IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2017
COM(2017) 660 final
2017/0294(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2017) 368 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-ħolqien ta’ suq tal-gass integrat huwa pedament tal-proġett tal-UE għall-ħolqien ta’ Unjoni tal-Enerġija. Is-suq intern tal-gass jitqies li jaħdem tajjeb meta l-gass ikun jista’ jgħaddi liberament minn Stat Membru għall-ieħor fejn l-aktar li jkun jinħtieġ u bi prezz ġust. Suq tal-gass li jiffunzjona huwa prerekwiżit biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni. Peress li l-gass jiġi ttrasportat primarjament bil-pipelines, l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-gass bejn l-Istati Membri u l-aċċess mhux diskriminatorju għal dawn in-netwerks huma l-bażi biex is-suq ikun jista’ jiffunzjona b’mod effiċjenti. Hija wkoll prerekwiżit għall-kunsinni tal-gass waqt l-emerġenzi, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll ma’ pajjiżi terzi ġirien. L-UE hija fil-biċċa l-kbira tagħha dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-gass minn pajjiżi terzi u huwa fl-aħjar interess tal-UE u tal-klijenti tal-gass li jkollhom kemm jista’ jkun trasparenza u kompetittività wkoll fis-sistemi tal-pipelines minn dawk il-pajjiżi.
Filwaqt li l-liġi tal-UE b’mod ġenerali tapplika fl-ibħra territorjali u fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stati Membri tal-UE, id-Direttiva 2009/73/KE (minn hawn’ il quddiem “id-Direttiva tal-Gass”) ma tistipulax espliċitament qafas legali għall-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. B’riżultat ta’ dan, wara li saret analiżi legali, ġie konkluż li r-regoli applikabbli għall-pipelines tat-trażmissjoni tal-gass li jgħaqqad żewġ Stati Membri jew iktar, li jaqgħu fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ “interkonnettur”, mhumiex applikabbli għal tali pipelines li jidħlu fl-UE. Madankollu, hemm prattika tal-applikazzjoni ta’ prinċipji ewlenin tal-qafas regolatorju stabbilit bid-Direttiva tal-Gass b’rabta ma’ pajjiżi terzi, prinċipalment permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw is-sistemi ta’ pipelines tal-gass li jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Huwa meqjus li minn issa ’l quddiem tinħtieġ azzjoni leġiżlattiva biex tiddefinixxi u tispeċifika b’mod espliċitu u koerenti l-qafas regolatorju applikabbli għal kull tip ta’ pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi.
Bl-emendi proposti, id-Direttiva tal-Gass fl-intier tagħha (kif ukoll l-atti legali relatati bħar-Regolament dwar il-Gass, kodiċijiet tan-netwerk u linji gwida, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dawk l-atti) se ssir applikabbli għall-pipelines minn u lejn pajjiżi terzi, inklużi l-pipelines eżistenti u futuri, sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-UE. Dan jinkludi d-dispożizzjonijiet rispettivi dwar l-aċċess tal-partijiet terzi, ir-regolazzjoni tat-tariffi, is-separazzjoni tas-sjieda u t-trasparenza. Dan se jippermetti wkoll pipelines ġodda lejn u minn pajjiżi terzi japplikaw għal eżenzjoni minn r-regoli msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Gass. Fir-rigward tal-pipelines eżistenti, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 36, l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jagħtu derogi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, bil-kundizzjoni li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, għall-funzjonament effettiv tas-suq jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.
Il-pipelines minn u lejn pajjiżi terzi għalhekk ikunu soġġetti għal mill-inqas żewġ oqfsa regolatorji differenti. Fejn dan jirriżulta f’sitwazzjonijiet legalment kumplessi, l-istrument xieraq biex jiġi żgurat qafas regolatorju koerenti għall-pipeline sħiħ ta’ spiss ikun ftehim internazzjonali mal-pajjiż terz jew mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, eżenzjoni għal infrastruttura ġdida jew deroga għal infrastruttura li diġà qed topera, il-pipeline jista’ jiġi operat biss f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/73/KE fi ħdan il-fruntieri tal-ġurisdizzjoni tal-UE.
•
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta tagħmel ir-regoli li bħalissa japplikaw għall-pipelines interni tal-UE applikabbli wkoll għall-pipelines minn u lejn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, hija konsistenti ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika Fejn meħtieġ ġew inkljużi aktar kjarifiki sabiex jittieħed kont tal-ħtiġiet speċifiċi b’rabta ma’ pajjiżi terzi.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta qed tipprova timplimenta l-objettivi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija, kif definiti fil-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima progressiva, b’mod partikolari fid-dimensjoni tas-sigurtà enerġetika (billi wieħed mill-motivaturi ewlenin tas-sigurtà tal-enerġija huwa t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-miżura proposta hija l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li saħħaħ u ċċara l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-enerġija. Skont l-Artikolu 194 TFUE, l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE huma li: tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija; tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni; tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; u tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija.
Barra minn hekk, din il-proposta tibni fuq sett komprensiv ta’ atti leġiżlattivi li ġew adottati u aġġornati matul l-aħħar żewġ deċennji. Bl-għan li jinħoloq suq intern tal-enerġija, l-UE adottat tliet pakketti leġiżlattivi konsekuttivi bejn l-1996 u l-2009, bl-għan ġenerali tal-integrazzjoni tas-swieq u tal-liberalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali tal-gass u tal-elettriku. F’dan ir-rigward, din il-proposta se tiżgura li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-operaturi tal-pipelines tal-gass lejn u mill-UE u parteċipanti oħra fis-suq li għalihom tapplika bis-sħiħ id-Direttiva tal-Gass, pereżempju operaturi ta’ pipelines tal-gass li jgħaqqdu diversi Stati Membri jew operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni fi ħdan l-Istati Membri.
Din il-proposta għandha titqies ukoll bħala parti minn sforz kontinwu sabiex jiġu żgurati l-integrazzjoni u t-tħaddim effettiv tas-swieq tal-gass tal-Ewropa.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
It-tibdiliet proposti lid-Direttiva tal-Gass huma meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta’ suq tal-gass tal-UE integrat u li ma jistax jintlaħaq fil-livell nazzjonali, abbażi ta’ regoli nazzjonali frammentati, b’mod daqstant effiċjenti. L-evidenza wriet li l-approċċi nazzjonali iżolati wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija, li wassal għal miżuri regolatorji mhux daqshekk ottimali u inkompatibbli, għal duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ interventi u għal dewmien biex jissewwew l-ineffiċjenzi tas-suq. Barra minn hekk, il-pipelines lejn u minn pajjiżi terzi fil-biċċa l-kbira għandhom kapaċità li jista’ jkollha impatt fuq is-suq tal-gass intern u fuq is-sigurtà tal-provvista f’diversi Stati Membri.
•Il-proporzjonalità
L-emenda proposta hija strettament orjentata lejn dak li huwa indispensabbli biex jinkiseb il-progress meħtieġ għas-suq intern, filwaqt li l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet xierqa jitħallew f’idejn l-Istati Membri, ir-regolaturi nazzjonali u l-atturi nazzjonali. Dan jinkludi l-possibbiltà għal derogi għall-infrastruttura eżistenti (jiġifieri tal-pipelines lejn u minn pajjiżi terzi li jkunu tlestew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva), biex jittieħed kont tal-istrutturi legali kumplessi li diġà jeżistu u li jistgħu jeħtieġu approċċ każ b’każ, bil-kundizzjoni li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, għall-funzjonament effettiv tas-suq jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta temenda d-Direttiva tal-Gass, element ewlieni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija. L-għażla ta’ Att li jemenda tirrifletti l-karattru limitat tal-proposta attwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-kontenut tal-proposta attwali huwa limitat għall-għoti ta’ kjarifika f’qasam fejn il-liġi applikabbli tal-UE (jew in-nuqqas tagħha) u l-prattika applikata huma diverġenti. Il-proposta tibni fuq il-prattika stabbilita. Madankollu, biex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet eżistenti maħluqa b’riżultat ta’ nuqqas ta’ regoli espliċiti fil-qafas attwali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal derogi għall-infrastruttura operattiva eżistenti. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-emenda tad-Direttiva tal-Gass tista’ ssir mingħajr proċess ta' valutazzjoni separata.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din l-inizjattiva ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt dettaljata minħabba li l-bidliet proposti jirriflettu l-prattika tal-applikazzjoni ta’ prinċipji ewlenin tal-qafas regolatorju stabbilit fid-Direttiva tal-Gass b’rabta ma’ pajjiżi terzi. Dan joħroġ partikolarment mill-fatt li dawn il-prinċipji huma riflessi f’diversi ftehimiet internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi, u li huma applikati b’mod konsistenti lil pipelines fuq l-art lejn u minn pajjiżi terzi.
•Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja
Il-proposta tista’ żżid xi rekwiżiti amministrattivi, iżda b’mod limitat ħafna biss . Billi, permezz tal-emendi, id-Direttiva tal-Gass, fil-ġurisdizzjoni tal-UE, se tkun applikabbli fl-intier tagħha għal pipelines minn u lejn pajjiżi terzi, dan se jippermetti wkoll biex pipelines ġodda lejn u minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-infrastruttura l-ġdida skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Gass. Għalhekk, l-għadd ta’ talbiet għal eżenzjoni jistgħu jiżdiedu u dan jimplika li se jkun hemm rekwiżiti għall-involviment fil-livell amministrattiv min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-eżenzjonijiet addizzjonali. Madankollu, dan mhuwiex obbligu ġdid, iżda diġà huwa kompitu ewlieni definiti fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija (l-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Gass).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ma hija mistennija l-ebda implikazzjoni għall-baġit mill-emendi proposti lid-Direttiva tal-Gass.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-Kummissjoni se tissorvelja t-traspożizzjoni u l-konformità tal-Istati Membri u atturi oħra mal-miżura li finalment se tiġi adottata fil-ġejjieni, u se tieħu miżuri ta’ infurzar jekk u meta jkun meħtieġ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali eżistenti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra se jiżguraw l-implimentazzjoni tal-proposta fil-livell nazzjonali.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta attwali tispeċifika l-ambitu eżatt tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Gass u, konsegwentement, tar-Regolament tal-Gass għal pipelines minn u lejn pajjiżi terzi sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-UE. Dan jinkludi d-dispożizzjonijiet rispettivi dwar l-aċċess tal-partijiet terzi, ir-regolazzjoni tat-tariffi, is-separazzjoni tas-sjieda u t-trasparenza. Se tippermetti pipelines ġodda lejn u minn pajjiżi terzi japplikaw għal eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Gass. Tinkludi wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu derogi għal infrastruttura tal-importazzjoni eżistenti li diġà qed titħaddem. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti għall-pipelines li jgħaddu minn aktar minn Stat Membru wieħed, jinħtieġ li jiġi ddeterminat liema Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar tali deroga.
2017/0294 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Is-suq intern tal-gass naturali, li ilu jiġi implimentat progressivament madwar l-Unjoni mill-1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni, kemm jekk ċittadini u kemm jekk negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju, prezzijiet kompetittivi, sinjali tal-investiment effiċjenti u standard ogħla ta’ servizz, u sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà.
(2)Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill taw kontribut sinifikanti lill-ħolqien tas-suq intern tal-gass naturali.
(3)Din id-Direttiva għandha l-għan li tindirizza l-ostakli li fadal għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni lill-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi. L-emendi introdotti minn din id-Direttiva se jiżguraw li r-regoli applikabbli għall-pipelines tat-trażmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew aktar, ikunu applikabbli wkoll għall-pipelines lejn u minn pajjiżi terzi fl-Unjoni. Dan jistabbilixxi l-konsistenza tal-qafas legali fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija fl-Unjoni. Se jsaħħaħ ukoll it-trasparenza u jipprovdi ċertezza legali rigward ir-reġim legali applikabbli għall-parteċipanti fis-suq, b’mod partikolari l-investituri fl-infrastruttura tal-gass u l-utenti tan-netwerk.
(4)Biex jittieħed kont tan-nuqqas preċedenti ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għall-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73/KE għal tali pipelines li jkunu tlestew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-data rilevanti għall-applikazzjoni ta’ mudelli ta’ separazzjoni li mhumiex separazzjoni tas-sjieda (ownership unbundling) tiġi adattata għall-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi.
(5)L-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73/KE għall-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi għadha limitata għal-limitu territorjali tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni. Fir-rigward tal-pipelines offshore, jenħtieġ li tkun applikabbli fl-ibħra territorjali u fiż-żoni ekonomiċi esklussivi tal-Istati Membri.
(6)Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/73/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2009/73/KE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2, il-punt (17) huwa sostitwit b'dan li ġej:
“(17) “interkonnettur” tfisser linja ta’ trażmissjoni li taqsam jew tifrex fuq il-fruntiera bejn Stati Membri jew bejn Stati Membri u pajjizi terzi sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;”
(2)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:
"8. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1:
(a) fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar it-3 ta’ Settembru 2009;
(b) fir-rigward tal-infrastruttura minn u lejn pajjiżi terzi bejn il-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-netwerk tal-Unjoni, fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar [PO: date of adoption of this proposal]";
(b) il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“9. Fejn ikun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiggarantixxu indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1:
(a) fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar it-3 ta’ Settembru 2009;
(b) fir-rigward tal-infrastruttura minn u lejn pajjiżi terzi bejn il-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-netwerk tal-Unjoni, fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar [PO: date of adoption of this proposal].";
(3) fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 9(1) u jaħtru operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni:
(a) fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar it-3 ta’ Settembru 2009;
(b) fir-rigward tal-infrastruttura minn u lejn pajjiżi terzi bejn il-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-netwerk tal-Unjoni, fejn is-sistema tat-trażmissjoni tkun ta’ impriża integrata vertikalment nhar [PO: date of adoption of this proposal].
Din il-ħatra għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.”;
(3)Fl-Artikolu 34(4), qed tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Fejn in-netwerk ikkonċernat ikun kopert minn mill-inqas Stat Membru wieħed u mill-inqas pajjiż terz wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għandhom jikkonsultaw lill-pajjiżi terzi kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat, fir-rigward tan-netwerks ikkonċernati, li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod konsistenti sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.”
(4)L-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 3, tiżdied it-tieni sentenza li ġejja:
“Fejn l-infrastruttura kkonċernata tkun taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz wieħed (jew aktar), l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi qabel ma tadotta deċiżjoni.”;
(b) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, tiżdied it-tieni sentenza li ġejja:
“Fejn l-infrastruttura kkonċernata tkun ukoll taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz wieħed jew aktar, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi qabel ma jadottaw deċiżjoni bl-għan li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura kkonċernata, li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod konsistenti sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.”;
(5)fl-Artikolu 41(1), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:
“(c) li jikkooperaw dwar kwistjonijiet transfruntiera mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati u mal-Aġenzija, kif ukoll, għal infrastruttura lejn u minn pajjiżi terzi, mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz bl-għan li, fir-rigward ta’ din l-infrastruttura, ikun hemm applikazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;”
(6)fl-Artikolu 42, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:
“6. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi fir-rigward tat-tħaddim tal-pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġi żgurat, fir-rigward tal-infrastruttura kkonċernata, li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod konsistenti sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.”
(7)fl-Artikolu 49, jiżdied il-paragrafu 9 li ġej:
“Fir-rigward ta’ pipelines tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi lesti qabel [PO: date of entry into force of this Directive], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mill-Artikoli 9, 10, 11 u 32 u mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) għat-taqsimiet ta’ tali pipelines bejn il-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni, bil-kundizzjoni li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali fl-Unjoni, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.
Id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u tista’ tkun suġġetta għal kundizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi ta’ hawn fuq.
Fejn il-pipeline tal-gass ikkonċernat ikun jinsab fil-ġurisdizzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru li l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni jkun fil-ġuriżdizzjoni tiegħu għandu jiddeċiedi fuq deroga għall-pipeline.
L-Istati Membri għandhom jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni dwar deroga skont dan il-paragrafu fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.”
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva qabel [PO: one year after the date of entry into force]. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President