizju sabiex ikun evitat baħħ politiku wara l-2020.

    Hemm bżonn li jitwaqqaf tim tan-negozjati, li jkun magħmul mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fit-tmun tat-tim tan-negozjati għandu jkun hemm il-Kummissjoni f’assoċjazzjoni mar-Rappreżentant Għoli. B’mod partikolari, it-tim tan-negozjati se jinkludi wkoll, apparti s-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    Skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 18 TUE, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President se jaċċerta l-konsistenza u l-koordinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn in-negozjati kumplessi.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta attwali għal ftehim komprensiv hija kompletament konsistenti ma’ linji ta’ politika relatati tal-UE.

    Konformement mal-Istrateġija Globali dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-UE, din qed tfittex li tippromovi għadd ta’ valuri universali u indiviżibbli, approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, u miżuri speċifiċi maħsuba li jissieltu t-terroriżmu u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, u li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ stati u soċjetajiet paċifiċi, stabbli, immexxija sew u reżiljenti. Apparti minn hekk, din tenfasizza l-bżonn li jinbnew alleanzi effettivi f’xenarji internazzjonali, bil-prinċipju sottostanti tal-multilateraliżmu. Fl-aħħar nett, din tipprova tippreserva u ttejjeb ir-rwol kruċjali tad-djalogu fil-livelli politiċi kollha. F’konformità mal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp irrivedut, il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u b’mod partikolari tal-qerda tal-faqar, se jsibu posthom fil-qalba tas-sħubija l-ġdida.

    Il-proposta tibni wkoll fuq strateġiji eżistenti (inklużi żviluppi sussegwenti) għar-relazzjonijiet bejn l-UE u diversi reġjuni AKP – b’mod partikolari l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) tal-2007, l-Istrateġija Konġunta bejn il-Karibew u l-UE tal-2012, u  l-Istrateġija għal Sħubija Msaħħa mal-Gżejjer tal-Paċifiku tal-2006. It-tliet Patti proposti, fil-fatt, se jissostitwixxu u jaġġornaw dawn l-istrateġiji.

    F’konformità ma’ dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-politika tal-kummerċ, il-proposta tfittex li toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda għat-tkabbir sostenibbli, blu u aħdar, u għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li tagħti spinta lill-investiment dirett barrani.

    F’konformità ma’ dispożizzjonijiet eżistenti rigward il-politika dwar il-migrazzjoni, din tippreżenta approċċ komprensiv u bbażat fuq id-drittijiet vis-à-vis l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Dan se jimmira għal migrazzjoni legali organizzata aħjar, trawwim ta’ mobbiltà ġestita sew, l-impatt massimu tagħha fuq l-iżvilupp, kif ukoll għal prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontriha, il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin u t-twaqqif ta’ mekkaniżmu għar-ritorn u r-riammissjoni b’mod effettiv.

    F’konformità ma’ dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-politika ambjentali, il-proposta tenfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni urġenti u b’pass mgħaġġel sabiex ikunu miġġielda d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, li huma ta’ theddida kbira għall-kisba tal-SDGs u, f’xi każijiet, għas-sopravivenza ta’ popli sħaħ.

    Il-proposta hija wkoll kompletament konsistenti ma’ għadd ta’ politiki rilevanti oħra tal-Unjoni, relatati mal-prijoritajiet stabbiliti, bħall-enerġija, l-edukazzjoni, l-impjiegi u r-riċerka u l-innovazzjoni.

    2. BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-klassifikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali tista’ tiġi ddeterminata biss fi tmiem in-negozjati, abbażi tal-kontenut u tal-finijiet tal-ftehim. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tissottometti r-Rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex jinfetħu n-negozjati abbażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, li hija l-bażi ġuridika proċedurali.

    Sussidjarjetà

    L-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi u opportunitajiet, fuq terminu qasir u twil, li jesiġu azzjoni kollettiva u sforz ikkoordinat f’sensiela ta’ linji ta’ politika interna u esterna. L-UE, bis-saħħa tal-ġabra vasta ta’ politiki u strumenti tagħha, tinsab ippożizzjonata sew biex tiffaċċja dawn l-isfidi u biex taħfen l-opportunitajiet tal-futur.

    L-azzjoni fil-livell tal-UE għandha valur miżjud, f’termini ta’ ingranaġġ politiku u ekonomiku. In-netwerk globali ta’ delegazzjonijiet tal-UE, pereżempju, jiżgura preżenza f’pajjiżi fejn ħafna Stati Membri mhumiex rappreżentati. Il-livell tal-UE huwa partikolarment adattat biex jibni alleanzi strateġiċi mal-għadd kbir ta’ membri tas-Sħubija sabiex imexxi ’l quddiem l-azzjoni globali f’konformità mal-interessi tal-UE. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li xi oqsma ta’ politika, b’mod partikolari l-kummerċ, huma esklużivament ta’ kompetenza tal-UE.

    Barra minn hekk, il-proposta testendi l-impenn intern tal-UE tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għas-Sħubija. Bl-għan li jkunu evitati d-duplikazzjoni jew is-sovrappożizzjoni ta’ oqfsa u strutturi differenti, huwa previst li tittieħed azzjoni fl-aktar livell politiku adattat.

    Proporzjonalità

    Din l-inizjattiva tfittex li tikseb direttament l-objettiv tal-Unjoni fl-azzjoni esterna skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tikkontribwixxi għall-prijorità politika ta’ “UE bħala attur globali aktar b’saħħtu”. Hija f’konformità ma’ dak li tistipula l-Istrateġija Globali tal-UE fir-rigward tal-involviment ma’ atturi oħra u tax-xbieha ġdida mogħtija lis-sħubijiet esterni tagħha b’mod responsabbli, sabiex jinkisbu l-prijoritajiet esterni tal-UE. Il-proposta ma toħloqx strutturi ġodda u lanqas ma timponi piżijiet supplimentari fuq l-UE. Kuntrarjament, din tissimplifika l-istituzzjonijiet, il-proċeduri u l-istrumenti eżistenti u tiffaċilita l-interazzjonijiet bejn il-livelli varji ta’ governanza 1 .

    3. RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Evalwazzjoni fid-dettall ivvalutat il-prestazzjoni tal-ewwel 15-il sena tas-CPA.

    Ġie rreġistrat progress tajjeb fir-rigward tad-djalogu politiku fil-livell nazzjonali u reġjonali, li għen fir-rinfurzar tal-elementi essenzjali fil-pajjiżi AKP. Is-CPA żied il-kooperazzjoni u l-komprensjoni b’reċiproċità fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà u pprovda l-ewwel pass għal kooperazzjoni aktar fil-fond dwar il-migrazzjoni, li wittiet it-triq għall-proċessi ta’ Rabat, Khartoum u l-Belt Valletta. L-iskambji kummerċjali żdiedu sostanzjalment – u l-FSE kienu l-frott prinċipali tal-ftehim. Barra minn hekk, kien hemm progress kbir fl-iżvilupp uman u soċjali u fl-istabbilizzazzjoni makroekonomika fil-pajjiżi AKP.

    L-evalwazzjoni għamlet enfasi wkoll fuq kif kien għad hemm bżonn li jsiru sforzi biex l-objettivi tas-CPA jinkisbu għalkollox. Barra minn dan, filwaqt li t-tali objettivi jibqgħu rilevanti, dawn jindirizzaw biss parti mill-bidliet il-kbar li seħħew fil-kuntest globali f’dawn l-aħħar snin. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-objettivi ġenerali kellhom bżonn li jiġu riveduti fid-dawl tal-isfidi u l-opportunitajiet il-ġodda għall-UE u s-sħab tagħha. Ġie rrakkomandat wkoll rieżami tal-arkitettura istituzzjonali, sabiex tiżdied il-koerenza bejn oqfsa differenti ta’ politika u biex id-deċiżjonijiet ikunu ssimplifikati.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Saret konsultazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.

    Tnieda l-ewwel ċiklu ta’ konsultazzjonijiet, inkluża konsultazzjoni pubblika u skambju mad-delegazzjonijiet tal-UE. L-eżiti ta’ dan iċ-ċiklu ta’ konsultazzjonijiet ikkontribwew għall-evalwazzjoni tas-CPA u għall-Valutazzjoni tal-Impatt, li fuqhom tfasslet il-Komunikazzjoni Konġunta ta’ Novembru 2016. It-tieni ċiklu ta’ konsultazzjonijiet seħħ wara li ħarġet il-Komunikazzjoni tal-2016, din id-darba b’lenti ffukata primarjament fuq dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dak li ħareġ minn dan iċ-ċiklu ta’ konsultazzjonijiet kien il-bżonn li jissaħħu dawk id-dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom tingħata promozzjoni aktar effettiva lill-interessi fundamentali tal-UE (partikolarment dwar il-migrazzjoni u l-investiment). Kien hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li jitqiesu d-dinamiċi reġjonali l-ġodda u li tkun evitata s-sovrappożizzjoni bejn oqfsa differenti ta’politika u dawk legali. Madankollu, kien hemm xi differenzi fir-rigward tal-varjazzjoni fil-grad ta’ reġjonalizzazzjoni li għandu jkun hemm, u fi ftit każijiet xi wħud ikkritikaw il-valur miżjud ta’ ftehim legalment vinkolanti.

    Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat f’diversi okkażjonijiet u ġie infurmat fuq bażi regolari, qabel u wara li ħarġet il-Komunikazzjoni Konġunta. Ir-riżoluzzjoni ta’ Ottubru 2016 enfasizzat il-ħtieġa għal ftehim legalment vinkolanti mġedded bi tliet sħubijiet reġjonali msaħħa, f’konformità sħiħa mal-proposta attwali.

    Fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni li titwassal fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku, is-summit tal-2016 tal-Kapijiet ta’ Stat tal-AKP f’Papua New Guinea, fil-komunikat ta’ Waigani tiegħu, ikkonkluda li għandu jara li tinkiseb sħubija legalment vinkolanti mġedda mal-UE, li tibni fuq il-bażi stipulata mis-CPA, li għandu jkun approfondit id-djalogu politiku u li għandha tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali.

    Barra minn hekk, il-Kummissarju Mimica u żewġ faċilitaturi ta’ livell għoli (Louis Michel u Pascal Lamy) wettqu missjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Il-konklużjoni kumplessiva hija li l-approċċ propost mill-UE ntlaqa’ b’mod pożittiv, b’mod partikolari l-fatt li l-enfasi ġiet spostata fuq it-tliet reġjuni u l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom. Fl-istess waqt, għadd ta’ kelliema enfasizzaw l-importanza li tkun ippreservata l-koeżjoni tal-AKP. Ta’ min jinnota li tqiegħdet enfasi kbira fuq il-ħtieġa li l-opportunitajiet ta’ investiment jittejbu b’mod sinifikanti u li l-iżvilupp tas-settur privat ikun iffaċilitat.

    Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Il-proposta attwali bbenefikat minn involviment ma’ esperti esterni. Saru sensiela ta’ diskussjonijiet madwar mejda flimkien ma’ rieżami tal-letteratura akkademika eżistenti li servew ta’ bażi biex tissawwar kemm l-Evalwazzjoni Ġenerali tas-CPA, kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt, il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mill-alternattivi għall-ġejjieni li rriżultaw mill-proċess ta’ konsultazzjoni, kienu biss dawk li wisq probabbli se jiksbu (l-biċċa l-kbira ta’) l-objettivi tal-UE li fil-valutazzjoni tal-impatt kienu soġġetti għal analiżi kompluta. Is-CPA attwali kkostitwixxa x-xenarju bażi fir-rigward ta’ liema ġew ivvalutati l-alternattivi kollha.

    Analiżi sistematika tal-impatti varji ta’ kull waħda mill-alternattivi wasslet biex ikun konkluż li l-objettivi tal-UE l-aħjar li jinkisbu permezz ta’ ftehim li jikkonsisti minn parti ġenerali applikabbli għal kulħadd u tliet sħubijiet reġjonali b’saħħithom. Din l-alternattiva tqieset li tippermetti li jinżammu l-aspetti pożittivi kollha tas-CPA attwali filwaqt li tagħmilha faċli li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet tajba biex l-UE tilħaq l-objettivi l-ġodda tagħha. Dawn jinkludu li tfittex li tikseb l-interessi politiċi u ekonomiċi tagħha b’mod aktar effettiv, biex b’hekk iżżid l-impatt tagħha fix-xena internazzjonali, u li ttejjeb il-prospetti li timplimenta l-Aġenda 2030. Apparti minn hekk, billi tqis id-dinamiċi tar-reġjonalizzazzjoni aktar fil-fond, l-alternattiva ta’ preferenza tqieset bħala l-aktar waħda adattata biex tfassal azzjonijiet għal ċirkostanzi differenti.

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt irċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju f’Lulju 2016. Il-proposta attwali hija kompletament konformi mal-alternattiva rrakkomandata fil-Valutazzjoni tal-Impatt, kif speċifikat ulterjorment fil-Komunikazzjoni Konġunta adottata f’Novembru 2016.

    Drittijiet fundamentali

    Wieħed mill-objettivi tas-sħubija proposta, b’konsistenza sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-trattati tal-UE, huwa dak tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (kif ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba). F’każ li n-natura legalment vinkolanti tas-sħubija tingħata l-ġenb, dawn l-impenji jintilfu, u din ma tkunx xi ħaġa mixtieqa, minħabba x-xenarju internazzjonali li qed jinbidel b’potenzi emerġenti li mhux neċessarjament jikkondividu dawn il-valuri u prinċipji. Il-proposta attwali tagħti wkoll il-possibbiltà li d-drittijiet fundamentali u d-djalogu politiku jifirxu l-għeruq tagħhom aħjar fl-oqfsa u fis-sistemi reġjonali.

    4. IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Mhuwiex mistenni li din l-inizjattiva jkollha implikazzjonijiet ġodda sinifikanti għall-baġit, anki jekk ta’ min wieħed jinnota li l-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-finanzjament tal-azzjoni esterna tal-UE se jkun deċiż fil-kuntest tar-rieżami tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

    F’termini ta’ strumenti finanzjarji, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) kien l-istrument prinċipali ta’ appoġġ għal inizjattivi f’pajjiżi u reġjuni AKP. Il-FEŻ huwa fond extrabaġitarju ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri tal-UE.

    5. ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Il-proposta attwali tipprevedi l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni fil-livelli differenti ta’ djalogu. Il-proposta tipprevedi wkoll sistema għall-monitoraġġ tal-progress, bl-użu ta’ indikaturi speċifiċi u eżiti li jistgħu jitkejlu, li tissejjes l-aktar fuq inizjattivi eżistenti.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta attwali tipprevedi l-adozzjoni ta’ ftehim wieħed bil-komponenti ewlenin li ġejjin:

    ·Parti ġenerali applikabbli għall-membri kollha tas-Sħubija, li tikkonsisti mill-fondazzjoni (inklużi objettivi u prinċipji dominanti, prijoritajiet strateġiċi u dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali), mill-qafas istituzzjonali, mill-mezzi ta’ kooperazzjoni u mid-dispożizzjonijiet finali.

    ·Patti reġjonali separati, inklużi prijoritajiet u objettivi speċifiċi għall-pajjiżi rispettivi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Dawn it-tliet patti, f’għamla ta’ protokolli mehmuża mal-parti ġenerali tal-ftehim, se jissostitwixxu s-sħubijiet reġjonali eżistenti.

    Fondazzjoni

    Il-Parti 1 (Dispożizzjonijiet Ġenerali) tippreżenta l-objettivi u l-prinċipji ġenerali. L-għan huwa dak tal-adozzjoni ta’ ftehim qafas li jippermetti lill-UE biex tmexxi ’l quddiem l-interessi strateġiċi tagħha bl-aqwa mod, bl-Aġenda 2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-qalba tiegħu. Jiddaħħlu tliet objettivi dominanti li mbagħad jissarrfu f’sitt oqsma ta’ prijorità. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija prijorità kkunsidrata separatament. It-taqsima dwar il-prinċipji tirrifletti normi fil-biċċa l-kbira aċċettati fir-relazzjonijiet esterni tal-UE kif ukoll fil-kooperazzjoni internazzjonali: il-multilateraliżmu, l-approċċi b’diversi partijiet ikkonċernati, il-kumplimentarjetà u s-sussidjarjetà, u r-rendikontabbiltà reċiproka. Issir enfasi partikolari fuq id-djalogu politiku u l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp.

    Il-Parti 2 (Prijoritajiet Kondiviżi) tifrex fuq is-sitt oqsma ta’ prijorità. It-taqsimiet dwar “Id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba” (it-Titolu I), “Il-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja” (it-Titolu IV), “Il-migrazzjoni u l-mobbiltà” (it-Titolu V) jimxu fuq il-passi tas-CPA u huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. B’mod aktar speċifiku, it-taqsima dwar il-migrazzjoni, billi tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tenfasizza l-aspetti ta’ benefiċċju ta’ migrazzjoni ġestita sew, tistieden lill-pajjiżi sħab biex jistabbilixxu mekkaniżmi aktar effettivi għall-politiki ta’ ritorn u riammissjoni. It-taqsimiet dwar “L-iżvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv” (it-Titolu II), “L-ambjent u t-tibdil fil-klima” (it-Titolu III), “L-iżvilupp u d-dinjità tal-bniedem” (it-Titolu VI) jintroduċu xi bidliet sinifikanti vis-à-vis s-CPA, b’mod partikolari minħabba l-adozzjoni tal-Aġenda 2030. F’dan is-sens, hemm impenn qawwi mill-Partijiet li jieħdu miżuri konkreti biex jiksbu l-SDGs, u fejn ikun possibbli saħansitra li jagħmlu pass aktar lil hinn minnhom. Titqiegħed enfasi kbira fuq l-investiment dirett barrani u l-iżvilupp tas-settur privat, bl-għan li jitkattru opportunitajiet ekonomiċi ġodda u aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd.

    Il-Parti 3 (il-Kooperazzjoni Internazzjonali) tippreżenta l-prinċipji u l-mekkaniżmi li jirfdu l-azzjoni tal-UE u l-membri tas-sħubija meta dawn se jfittxu li jikkooperaw fix-xena internazzjonali. Sabiex jinkisbu r-riżultati, se jkun hemm bżonn it-tisħiħ jew il-ħolqien ta’ laqgħat ministerjali kif ukoll ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni speċifiċi f’organizzazzjonijiet u sedi internazzjonali ewlenin. Hija prevista wkoll possibbiltà li jkunu involuti atturi interessati oħra.

    Il-Patt bejn l-UE u l-Afrika

    It-Taqsima 1 (Bażi għall-Kooperazzjoni) tippreżenta l-objettivi u l-prinċipji għall-Patt bejn l-UE u l-Afrika, li jmur lil hinn mis-Sħubija Konġunta Afrika-UE (JAES) eżistenti u jintegraha fih. L-objettiv huwa dak li tittejjeb id-dimensjoni politika fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani billi jintlaħaq ftehim dwar dokument uniku mwessa’ ġdid ta’ gwida u li dan jitħaddem fil-qafas legali tas-sħubija mġedda mal-pajjiżi sub-Saħarjani, filwaqt li jinżammu l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni attwali ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.

    It-Taqsima 2 (Prijoritajiet Strateġiċi) tidentifika għadd ta’ miżuri konkreti li se jieħdu l-pajjiżi tal-UE u tal-Afrika fis-sitt oqsma ta’ prijorità. Ġew introdotti xi bidliet sinifikanti dwar “Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli” (it-Titolu III) u dwar “Il-mobbiltà u l-migrazzjoni” (it-Titolu V). F’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ekonomiku, il-proposta attwali tirrakkomanda sensiela ta’ azzjonijiet fir-rigward ta’ vetturi prinċipali li huma meqjusa li jwasslu għal flussi akbar ta’ investiment u għall-iżvilupp tas-settur privat. F’dak li jirrigwarda l-migrazzjoni, il-proposta attwali tenfasizza l-kontribut pożittiv li l-mobbiltà legali tista’ ġġib magħha kemm għall-pajjiżi ta’ tluq kif ukoll għal dawk ta’ lqugħ, iżda tipprevedi wkoll mekkaniżmi b’sikkatura akbar sabiex ikun garantit li l-pajjiżi jirrispondu b’aktar ħeffa għal talbiet ta’ riammissjoni, kif ukoll dispożizzjonijiet sabiex tkun intensifikata l-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u għal ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin. Il-Patt bejn l-UE u l-Afrika jelenka wkoll għadd ta’ miżuri konkreti fl-oqsma tal-paċi u tas-sigurtà, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu (it-Titolu I), “Id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika” (it-Titolu II), “Żvilupp uman u dinjità” (it-Titolu IV) u “It-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà ambjentali” (it-Titolu VI). Miżuri bħal dawn bla dubju huma maħsuba bl-għan li jinkisbu l-SDGs iżda dawn iħaddnu wkoll il-viżjonijiet ippreżentati mill-Unjoni Ewropea u mill-Unjoni Afrikana fl-aktar dokumenti strateġiċi reċenti tagħhom (l-Aġenda 2063 għall-Afrika; l-Istrateġija Globali dwar il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-UE u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp).

    L-istruttura istituzzjonali tal-Patt bejn l-UE u l-Afrika hija mirfuda b’qafas rivedut, u prinċipalment tibni fuq pjattaformi eżistenti ta’ djalogu bi rwol aktar prominenti assenjat lill-Unjoni Afrikana (UA).

    Il-Patt bejn l-UE u l-Karibew

    It-Taqsima 1 (Bażi għall-Kooperazzjoni) tippreżenta l-objettivi u l-prinċipji għall-Patt bejn l-UE u l-Karibew, li jibni fuq l-Istrateġija Konġunta bejn il-Karibew u l-UE u jissostitwiha. Ta’ importanza huwa l-fatt li dan jirrikonoxxi r-rabtiet mill-qrib tal-Karibew mar-Reġjuni Ultraperiferiċi (ORs - Outermost Regions) u mal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCTs - Overseas Countries and Territories).

    It-Taqsima 2 (Prijoritajiet Strateġiċi) tidentifika għadd ta’ miżuri konkreti li se jieħdu l-pajjiżi tal-UE u tal-Karibew fl-erba’ oqsma ta’ prijorità. Filwaqt li ssir enfasi fuq l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni reġjonali, l-attenzjoni se tkun iffukata fuq erba’ kwistjonijiet: l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riżorsi naturali, b’attenzjoni sinifikanti li tingħata lis-sostenibbiltà ambjentali u lill-ġestjoni tad-diżastri (it-Titolu I); il-ħtieġa li l-isforzi jkunu kkonċentrati fuq setturi strateġiċi ewlenin, marbuta mat-tkabbir blu, mal-enerġija u mat-turiżmu (it-Titolu II); il-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, b’enfasi speċifika fuq il-kriminalità organizzata u l-vjolenza (sessista u minn klikek kriminali), kif ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmi fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni f’konformità mal-istandards globali (it-Titolu III). id-diżugwaljanza u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika ta’ Haiti bħala l-unika pajjiż l-anqas żviluppat (LDC - Least Developed Country) fir-reġjun (it-Titolu IV).

    L-istruttura istituzzjonali tal-UE-Karibew hija mirfuda b’qafas istituzzjonali rivedut (diskuss fil-Parti III tal-Parti Ġenerali), li prinċipalment jibni fuq pjattaformi eżistenti ta’ djalogu.

    Il-Patt bejn l-UE u l-Paċifiku

    It-Taqsima 1 (Bażi għall-Kooperazzjoni) tippreżenta l-objettivi u l-prinċipji għall-Patt il-ġdid bejn l-UE u l-Paċifiku. Ta’ importanza huwa l-fatt li dan jirrikonoxxi r-rabtiet speċjali tal-UE mal-Pajjiżi u mat-Territorji extra-Ewropej (OCTs).

    It-Taqsima 2 (Prijoritajiet Strateġiċi) tidentifika għadd ta’ miżuri konkreti li se jieħdu l-pajjiżi tal-UE u tal-Paċifiku fl-erba’ oqsma ta’ prijorità. Filwaqt li tirrifletti l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun u tqis l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni reġjonali, l-attenzjoni se tkun iffukata fuq erba’ kwistjonijiet: it-tibdil fil-klima u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi l-governanza tal-oċeani u l-ġestjoni tad-diżastri (it-Titolu I); għadd immirat ta’ setturi strateġiċi, b’mod partikolari s-sajd, l-enerġija sostenibbli, l-ekonomija marbuta mat-tkabbar blu u t-turiżmu (it-Titolu II); il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmi dwar il-politiki tat-tassazzjoni inkluża l-kwistjoni tar-rifuġji fiskali (it-Titolu III); l-iżvilupp tal-bniedem u l-koeżjoni soċjali, li jittrattaw tipi differenti ta’ vulnerabilitajiet (it-Titolu IV).

    L-istruttura istituzzjonali tal-Patt bejn l-UE u l-Paċifiku hija mirfuda b’qafas istituzzjonali rivedut (diskuss fil-Parti III tal-Parti Ġenerali), li prinċipalment jibni fuq pjattaformi eżistenti ta’ djalogu.

    Kooperazzjoni diversifikata

    Din il-Parti hija ddedikata għall-mezzi ta’ kooperazzjoni, kemm finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti kemm fil-Fondazzjoni kif ukoll fit-tliet Patti. Huwa ddikjarat li l-kooperazzjoni għandha tkun diversifikata sabiex tirrifletti ċirkostanzi varji fil-pajjiżi u fir-reġjuni. Ittenna l-impenn tal-UE li tipprovdi ammont xieraq ta’ assistenza għall-iżvilupp lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn u li ttejjeb l-effettività tagħha f’konformità ma’ prinċipji maqbula internazzjonalment. Bl-istess mod, titqiegħed enfasi fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi AKP jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati interni u jniedu riformi tal-politiki tat-tassazzjoni tagħhom, inkluż li jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti. L-UE se tara wkoll li tinvolvi ruħha b’mod aktar effettiv mal-pajjiżi bi dħul medju (MICs - middle-income countries), sabiex tindirizza l-vulnerabbiltà u d-diżugwaljanzi interni fil-pajjiżi iżda fl-istess waqt toħloq opportunitajiet oħra għan-negozji u għaċ-ċittadini tal-UE u trawwem il-kooperazzjoni għall-kisba tal-SDGs fir-reġjuni rispettivi tagħhom kif ukoll fuq livell globali.

    Il-qafas istituzzjonali

    Din il-Parti tittratta l-atturi tas-sħubija u l-istruttura istituzzjonali, kemm għal-livell tas-sħubija kif ukoll għat-tliet Patti. F’termini ta’ atturi, jittenna li l-istati huma primarjament interlokuturi għall-UE, minkejja li l-gvernijiet nazzjonali jridu jagħmlu sforzi ulterjuri biex jinvolvu b’mod aħjar lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet tal-istat lokali. Fl-istess waqt, huwa propost li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali, kemm fil-ġestjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tat-tliet patti reġjonali. Huwa wkoll propost li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili kif ukoll tas-settur privat, mhux biss fi ħdan is-Sħubija iżda wkoll bħala atturi kruċjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli inklużiv fil-pajjiżi u fir-reġjuni rispettivi tagħhom. L-istruttura istituzzjonali l-ġdida tirrifletti n-natura politika msaħħa tas-sħubija, kif ukoll l-ispostament taċ-ċentru tal-gravità lejn it-tliet reġjuni. Din tissimplifika u tnaqqas l-impatt operazzjonali tal-istrutturi eżistenti u tibni prinċipalment fuq pjattaformi reġjonali eżistenti ta’ djalogu politiku.

    Aspetti proċedurali

    Il-Kummissjoni se tagħmel din ir-Rakkomandazzjoni u l-anness tagħha pubbliċi immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-direttivi ta’ negozjati jkunu disponibbli għall-pubbliku immedjatament wara li jiġu adottati.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea;

    Wara li rrimarka li l-Artikolu 218 TFUE jipprevedi l-proċedura unika li għandha tiġi segwita għan-negozjar ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi,

    Billi jenħtieġ li n-negozjati jinfetħu bl-għan li jkun konkluż Ftehim ta’ Sħubija mġedded ma’ pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku;

    Billi l-Ftehim ta’ Sħubija previst bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku jkopri firxa wiesgħa ta’ linji ta’ politika, inklużi kwistjonijiet ta’ politika barranija; jenħtieġ li l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni tkun aċċertata f’kull parti mir-Rappreżentant Għoli skont l-Art. 18(4) TUE.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Jawtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex, f’isem l-Unjoni, jinnegozjaw, Ftehim ta’ Sħubija mal-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

    Il-Kummissjoni għandha tkun il-kap tat-tim tan-negozjati. Dan għandu jkun magħmul ukoll mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

    Artikolu 2

    Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness u se jsiru pubbliċi fil-waqt tal-adozzjoni.

    Artikolu 3

    In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Strasburgu,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ara wkoll “Why the EU should act”, Valutazzjoni tal-impatt, SWD(2016) 380 final, pp. 18
    Top

    Strasburgu,12.12.2017

    COM(2017) 763 final

    ANNESS

    mar-Rakkomandazzjoni għal

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku


    ANNESS

    Werrej

    1.NATURA U KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM

    2.FONDAZZJONI

    3.PATT BEJN L-UE U L-AFRIKA

    4.PATT BEJN L-UE U L-KARIBEW

    5.PATT BEJN L-UE U L-AFRIKA

    6.KOOPERAZZJONI DIVERSIFIKATA

    7.QAFAS ISTITUZZJONALI

    8.DISPOŻIZZJONIJIET FINALI



    1.NATURA U KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-FTEHIM

    L-għan tan-negozjati huwa li tiġi konkluża Sħubija msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku. L-għan huwa li jinkiseb Ftehim ġdid li jikkonsisti f’bażi komuni u tliet patti reġjonali. Il-bażi komuni, applikabbli għall-membri kollha tas-Sħubija, se telenka l-objettivi, il-prinċipji u l-prijoritajiet ġenerali, u jippermetti aktar kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. Iċ-ċentru tal-gravità se jkun fuq il-patti reġjonali, l-iffissar ta’ prijoritajiet speċifiċi fil-livell reġjonali lejn pajjiżi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku, skont id-dinamika reġjonali intensifikata u l-importanza dejjem akbar ta’ organizzazzjonijiet reġjonali. Is-Sħubija se tkun miftuħa għal gradi differenti ta’ involviment jew adeżjoni ta’ pajjiżi oħra, li jaqsmu l-istess valuri u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi.

    Il-Ftehim il-ġdid huwa maħsub bħala qafas ta’ sħubija politiku komprensiv tar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet u jiġġenera riżultati ta’ benefiċċju b’mod reċiproku fuq l-interessi komuni u intersezzjonati. Għal dan il-għan, huwa għandu jimmira, l-ewwel nett, biex jinbnew stati u soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti, li jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ migrazzjoni ġestita tajjeb, u jiġi żgurat rispett sħiħ ta’ impenji internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi. It-tieni nett, huwa se jfittex li javvanza l-iżvilupp sostenibbli, ibbażat fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll isaħħaħ l-investiment u joħloq impjiegi deċenti għal kulħadd. It-tielet nett, huwa se jiffaċilita pożizzjonijiet komuni fix-xena dinjija, b’mod li jsaħħaħ il-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.

    Il-patti reġjonali huma protokolli għall-ftehim, li jipprovdi għal qafas legali komprensiv tar-relazzjonijiet. Fl-istess ħin, il-Protokoll jippermetti aġġustament flessibbli għat-tibdil ta’ ċirkostanzi permezz tal-applikazzjoni ta’ proċedura simplifikata biex jiġu riveduti t-tliet patti reġjonali.

    Il-Ftehim se jinkludi arkitettura istituzzjonali adattata, biex tiġi żgurata simplifikazzjoni u aktar koerenza mal-oqfsa eżistenti u biex jiġi permess li jittieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet malajr u b’mod effettiv. Huwa se jiddikjara wkoll li l-Partijiet se jsegwu approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati billi jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat.



    2.FONDAZZJONI

    PARTI 1 DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Titolu I Objettivi

    Il-Ftehim se jistabbilixxi li l-Partijiet 1 għandhom l-objettivi komuni ta’:

    Ħolqien ta’ sħubija politika ffukata fuq il-bini ta’ stati u soċjetajiet paċifiċi, stabbli, regolati sew, prosperużi u reżiljenti;

    ·Aċċelerazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u b’mod partikolari l-qerda tal-faqar, li tippermetti l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet differenti ta’ pajjiżi differenti;

    ·Il-bini ta’ alleanzi effettivi f’kuntesti internazzjonali, bil-għan li titmexxa ’l quddiem l-azzjoni globali.

    B’mod aktar speċifiku, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti sabiex:

    ·jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

    ·Jixprunaw tkabbir sostenibbli u inklużiv u xogħol diċenti għal kulħadd.

    ·Iħarsu l-ambjent, jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jippromwovu enerġija sostenibbli.

    ·Jippromwovu l-paċi, is-sigurtà u l-ġustizzja.

    ·Ibiddlu l-mobilità u l-migrazzjoni f’opportunitajiet u jindirizzaw l-isfidi flimkien.

    ·Jiżguraw l-iżvilupp u d-dinjità tal-bniedem.

    Titolu II Prinċipji

    Il-Ftehim se jistabbilixxi li l-objettivi tas-Sħubija, imsejsa fuq sistema legalment vinkolanti, se jkun segwit fi spirtu ta’ ugwaljanza, nondiskriminazzjoni, solidarjetà u rispett reċiproku.

    Il-Ftehim se jtenni l-impenn tal-Partijiet li jsaħħu d-djalogu politiku regolari fil-livelli kollha u jissodisfaw l-objettivi tas-Sħubija permezz tal-format li jgħin l-aktar biex isir dan.

    Il-Ftehim se jesprimi l-appoġġ tal-Partijiet għal sistema multilaterali b’saħħitha u effettiva u d-determinazzjoni tagħhom li jikkooperaw f’fora multilaterali u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku u globali.

    Il-Ftehim għandu jiċċertifika li l-objettivi tas-Sħubija se jiġu segwiti permezz ta’ approċċ integrat li jinkorpora elementi politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet se jieħdu deċiżjonijiet u jieħdu azzjonijiet fl-aktar livell xieraq, b’konformità mal-prinċipji ta’ komplementarjetà u sussidjarjetà. Il-kooperazzjoni ma’ formati reġjonali formali u ad hoc tista’ tiġi segwita sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Sħubija b’mod aktar effettiv u effiċjenti.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet se jippromwovu approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati, li jiffaċilita l-involviment attiv ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi fi djalogu u proċessi ta’ kooperazzjoni.

    Il-Ftehim se jistabbilixxi li l-Partijiet jenħtieġ li jiżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    TITOLU III Djalogu politiku

    Il-Ftehim se jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Partijiet li jkomplu jiżviluppaw u jsaħħu d-djalogu politiku fuq l-oqsma, l-għanijiet u l-objettivi kollha definiti fil-Ftehim.

    L-objettivi tad-djalogu se jkunu li (i) jrawwem il-fehim reċiproku tal-pożizzjonijiet u l-interessi ta’ kull Parti u (ii) jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim, billi jiffaċilita u jippermetti kooperazzjoni effettiva dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib komuni, fuq livell nazzjonali u reġjonali, u billi jippermetti l-koordinazzjoni regolari dwar kwistjonijiet internazzjonali u globali ta’ interess komuni. Id-djalogu jista’ jkollu wkoll l-għan li jmexxi ’l quddiem inizjattivi ġodda li jsegwu objettivi komuni, aġendi u prijoritajiet maqbula b’mod konġunt, inkluż billi jistabbilixxi formoli u formati ġodda ta’ kooperazzjoni.

    Id-djalogu se jitmexxa b’mod regolari, b’mod flessibbli u mfassal apposta. Dan se jsir fl-aktar format xieraq u l-aktar adattat, inkluż fil-livell nazzjonali, reġjonali, kontinentali jew tal-AKP kollu. Dan se jieħu vantaġġ sħiħ tal-mezzi kollha possibbli, inkluż fil-kuntest ta’ laqgħat internazzjonali.

    Titolu IV Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi li l-għanijiet integrati u marbutin tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jirrikjedu qafas ta’ politika ta’ abilitazzjoni f’livelli differenti u approċċi proattivi sabiex ikun hemm sinerġiji ta’ politiki differenti. Għal dan il-għan, il-Partijiet se jaqblu li kull waħda minnhom se tagħmel il-parti tagħha biex taħdem lejn koerenza politika, sabiex jiġi żgurat li l-politiki tagħhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

    Il-Ftehim se jinkludi l-impenn ta’ kull Parti li individwalment u kollettivament timmassimizza l-benefiċċji u timminimizza l-impatt negattiv li l-politiki tagħha jista’ jkollhom fuq il-parti l-oħra. Kull Parti se timpenja ruħha wkoll biex tinforma u, fejn xieraq, tikkonsulta mal-Parti l-oħra fi ħdan il-format istituzzjonali stabbilit dwar inizjattivi u miżuri li jista’ jkollhom effetti sekondarji sinifikanti fuq il-parti l-oħra.

    PARTI 2 PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

    Titolu I Id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-partijiet itennu l-impenn tagħhom biex jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw il-valuri universali tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Il-Partijiet se jippromwovu dawn il-valuri b’rispett sħiħ għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u tal-liġi internazzjonali.

    Il-Ftehim se jiżgura li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt jispiraw il-politiki interni u internazzjonali tal-partijiet u jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim. Il-governanza tajba se tirfed ukoll il-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet u tikkostitwixxi element fundamentali ta’ dan il-Ftehim. Il-Ftehim se jirrikonoxxi wkoll li nuqqasijiet lejn il-kisba u r-rispett tal-elementi essenzjali u fundamentali jippreżentaw sfidi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli.

    Il-Ftehim se jippromwovi politiki ibbażati fuq id-drittijiet, li jinkludu d-drittijiet kollha tal-bniedem u li jiżguraw aċċess ugwali għal opportunitajiet għall-membri kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-etniċità, is-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, l-istatus ta’ migrazzjoni jew fatturi oħra. Dan se jinkludi wkoll impenn għall-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.

    Il-Ftehim, li jirrikonoxxi l-importanza ta’ soċjetajiet pluralistiċi, se jinkludi impenn mill-Partijiet biex jippromwovu proċessi politiċi inklużivi, jippromwovu istituzzjonijiet li għandhom l-obbligu ta' rendikont u huma trasparenti, u jappoġġaw it-teħid tad-deċiżjonijiet parteċipatorji u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Dan se jinkludi impenn biex tiġi promossa l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja bħala pilastri tad-demokrazija, u biex jiġi ffaċilitat, ippreżervat u mwessa’ l-ispazju miftuħ u faċilitattiv għas-soċjetà ċivili.

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għal ġustizzja effettiva u indipendenti u għal assistenza legali għaċ-ċittadini u n-negozji kollha.

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet li jappoġġaw inizjattivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, biex tiġi introdotta aktar trasparenza u akkontabilità fil-finanzjament pubbliku u fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi, sabiex jittejjeb il-ġbir tad-dħul, biex jiġu indirizzati l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u biex jintlaħqu l-istandards tal-governanza fiskali globali. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-użu xieraq ta’ assistenza finanzjarja esterna tal-UE.

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni biex il-Partijiet jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ sistema ta’ statistika affidabbli u effiċjenti sabiex tiġi pprovduta l-istatistika meħtieġa biex jiġi appoġġat u mmonitorjat il-proċess ta’ riforma u jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli.

    Titolu II Żvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv

    Il-Ftehim se jiddikjara li t-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli huwa kruċjali għat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Se jirrikonoxxi wkoll li impjieg sħiħ u produttiv u x-xogħol diċenti għal kulħadd huma essenzjali għall-prosperità.

    Il-Ftehim se jindika wkoll li l-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għal investiment akbar, aktar kummerċ u żvilupp tas-settur privat fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi.

     Djalogu ekonomiku

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-djalogu ekonomiku, sabiex jiffaċilita l-proċess ta’ riforma ekonomika billi jtejjeb l-fehim tal-elementi fundamentali tal-ekonomiji rispettivi tal-Partijiet. Il-Partijiet se jaqblu li jiskambjaw informazzjoni u fehmiet dwar il-politiki makroekonomiċi u r-riformi strutturali u l-analiżi konġunta ta’ kwistjonijiet ekonomiċi ta’ interess reċiproku, inkluż pereżempju l-oqfsa ta’ politika fiskali u monetarja u l-istrumenti għall-implimentazzjoni tagħhom.

    Il-Ftehim se jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi sodi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, kompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ effikaċja, trasparenza u akkontabilità.

    Investiment u żvilupp tas-settur privat

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi li objettiv kruċjali tas-Sħubija huwa li jissaħħu b’mod sostanzjali l-opportunitajiet għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE u tal-AKP, b’mod li jinħoloq il-ġid permezz ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar għal kulħadd.

    Il-Partijiet se jikkoperaw flimkien sabiex joħolqu ambjent ekonomiku favorevoli li jżid b’mod sinifikanti l-livell ta’ investiment sostenibbli u responsabbli tal-flussi għall-vantaġġ reċiproku tagħhom. Filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħhom, il-Partijiet se jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u stabbli għal investiment (fiż-żewġ direzzjonijiet), bl-appoġġ ta’ regoli stabbli, trasparenti u miftuħa għall-investituri, u l-esplorazzjoni ta’ mekkaniżmi għall-faċilitazzjoni tal-flussi ta’ investiment, speċjalment permezz ta’ kondizzjonijiet aħjar għall-investiment, it-trasferiment tal-kapital, teknoloġiji u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ investiment.

    Il-Partijiet se jappoġġaw r-rwol ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSME - Micro-, Small- and Medium-sized Enterprises) bħala faċilitaturi kruċjali ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli. Għal dan il-għan, huma se jikkooperaw sabiex l-SMEs kemm mill-UE kif ukoll mll-pajjiżi AKP jintegraw b’mod effettiv fil-katini ta' provvista u tal-valur.

    Il-Partijiet se jsaħħu l-kooperazzjoni biex tiżdied l-inklużjoni finanzjarja u l-aċċess għal finanzjament, permezz tal-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi finanzjarji u strumenti finanzjarji u mekkaniżmi innovattivi, inkluż billi jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ sistemi siguri, supervizzati tajjeb u sistemi finanzjarji miftuħa biex jiżdied il-kreditu tas-settur privat.

    Il-Partijiet jirrikonoxxu li infrastruttura adegwata - inkluż it-trasport, l-enerġija, l-ilma, il-konnettività diġitali — kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fatturi abilitanti ewlenin għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huma se jżidu wkoll il-kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tekniki u vokazzjonali, u jorbtuha b’mod aktar effettiv mas-suq tax-xogħol lokali u mal-ħtiġijiet tal-ħiliet.

    Il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid li l-attivitajiet tas-settur privat u tal-investiment iridu jirrispettaw u jippromwovu l-istandards fundamentali tax-xogħol. Huma se jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni u l-impenn tagħhom biex jippromwovu u effettivament jimplimentaw l-istandards tax-xogħol u l-istandards soċjali li huma rikonoxxuti internazzjonalment, kif maqbul fl-ILO u f'kuntesti oħra rilevanti. Huma se jimpenjaw ruħhom wkoll biex joħolqu aktar impjiegi u impjiegi ta’ kwalità li jikkontribwixxu għall-għoti ta’ setgħa ekonomika u soċjali liż-żgħażagħ u lil dawk l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli, partikolarment lin-nisa u lill-bniet.

    Il-Partijiet se jiżguraw l-assorbiment u l-aderenza mal-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inkluża r-responsabbiltà fiskali u ambjentali, t-trasparenza u l-akkontabbiltà, f’konformità ma’ linji gwida u prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment.

    Kooperazzjoni kummerċjali

    Il-Partijiet se jirrikonoxxu l-importanza tal-kummerċ u l-investiment għar-relazzjonijiet ġenerali bejn l-AKP u l-UE, kif ukoll għall-iżvilupp tal-ekonomiji AKP. Huma se jaqblu li jrawmu l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet, li se jsaħħaħ l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija.

    Il-Partijiet se jġeddu l-impenn tagħhom li jirrispettaw l-obbligi tagħhom fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u li jippromwovu l-objettivi tad-WTO.

    Il-Partijiet se jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jitgawdew il-benefiċċji tal-qafas stabbli u prevedibbli mogħtija mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) – inkluża l-possibbiltà biex jiġi mwessa’ u approfondit ftehim fejn xieraq, f’konformità mal-klawżoli rendez-vous u bil-qbil tal-Partijiet rispettivi – u minn reġimi kummerċjali preferenzjali oħra.

    Il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva, kif ukoll il-governanza tajba, huma l-elementi essenzjali u fundamentali tal-FSE.

    Il-partijiet se jaqblu li jippromwovu l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat, b’mod partikolari l-SMEs, fi djalogi dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-FSE.

    Il-partijiet se jaqblu li jimpenjaw ruħhom fi djalogu fil-livelli adegwati (il-livelli reġjonali u nazzjonali kollha tal-AKP), kif ukoll li jikkooperaw f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet kummerċjali. Huma se jaqblu dwar qafas istituzzjonali xieraq għal dan it-tip ta’ djalogu.

    Il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jintegraw l-iżvilupp sostenibbli, inklużi d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali, fir-relazzjonijiet kummerċjali reċiproċi kollha, u biex issaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogi f’dawn l-oqsma.

    Il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom taħt strumenti internazzjonali fil-qasam tal-kummerċ f’servizzi u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni f’livelli xierqa f’dan il-qasam. Fejn xieraq, huma se jkomplu jappoġġaw impriżi f’oqsma speċifiċi, bħalma huma t-trasport marittimu u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

    Bl-istess mod, il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid ukoll l-impenji rispettivi tagħhom taħt ftehimiet internazzjonali u strumenti oħra f’oqsma relatati mal-kummerċ, bħad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, it-tneħħija ta’ ostakli mhux tariffarji, il-politiki ta’ kompetizzjoni effettivi u sodi inklużi t-trasparenza fir-rigward ta’ sussidji pubbliċi, il-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali, l-armonizzazzjoni regolatorja, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, kif ukoll miżuri sanitarji u fitosanitarji, u jsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu fil-livelli xierqa f’dawn l-oqsma.

    Titolu III Ambjent u tibdil fil-klima

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi li d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima jirrappreżentaw theddida serja għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, u dan iqiegħed f’riskju għoli l-(kwalità tal-) ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, b’mod li jipperikola l-paċi u l-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku.

    Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien biex jitħaffef il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet relatati mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Huma se jimpenjaw ruħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni u jibnu alleanzi effettivi f’kuntesti internazzjonali oħra dwar kwistjonijiet rilevanti, b’mod partikolari, it-tibdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli, il-governanza tal-oċeani u l-bijodiversità. Huma se jiftiehmu wkoll biex jintegraw l-objettivi tas-sostenibbiltà ambjentali u tat-tibdil fil-klima fil-politiki kollha, il-pjanijiet u l-investimenti, u biex isaħħu l-involviment tal-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u s-settur privat.

    Il-Partijiet se jirrikonoxxu li azzjoni ambizzjuża dwar kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament, inkluż it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, hija essenzjali biex jiġu ġestiti u jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, huma se jaqblu li jwaqqfu impenji ta’ mitigazzjoni ambizzjużi, kwantifikabbli u ġusti, waqt li jikkunsidraw ċirkostanzi nazzjonali differenti u realtajiet u kapaċitajiet ekonomiċi li qed jevolvu. Huma se jiftiehmu wkoll biex jintegraw pjanijiet ta’ adattament fil-proċessi nazzjonali u biex jaqsmu l-esperjenzi sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

    Il-Partijiet se jappoġġaw il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli u l-użu ta’ riżorsi naturali, inklużi l-art u l-ilma, il-promozzjoni ta’ approċċi tal-ekonomija ċirkolari u prattiki ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli, u l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inklużi l-forestrija u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ fawna selvaġġa u fl-injam. Għall-kisba ta’ oċeani b’saħħithom u produttivi, huma se jippromwovu l-ħarsien u r-restawr ta’ ekosistemi marini u l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani u s-sajd sostenibbli.

    Il-Partijiet, fl-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni, se jikkunsidraw:

    ·il-vulnerabilità ta' stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, speċjalment it-theddida li jġib miegħu t-tibdil fil-klima;

    ·l-iskopertura ta’ pajjiżi għal nixfa li qed tiggrava, għall-iskarsezza tal-ilma, għad-degradazzjoni tal-art u għad-deżertifikazzjoni;

    ·ir-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u l-adattament għal strateġiji u attivitajiet għat-tibdil fil-klima, kif ukoll ir-relazzjoni mill-qrib tagħhom mar-reżiljenza, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, is-servizzi tal-ekosistemi u s-sigurtà tal-ikel, u r-rabta mal-ispostament, il-migrazzjoni u s-sigurtà.

    Titolu IV Paċi, sigurtà u ġustizzja

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi li l-promozzjoni tal-paċi, tal-istabbiltà u tas-sigurtà, inklużi s-sigurtà tal-bniedem u r-reżiljenza, bħala kondizzjonijiet abilitanti kritiċi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-prosperità. Huwa se jtenni li ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr il-paċi u s-sigurtà, u mingħajr l-iżvilupp inklużiv ma jistax ikun hemm paċi u sigurtà sostenibbli.

    Il-Partijiet se japplikaw approċċ integrat għal konflitti u kriżijiet, inkluż il-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni u l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni, b’mod li jiġu indirizzati wkoll il-kapaċitajiet ċivili u militari, kif ukoll l-interazzjoni tagħhom. Huma se jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet kontinentali u reġjonali, kif ukoll man-NU. Huma se jippromwovu mekkaniżmi inklużivi u ta’ parteċipazzjoni u strutturi għal djalogu u konsensus, li jinvolvu l-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    Il-Partijiet se jikkooperaw sabiex itejbu l-governanza tar-riżorsi naturali, inkluż l-industriji estrattivi, peress li din tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi u biex jiġi evitat li l-isfruttament u l-kummerċ illegali tagħhom jikkontribwixxu sabiex jikkawżaw konflitti.

    Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom għaż-żieda ta’ azzjonijiet konġunti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti, b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali, il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali.

    Il-Partijiet se jsaħħu d-determinazzjoni tagħhom biex jiġġieldu l-forom kollha ta’ kriminalità organizzata u t-traffikar illeċitu, inkluż tal-bnedmin, tad-drogi u ta’ materjali perikolużi.

    Il-Partijiet se jikkooperaw sabiex jiġi evitat l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom biex isir il-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali (inkluż it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni) u għall-finanzjament tat-terroriżmu.

    Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex tiġi indirizzata l-impunità fil-livelli kollha u b’mod partikolari għar-reati kriminali l-aktar serji ta’ tħassib internazzjonali. Għal dan il-għan, huma se jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jieħdu passi biex jimplimentaw l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u, kif xieraq, l-istrumenti relatati, filwaqt li jirrikonoxxu l-komplementarjetà tar-rwoli bejn il-ġurisdizzjonijiet kriminali nazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-kisba tal-ġustizzja u tar-rikonċiljazzjoni.  

    Il-Partijiet se jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom sabiex jikkumbattu l-proliferazzjoni ta’ armi tal-qerda massiva u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom b’konformità sħiħa mal-obbligi eżistenti taħt trattati u ftehimiet ta’ diżarm u ta’ nonproliferazzjoni, u obbligi internazzjonali rilevanti oħra. Il-Partijiet se jaqblu li dan jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim.

    Il-Partijiet se jsaħħu l-ġlieda kontra l-manifattura illeċita, it-trasferiment, iċ-ċirkolazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mhux ikkontrollat ta’ mini antipersuna (APL) u l-fdalijiet esplożivi tal-gwerra (ERW) kif ukoll armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW). Il-Partijiet se jirrikonoxxu wkoll l-importanza ta’ sistemi nazzjonali ta’ kontroll għat-trasferiment tal-armi f’konformità ma’ ftehim internazzjonali.

    Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, il-mitigazzjoni tar-riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN) ta’ oriġini naturali, aċċidentali u kriminali, kif ukoll biex tissaħħaħ l-avjazzjoni ċivili u s-sigurtà marittima, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-piraterija u s-serqa bl-użu ta' armi fuq il-baħar.

    Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu ċ-ċibersigurtà, biex jimpedixxu u jiġġieldu kontra r-reati ta’ teknoloġija għolja, ċibernetiċi u elettroniċi u biex itejbu s-sigurtà tan-netwerks permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi prattiċi f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-obbligi internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem.

    Il-Partijiet se jaqblu li jikkooperaw sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali skont l-istrumenti u l-istandards internazzjonali rilevanti, inkluż permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u għarfien espert.

    Titolu V Migrazzjoni u mobilità

    Il-Ftehim se jagħraf li l-migrazzjoni u l-mobbiltà jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli, jekk ikun ġestit b’mod xieraq. Huwa se jirrikonoxxi wkoll ir-rilevanza akbar ta’ migrazzjoni u mobilità min-Nofsinhar għan-Nofsinhar u dik għal raġunijiet ambjentali, kif ukoll iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni.

    Il-Ftehim se jsaħħaħ l-impenn tal-Partijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jiġu massimizzati l-benefiċċji li l-migrazzjoni u l-mobbiltà ġestiti tajjeb jistgħu jġibu — pereżempju permezz ta’ rimessi, aktar investiment u trasferimenti ta’ teknoloġija, għarfien, ħiliet u kapaċità produttiva għall-migranti, is-soċjetajiet u l-familji tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni –kif ukoll biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tiegħu fuq l-iżvilupp, bħal eżodu ta’ mħuħ u kostijiet soċjali oħra. Miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu biex il-membri tad-dijaspora u l-organizzazzjonijiet tal-migranti jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

    Il-Ftehim se jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Partijiet lejn trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment fit-territorji tagħhom, biex jadotta politiki effettivi ta’ integrazzjoni mmirati biex jingħataw id-drittijiet u l-obbligi simili għal dawk taċ-ċittadini tagħhom, u biex jiżviluppa miżuri kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni.

    Il-Ftehim se jsaħħaħ l-impenn tal-Partijiet biex jikkooperaw fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, filwaqt li jirrikonoxxi li l-migrazzjoni irregolari għandha impatt negattiv fuq il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni u żżid ir-riskju għal migranti li jġarrbu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jsiru vittmi tat-traffikar u tal-abbużi.

    Il-Ftehim se jafferma mill-ġdid l-obbligu legali ta’ kull Parti li taċċetta mill-ġdid in-nazzjonali proprji li jkunu jinsabu irregolarment fit-territorju ta’ Parti oħra mingħajr kondizzjonalità u biex tkun żgurata l-ħidma bla xkiel u effettiva ta’ dan l-impenn. Biex tagħmel dan, il-Ftehim se jipprovdi dispożizzjonijiet konkreti dwar kif dan l-obbligu jinbidel fil-prattika.

    Il-Ftehim se jinkludi wkoll impenn mill-Partijiet biex jiżguraw li d-drittijiet u d-dinjità taċ-ċittadini huma rispettati f'kull proċedura mibdija biex jiġu rritornati l-immigranti irregolari lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Il-Partijiet se jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni sostenibbli mill-ġdid tal-migranti irregolari, f’konformità mal-prinċipji ta’ sħubija u responsabbiltà konġunta.

    Il-Ftehim se jinkludi d-determinazzjoni mill-Partijiet biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-migranti, fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, f’investigazzjonijiet finanzjarji konġunti, kif ukoll kooperazzjoni dwar il-prosekuzzjoni kriminali.

    Il-Ftehim se jinkludi impenn mill-Partijiet biex tissaħħaħ il-protezzjoni tar-refuġjati u persuni spostati oħra irrispettivament mill-istatus tagħhom skont il-liġi internazzjonali, tiġi appoġġata l-integrazzjoni tagħhom fil-pajjiżi ospitanti, u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi tal-ewwel ażil, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-migranti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

    Il-Ftehim se jagħraf l-importanza li jiġi adottat approċċ komprensiv, koerenti u bilanċjat fl-oqsma prijoritarji multipli u interkonnessi, b’rispett sħiħ għall-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji. Il-Partijiet se jirsistu biex jimmassimizzaw id-dividendi tal-migrazzjoni u l-mobilità u japplikaw l-ingranaġġ neċessarju billi jużaw il-politiki kollha, l-istrumenti u l-għodod rilevanti biex jiġi żgurat l-impenn u l-benefiċċju reċiproku tal-Partijiet.

    Titolu VI Żvilupp u dinjità tal-bniedem

    Il-Ftehim se jirriafferma l-impenn tal-Partijiet li jaħdmu flimkien biex jinqered il-faqar fil-forom kollha tiegħu, jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-aktar nies vulnerabbli u żvantaġġati, sabiex jiġi żgurat li l-bnedmin kollha jilħqu l-potenzjal tagħhom b’dinjità u f’ambjent b’saħħtu, u li ħadd ma jibqa’ lura.

    Għal dan il-għan, il-Partijiet se jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iħaffu l-progress lejn il-kisba tal-għanijiet relatati tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Se tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-aktar fil-bżonn, b’mod partikolari LDCs u pajjiżi fraġli u affettwati minn konflitti.

    Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li t-tkabbir demografiku u t-tibdil demografiku jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-kisbiet fl-iżvilupp u l-progress ekonomiku, se jintrabtu li jaħdmu flimkien biex jimminimizzaw l-isfidi relatati maż-żieda fil-popolazzjoni u jaħsdu l-benefiċċji ta’ dividendi demografiċi.

    Aċċess ekwu għas-servizzi soċjali

    Il-Ftehim se jippromwovi l-aċċess ekwu u inklużiv għal edukazzjoni ta’ kwalità fil-livelli kollha, inkluż it-taħriġ tekniku u vokazzjonali, sabiex jiġi żgurat li kulħadd jakkwista l-għarfien u l-ħiliet li jeħtieġ biex igawdi l-ħajja fid-dinjità u jikkontribwixxi għall-benesseri tal-komunitajiet tiegħu.

    Il-Ftehim se jippermetti approċċ fejn is-saħħa titqies fit-tfassil tal-politiki kollha, filwaqt li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-introduzzjoni ta’ kopertura tas-saħħa universali fil-pajjiżi kollha, b’mod li jitfasslu sistemi tas-saħħa b’saħħithom u effiċjenti, u li jikkooperaw fuq suġġetti ta’ interess komuni, speċjalment fuq il-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ mard li jittieħed u li ma jitteħidx.

    Il-Ftehim se jippromwovi aċċess aħjar għal ilma nadif għal kulħadd, inkluż permezz ta’ ġestjoni tal-ilma sostenibbli u integrata, kif ukoll sistemi ta’ kenn affordabbli u adegwat għal kulħadd, permezz ta’ programmi ta’ akkomodazzjoni mmirati u pjanijiet ta’ żvilupp urban imtejba.

    Protezzjoni soċjali

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi li l-politiki dwar il-protezzjoni soċjali għandhom rwol trasformattiv fis-soċjetà billi jrawmu l-ekwità, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u jiġi xprunat tkabbir ekonomiku inklużiv.

    Għal dan il-għan, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom li joħolqu politiki tal-impjieg immirati lejn xogħol diċenti għal kulħadd, japplikaw politiki pubbliċi ridistributtivi, jadottaw politiki u programmi ta’ protezzjoni soċjali b’sjieda nazzjonali u inklużivi, inklużi pjattaformi ta’ protezzjoni soċjali, sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tat-tkabbir ikunu mifruxa u mqassma ugwalment u l-faqar jiġi eradikat sal-2030.

    Ugwaljanza bejn is-sessi

    Il-Ftehim se jafferma mill-ġdid li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien hija kruċjali għal żvilupp sostenibbli, li jkollu effett multiplikatur biex il-faqar jinqered b’suċċess, biex jintlaħaq tkabbir sostenibbli tal-popolazzjoni, titjieb il-prosperità u jkun żblukkat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà.

    Il-Partijiet se jippromwovu l-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-emanċipazzjoni tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, u se jikkooperaw biex jiġu eliminati l-forom kollha ta’ vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u sessista.

    Il-Partijiet se jiżguraw li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata b’mod sistematiku fil-politiki kollha bħala kontribut ewlieni lejn il-kisba b’suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    Reżiljenza

    Il-Ftehim se ikun fih dispożizzjonijiet biex isaħħu r-reżiljenza, b’mod partikolari ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli, meta ffaċċjati minn xokkijiet ambjentali u ekonomiċi, diżastri naturali u dawk ikkaġunati mill-bniedem, konflitti u theddid globali għas-saħħa, inkluż ir-reżistenza antimikrobika. Il-Partijiet se jintegraw b’mod sistematiku l-valutazzjoni tar-riskju u r-reżiljenza fl-azzjoni tagħhom li tiżgura li l-individwi, il-komunitajiet, l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi jkunu jistgħu jitħejjew aħjar għal, jifilħu aktar, jadattaw, u jirkupraw malajr mill-istress u mix-xokkijiet mingħajr ma jiġu kompromessi l-prospetti tal-iżvilupp fit-tul.

    Kultura u l-fehim reċiproku

    Il-Ftehim se jinkludi impenn mill-Partijiet biex jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-kooperazzjoni kulturali li tirrispetta kif xieraq id-diversità tagħhom filwaqt li tagħraf valuri universali, bil-għan li jissaħħaħ il-fehim reċiproku bejn nishom u l-għarfien dwar il-kulturi rispettivi tagħhom, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ radikalizzazzjoni vjolenti.

    PARTI 3 KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Il-Ftehim se jafferma li l-Partijiet huma impenjati għal ordni globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali u bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tagħha, u n-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha, bil-għan li jkun hemm l-ankrar tal-paċi u l-ġustizzja, il-prosperità, l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni dejjiema għall-beni komuni globali.

    Dan l-impenn se jissarraf f’determinazzjoni biex tirriforma u ssaħħaħ l-istituzzjonijiet multilaterali sabiex tissaħħaħ l-effettività tagħhom, ir-responsabbiltà u r-rappreżentattività. Bl-istess mod, din se sservi biex tippromwovi u tappoġġa l-istat tad-dritt u l-ġustizzja fuq livell internazzjonali, u jiġi żgurat li l-Partijiet kollha jieħdu l-passi meħtieġa lejn ir-ratifika, l-implimentazzjoni u d-domestikazzjoni ta’ konvenzjonijiet u trattati internazzjonali ewlenin.

    Il-Ftehim se jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-impenn tal-Partijiet biex jingħaqdu flimkien f’oqsma li fihom is-Sħubija tista’ tipprovdi valur miżjud sostanzjali biex tmexxi ’l quddiem l-azzjoni globali. Il-Partijiet se jaqblu li jidentifikaw fuq bażi regolari, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak operazzjonali, bażi komuni dwar għadd ta’ temi strateġiċi sabiex tiffaċilita l-azzjoni koordinata u f’waqtha, inkluż dwar il-votazzjoni, f’fora internazzjonali u inizjattivi rilevanti. B’mod speċifiku, dawn se jiddependu fuq laqgħat ministerjali u se jaqblu li jużaw jew li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni xierqa biex jikkooperaw bl-aħjar mod fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u, kull fejn ikun possibbli, minn istituzzjonijiet internazzjonali oħra.

    Il-Ftehim se jistabbilixxi li l-Partijiet jistgħu ifittxu b’mod attiv li jikkooperaw mill-qrib u jistabbilixxu alleanzi strateġiċi ma’ pajjiżi terzi u / jew gruppi li jikkondividu l-valuri u l-interessi tagħhom, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-influwenza diplomatika tagħhom f’kuntesti internazzjonali oħra.



    3.PATT BEJN L-UE U L-AFRIKA

    Parti 1 BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

    Il-Ftehim se jiddikjara li s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika tikkonsisti mill-objettivi ġenerali, il-prinċipji u l-impenji stabbiliti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, u mill-objettivi speċifiċi u l-impenji stabbiliti f’dan il-Protokoll.

    Il-Ftehim se japprofondixxi r-relazzjonijiet eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika u l-istabbiliment ta’ sħubija politika u ta’ benefiċċju reċiproku, li jippermetti biex titwettaq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u dwar l-interessi ta’ kull waħda mill-Partijiet.

    B’mod aktar speċifiku, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, biex:

    ·jinbnew soċjetajiet reżiljenti u paċifiċi u jindirizzaw id-dinamiċi demografiċi u ta’ mobbiltà biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet leġittimi attwali u tal-ġejjieni tal-ġenerazzjonijiet Ewropej u Afrikani;

    ·jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u jiżguraw aċċess ġust u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali sabiex jiftħu opportunitajiet ekonomiċi mhux sfruttati, jippreżervaw il-bijodiversità u jipprevjenu kull użu illeċitu, inkluż għas-sostenn ta’ konflitti.

    ·jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, jappoġġaw l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u jiġġieldu kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u emarġinazzjoni li jistgħu jwasslu għal estremiżmu vjolenti;

    ·isaħħu l-investiment pubbliku u privat u joħolqu impjiegi diċenti għal kulħadd;

    ·jindirizzaw l-inugwaljanzi u jippromwovu l-protezzjoni soċjali bil-għan li jinqered il-faqar u jiġu indirizzati l-effetti negattivi ta’ kriżijiet umanitarji li jieħdu fit-tul;

    Il-Ftehim se jissostitwixxi u jaġġorna l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES). Huwa se jirreferi wkoll għal dokumenti ewlenin għaż-żewġ Partijiet, b’mod partikolari l-Aġenda 2063 tal-Afrika, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp.

    Il-Ftehim se jinkludi impenn mill-Partijiet biex jiġi implimentat il-Patt bejn l-UE u l-Afrika permezz ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni suċċessivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali. Il-Ftehim se jintroduċi sistema biex jiġi mmonitorjat il-progress, permezz tad-djalogu politiku fil-livelli kollha, abbażi ta’ indikaturi ċari u riżultati li jistgħu jitkejlu, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni timxi kif previst.

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi r-rabtiet speċjali bejn ir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE (OR- Outermost Regions) u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (OCT - Overseas Countries and Territories) u ħafna pajjiżi Afrikani.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet jistgħu jirrieżaminaw il-Protokoll fuq bażi regolari u kif ikun xieraq, bil-ħsieb li jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu.

    Parti 2 PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

    Titolu I Paċi u sigurtà

    Il-Ftehim se jtenni l-impenn tal-Partijiet biex jippromwovu l-paċi permezz ta’ sħubijiet approfonditi dwar is-sigurtà fil-livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali, b’tali mod li tinkiseb stabbiltà u prosperità fl-Afrika u jkunu fruttati kwalunkwe effetti negattivi fuq l-Ewropa.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar il-paċi u s-sigurtà,

    ·jintensifikaw il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u d-djalogu, mill-prevenzjoni u t-twissija bikrija tal-paċi dejjiema permezz tal-immaniġġar tal-kriżijiet u l-istabbilizzazzjoni;

    ·jindirizzaw il-muturi ewlenin tal-instabbiltà, inkluż l-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali, tilwim dwar il-fruntieri, is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, u l-ispostament sfurzat ta’ persuni;

    ·jiżguraw li delitti tal-gwerra u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-reklutaġġ ta’ suldati tfal u vjolenza bbażata fuq is-sess, jiġu kkastigati;

    ·jiżguraw li l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) issir operazzjonali għal kollox, permezz ta’ sforzi akbar tal-membri UA u r-RECs lejn is-sostenibbiltà finanzjarja tal-isforzi kollha għall-paċi u s-sigurtà fil-kontinent u permezz ta’ strumenti tal-UE adattati aħjar biex jappoġġaw l-attivitajiet operazzjonali meħtieġa u l-ħtiġijiet tal-bini tal-kapaċità relatati;

    dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata,

    ·il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, l-indirizzar ta’ dawk il-fatturi li jistgħu joħolqu ambjent li jwassal għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ;

    ·il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta’ traffikar illeċitu (eż. bnedmin, armi, drogi, materjal perikoluż, tal-organiżmi selvaġġi, beni kulturali);

    ·isaħħu s-sigurtà marittima, inkluż l-indirizzar ta’ atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-armi fuq il-baħar.

    Titolu II Id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika

    Il-Ftehim se jissaħħaħ id-determinazzjoni tal-Partijiet biex jippromwovu u jsaħħu d-demokrazija, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw governanza responsabbli, trasparenti u inklużiva, bi spazju biżżejjed għal gruppi tas-soċjetà ċivili u għaċ-ċittadini biex jesprimu l-aspirazzjonijiet tagħhom lejn it-tfassil tal-politika.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-demokrazija,

    ·jiżguraw li l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, jiġu implimentati bis-sħiħ;

    ·japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, bil-prijoritizzazzjoni tal-isforzi għar-revoka ta’ liġijiet diskriminatorji;

    ·irawmu djalogu u kooperazzjoni dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin f’kull forma tagħhom;

    ·jiżguraw elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi, li jirrispettaw iċ-ċikli elettorali u d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali;

    ·jappoġġaw prerogattivi leġiżlattivi, baġitarji u ta’ sorveljanza tal-parlamenti nazzjonali eletti;

    ·jippromwovu soċjetajiet pluralistiċi u jippreżervaw u jwessgħu l-ispazju għal istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni u fl-iffurmar ta’ politiki;

    dwar l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, u l-governanza tajba,

    ·jibnu istituzzjonijiet pubbliċi, li għandhom obbligu ta' rendikont u trasparenti għall-, inkluż l-użu usa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ gvern elettroniku;

    ·jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u leġiżlazzjoni fis-seħħ biex jitrażżnu l-flussi finanzjarji illeċiti, il-frodi u l-kriminalità organizzata;

    ·jikkooperaw sabiex jimpedixxu l-użu tas-sistemi finanzjarji, tal-istituzzjonijiet u tan-negozji u tal-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula tal-ħasil tal-flus mir-rikavati minn attivitajiet kriminali (inkluż it-traffikar illeċitu u l-korruzzjoni) u għall-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mal-istandards internazzjonali.

    ·jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli ta’ dħul minn riżorsi naturali u jadottaw riformi biex jiżguraw politiki fiskali ġusti, ekwi u sostenibbli;

    ·jippromwovu l-aċċess għall-ġustizzja u, b’mod partikolari, għall-indipendenza tal-ġudikatura biex issir ġustizzja ġusta u f’waqtha;

    ·jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, b’attenzjoni partikolari biex jiżdiedu t-trasparenza fiskali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, f’konformità mal-istandards u l-oqfsa internazzjonali rilevanti;

    Titolu III Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli

    Il-Ftehim se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet, itejjeb l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja, isaħħaħ l-opportunitajiet għall-investiment u n-negozju - permezz tal-Pjan ta’ Investiment Estern (EIP) - u jappoġġa t-tranżizzjoni lejn impjieg sħiħ u ta’ kwalità, ir-rispett u l-protezzjoni tal-istandards fundamentali tax-xogħol, u s-sostenibbiltà ambjentali. Huwa se jsaħħaħ l-iżvilupp tas-settur privat fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi.

    Vetturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ostakli kruċjali li jeħtieġu intervent pubbliku — minbarra l-investiment strutturali fl-infrastrutturi (pereżempju l-enerġija, it-trasport, il-konnettività diġitali) kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni - sabiex jinħoloq ambjent ta’ negozju li jiffaċilita flussi akbar ta’ investiment u żvilupp tas-settur privat.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    ·joħolqu ambjent regolatorju abilitanti, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà u tal-art, il-politiki tal-kompetizzjoni tajba u trasparenza fir-rigward ta’ sussidji pubbliċi, il-proprjetà intellettwali u l-investiment, it-tnaqqis tal-burokrazija permezz tat-tnaqqis tal-kostijiet għal ċertifikazzjoni, liċenzji u aċċess għal finanzjament;

    ·jipprovdu lil kumpaniji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’informazzjoni faċilment aċċessibbli u adegwata u proċeduri amministrattivi ffaċilitati dwar kif jespandu n-negozju tagħhom fl-Afrika u fl-UE;

    ·jagħmlu użu aktar strateġiku tal-finanzi pubbliċi, inklużi strumenti ta’ finanzjament imħallat biex jattiraw investiment pubbliku u privat addizzjonali;

    ·iżidu l-aċċess domestiku għal finanzjament, speċjalment għal MSMEs, inkluż permezz ta’ riformi tas-sistema finanzjarja biex jiżviluppaw sistemi ta’ ħidma bankarja u mhux bankarja vijabbli, mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament u skemi ta’ mikrokreditu;

    ·jiżviluppaw u jsaħħu s-servizzi finanzjarji diġitali, inklużi sistemi bankarji mobbli, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni msaħħa dwar l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u jiżguraw swieq miftuħa, il-protezzjoni tal-konsumatur u aktar aċċess għal servizzi mobbli;

    ·isaħħu s-sistemi tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali (TVET) misjuqa aktar mid-domanda, adattati għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali.

    Setturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Ftehim se jiddikjara li se jsir iffukar fuq is-setturi strateġiċi li ġejjin li huma mistennija li jkollhom effett multiplikatur għoli lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex,

    dwar l-agrikoltura,

    ·ikabbru u jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola, inkluż permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-finanzjament u għas-swieq u l-eliminazzjoni ta’ inċentivi li joħolqu sistemi ta’ produzzjoni mhux sostenibbli;

    ·isaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi agrikoli u l-esportaturi f’katini ta’ valur globali, inkluż permezz tat-tneħħija tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-bini ta’ kapaċità fil-qasam ta’ standards sanitarji u fitosanitarji, u l-promozzjoni ta’ skemi għal kummerċ ġust;

    ·jiżguraw ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti Afrikani u għall-prodotti agrikoli u alimentari Ewropej u jwettqu azzjonijiet biex jappoġġaw lill-komunitajiet lokali biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-IĠ biex javvanzaw fil-ktajjen tal-valur reġjonali u mondjali;

    dwar is-sajd u l-akkwakultura,

    ·jikkonkludu u / jew iġeddu ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPA - sustainable fisheries partnership agreements), biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ħut u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-sajd;

    ·jikkumbattu kontra s-sajd illegalrapporti, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU - illegal, unreported and unregulated), u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

    ·jiżviluppaw akwakultura sostenibbli, permezz ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ liċenzjar, ġestjoni tat-territorju effettiva għal effiċjenza massima u s-sostenibbiltà, u kondizzjonijiet aktar ekwi għal investituri nazzjonali u barranin;

    dwar l-enerġija sostenibbli,

    ·jikkontribwixxu għal aċċess universali għall-enerġija u l-użu produttiv tal-enerġija għall-atturi ekonomiċi kollha, inkluż bit-tisħiħ tal-investiment fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-effiċjenza enerġetika u billi jiġu ffaċilitati swieq tal-enerġija miftuħa, trasparenti u funzjonali li jixprunaw l-investimenti, it-trasferiment ta’ teknoloġija ta’ benefiċċju reċiproku, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    ·joħolqu u jsaħħu l-interkonnessjonijiet tal-enerġija effettiva fi ħdan l-Afrika u bejn l-Ewropa u l-Afrika biex tiġi żgurata provvista ta’ enerġija affidabbli u affordabbli, u jsegwu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea

    ·iżidu l-finanzjament pubbliku u privat għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ inizjattivi nazzjonali u reġjonali rilevanti, inkluża l-Inizjattiva Afrikana għall-Enerġija Rinovvabbli (AREI - African Renewable Energy Initiative).

    dwar l-ekonomija ekoloġika

    ·jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, b’użu effiċjenti tar-riżorsi u ekonomija ċirkolari, inkluż permezz ta’ appoġġ ta’ metodi sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni u miżuri dwar il-prevenzjoni tal-iskart u l-ġestjoni tal-iskart li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent

    ·itejbu l-għarfien u l-kapaċità fuq għażliet strateġiċi u l-aħjar prattiki biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ prodotti u riżorsi naturali

    dwar l-estrazzjoni ta’ komoditajiet,

    ·jiżguraw aċċess ġust, sostenibbli u mingħajr distorsjoni għas-settur estrattiv, inklużi l-minjieri f’qiegħ il-baħar, għall-atturi ekonomiċi kollha, b’rispett sħiħ għas-sovranità ta’ kull pajjiż fuq ir-riżorsi naturali tiegħu u l-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli;

    ·jiksbu aktar trasparenza u responsabbiltà fil-ġestjoni tal-industriji estrattivi, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-Inizjattiva għat-Trasparenza fl-Industriji Estrattivi u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi rilevanti oħra dwar il-provenjenza responsabbli tal-minerali li joriġinaw minn żoni affettwati minn konflitti;

    ·isaħħu r-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli tan-negozji tul il-katina tal-valur kollha, inkluż permezz tal-iżvilupp u / jew l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti, filwaqt li jikkunsidraw l-istandards internazzjonali;

    dwar it-trasport u l-infrastruttura,

    ·itejbu t-trasport fuq l-art fl-Afrika sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment tal-oġġetti u tan-nies, filwaqt li jiggarantixxu aktar trasparenza u kompetizzjoni għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura;

    ·jiżguraw il-provvista kompetittiva ta’ servizzi tat-trasport marittimu, inkluż aċċess bla restrizzjonijiet għall-portijiet;

    ·isaħħu r-relazzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni bil-għan li jissaħħu l-opportunitajiet ta’ investiment, u t-twessigħ u t-tfannid tal-kooperazzjoni regolatorja, u t-titjib tas-sikurezza u s-sigurtà;

    ·jiżguraw konnettività diġitali bi prezz raġonevoli, inklużiva u affidabbli, appoġġata minn ambjent regolatorju abilitanti u jippromwovu l-użu tas-sistema Ewropea ta’ navigazzjoni globali bis-satellita (Galileo) u s-sistema ta’ awmentazzjoni bis-satellita (EGNOS), b’attenzjoni fuq punti ta’ interess reċiproku;

    dwar teknoloġiji ġodda u innovazzjoni,

    ·jiżviluppaw u jsaħħu l-ekonomija diġitali, il-komunikazzjonijiet elettroniċi, is-servizzi fiduċjarji u l-protezzjoni ta’ data personali, il-kummerċ elettroniku u l-gvern elettroniku, l-iżgurar tal-iżvilupp u l-użu ta’ standards internazzjonali, data u swieq miftuħa, protezzjoni tal-konsumatur u aktar aċċess għal servizzi diġitali;

    ·jiżguraw l-aċċess għal teknoloġiji u servizzi diġitali għaċ-ċittadini u għall-atturi ekonomiċi kollha, inkluż il-ħolqien ta’ politika favorevoli u qafas regolatorju li jippermetti l-intraprenditorija diġitali, l-investimenti transfruntiera u l-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu.

    ·l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku li jkollhom l-għan li jinkoraġġixxu l-progress xjentifiku u t-trasferiment ta’ teknoloġija u kompetenza;

    ·jappoġġaw l-innovazzjoni adatta għall-bżonnijiet lokali, id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tranżizzjoni lejn ekonomiji bbażati fuq l-għarfien.

    Kooperazzjoni kummerċjali

    Il-Ftehim se jimmira li jrawwem opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment bejn il-Partijiet għall-benefiċċju ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    ·jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ qafas u l-politiki domestiċi tajbin huma fis-seħħ biex jiġu ffaċilitati aktar flussi tal-kummerċ li jwasslu għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli, inkluż permezz ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-intraprenditorija u aktar investimenti f’setturi intensivi tax-xogħol u servizzi b’valur miżjud u d-dħul f’katini ta’ valur globali u reġjonali;

    ·isaħħu l-mekkaniżmi, il-proċeduri u l-istituzzjonijiet sabiex titjieb il-kapaċità li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki kummerċjali, kif ukoll biex is-settur privat ikun jista’ jieħu vantaġġ minn dawn il-politiki u miż-żieda fl-opportunitajiet;

    ·jibnu fuq, irawmu u jappoġġaw il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali, inkluż l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-armonizzazzjoni regolatorja, sabiex jgħinu lill-pajjiżi jieħdu aktar vantaġġ kummerċjali mal-ġirien tagħhom, u biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-istabbiltà, il-koeżjoni u l-prosperità reġjonali;

    ·jappoġġaw it-tħejjijiet għal Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali (CFTA - Continental Free Trade Area);

    Titolu IV Żvilupp uman u dinjità

    Il-Ftehim se jafferma d-determinazzjoni tal-Partijiet biex jeqirdu l-faqar fil-forom kollha sal-2030, jindirizzaw b’mod effettiv l-inugwaljanza u jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u joħolqu l-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni effettiva tan-nies fil-ħajja demokratika u kontribuzzjoni attiva għal tkabbir ekonomiku sostenibbli.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-edukazzjoni,

    ·jiżguraw li l-bniet u u / jews-subien kollha jkollhom aċċess għal żvilupp, kura u edukazzjoni qabel il-primarja ta' kwalità fil-bidu tat-tfulija u jintlaħaq l-objettiv li l-bniet u s-subien kollha jkollhom edukazzjoni primarja u sekondarja bla ħlas, ekwa u ta’ kwalità, permezz ta’ tisħiħ tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni fil-livelli kollha;

    ·isaħħu r-reġistrazzjonijiet u l-kwalità fl-edukazzjoni terzjarja u jiżguraw il-kostituzzjoni ta’ massa kritika ta’ ħaddiema tas-sengħa ta' innovazzjoni u għażagħ b’edukazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u litteriżmu u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali;

    ·isaħħu opportunitajiet għal riċerka kollaborativa tal-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u r-riċerka fl-insegwiment ta’ eċċellenza xjentifika ta’ benefiċċju reċiproku;

    dwar is-saħħa,

    ·jiksbu kopertura universali tas-saħħa u aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa permezz tat-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa fil-livelli kollha;

    ·jiżguraw is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR) inkluż l-aċċess universali għal servizzi komprensivi ta’ kwalità u bi prezz aċċessibbli tas-saħħa sesswali u riproduttiva, edukazzjoni, informazzjoni u servizzi;

    ·jappoġġaw l-aċċess għal mediċini u vaċċini, lejn il-ksib tal-mira ta’ mediċini u vaċini sikuri, affordabbli u essenzjali għal kulħadd;

    ·isaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi Afrikani għal twissija bikrija, it-tnaqqis tar-riskju u l-ġestjoni ta’ riskji tas-saħħa nazzjonali u globali, inkluż fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti;

    ·jippromwovu miżuri għat-tnaqqis ta’ mard li ma jitteħidx u l-fatturi ta’ riskju tagħhom u b’hekk jevitaw mard li jista’ jiġi evitat u l-piż soċjali assoċjati miegħu, waqt li jiffukaw fuq it-tfal u gruppi vulnerabbli;

    ·jippromwovu l-iskambju ta’ għarfien, esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi;

    ·jieħdu miżuri biex jimplimentaw it-trattati globali tas-saħħa.

    dwar il-ħarsien soċjali,

    ·jadottaw politiki ta’ sostenn biex jinkiseb u jinżamm tkabbir fid-dħul tal-40 % tal-popolazzjoni li jinsabu fl-aktar livell baxx f’rata ogħla mill-medja nazzjonali;

    ·jestendu l-koperatura tal-protezzjoni soċjali, permezz ta’ sigurtà għad-dħul bażiku u skemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu adegwati u kapaċi jirreaġixxu għax-xokkijiet;

    ·joħolqu swieq tax-xogħol aktar inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u politiki dwar l-impjiegi diretti lejn xogħol diċenti għal kulħadd, inkluż l-iffaċilitar ta’ tranżizzjoni aktar faċli mill-ekonomija informali għal dik formali;

    dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

    ·jiżguraw li kulħadd jiffirma, jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW - Convention on the Elimination of all forms of Discrimination Against Women) kif ukoll il-protokoll addizzjonali tagħha dwar id-drittijiet tan-nisa;

    ·jiżguraw l-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u tan-nisa, billi jeliminaw il-forom kollha ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess, inklużi l-mutilazzjoni u l-qtugħ ġenitali femminili (MĠF/Q) u prattiċi tradizzjonali ta’ ħsara oħrajn, it-tmiem taż-żwieġ tat-tfal u żwiġijiet furzati;

    ·jiżguraw li d-drittijiet soċjali tal-bniet u tan-nisa jiġu rispettati u promossi, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni u tas-saħħa, waqt li jirrikonoxxu r-rwol kritiku tan-nisa għar-realizzazzjoni tad-dividend demografiku;

    ·isaħħu il-leħen u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika tal-bniet u tan-nisa u fil-proċessi ta’ paċi u fl-isforzi ta’ medjazzjoni;

    ·isaħħu d-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji, il-kontroll u l-użu tal-art u assi produttivi oħra, u l-appoġġ għal intraprendituri nisa;

    dwar iż-żgħażagħ,

    ·iżidu l-assistenza biex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-aċċess għat-teknoloġiji diġitali;

    ·jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli b’kondizzjonijiet tax-xogħol diċenti u jaħdmu kontra l-iżvilupp ta’ radikalizzazzjoni vjolenti;

    ·jippromwovu awtonomizzazzjoni u ċ-ċittadinanza responsabbli taż-żgħażagħ, billi jiftħu spazji għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-livelli kollha tas-soċjetà, u japoġġaw inizjattivi ta’ djalogu interkulturali fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

    dwar is-sigurtà alimentari,

    ·jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal biżżejjed ikel affordabbli, sikur u sustanzjuż, bl-għan li jinqered il-ġuħ u tipi oħra ta’ kriżi alimentari;

    ·isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja biex l-kriżijiet tal-ikel ikunu antiċipati, ipprevenuti u mħejjija aħjar, jiżguraw azzjoni f’waqtha biex jagħmlu l-ikel disponibbli lokalment, u jindirizzaw l-kawżi primarji ta’ volatilità eċċessiva tal-prezzijiet;

    ·itaffu l-esponiment ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali msaħħa;

    ·jiżguraw li l-impenji dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni huma implimentati u li tingħata attenzjoni partikolari lill-popolazzjonijiet li jbatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni fejn il-kapaċità istituzzjonali hija dgħajfa u diżastri frekwenti jew konflitti għandhom effett devastanti fuq l-aktar gruppi vulnerabbli bħalma huwa l-każ f’pajjiżi fraġli;

    ·jipprevjenu ż-żieda ta’ mard li ma jitteħidx b’appoġġ ta’ dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa.

    dwar is-sigurtà tal-ilma,

    ·jiżguraw aċċess sikur u suffiċjenti għal ilma tajjeb għax-xorb b'kost affordabbli sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi, inklużi faċilitajiet sanitarji u ta’ iġjene, u jissalvagwardjaw is-saħħa u l-livelli ta’ benesseri;

    ·jiżguraw provvisti tal-ilma effiċjenti għall-iżvilupp u l-attivitajiet soċjoekonomiċi u jippreservaw u jipproteġu l-ekosistemi f’allokazzjoni tal-ilma u sistemi ta’ ġestjoni;

    ·jippromwovu l-kooperazzjoni għal ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma transfruntiera bil-ħsieb li tinkiseb is-sostenibbiltà tal-ilma ħelu, ilaħħqu mal-inċertezzi ta’ perikli relatati mal-ilma (eż. għargħar, nixfiet u tniġġis), u l-prevenzjoni tar-riskji ta’ konflitti;

    dwar il-kooperazzjoni kulturali,

    ·isaħħu l-industriji kulturali u kreattivi;

    ·irawmu skambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali;

    ·jippromwovu t-tisħiħ ta’ wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli kif ukoll id-diversità tal-espressjonijiet kulturali.

    Titolu V Mobbiltà u migrazzjoni

    Il-Ftehim, li jibni fuq inizjattivi eżistenti (eż. l-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni, il-Qafas ta’ Sħubija, il-proċessi ta’ Rabat u Khartoum; is-Summit tal-Belt Valletta), se jirrikonoxxu li interessi Afrikani u Ewropej dwar il-migrazzjoni huma interkonnessi u li meta jkunu indirizzati b’mod xieraq, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi effettivi għar-ritorn u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari, il-migrazzjoni u l-mobbiltà jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-flussi tal-kompetenzi u l-għarfien.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar il-migrazzjoni legali,

    ·iżidu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà għal studenti, riċerkaturi u professjonisti;

    ·jiffaċilitaw żjarat qosra fi ħdan il-qafas legali eżistenti, għal skopijiet ta’ negozju u investiment;

    ·jaħdmu lejn il-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, inkluż permezz tat-trasferiment u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, il-protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra kull forma ta’ sfruttament;

    dwar il-migrazzjoni irregolari,

    ·itejbu l-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, itejbu l-ġbir u l-kondiviżjoni ta' intelligence, u jrawmu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

    ·jikkonfermaw l-impenn legali tal-Partijiet li jieħdu lura n-nazzjonali proprji li jkunu jinsabu irregolarment fit-territorju ta’ Parti oħra, fuq talba ta’ din tal-aħħar u mingħajr il-kondizzjonalità, u jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiżguraw li dan l-obbligu jiġi sodisfatt b’mod effettiv, u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom biex jirreaġixxu malajr għal talbiet ta’ riammissjoni (pereżempju permezz tal-identifikazzjoni tan-nazzjonali tagħhom, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn jew l-aċċettazzjoni tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-UE għar-ritorn, reazzjoni f’waqtha dwar formalitajiet ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn)

    ·Il-Partijiet se jiżviluppaw u jadottaw ukoll leġiżlazzjoni skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) u l-Protokolli supplimentari tagħha (il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru u l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal), bħala strumenti legali internazzjonali biex jiġġieldu kontra l-kuntrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin;

    ·iniedu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost migranti potenzjali dwar ir-riskji marbuta mal-migrazzjoni irregolari;

    ·jintensifikaw l-azzjoni kontra netwerks ta’ kuntrabandisti u traffikanti permezz ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni, sistemi ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali;

    dwar kwistjonijiet oħra relatati mal-migrazzjoni

    ·inaqqsu għal anqas minn 3 fil-mija l-kostijiet ta’ tranżazzjoni ta’ rimessi tal-migranti, jeliminaw il-kurituri tar-rimessi b’kostijiet għola minn 5 fil-mija, u jtejbu l-oqfsa regolatorji għal aktar involviment ta’ atturi mhux tradizzjonali, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda;

    ·iħeġġu l-involviment tad-dijaspora f’pajjiżi ta’ oriġini, bħala xprun għall-iżvilupp ekonomiku lokali;

    ·jiżguraw li l-migrazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar (bejn u fi ħdan il-pajjiżi Afrikani) hija indirizzata b’mod adegwat fl-aġendi tal-iżvilupp nazzjonali u reġjonali;

    ·jiżguraw l-ogħla livell ta’ protezzjoni u assistenza lil persuni spostati bil-forza, inkluż refuġjati, persuni li jfittxu l-ażil u persuni spostati internament, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ tqassim tar-responsabbiltà u f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali.

    Titolu VI Tibdil fil-klima u sostenibbiltà ambjentali

    Il-Ftehim se jirriafferma li l-azzjonijiet ambizzjużi ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament huma essenzjali biex jiġu ġestiti u mtaffija r-riskji tat-tibdil fil-klima u, b’mod aktar ġenerali, li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent hija l-bażi vitali għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-azzjoni klimatika,

    ·jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima permezz Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs — Nationally Determined Contributions) u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali;

    ·jagħmlu l-flussi finanzjarji eżistenti u jesploraw finanzjament innovattiv u konsistenti b’perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

    ·jibnu u / jew isaħħu l-kapaċità umana u istituzzjonali xjentifika u teknika għal monitoraġġ u ġestjoni ambjentali u tal-klima, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ osservazzjoni tad-dinja u sistemi ta’ informazzjoni bħal Copernicus;

    ·jiżviluppaw u / jew isaħħu tkabbir ekoloġiku u tkabbir blu sostenibbli f’setturi ekonomiċi ewlenin;

    dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi,

    ·jippromwovu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-ekosistemi, b’mod partikolari tal-baċin tal-Kongo, sabiex jippermettu l-iżvilupp ta’ pajjiżi, l-għajxien għall-popolazzjoni lokali u s-servizzi tal-ekosistema lokalment u globalment;

    ·jipproteġu l-organiżmi selvaġġi u jżidu l-għarfien pubbliku dwar il-ħarsien tal-organiżmi selvaġġi u t-traffikar fil-livelli kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES - Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora) u oqfsa internazzjonali relevanti oħra;

    ·jippreservaw iż-żoni kostali u marini u jitnaqqas ir-residwu tal-baħar, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ linji politiċi għall-prevenzjoni tal-iskart u l-avvanz tal-operazzjonijiet tat-tindif tal-oċeani;

    ·isaħħu l-involviment tal-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni tal-ekosistemi, jagħtu prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi oħra, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

    dwar in-nixfa, id-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art,

    ·jippromwovu approċċi integrati li jindirizzaw in-nixfa, id-degradazzjoni tal-art u d-deżertifikazzjoni, inkluż permezz tal-iżgurar ta’ drittijiet u pusess tal-art sostenibbli u ekwi, art sostebibbli, u l-ġestjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-foresti, u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi sostenibbli għan-nies f’żoni rurali;

    ·iħaffu l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD - UN Convention to Combat Desertification) il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAP - National Action Plans) u inizjattivi reġjonali u internazzjonali rilevanti oħrajn, inkluża l-inizjattiva Great Green Wall;

    ·jimmobilizzaw riżorsi addizzjonali fil-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art u jsaħħu l-involviment tal-komunitajiet lokali;

    dwar il-forestrija,

    ·jippromwovu l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ tal-Foresti (FLEGT - Forest Law Enforcement, Governance and Trade), inkluż permezz tal-konklużjoni u / jew l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarji (VPA - Voluntary Partnership Agreements), u jsaħħu l-koerenza u l-interazzjonijiet pożittivi fil-livell tal-pajjiżi bejn il-FLEGT u l-programm tan-NU dwar it-Tnaqqis ta’ Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+);

    ·jaħdmu kontra l-qtugħ illegali tas-siġar, il-kummerċ illegali tal-injam u prodotti tal-injam, iżidu l-għarfien pubbliku dwar id-deforestazzjoni fil-livelli kollha, u jinkoraġġixxu l-konsum ta’ prodotti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli;

    ·isaħħu l-involviment ta’ komunitajiet lokali, fil-protezzjoni tal-foresti, jagħtu prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi oħra fil-konservazzjoni tal-ekosistemi;

    dwar l-urbanizzazzjoni sostenibbli,

    ·joħolqu ambjent legali u politiku għal żvilupp urban sostenibbli f’konformità mal-Aġenda Urbana Ġdida tan-NU, billi jinvolvu b’mod attiv lill-awtoritajiet lokali, b’attenzjoni partikolari għall-akkwiżizzjoni tal-art u għad-drittijiet tal-proprjetà trasparenti u regolati;

    ·itejbu l-bini tal-kapaċitajiet u jimpenjaw ruħhom f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali;

    ·jibnu soluzzjonijiet ta’ enerġija sostenibbli u ta’ mobilità urbana, b’appoġġ minn finanzjament adegwat fil-livell domestiku u internazzjonali, inkluż permezz ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat;

    ·itejbu l-ġestjoni tal-iskart u s-sustanzi perikolużi kollha u jindirizzaw il-forom kollha tat-tniġġis;

    ·jippromwovu soluzzjonijiet imsejsa fin-natura biex tissaħħaħ ir-reżiljenza f’żoni urbani.



    4.PATT BEJN L-UE U L-KARIBEW

    Parti 1 BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

    Il-Ftehim se jiddikjara li s-Sħubija bejn l-UE u l-Karibew tikkonsisti mill-objettivi ġenerali, il-prinċipji u l-impenji stabbiliti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, u mill-objettivi speċifiċi u l-impenji stabbiliti f’dan il-Protokoll.

    Il-Ftehim se japprofondixxi r-relazzjonijiet eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Karibew u l-istabbiliment ta’ sħubija politika u ta’ benefiċċju reċiproku, li jippermetti biex titwettaq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u dwar l-interessi ta’ kull waħda mill-Partijiet.

    B’mod aktar speċifiku, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    ·jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jiżguraw aċċess effettiv u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, sabiex jiġġeneraw żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;

    ·isaħħu l-investiment pubbliku u privat u joħolqu impjiegi diċenti għal kulħadd;

    ·jibnu soċjetajiet inklużivi, li jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jipprovdu alternattivi vijabbli għaż-żgħażagħ, appoġġati minn politiki ta’ protezzjoni soċjali effiċjenti;

    ·jiżguraw konformità ma’ normi globali dwar il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-governanza fiskali.

    Il-Ftehim se jibni fuq l-Istrateġija ta’ Sħubija Konġunta UE-Karibew u jissostitwiha.

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi r-rabtiet mill-qrib tar-Reġjuni Ultraperiferiċi (OR -Outermost Regions) u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (OCT - Overseas Countries and Territories) tal-UE ma’ pajjiżi tal-Karibew u r-rwol tagħhom fl-integrazzjoni reġjonali.

    Il-Ftehim se jinkludi impenn mill-Partijiet biex jiġi implimentat il-Protokoll bejn l-UE u l-Karibew permezz ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni suċċessivi fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

    Il-Ftehim se jintroduċi sistema biex jiġi mmonitorjat il-progress, permezz tad-djalogu politiku fil-livelli kollha, abbażi ta’ indikaturi ċari u eżiti li jistgħu jitkejlu, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni timxi kif previst.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet jistgħu jirrieżaminaw il-Protokoll fuq bażi regolari u kif ikun xieraq, bil-ħsieb li jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu.

    Parti 2 PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

    Titlu I Tibdil fil-klima u użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

    Il-Ftehim se jirriafferma li l-azzjonijiet ambizzjużi ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament huma essenzjali biex jiġu ġestiti u mtaffija r-riskji tat-tibdil fil-klima u, b’mod aktar ġenerali, li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent hija l-bażi vitali għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-azzjoni klimatika,

    ·jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, permezz ta’ Kontribuzzjonijiet Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs - Nationally Determined Contributions) u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali;

    ·jagħmlu l-flussi finanzjarji eżistenti u jesploraw għodod ta’ finanzjament innovattiv u konsistenti b’perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

    ·jibnu u / jew isaħħu l-kapaċità umana u istituzzjonali xjentifika u teknika għal monitoraġġ u ġestjoni ambjentali u tal-klima, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ osservazzjoni tad-dinja u sistemi ta’ informazzjoni;

    ·jiżviluppaw u / jew isaħħu tkabbir ekoloġiku u tkabbir blu sostenibbli f’setturi ekonomiċi ewlenin;

    dwar sostenibilità ambjentali,

    ·jippromwovu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-ekosistemi, sabiex jippermettu l-iżvilupp ta’ pajjiżi, l-għajxien għall-popolazzjoni lokali u s-servizzi tal-ekosistema lokalment u globalment;

    ·iwaqqfu d-deforestazzjoni u jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

    ·jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

    ·itejbu l-ġestjoni tal-iskart – inkluż permezz ta’ sistemi effiċjenti ta’ ġbir u riċiklaġġ effettiv – u tas-sustanzi perikolużi kollha;

    dwar il-governanza tal-oċeani,

    ·jippriservaw l-ekosistemi kostali u tal-baħar, filwaqt li jagħtu prijorità lill-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd u tat-turiżmu u fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ tkabbir blu;

    ·jikkumbattu kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU - Illegal, Unreported and Unregulated), u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

    ·inaqqsu r-residwi fil-baħar, jiffokaw fuq il-kawżi bażiċi tal-iskart tal-baħar, inkluż permezz ta’ politika ta’ prevenzjoni tal-iskart u l-espansjoni ta’ operazzjonijiet ta’ tindif tal-oċeani, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni ta’ akkumulazzjoni fil-vortiċi tal-oċeani;

    ·isaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali biex b’mod responsabbli jiġġestixxu r-riżorsi kostali u dawk oċeaniċi;

    ·jippromwovu l-valorizzazzjoni tal-kapital naturali tal-baħar u tal-kosta

    dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri,

    ·iżidu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, ta' twissija bikrija u dawk ta’ valutazzjoni tar-riskju biex b'hekk itejbu l-prevenzjoni, l-mitigazzjoni, it-tħejjija, ir-rispons u l-miżuri ta’ rkupru fil-livell domestiku, sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-infrastruttura tagħhom f’konformità mal-prijoritajiet tal-Qafas ta’ Sendai;

    ·isaħħu l-kapaċità reġjonali ta’ reazzjoni għad-diżastri u għar-rispons ta’ emerġenza, inklużi l-mekkaniżmi tal-protezzjoni ċivili;

    ·irawmu kooperazzjoni permezz tal-użu ta’ teknoloġiji u informazzjoni fis-settur spazjali;

    ·jiżguraw is-sjieda lokali bl-involviment tal-komunitajiet affettwati, tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ risponsi ta’ politika, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-familji l-aktar vulnerabbli u lill-gruppi marġinalizzati.

    Titolu II: Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli

    Il-Ftehim se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet, itejjeb l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja, jinċentiva l-investiment u l-opportunitajiet kummerċjali, u jappoġġa t-tranżizzjoni lejn okkupazzjoni sħiħa u ta’ kwalità, ir-rispett u l-protezzjoni tal-istandards fundamentali tax-xogħol, u s-sostenibbiltà ambjentali. Huwa se jsaħħaħ l-iżvilupp tas-settur privat fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi

    Vetturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ostakli kruċjali li jeħtieġu intervent pubbliku – minbarra l-investiment strutturali fl-infrastrutturi (pereżempju l-enerġija, it-trasport, il-konnettività diġitali) – kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jinħoloq ambjent ta’ negozju li jiffaċilita flussi akbar ta’ investiment u żvilupp tas-settur privat.

    Għal dan il-għan, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom inter alia biex:

    ·joħolqu ambjent legali li jgħin, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-art u lid-drittijiet tal-proprjetà, lill-proprjetà intellettwali u lill-investiment, it-tnaqqis tal-burokrazija permezz tat-tnaqqis tal-kostijiet għal ċertifikazzjoni, liċenzji u l-aċċess għall-finanzi, il-politiki tal-kompetizzjoni tajba inklużi t-trasparenza fir-rigward ta’ sussidji pubbliċi, u l-adozzjoni ta’ sistemi tat-taxxa effikaċi u prevedibbli;

    ·jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni faċilment aċċessibbli u adegwata dwar kif jistgħu jespandu n-negozju tagħhom fil-Karibew, biex b’hekk jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien ta’ negozju;

    ·jagħmlu użu aktar strateġiku tal-finanzi pubbliċi, inklużi strumenti ta’ finanzjament imħallat biex jattiraw investiment pubbliku u privat addizzjonali;

    ·iżidu l-aċċess domestiku għall-finanzjament, inkluż permezz ta’ riformi tas-sistema finanzjarja biex jiżviluppaw sistemi ta’ ħidma bankarja u mhux bankarja vijabbli u mekkaniżmi u skemi innovattivi ta’ finanzjament;

    ·jiżviluppaw u jsaħħu s-servizzi finanzjarji diġitali, inklużi sistemi bankarji mobbli, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni msaħħa dwar l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u jiżguraw swieq miftuħa, il-protezzjoni tal-konsumatur u aktar aċċess għal servizzi mobbli;

    ·isaħħu s-sistemi tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali (TVET) misjuqa aktar mid-domanda, adattati għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali.

    Setturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Partijiet se jiffokaw, inter alia,, fuq dawn is-setturi strateġiċi li ġejjin li mistennija jkollhom effett multiplikatur għoli lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, biex jiġi żgurat li t-tkabbir ekonomiku jmur id f’id mas-sostenibbiltà ambjentali.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-ekonomija ekoloġika

    ·jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, b’użu effiċjenti tar-riżorsi u ekonomija ċirkolari, inkluż permezz ta’ appoġġ ta’ metodi sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni u miżuri dwar il-prevenzjoni tal-iskart u l-ġestjoni tal-iskart li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent

    ·itejbu l-għarfien u l-kapaċità fuq għażliet strateġiċi u l-aħjar prattiki biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ prodotti u riżorsi naturali

    dwar tkabbir blu sostenibbli,

    ·jikkonkludu u / jew iġeddu ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs), li jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd, il-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-sajd, u il-kapaċità akbar tal-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd;

    ·jiżviluppaw akwakultura sostenibbli, permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-liċenzjar, ippjanar effettiv tal-ispazju għal effiċjenza u sostenibbiltà massima, kif ukoll titjib fil-livell tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-investituri;

    ·jiżguraw aċċess ġust, sostenibbli u mingħajr distorsjoni għas-setturi tal-estrazzjoni, inkluża l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, għall-atturi ekonomiċi kollha, filwaqt li jtqisu t-tħassib dwar is-sostenibbiltà, kif ukoll jiksbu aktar trasparenza u responsabbiltà inkluż permezz tal-promozzjoni tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi relevanti oħra;

    ·jiżguraw aċċess mingħajr restrizzjoni għas-swieq u l-kummerċ marittimi internazzjonali, inklużi l-portijiet, abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta u fuq bażi kummerċjali;

    dwar l-enerġija sostenibbli,

    ·jikkontribwixxu għal aċċess universali għall-enerġija u għal provvista sostenibbli tal-enerġija għall-atturi ekonomiċi kollha, kif ukoll jinċentivaw l-investimenti inkluż fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika filwaqt li jindirizzaw id-distorsjonijiet detrimentali tas-suq;

    ·jintensifikaw il-finanzjament pubbliku u privat tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-iżvilupp u l-utilizzazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija li huma nodfa, diversi u sostenibbli, inklużi teknoloġiji rinnovabbli u b’emissjonjieti baxxi tal-enerġija;

    dwar it-turiżmu,

    ·jagħtu spinta lill-investiment fis-settur turistiku, permezz ta’ strateġiji aġevolati ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni, taħriġ professjonali u l-utilizzazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali;

    ·isaħħu r-rabtiet bejn is-settur turistiku u setturi oħra relevanti, b’mod partikolari l-agrikoltura u s-sajd, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll għat-turiżmu agrikolu u marittimu;

    ·jintegraw l-użu sostenibbli u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-ippjanar u l-iżvilupp tal-politika dwar it-turiżmu;

    ·jippromwovu turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità għolja, li jirrispetta l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali;

    dwar il-konnettività tan-nies u tal-postijiet,

    ·jibnu sistemi infrastrutturali ta’ kwalità u sostenibbli sabiex jiffaċilitaw il-moviment tal-merkanzija u tal-persuni, filwaqt li jippromwovu prattiki ambjentali tajbin f’konformità ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali stabbiliti;

    ·jiżguraw aċċess għas-swieq tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (pereż. it-telekomunikazzjoni, l-internet) għall-atturi ekonomiċi kollha, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ oqfsa leġiżlattivi favorevoli u s-sostenn ta’ investimenti mmirati,kif ukoll jipprevedu l-użu affordabbli tat-teknoloġiji diġitali għall-individwi u għan-negozji;

    ·jippromwovu skambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali inkluż l-organizzazzjoni konġunta ta’ avvenimenti kulturali;

    ·isaħħu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (OR - Outermost Regions) u l-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCT).

    ·irawmu u jappoġġaw il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fi ħdan il-Karibew kif ukoll mal-Amerika Latina;

    Kooperazzjoni kummerċjali

    Il-Ftehim se jimmira li jrawwem opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment bejn il-Partijiet għall-benefiċċju ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli.

    Għal dan il-għan, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom, inter alia, biex:

    ·isaħħu l-mekkaniżmi u l-proċeduri u jżidu il-kapaċità, fi ħdan l-arranġamenti kummerċjali miftiehma;

    ·jiżguraw li l-kondizzjonijiet qafas u l-linji ta’ politika domestiċi t-tajba jkunu fis-seħħ biex jiġu ffaċilitati aktar flussi tal-kummerċ li jwasslu għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli, għall-ħolqien tal-impjiegi, għad-diversifikazzjoni ekonomika u għall-industrijalizzazzjoni, inkluż permezz ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-intraprenditorija u aktar investimenti f’setturi li jżiedu l-valur u jirrikjedu ħafna ħaddiema u li jidħlu f’katini ta’ valur globali u reġjonali;

    ·isaħħu l-mekkaniżmi, il-proċeduri u l-istituzzjonijiet sabiex titjieb il-kapaċità li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki kummerċjali, kif ukoll biex is-settur privat ikun jista’ jieħu vantaġġ minn dawn il-politiki u miż-żieda fl-opportunitajiet;

    ·jibnu fuq, irawmu u jappoġġaw il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali, inkluż l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-armonizzazzjoni regolatorja, sabiex jgħinu lill-pajjiżi jieħdu aktar vantaġġ kummerċjali mal-ġirien tagħhom, u biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-istabbiltà, il-koeżjoni u l-prosperità reġjonali.

    Titolu III: Sigurtà tal-bniedem, drittijiet tal-bniedem u governanza tajba

    Il-Ftehim se jtenni li soċjetajiet reżiljenti – b’istituzzjonijiet responsabbli, demokratiċi, effettivi u trasparenti, fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma protetti għal kollox u huwa ggarantit spazju adegwat għaċ-ċittadini u l-gruppi li jesprimu l-aspirazzjonijiet u jagħti forma lil politiki – huma dawk l-aktar ippreparati biex jadattaw, jirreaġixxu u jimmaniġġaw kif suppost it-tibdil kemm domestiku kif ukoll dak fl-ambjent estern.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar il-kriminalità u s-sigurtà taċ-ċittadini,

    ·jikkumbattu l-produzzjoni, it-traffikar u l-konsum tad-drogi illeċiti b’fokus speċjali fuq in-naħa tad-domanda, permezz tal-prevenzjoni u tat-taħriġ;

    ·itejbu l-ġestjoni tal-flussi migratorji u jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, l-ispostament furzat u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħra, kontroll strateġiku kummerċjali ta’ oġġetti b’użu doppju, permezz ta’ titjib fil-ġestjoni tal-kontroll tal-fruntieri, l-intelligence transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju ta’ esperti u assistenza teknika;

    ·jindirizzaw l-vjolenza bejn il-klikkek b’approċċ komprensiv, ibbażat fuq il-kawżi sottostanti u preventiv, filwaqt li jindirizzaw dawk il-fatturi li jistgħu joħolqu ambjent li jwassal għar-radikalizzazzjoni;

    ·jikkooperaw sabiex jimpedixxu l-użu tas-sistemi finanzjarji, tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti impriżi u professjonijiet mhux finanzjarji għall-ħasil tar-rikavati minn attivitajiet kriminali (inkluż it-traffikar illeċitu u l-korruzzjoni) u għall-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità ma’ standards internazzjonali;

    dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja,

    ·japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, filwaqt li jagħtu prijorità lir-revokazzjoni ta’ liġijiet diskriminatorji;

    ·irawmu djalogu u kooperazzjoni dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, kif ukoll aġir ħażin mill-forzi tas-sifurtà;

    ·itemmu l-vjolenza domestika, l-isfruttament sesswali u tax-xogħol, jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, itemmu t-tħaddim tat-tfal, l-abbuż tat-tfal u l-pieni korporali, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u kull forma ta’ sfruttament għal profitti, kemm f'ekonomiji legali kif ukoll illegali;

    ·isaħħu l-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt, jiżguraw aċċess ġust għall-ġustizzja, l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, għall-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tal-ġustizzja, u jintemm ix-xogħol b’lura u l-ammont eċċessiv ta’ arrest preventiv; 

    ·itejbu l-kondizzjonijiet fil-ħabs, jimplimentaw programmi ta’ riabilitazzjoni soċjali fid-dawl tal-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-ħabsin, u jindirizzaw il-problemi soċjali u ta’ sigurtà maħluqa mid-deportazzjoni ta’ kriminali minn pajjiżi terzi.

    dwar il-governanza tajba u kwistjonijiet fiskali,

    ·jippromwovu governanza tajba inklużi l-ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont;

    ·jistabbilixxu mekkaniżmi ġodda u jsaħħu dawk eżistenti kontra l-korruzzjoni, it-tixħim u delitt tal-kullar abjad inkluż il-ħasil tal-flus;

    ·jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, b’attenzjoni partikolari biex jiżdiedu t-trasparenza fiskali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, f’konformità mal-istandards u l-oqfsa internazzjonali rilevanti;

    ·jintensifikaw id-djalogu politiku ma’ ġurisdizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa li ma jikkooperawx bil-għan li jintlaħqu standards dinjin ta’ governanza fiskali.

    Titolu IV: Żvilupp tal-bniedem u koeżjoni soċjali

    Il-Ftehim se jafferma d-determinazzjoni tal-Partijiet biex jeqirdu l-faqar fil-forom kollha sal-2030, jindirizzaw b’mod effettiv l-inugwaljanza u jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u joħolqu l-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni effettiva tan-nies fil-ħajja demokratika u kontribuzzjoni attiva għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa se jirrikonoxxi wkoll il-protezzjoni soċjali bħala investiment fundamentali għall-eradikazzjoni tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza, u bħala mezz importanti biex jinħoloq ċiklu ta’ awtotisħiħ lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, billi l-qliegħ ekonomiku jerġa’ jiġi investit b’mod aktar wiesa’ fis-soċjetà u fin-nies.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-iżviupp tal-bniedem,

    ·jiżguraw li t-tfal kollha jikkompletaw perkors ta’ edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, primarja u sekondarja li tkun b’xejn u ekwa u ta’ kwalità u li r-reġisrtazzjonijiet fl-edukazzjoni terzjarja jitjiebu b’mod sinifikanti;

    ·jiksbu kopertura sanitarja universali u aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR - sexual and reproductive health and rights) permezz tat-tisħiħ tas-sistemi sanitarji nazzjonali f’kull livell u jtejbu l-kapaċità għat-twissija bikrija, it-tnaqqis tar-riskju u l-ġestjoni ta’ riskji nazzjonali u globali, jieħdu miżuri biex jimplimentaw trattati globali dwar is-saħħa;

    ·jiżguraw aċċess sikur u suffiċjenti għal ilma tajjeb għax-xorb b'kost affordabbli sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi, inklużi faċilitajiet sanitarji u ta’ iġjene, u jissalvagwardjaw is-saħħa u l-livelli ta’ benesseri;

    ·jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel biżżejjed, affordabbli, sikur u nutrittiv;

    ·jipprevjenu ż-żieda ta’ mard li ma jitteħidx b’appoġġ ta’ dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa;

    ·jindirizzaw l-isfidi li jġib iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni minħabba l-ambjent u l-impatt tiegħu fuq il-migranti u l-komunitajiet tagħhom;

    ·jadottaw politiki ffukati u investiment xieraq biex jippromwovu d-drittijiet taż-żgħażagħ, jiffaċilitaw il-paretċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja soċjali, ċivika u ekonomika;

    dwar il-ħarsien soċjali,

    ·jadottaw politiki ta’ sostenn biex jinkiseb u jinżamm tkabbir fid-dħul tal-40 % tal-popolazzjoni li jinsabu fl-aktar livell baxx f’rata ogħla mill-medja nazzjonali;

    ·jestendu l-koperatura tal-protezzjoni soċjali, permezz ta’ sigurtà għad-dħul bażiku u skemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu adegwati u kapaċi jirreaġixxu għax-xokkijiet;

    ·joħolqu swieq tax-xogħol aktar inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u politiki tal-impjiegi li l-għan tagħhom hu xogħol deċenti għal kulħadd, inkluż it-titjib fil-kondizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema;

    ·jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ekonomija informali, inkluż l-aċċess għall-kreditu u mikrofinanzjament u tisħiħ fil-miżuri tal-protezzjoni soċjali, bil-għan li tiġi ffaċilitata tranżizzjoni mingħajr problemi lejn l-ekonomija formali;

    dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

    ·jiżguraw li kulħadd jiffirma, jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW - Convention on the Elimination of all forms of Discrimination Against Women) kif ukoll il-protokoll addizzjonali tagħha dwar id-drittijiet tan-nisa;

    ·jiżguraw l-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u tan-nisa, billi jeliminaw kull forma ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, inkluż traffikar ta’ bnedmin u jeliminaw iż-żwiġijiet tat-tfal u furzati;

    ·jiżguraw li d-drittijiet soċjali tal-bniet u tan-nisa jiġu rispettati u promossi, l-aktar fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni;

    ·isaħħu l-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa fil-ħajja politika permezz ta’ preżenza aħjar tan-nisa fil-proċessi elettorali, tal-politiki, u tal-governanza, fil-proċessi ta’ paċi u fl-isforzi ta’ medjazzjoni, u billi jagħtu s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-bniet u tan-nisa;

    ·jirrinfurzaw id-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, billi jaġevolaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji, kif ukoll il-kontroll u l-użu tal-art u ta’ assi produttivi oħra, u jappoġġaw lill-intraprendituri nisa.

    Appoġġ lil Ħaiti

    Il-Ftehim, filwaqt li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni speċjali ta’ Ħaiti bħala l-uniku LDC fir-reġjun, se jimpenja ruħu għal koperazzjoni fit-tul biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali tal-pajjiż, filwaqt li jiġu appoġġati l-objettivi kollha msemmija hawn fuq, inkluża l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-istat, it-titjib tal-governanza globali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kollużjoni u t-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi soċjali.



    5.PATT BEJN L-UE U L-AFRIKA

    Parti 1 BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

    Il-Ftehim se jiddikjara li s-Sħubija bejn l-UE u l-Paċifiku tikkonsisti mill-objettivi ġenerali, il-prinċipji u l-impenji stabbiliti fil-Parti Ġenerali ta’ dan il-Ftehim, u mill-objettivi speċifiċi u l-impenji stabbiliti f’dan il-Protokoll.

    Il-Ftehim se japprofondixxi r-relazzjonijiet eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun Paċifiku u l-istabbiliment ta’ sħubija politika u ta’ benefiċċju reċiproku, li jippermetti li titwettaq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-interessi ta’ kull waħda mill-Partijiet.

    B’mod aktar speċifiku, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    ·jiżguraw aċċess sostenibbli u ġestjoni tar-riżorsi naturali u jtejbu r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali li jaffettwaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostnut;

    ·isaħħu l-investiment pubbliku u privat u joħolqu impjiegi diċenti għal kulħadd;

    ·jibnu soċjetajiet inklużivi u sikuri, billi jappoġġaw il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni, biex b'hekk jiskbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jżiedu l-isforzi dwar l-iżvilupp tal-bniedem u l-politika ta’ protezzjoni soċjali;

    ·jiżguraw konformità ma’ normi internazzjonali dwar il-korruzzjoni, il-governanza fiskali, u l-kriminalità organizzata.

    Il-Ftehim se jibni u jissostitwixxi l-Istrateġija tal-UE għall-Gżejjer tal-Paċifiku.

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi r-rabtiet mill-qrib tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (OCT) tal-UE ma’ pajjiżi tal-Paċifiku u r-rwol tagħhom fl-integrazzjoni reġjonali.

    Il-Ftehim se jinkludi impenn mill-Partijiet biex jiġi implimentat il-Protokoll bejn l-UE u l-Paċifiku permezz ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni suċċessivi fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

    Il-Ftehim se jintroduċi sistema biex jiġi mmonitorjat il-progress, permezz ta' djalogu politiku msaħħaħ fil-livelli kollha, bl-użu ta’ indikaturi ċari u eżiti li jistgħu jitkejlu, sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni timxi kif previst.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet jistgħu jirrieżaminaw il-Protokoll fuq bażi regolari u kif ikun xieraq, bil-ħsieb li jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu.

    Parti 2 PRIJORITAJIET STRATEĠIĊI

    Titlu I Tibdil fil-klima u użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

    Il-Ftehim se jirriafferma li l-azzjonijiet ambizzjużi ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament huma essenzjali biex jiġu ġestiti u mtaffija r-riskji tat-tibdil fil-klima u, b’mod aktar ġenerali, li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent hija l-bażi vitali għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-azzjoni klimatika,

    ·jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, permezz ta’ Kontribuzzjonijiet Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs - Nationally Determined Contributions) u Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali;

    ·jagħmlu l-flussi finanzjarji eżistenti u jesploraw finanzjament innovattiv u konsistenti b’perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

    ·jibnu u / jew isaħħu l-kapaċità umana u istituzzjonali xjentifika u teknika għal monitoraġġ u ġestjoni ambjentali u tal-klima, inkluż permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ osservazzjoni tad-dinja u sistemi ta’ informazzjoni;

    ·jiżviluppaw u / jew isaħħu tkabbir ekoloġiku u tkabbir blu f’setturi ekonomiċi ewlenin;

    dwar sostenibilità ambjentali,

    ·jippromwovu l-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-ekosistemi, sabiex jippermettu l-iżvilupp ta’ pajjiżi, l-għajxien għall-popolazzjoni lokali u s-servizzi tal-ekosistema lokalment u globalment;

    ·iwaqqfu d-deforestazzjoni u jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

    ·jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

    ·itejbu l-ġestjoni tal-iskart – inkluż permezz ta’ sistemi effiċjenti ta’ ġbir u riċiklaġġ effettiv – u tas-sustanzi perikolużi kollha;

    dwar il-governanza tal-oċeani,

    ·jippreżervaw iż-żoni kostali u marini u l-bijodiversità tagħhom, filwaqt li jagħtu prijorità lill-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u tat-turiżmu fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ tkabbir blu;

    ·jikkumbattu kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU - illegal, unreported and unregulated), u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

    ·inaqqsu r-residwi fil-baħar, jiffokaw fuq il-kawżi bażiċi tal-iskart tal-baħar, inkluż permezz ta’ politika ta’ prevenzjoni tal-iskart u l-espansjoni ta’ operazzjonijiet ta’ tindif tal-oċeani, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni ta’ akkumulazzjoni fil-vortiċi tal-oċeani;

    dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri,

    ·iżidu l-kapaċitajiet tal-monitoraġġ, tat-twissija bikrija u tar-riskju li jtejbu l-prevenzjoni, l-mitigazzjoni, it-tħejjija, ir-rispons u l-miżuri ta’ rkupru fil-livell domestiku, sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-infrastruttura tagħhom f’konformità mal-prijoritajiet tal-Qafas ta’ Sendai;

    ·isaħħu l-kapaċità reġjonali ta’ rispons għad-diżastri u ta’ emerġenza, inklużi l-mekkaniżmi tal-protezzjoni ċivili, għas-sostenn tar-riċerka u t-tixrid tal-aħjar prattika;

    ·irawmu kooperazzjoni permezz tal-użu ta’ teknoloġiji u informazzjoni fis-settur spazjali;

    ·jiżguraw is-sjieda lokali bl-involviment tal-komunitajiet affettwati, tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ risponsi ta’ politika, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-familji l-aktar vulnerabbli u lill-gruppi marġinalizzati.

    Titolu II: Żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli

    Il-Ftehim se jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet, itejjeb l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja, jinċentiva l-investiment u l-opportunitajiet kummerċjali, u jappoġġa t-tranżizzjoni lejn okkupazzjoni sħiħa u ta’ kwalità, ir-rispett u l-protezzjoni tal-istandards fundamentali tax-xogħol, u s-sostenibbiltà ambjentali. Huwa se jsaħħaħ l-iżvilupp tas-settur privat fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi

    Vetturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ostakli kruċjali li jeħtieġu intervent pubbliku – minbarra l-investiment strutturali fl-infrastrutturi (pereżempju l-enerġija, it-trasport, il-konnettività diġitali) – kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jinħoloq ambjent ta’ negozju li jiffaċilita flussi akbar ta’ investiment u żvilupp tas-settur privat.

    Għal dan il-għan, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom inter alia biex:

    ·joħolqu ambjent legali li jgħin, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-art u lid-drittijiet tal-proprjetà, tal-proprjetà intellettwali u tal-investiment; inaqqsu l-burokrazija billi jnaqqsu l-kostijiet għal ċertifikazzjoni, liċenzji u l-aċċess għall-finanzi, il-politiki tal-kompetizzjoni tajba inklużi t-trasparenza fir-rigward ta’ sussidji pubbliċi, u l-adozzjoni ta’ sistemi fiskali li jiffavorixxu l-investiment;

    ·jipprovdu lill-investituri b’informazzjoni faċilment aċċessibbli u adegwata dwar kif jistgħu jespandu n-negozju tagħhom fil-Paċifiku, biex b’hekk jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien ta’ negozju;

    ·jagħmlu użu aktar strateġiku tal-finanzi pubbliċi, inklużi strumenti ta’ finanzjament imħallat biex jattiraw investiment pubbliku u privat addizzjonali;

    ·iżidu l-aċċess domestiku għall-finanzjament, inkluż permezz ta’ riformi tas-sistema finanzjarja biex jiżviluppaw sistemi ta’ ħidma bankarja u mhux bankarja vijabbli u mekkaniżmi u skemi innovattivi ta’ finanzjament;

    ·jiżviluppaw u jsaħħu s-servizzi finanzjarji diġitali, inklużi sistemi bankarji mobbli, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni msaħħa dwar l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u jiżguraw swieq miftuħa, il-protezzjoni tal-konsumatur u aktar aċċess għal servizzi mobbli;

    ·isaħħu s-sistemi tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniku u Vokazzjonali (TVET) misjuqa aktar mid-domanda, adattati għall-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali.

    Setturi ewlenin għall-investiment u l-iżvilupp tas-settur privat

    Il-Partijiet se jiffokaw, inter alia,, fuq dawn is-setturi strateġiċi li ġejjin li mistennija jkollhom effett multiplikatur għoli lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, biex jiġi żgurat li t-tkabbir ekonomiku jmur id f’id mas-sostenibbiltà ambjentali.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-ekonomija ekoloġika

    ·jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, b’użu effiċjenti tar-riżorsi u ekonomija ċirkolari, inkluż permezz ta’ appoġġ ta’ metodi sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni u miżuri dwar il-prevenzjoni tal-iskart u l-ġestjoni tal-iskart li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent

    ·itejbu l-għarfien u l-kapaċità fuq għażliet strateġiċi u l-aħjar prattiki biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ prodotti u riżorsi naturali

    dwar tkabbir blu sostenibbli,

    ·jikkonkludu u / jew iġeddu ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs), li jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd, il-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-sajd, u il-kapaċità akbar tal-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd;

    ·jiżviluppaw akwakultura sostenibbli, permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-liċenzjar, ippjanar effettiv tal-ispazju għal effiċjenza u sostenibbiltà massima, kif ukoll titjib fil-livell tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-investituri;

    ·jiżguraw aċċess ġust, sostenibbli u mingħajr distorsjoni għas-setturi tal-estrazzjoni, inkluża l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, għall-atturi ekonomiċi kollha, filwaqt li jtqisu t-tħassib dwar is-sostenibbiltà, kif ukoll jiksbu aktar trasparenza u responsabbiltà inkluż permezz tal-promozzjoni tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi relevanti oħra;

    ·jiżguraw aċċess mingħajr restrizzjoni għas-swieq u l-kummerċ marittimi internazzjonali, inklużi l-portijiet, abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta u fuq bażi kummerċjali;

    dwar l-enerġija sostenibbli,

    ·jikkontribwixxu għal aċċess universali għall-enerġija u għal provvista sostenibbli tal-enerġija għall-atturi ekonomiċi kollha, kif ukoll jinċentivaw l-investimenti inkluż fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika filwaqt li jindirizzaw id-distorsjonijiet detrimentali tas-suq;

    ·jintensifikaw il-finanzjament pubbliku u privat tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-iżvilupp u l-utilizzazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija li huma nodfa, diversi u sostenibbli, inklużi teknoloġiji rinnovabbli u b’emissjonjieti baxxi tal-enerġija;

    dwar it-turiżmu,

    ·jagħtu spinta lill-investiment fis-settur turistiku, permezz ta’ strateġiji aġevolati ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni, taħriġ professjonali u l-utilizzazzjoni ta’ teknoloġiji diġitali;

    ·isaħħu r-rabtiet bejn is-settur turistiku u setturi oħra relevanti, b’mod partikolari l-agrikoltura u s-sajd, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll għat-turiżmu agrikolu u marittimu;

    ·jintegraw l-użu sostenibbli u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-ippjanar u l-iżvilupp tal-politika dwar it-turiżmu;

    ·jippromwovu turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta’ kwalità għolja, li jirrispetta l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali;

    dwar il-konnettività tan-nies u tal-postijiet,

    ·jibnu sistemi infrastrutturali ta’ kwalità u sostenibbli sabiex jiffaċilitaw il-moviment tal-merkanzija u tal-persuni, filwaqt li jippromwovu prattiki ambjentali tajbin f’konformità ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali stabbiliti;

    ·jiżguraw aċċess għas-swieq tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (pereż. it-telekomunikazzjoni, l-internet) għall-atturi ekonomiċi kollha, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ oqfsa leġiżlattivi favorevoli u s-sostenn ta’ investimenti mmirati, kif ukoll jipprevedu l-użu affordabbli tat-teknoloġiji diġitali għall-individwi u għan-negozji;

    ·jippromwovu l-iskambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali;

    ·itejbu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni mal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej tal-UE (OCT - Overseas Countries and Territories);

    Kooperazzjoni kummerċjali

    Il-Ftehim se jimmira li jrawwem opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment bejn il-Partijiet għall-benefiċċju ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    ·isaħħu l-mekkaniżmi u l-proċeduri u jżidu il-kapaċità, fl-ambitu tar-reġimi kummerċjali miftiehma;

    ·jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ qafas ikunu fis-seħħ, billi jittrattaw il-limitazzjonijiet tal-ambjent tan-negozju u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa, biex b’hekk iż-żieda fil-flussi kummerċjali u fl-esportazzjonijiet iwasslu għal tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, id-diversifikazzjoni ekonomika u l-industrijalizzazzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-intraprenditorija, żieda fl-investimenti fis-setturi li jżiedu l-valur u li jirrikjedu ħafna ħaddiema, u l-inseriment fi ktajjen ta’ valur globali u reġjonali;

    ·jibnu fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali kif ukoll irawmuhom u jappoġġawhom, biex b’hekk jgħinu lill-pajjiżi biex jibbenefikaw mill-kummerċ mal-ġirien tagħhom u jikkontribwixxu biex titrawwem l-istabbiltà, il-koeżjoni u l-prosperità reġjonali;

    ·iżidu l-kooperazzjoni kummerċjali mal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-UE (OCT - Overseas Countries and Territories);

    ·isaħħu l-mekkaniżmi, il-proċeduri u l-istituzzjonijiet sabiex titjieb il-kapaċità li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki kummerċjali, kif ukoll biex is-settur privat ikun jista’ jieħu vantaġġ minn dawn il-politiki u miż-żieda fl-opportunitajiet;

    ·jibnu fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali kif ukoll irawmuhom u jappoġġawhom, inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-armonizzazzjoni regolatorja, sabiex jgħinu lill-pajjiżi jieħdu vantaġġ akbar mill-kummerċ mal-ġirien tagħhom, u biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-istabbiltà u l-prosperità reġjonali.

    Titolu III: Sigurtà, drittijiet tal-bniedem u governanza tajba

    Il-Ftehim se jtenni li soċjetajiet reżiljenti – b’istituzzjonijiet responsabbli, demokratiċi, effettivi u trasparenti, fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma protetti għal kollox u huwa ggarantit spazju adegwat għaċ-ċittadini u l-gruppi li jesprimu l-aspirazzjonijiet u jagħti forma lil politiki – huma dawk l-aktar ippreparati biex jadattaw, jirreaġixxu u jimmaniġġjaw kif suppost it-tibdil kemm domestiku kif ukoll dak fl-ambjent estern.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar il-paċi u s-sigurtà,

    ·jappoġġaw proċessi ta’ rikonċiljazzjoni u inizjattivi favur il-prevenzjoni tal-konflitti – inklużi dawk ibbażati fuq l-ilmenti u l-konflitti etniċi;

    ·jindirizzaw it-traffikar illeċitu kurrenti tal-armi żgħar u tad-drogi kif ukoll il-kwistjoni tal-integrazzjoni ta’ kriminali deportati minn pajjiżi metropolitani;

    ·jiżviluppaw kooperazzjoni dwar is-sorveljanza marittima u dik tal-ispazju tal-ajru u jidentifikaw il-bżonnijiet u l-mezzi biex jikkumbattu ċ-ċiberkriminalità;

    ·isaħħu s-sistemi ta’ governanza biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari, il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u n-netwerks kriminali relatati, b’attenzjoni speċifika fuq il-protezzjoni tal-vittmi u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni għall-persuni f’riskju;

    ·jikkooperaw sabiex jimpedixxu l-użu tas-sistemi finanzjarji, tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti impriżi u professjonijiet mhux finanzjarji għall-ħasil tar-rikavati minn attivitajiet kriminali (inkluż it-traffikar illeċitu u l-korruzzjoni) u għall-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità ma’ standards internazzjonali;

    dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, u l-prinċipji demokratiċi,

    ·japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, filwaqt li jagħtu prijorità lir-revokazzjoni ta’ liġijiet diskriminatorji;

    ·irawmu djalogu u kooperazzjoni dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin;

    ·jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-popli indiġeni

    ·itejbu l-aċċess ugwali għall-protezzjoni ġudizzjarji u tad-drittijiet tal-bniedem u jagħmlu monitoraġġ tal-mekkaniżmi;

    ·jirrispettaw il-prinċipji u l-istituzzjonijiet demokratiċi, it-trasferiment paċifiku tal-poter, kif ukoll il-valuri fundamentali f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Biketawa tal-2000 tal-Mexxejja tal-Forum u tal-Qafas tal-2014 għar-Reġjonaliżmu tal-Paċifiku;

    ·jiżguraw strutturi u proċessi konsultattivi li jqisu l-għarfien tradizzjonali u l-preokkupazzjonijiet tal-komunitajiet lokali;

    dwar il-governanza tajba u kwistjonijiet fiskali,

    ·jippromwovu l-governanza tajba u jistabbilixxu mekkaniżmi ġodda u jsaħħu dawk eżistenti kontra l-korruzzjoni, it-tixħim u l-ħasil tal-flus;

    ·jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, b’attenzjoni partikolari biex jiżdiedu t-trasparenza fiskali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa, f’konformità mal-istandards u l-oqfsa internazzjonali rilevanti;

    ·jintensifikaw id-djalogu politiku ma’ ġurisdizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa li ma jikkooperawx bil-għan li jintlaħqu standards dinjin ta’ governanza fiskali.

    Titolu IV: Żvilupp tal-bniedem u koeżjoni soċjali

    Il-Ftehim se jafferma d-determinazzjoni tal-Partijiet biex jeqirdu l-faqar fil-forom kollha sal-2030, jindirizzaw b’mod effettiv l-inugwaljanza u jiksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u joħolqu l-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni effettiva tan-nies fil-ħajja demokratika u kontribuzzjoni attiva għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa se jirrikonoxxi wkoll il-protezzjoni soċjali bħala investiment fundamentali għall-eradikazzjoni tal-faqar u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza, u bħala mezz importanti biex jinħoloq ċiklu ta’ awtotisħiħ lejn żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, billi l-qliegħ ekonomiku jerġa’ jiġi investit b’mod aktar wiesa’ fis-soċjetà u fin-nies.

    Għal dan l-iskop, il-Partijiet se jieħdu miżuri konkreti, inter alia, biex:

    dwar l-iżviupp tal-bniedem,

    ·jiżguraw li t-tfal kollha jikkompletaw perkors ta’ edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, primarja u sekondarja li tkun b’xejn u ekwa u ta’ kwalità u li r-reġisrtazzjonijiet fl-edukazzjoni terzjarja jitjiebu b’mod sinifikanti permezz ta’ tisħiħ fis-sistemi nazzjonali tas-saħħa fil-livelli kollha;

    ·jiksbu kopertura sanitarja universali u aċċess ekwu għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR - Sexual and Reproductive Health and Rights) permezz tat-tisħiħ tas-sistemi sanitarji nazzjonali f’kull livell u jtejbu l-kapaċità għat-twissija bikrija, it-tnaqqis tar-riskju u l-ġestjoni ta’ riskji nazzjonali u globali, jieħdu miżuri biex jimplimentaw trattati globali dwar is-saħħa;

    ·jiżguraw aċċess sikur u suffiċjenti għal ilma tajjeb għax-xorb b'kost affordabbli sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi, inklużi faċilitajiet sanitarji u ta’ iġjene, u jissalvagwardjaw is-saħħa u l-livelli ta’ benesseri;

    ·jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal ikel biżżejjed, affordabbli, sikur u nutrittiv;

    ·jimpedixxu milli jiżdied il-mard li ma jitteħidx billi jappoġġaw dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa;

    ·jindirizzaw l-isfidi li jġib iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni minħabba l-ambjent u l-impatt tiegħu fuq il-migranti u l-komunitajiet tagħhom;

    ·jadottaw politiki ffukati u investiment xieraq biex jippromwovu d-drittijiet taż-żgħażagħ, jiffaċilitaw il-paretċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja soċjali, ċivika u ekonomika;

    dwar il-ħarsien soċjali,

    ·jadottaw politiki ta’ sostenn biex jinkiseb u jinżamm tkabbir fid-dħul tal-40 % tal-popolazzjoni li jinsabu fl-aktar livell baxx f’rata ogħla mill-medja nazzjonali;

    ·jestendu l-koperatura tal-protezzjoni soċjali, permezz ta’ sigurtà għad-dħul bażiku u skemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu adegwati u kapaċi jirreaġixxu għax-xokkijiet;

    ·joħolqu swieq tax-xogħol aktar inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u politiki tal-impjiegi li l-għan tagħhom hu xogħol deċenti għal kulħadd, inkluż it-titjib fil-kondizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema;

    ·jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ekonomija informali, inkluż l-aċċess għall-kreditu u mikrofinanzjament u tisħiħ fil-miżuri tal-protezzjoni soċjali, bil-għan li tiġi ffaċilitata tranżizzjoni mingħajr problemi lejn l-ekonomija formali.

    dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi,

    ·jiżguraw li kulħadd jiffirma, jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW - Convention on the Elimination of all forms of Discrimination Against Women) kif ukoll il-protokoll addizzjonali tagħha dwar id-drittijiet tan-nisa;

    ·jiżguraw l-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u tan-nisa, billi jeliminaw kull forma ta’ vjolenza abbażi ta’ sess u jeliminaw iż-żwiġijiet tat-tfal u furzati;

    ·jiżguraw li d-drittijiet soċjali tal-bniet u tan-nisa jiġu rispettati u promossi, l-aktar fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni;

    ·isaħħu l-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa fil-ħajja politika permezz ta’ preżenza aħjar tan-nisa fil-proċessi elettorali, tal-politiki, u tal-governanza, fil-proċessi ta’ paċi u fl-isforzi ta’ medjazzjoni, u billi jagħtu s-setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-bniet u tan-nisa;

    ·jirrinfurzaw id-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, billi jaġevolaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji, kif ukoll il-kontroll u l-użu tal-art u ta’ assi produttivi oħra, u jappoġġaw lill-intraprendituri nisa.

    6.KOOPERAZZJONI DIVERSIFIKATA

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-Partijiet se jaqblu li jagħmlu disponibbli l-mezzi xierqa, kemm finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan il-Ftehim. Il-kooperazzjoni se tiġi diversifikata u tkun tinkludi medda ta’ politiki u strumenti speċifiċi u se titfassal skont il-ħtiġijiet, l-istrateġiji, il-prijoritajiet u r-riżorsi disponibbli sabiex tkun tirrifletti l-varjetà dejjem akbar ta’ ċirkustanzi madwar il-pajjiżi u r-reġjuni.

    Finanzjament tas-Sħubija

    Il-Ftehim se jtenni l-impenn tal-UE favur appoġġ u l-kollaborazzjoni kontinwi mal-pajjiżi tal-AKP biex jiġu ġenerati riżultati ta’ benefiċċju reċiproku. L-impenn finanzjarju tal-UE se jqis il-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet differenti tal-imsieħba tagħha.

    L-UE se tafferma mill-ġdid l-impenn kollettiv tagħha li tipprovdi 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) bħala ODA u 0,2 % tal-ING lill-LDCs fil-limitu ta’ żmien tal-Aġenda 2030.

    Hija se ttenni wkoll l-importanza ta’ approċċ komprensiv u integrat għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament u mezzi oħrajn ta’ implimentazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli (pubbliċi/privati, domestiċi/internazzjonali) u tal-atturi kollha, inkluż permezz ta’ sorsi u strumenti innovattivi ta’ finanzjament, għarfien, ħila esperta, il-bini ta’ kapaċitajiet, it-teknoloġija u riżorsi mhux finanzjarji.

    L-UE se tafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tiffoka l-assistenza finanzjarja tagħha fejn hija l-aktar meħtieġa u fejn jista’ jkollha l-aktar impatt, speċjalment fuq l-LDCs, l-SIDS u l-pajjiżi f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u konflitt. Se tingħata wkoll attenzjoni speċifika għall-isfidi marbuta mal-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll għall-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi bi dħul medju.

    L-imsieħba jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom biex jimmobbilizzaw riżorsi domestiċi, b’konformità mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, inklużi l-finanzi pubbliċi bil-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Huma se jagħmlu ħilithom biex jirriformaw il-politika u l-amministrazzjoni fiskali, itejbu il-ġbir tad-dħul, u jindirizzaw l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, inklużi f’rifuġji fiskali. Jenħtieġ ukoll li jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tal-istandards dinjin tal-governanza fiskali stabbiliti minn korpi internazzjonali rilevanti.

    Il-flussi ta’ kapital tas-settur privat huma vitali biex jikkomplementaw l-isforzi ta’ żvilupp nazzjonali. L-imsieħba se jiżviluppaw politiki u, fejn xieraq, se jsaħħu l-oqfsa regolatorji biex l-inċentivi tas-settur privat jiġu allinjati aħjar mal-għanijiet pubbliċi u jitrawwem investiment ta’ kwalità ta’ terminu twil.

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi l-importanza tar-rimessi bħala għodda kruċjali għall-finanzjament tal-iżvilupp. Il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu t-trasferiment orħos, aktar rapidu, u aktar sikur kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll dawk destinatarji, u biex jiżguraw li l-leġislazzjoni rilevanti ma jkunx fiha dispożizzjonijiet li jfixklu l-użu effettiv ta’ kanali legali biex jintbagħtu r-rimessi.

    L-UE se tiżviluppa forom ġodda ta’ involviment ma’ pajjiżi AKP aktar avvanzati, inkluża l-possibbiltà ta’ kofinanzjament, sabiex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, jappoġġaw il-pajjiżi l-anqas avvanzati, kif ukoll jindirizzaw b’mod konġunt sfidi reġjonali u globali speċifiċi.

    Kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp

    Il-Ftehim se jtenni l-importanza u ċ-ċentralità tal-aġenda għall-effettività tal-iżvilupp kif maqbula f’diversi fora internazzjonali, kif ukoll l-impenn tal-Partijiet li japplikaw għall-forom kollha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp il-prinċipji li ġejjin: is-sjieda tal-prijoritajiet ta’ żvilupp min-naħa tal-pajjiżi sħab, sħubijiet ta’ żvilupp inklużivi, enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka.

    Il-Ftehim se jiddikjara li modalitajiet differenti u komplementari (eż. sostenn għall-proġetti, sostenn baġitarju, finanzjament imħallat, fondi fiduċjarji) u modi ta’ kif jingħata s-sostenn (inkluża l-għajnuna għall-kummerċ, il-ġemellaġġ, l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċità) se jintużaw skont il-kapaċitajiet, il-ħtiġijiet u l-prestazzjoni ta’ kull pajjiż u fil-qafas ta’ djalogu bejn l-AKP u l-UE. Meta applikabbli, is-sostenn baġitarju se jkun użat biex jinkisbu riżultati dejjiema b’appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    Il-Ftehim se jiddikjara li l-UE se tiżgura koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha biex ikompli jitjieb il-mod li bih iwasslu l-kooperazzjoni finanzjarja tagħhom, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni akbar u aktar effettiva, filwat li jiġu kkunsidrati l-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom. Il-Programmazzjoni Konġunta u l-implimentazzjoni se jiġu promossi u msaħħa bil-għan ta’ sostenn aktar koerenti, effettiv u kkoordinat biex jinkisbu l-objettivi kondiviżi.



    7.QAFAS ISTITUZZJONALI

    Atturi

    Il-Ftehim se jafferma mill-ġdid li l-gvernijiet fil-pajjiżi AKP ikollhom rwol ċentrali fis-Sħubija, billi jiddefinixxu l-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-pajjiżi tagħhom. Barra minn hekk, huwa se jirrikonoxxi l-kontribut essenzjali tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet statali lokali rispettivament f’dak li jirrigwarda t-titjib tar-responsabilità demokratika u biex jikkomplementaw l-azzjoni tal-gvern.

    Il-Ftehim se jżid ir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali, b’mod partikolari fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tat-tliet sħubijiet reġjonali, u jiżgura li l-prijoritajiet transnazzjonali jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta filwaqt li l-oqfsa eżistenti għall-kooperazzjoni jiġu ssimplifikati b’mod effettiv.

    Il-Ftehim se jirrikonoxxi, jappoġġa u jsaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat bħala msieħba ewlenin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-popli u l-gvernijiet tal-Partijiet, u fil-ksib tal-objettivi tas-Sħubija.

    Dispożizzjonijiet istituzzjonali 

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-arkitettura istituzzjonali riformata għall-ġestjoni tal-Ftehim, li se tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u kumplimentarjetà u se tiżgura aktar koerenza u simplifikazzjoni bejn id-diversi strutturi eżistenti f’livelli differenti.

    Rigward it-tliet Patti reġjonali, il-laqgħat tas-Summit se jipprovdu l-gwida politika strateġika meħtieġa biex jitmexxew it-tliet sħubijiet reġjonali. Fir-rigward tal-Afrika, is-Summit se jkompli jinkludi l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, biex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-kontinent Afrikan kollu kemm hu.

    Kull Patt (Protokoll) se jkun ġestit minn Kunsill reġjonali, li se jkollu l-kompitu li jmexxi djalogu politiku, jirrevedi meta jkun meħtieġ u jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Patti. L-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti (pereżempju l-Unjoni Afrikana) se jiġu assenjati rwol prominenti fil-ġestjoni tal-Patti. Kull meta jkun xieraq, kull Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden terzi bħala osservaturi, b’rabta ma’ kwistjonijiet speċifiċi.

    Biex jiġi żgurat appoġġ koerenti ta’ sħubija mal-Afrika kollha, għandhom jiġu ddefiniti, permezz ta’ konsultazzjonijiet, l-aktar modalitajiet xierqa biex il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq jiġu assoċjati mal-ftehim il-ġdid bil-ħsieb li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fid-djalogu politiku u ta’ politika tal-Patt UE-Afrika. Dan se jkun mingħajr preġudizzju għall-oqfsa legali, finanzjarji u ta’ politika eżistenti ma’ dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni fil-Politika Ewropea tal-Viċinat.

    Il-Ftehim se jiżgura wkoll li l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (REC - Regional Economic Communities) jkunu involuti fil-laqgħat kollha, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-Kunsill UE-Afrika, biex b’hekk tittejjeb il-koerenza ma’ arranġamenti eżistenti.

    Il-Ftehim se jipprevedi li kull Kunsill (jiġifieri UE-AKP, UE-Afrika, UE-Karibew, UE-Paċifiku) iwaqqaf Kumitat Operazzjonali, li jkun jista’ jiddelegalu xi wħud mis-setgħat tiegħu għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    Il-Ftehim se jipprevedi dimensjoni parlamentari għat-tliet Patti reġjonali, simili għal strutturi eżistenti (eż. laqgħat tal-PE-PAP). jenħtieġ li jsiru laqgħat parlamentari fid-dawl tal-laqgħat tal-Kunsilli rispettivi. Fejn xieraq, il-laqgħat parlamentari reġjonali jistgħu jinġiebu flimkien f’laqgħa waħda.

    Il-Ftehim jista’ wkoll jipprevedi, fil-livell tal-Patti reġjonali, laqgħat bejn is-soċjetà ċivili kif ukoll bejn rappreżentanti tas-settur privat. Dawn il-laqgħat jenħtieġ li jsiru fid-dawl tal-laqgħat tal-Kunsilli rispettivi. Fejn xieraq, laqgħat reġjonali jistgħu jinġiebu flimkien f’laqgħa waħda.

    Fir-rigward tal-governanza tal-ftehim ta’ sħubija inġenerali, se jsir Summit tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fil-livell tal-UE-AKP fuq bażi ad hoc sabiex tingħata l-gwida politika strateġika meħtieġa dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Partijiet kollha. Is-Sħubija f’livell tal-UE-AKP se tkun ġestita minn Kunsill UE-AKP, li se jsir fuq bażi ad hoc biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interess komuni li jirrigwardaw prinċipji u valuri ġenerali kif definit fil-Parti Ġenerali tal-Ftehim u biex jaqblu dwar pożizzjonijiet komuni fil-kooperazzjoni internazzjonali. Jistgħu jsiru wkoll laqgħat f’livell ministerjali dwar kwistjonijiet speċifiċi.

    Il-Ftehim se jippermetti lill-Partijiet biex jidentifikaw modi biex jiżviluppaw metodi ta’ ħidma aktar effettivi, biex b'hekk ikun jista’ jsir djalogu aktar fil-fond u teħid ta’ deċiżjonijiet aktar rapidu u aktar effiċjenti.



    8.DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Applikazzjoni territorjali

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni dwar l-applikazzjoni territorjali, f’konformità ma’ formulazzjonijiet standard.

    Dħul fis-seħħ

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tiddikjara li l-Partijiet se jirratifikaw jew japprovaw dan il-Ftehim f’konformità mar-regoli kostituzzjonali u mal-proċeduri legali tagħhom.

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, li tkun tindika wkoll il-livelli limitu meħtieġa.

    Il-Ftehim se jinkludi wkoll dispożizzjoni li tipprevedi li l-Ftehim, totalment jew parzjalment, jista’ jiġi applikat fuq bażi proviżorja sakemm jidħol fis-seħħ u b’konformità mal-proċeduri legali interni u l-leġiżlazzjoni tal-Partijiet.

    Tul ta’ żmien, terminazzjoni u reviżjoni 

    Il-Ftehim mhux se jinkludu dispożizzjoni li tillimita l-validità taż-żmien tiegħu. Min-naħa l-oħra, se jinkludi dispożizzjoni li tgħid li l-Ftehim jista’ jiġi terminat fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u se jistabbilixxi wkoll proċeduri għal tali terminazzjoni.

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi li l-Parti Ġenerali tal-Ftehim tista’ tiġi emendata skont il-proċeduri stabbiliti għar-ratifika u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, fuq talba ta’ waħda miż-żewġ Partijiet.

    Il-Ftehim se jinkludi wkoll dispożizzjoni li tistabbilixxi li l-Protokolli dwar is-sħubijiet UE-Afrika, UE-Karibew, u UE-Paċifiku jistgħu jiġu emendati skont proċedura ssimplifikata, fuq talba ta’ waħda miż-żewġ Partijiet u fuq il-bażi ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsilli rispettivi.

    It-twettiq tal-obbligi

    Il-Ftehim se jipprevedi l-possibbiltà għal Parti li tieħu miżuri xierqa f’każ li l-Parti l-oħra tkun naqset milli twettaq xi wieħed mill-obbligi tagħha fir-rigward ta’ elementi essenzjali u fundamentali. F’tali każijiet, jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa wara li jkunu saru konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet. Il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jsiru fil-livell u fil-forma li tkun ikkunsidrata l-aktar xierqa sabiex tinstab soluzzjoni u fi żmien definittiv.

    Sabiex ma jkunx hemm sitwazzjonijiet fejn xi Parti tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli tissodisfa l-impenji tagħha fir-rigward tal-elementi essenzjali u fundamentali tal-Ftehim, se jsiru konsultazzjonijiet strutturati u sistematiċi dwar it-tħassib li jitqajjem.

    Filwaqt li jinżamm il-karattru bilaterali tal-konsultazzjonijiet, il-Partijiet se jimpenjaw ruħhom li jikkonsultaw u jikkoordinaw mal-atturi reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha fit-tħejjija ta’ kull sessjoni ta’ konsultazzjoni.

    Il-Ftehim se jiżgura wkoll il-possibbiltà li Parti tieħu l-miżuri xierqa jekk il-konsultazzjonijiet jiġu rifjutati jew jonqsu milli jagħtu riżultati aċċettabbli għaż-żewġ naħat, kif ukoll f’każijiet ta’ urġenza speċjali mingħajr il-ħtieġa għal konsultazzjonijiet minn qabel. “Miżuri xierqa ” u “każijiet ta’ urġenza speċjali” jenħtieġ li jkunu definiti bħal fis-CPA taħt l-Artikolu 96 2 (b) u 2 (c).

    Soluzzjoni tat-tilwim

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni dwar mekkaniżmu xieraq għas-soluzzjoni tat-tilwim f’każ ta’ diverġenza fl-applikazzjoni, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    Adeżjoni

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ adeżjoni mal-Ftehim ta’ stat indipendenti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fis-CPA. Huwa se jipprevedi wkoll il-possibbiltà għall-adeżjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali.

    Status ta' osservatur privileġġat

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi l-kriterji għal status ta’ osservatur u ta’ osservatur privileġġjat għall-Ftehim ta’ stat indipendenti, organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet rilevanti b’personalità ġuridika.

    Testi awtentiċi

    Il-Ftehim se jinkludi dispożizzjoni li tiddikjara li dan il-Ftehim huwa mħejji f’żewġ kopji fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, b’kull test ugwalment awtentiku.

    (1)    Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: in-natura legali finali tal-Ftehim se tiġi determinata fi tmiem in-negozjati abbażi ta’ analiżi tal-objettiv u l-kontenut tal-ftehim.
    Top