IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.10.2017
COM(2017) 619 final
2017/0269(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001
{SWD(2017) 348 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Fid-9 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise SA vs État belge li permezz tagħha hija ddikjarat bħala invalidu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 tat-12 ta’ Ottubru 2000 dwar l-iffissar tal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.
L-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni kienu oriġinarjament stabbiliti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tat-13 ta’ Settembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor. Dan ir-regolament ippreveda sistema ta’ awtofinanzjament tas-settur taz-zokkor stabbilita minn imposti tal-produzzjoni flessibbli.
Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor kienet ibbażata fuq il-prinċipju li l-produtturi jenħtieġ li jġorru r-responsabbiltà finanzjarja kollha għat-telf imġarrab f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz tar-rimi ta’ dik il-parti tal-produzzjoni tal-Komunità taħt il-kwota li tikkostitwixxi eċċess għall-konsum intern tal-Komunità, u fuq differenzjal tal-garanziji tal-prezz għar-rimi, li jirrifletti l-kwota tal-produzzjoni allokata għal kull impriża.
Il-prinċipju tar-responsabbiltà finanzjarja kien żgurat billi l-produtturi jiġu ddebitati imposta tal-produzzjoni bażika fuq il-produzzjoni kollha taz-zokkor A u B, li hija limitata għal 2 % tal-prezz tal-intervent taz-zokkor abjad, u imposta B imħallsa fuq il-produzzjoni taz-zokkor B sal-limitu ta’ 37,5 % ta’ dak il-prezz. Fejn dawk l-imposti ma ppermettewx li tintlaħaq il-mira ta’ awtofinanzjament tas-settur f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, ir-regolament (KE) Nru 2038/1999 ippreveda imposta addizzjonali li għandha tiġi ddebitata lill-produtturi. L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 ippreveda l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-imposti.
Il-Qorti, fis-sentenza tagħha msemmija hawn fuq, ma poġġitx fid-dubju s-sistema tal-imposti tal-produzzjoni u l-prinċipju li skontu l-produtturi taz-zokkor kellhom iġorru r-responsabbiltà finanzjarja kollha għat-telf imġarrab f’kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni meta kienet tintrema’ dik il-parti tal-produzzjoni fil-qafas tal-kwota li tikkostitwixxi eċċess għall-konsum intern tal-Unjoni, u kienu għalhekk soġġetti għal imposta fuq il-produzzjoni tagħhom fil-qafas tal-kwota, li għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi kopert it-telf imġarrab matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001.
Madankollu, il-Qorti qatgħetha li l-Kummissjoni żbaljat fil-kalkoli tal-imposti annwali stabbiliti għall-perjodu inkwistjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999. Hi sabet li l-metodu użat mill-Kummissjoni fir-Regolamenti tagħha (KE) Nru 2267/2000 u Nru 1993/2001 biex tiffissa l-imposti kien żbaljat, għaliex dan wassal għal stima akbar tal-ispejjeż li kellhom jiġu koperti u, konsegwentement, għal debitu żejjed għall-produtturi taz-zokkor.
Is-sentenza ħalliet vojt ġuridiku fir-rigward tas-somma eżatta tal-imposti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001. Għalhekk, jenħtieġ li l-imposti stabbiliti għal dawn is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda, ikkalkulati skont il-metodu vvalidat mill-Qorti, b’effett retroattiv, sabiex ikunu konformi mas-sentenza.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat tat-TFUE, “L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null…għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”. Għalhekk, wara t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 2267/2000 u tar-Regolament (KE) Nru 1993/2001, jeħtieġ li għall-perjodu inkwistjoni jiġu ffissati imposti ġodda.
Mill-1999 ’il hawn, il-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor inbidel: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, u reġa’ tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999 ma jistax jibqa’ jservi bħala l-bażi ġuridika għall-korrezzjoni tal-imposti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandiex is-setgħa li tadotta l-att legali korrettiv meħtieġ sabiex timplimenta s-sentenza.
Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-imposti. Minħabba n-natura tar-Regolament propost, l-Artikolu 43(3) tat-TFUE jidher li huwa l-bażi ġuridika xierqa għall-iffissar tal-imposti taz-zokkor ikkoreġuti għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni.
Fis-sentenza tagħha msemmija hawn fuq, il-Qorti ċċarat l-elementi kollha li jridu jittieħdu inkonsiderazzjoni għall-kalkolu tat-“telf medju”, fit-tifsira tal-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, li jrid jintuża għall-istima tat-“telf ġenerali” li għandu jiġi kopert mill-imposti tal-produzzjoni. B’mod partikolari, it-“telf medju” għandu jiġi kkalkulat billi wieħed jiddividi r-rifużjonijiet totali effettivi imħallsin bit-total tal-kwantitajiet taz-zokkor tal-kwota esportati, irrispettivament jekk kinux esportati b’rifużjoni jew mingħajrha. L-applikazzjoni tal-metodu l-ġdid indikat mill-Qorti twassal għal tnaqqis sostanzjali tat-“telf medju” u tat-“telf ġenerali”, li għandhom jiġu koperti bl-imposta għall-perjodu inkwistjoni.
Għalhekk, ir-Regolament propost se jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija kkjarifikata mill-Qorti. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jikkalkulaw ir-rimborż dovut lill-produtturi taz-zokkor fir-rigward tal-imposti żejda li huma kienu ġew iddebitati matul l-istess perjodu. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu r-rimborż lill-produtturi taz-zokkor li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imposti riveduti skont il-liġi nazzjonali applikabbli inklużi l-perijodi nazzjonali ta’ limitazzjoni. Jenħtieġ li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li talbu għal rimborż bi dritt u f’waqtu jiġu rimborżati.
Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se tħalli impatt fuq l-ammont, li l-produtturi taz-zokkor kellhom iħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta A jew B, u l-ammont ta’ dawn l-imposti ddebitati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ikkonċernati.
Fil-fatt, skont l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fis-seħħ sal-2006, dawn l-imposti kienu tħallsu mill-manifatturi taz-zokkor, iżda dawn tal-aħħar rkupraw 60 % ta’ dawn l-ispejjeż mill-produtturi tal-pitravi, billi ħallsu prezz aktar baxx għall-pitravi. Meta l-ammonti tal-imposti kienu stabbiliti taħt il-livell massimu tal-imposti A jew B (jiġifieri 2 % u 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad rispettivament), l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) 2038/1999 ippreveda li l-manifatturi taz-zokkor kellhom iħallsu l-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta inkwistjoni u l-ammont tal-imposta ta’ bażi jew l-imposta B effettivament iddebitata.
Għalhekk, dan l-att korrettiv legali jistabbilixxi l-prezzijiet riveduti li jenħtieġ li l-produtturi taz-zokkor iħallsu lura lill-bejjiegħa tal-pitravi. Jenħtieġ li tiġi rimborżata biss id-differenza bejn l-ammonti qodma u dawk ġodda lill-bejjiegħa tal-pitravi .
Ir-rimborż tal-imposti taz-zokkor jikkostitwixxi korrezzjoni tal-imposti fuq iz-zokkor li oriġinarjament tħallsu lir-riżorsi proprji tal-UE. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu l-intitolamenti l-ġodda tal-imposti taz-zokkor abbażi tal-imposti l-ġodda sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2018.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Istati Membri dokument ta’ ħidma relatat mad-determinazzjoni tal-imposti taz-zokkor ikkoreġuti u mas-segwiment tas-sentenza tal-Qorti tad-9 ta’ Frar 2017. Dan id-dokument ta’ ħidma ġie ppreżentat u diskuss fil-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli fit-28 ta’ Settembru 2017.
Għadd ta’ Stati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tħejji att legali li jikkoreġi l-imposti, li jenħtieġ li jinkludi rimborż mill-baġit tal-Unjoni tal-imgħax fuq ir-rimborżi li saru jew li se jsiru lill-produtturi taz-zokkor li ħallsu l-imposti żejda fis-snin rilevanti, mill-Istati Membri kkonċernati. Xi delegazzjonijiet issuġġerew ukoll li jenħtieġ li l-imgħax jiġi kkalkolat b’rata uniformi fil-livell Ewropew.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se twassal għal korrezzjoni negattiva ta’ EUR 116 318 466, li għandha tiġi ddebitata lir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE. Minbarra l-ammont imsemmi, l-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand il-Kummissjoni r-rimborż tal-imgħax effettivament imħallas minnhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex isir ir-rimborż tal-imposti żejda miġbura għas-snin rilevanti. Din in-nefqa għandha tiġi ddebitata separatament lill-baġit tal-UE mill-Istati Membri kkonċernati wara l-preżentazzjoni tal-provi korrispondenti tal-ħlas.
5.
ELEMENTI OĦRAJN
Il-Kummissjoni se toħroġ, b’mod parallel, Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff li jakkumpanja din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill, sabiex jiġu ċċarati ċerti elementi relatati mar-rimborż tal-ammont prinċipali u l-imgħax, ir-rimborż lill-bejjiegħa tal-pitravi, il-proċedura tal-kontabilità u l-monitoraġġ tal-proċess tar-rimborż.
2017/0269 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 33(8) u l-Artikolu 34(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta regoli dettaljati dwar l-imposti ta’ produzzjoni bażiċi u dwar il-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali, li jinġabru minn detenturi tal-kwota li joperaw fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.
(2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001 stabbilew l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor.
(3)Fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2038/1999. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 318/2006 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1260/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, li sussegwentement ġie revokat u inkorporat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, issostitwixxa s-sistema tal-imposta varjabbli tal-produzzjoni taz-zokkor li tikkonsisti mill-awtofinanzjament tas-sistema tal-kwota tal-produzzjoni permezz ta’ tariffa fuq il-produzzjoni ġdida bil-għan li tikkontribwixxi għall-iffinanzjar tan-nefqa li sseħħ fis-settur taz-zokkor fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għaz-zokkor. Din it-tariffa fuq il-produzzjoni temporanja baqgħet applikabbli sat-30 ta’ Settembru 2017 skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
(4)Bis-Sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 kienu ddikjarati bħala invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b’mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu tat-telf medju, jeħtieġ li wieħed jiddividi l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni bl-ammont totali tal-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li ġew esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.
(5)Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 irid jiġi interpretat b’mod li jinftiehem li, għall-fini tal-kalkolu globali tal-imposti fuq il-produzzjoni, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf medju kkalkulat billi wieħed jiddividi l-ammont totali tan-nefqa effettiva għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni bl-ammont totali tal-kwantitajiet esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fil-fatt tħallsux jew le fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.
(6)Għalhekk għall-konformità mas-sentenza tal-Qorti, jeħtieġ li jkunu ffissati l-imposti tal-produzzjoni u l-imposti addizzjonali fil-livell adatt.
(7)B’mod partikolari, it-“telf medju” jeħtieġ jiġi kkalkulat billi wieħed jiddividi r-rifużjonijiet totali effettivi mħallsin bit-total tal-kwantitajiet esportati, irrispettivament minn jekk kinux esportati b’rifużjoni jew mingħajrha. L-applikazzjoni tal-metodu indikat mill-Qorti twassal għal tnaqqis sostanzjali tat-“telf medju” u tat-“telf ġenerali”, li għandhom jiġu koperti bl-imposta għall-perjodu inkwistjoni.
(8)Ir-reviżjoni tal-imposti tal-produzzjoni għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 se tħalli impatt fuq l-ammont li l-produtturi taz-zokkor kellhom iħallsu lil dawk li jkabbru l-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta A jew B, u l-ammont ta’ dawn l-imposti ddebitati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni konċernati.
(9)Fil-fatt, skont ir-regoli li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor fis-seħħ mill-2006, dawn l-imposti kienu jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor, iżda dawn tal-aħħar rkupraw 60 % ta’ dawn l-ispejjeż mill-produtturi tal-pitravi, billi ħallsu prezz aktar baxx għall-pitravi. L-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 ppreveda li meta l-ammonti tal-imposti kienu stabbiliti taħt il-livell massimu tal-imposti A jew B (jiġifieri 2 % u 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad rispettivament), il-manifatturi taz-zokkor kellhom iħallsu l-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta inkwistjoni u l-ammont tal-imposta ta’ bażi jew l-imposta B effettivament iddebitata.
(10)Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-ammonti riveduti li l-produtturi taz-zokkor li għandhom iħallsu lura lill-bejjiegħa tal-pitravi . Jenħtieġ li l-bejjiegħa tal-pitravi jiġu rimborżati biss bid-differenza bejn l-ammonti qodma u dawk ġodda.
(11)Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000, it-telf ġenerali mhux kopert mit-taxxi, ikkalkulat mill-ġdid skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 66 941 664. Jenħtieġ li l-koeffiċjent imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 2038/1999 jiġi stabbilit skont dan u li japplika retroattivament għal dik is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
(12)Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, it-telf ġenerali mhux kopert mit-taxxi, ikkalkulat skont il-metodu indikat mill-Qorti, jammonta għal EUR 49 376 802.
(13)Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikun żgurat trattament uniformi tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati fi Stati Membri differenti, jeħtieġ li tiġi stabbilita data komuni li fiha l-imposti ffissati b’dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti, fit-tifsira tat-tieni u tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014.
(14)L-operaturi ekonomiċi kienu ġew iddebitati imposti żejda għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu r-rimborż lill-operaturi ekonomiċi li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imposti riveduti skont il-liġi nazzjonali applikabbli inklużi perjodi nazzjonali ta’ limitazzjoni. Jenħtieġ li dawn jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi li talbu għal rimbors bi dritt u f’waqtu jiġu rimborżati.
(15)Jenħtieġ li l-kalkolu tal-imposti tal-produzzjoni u l-imposti addizzjonali stabbiliti b’dan ir-Regolament japplika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1.L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt (1) tal-Anness.
2.Il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 għandu jkun dak stabbiliti fil-punt (2) tal-Anness.
3.L-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi, fir-rigward tal-imposti A jew B għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001, għandu jkun dak stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness.
Artikolu 2
Id-data tal-istabbiliment, kif imsemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 609/2014, tal-imposti ffissati b’dan ir-Regolament, għandha tkun mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2018.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1 għandu japplika:
–mit-13 ta’ Ottubru 2000 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000;
–mit-12 ta’ Ottubru 2001 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
|
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA
|
FS/17/4938476
|
|
|
6.2.2017.1
|
|
|
DATA: 06.09.2017
|
|
1.
|
INTESTATURA TAL-BAĠIT:
Ara hawn taħt għall-previżjoni baġitarja.
Kapitolu 1 1 - Artikolu 1 1 0 (Imposti tal-produzzjoni relatati mas-sena kummerċjali 2005/2006 u mas-snin ta’ qabel):
05 07 02 (Soluzzjoni ta’ tilwim)
|
APPROPRJAZZJONIJIET:
B2017;
DB 2018
p.m.;
p.m.
EUR 29 miljun
EUR 22,3 miljun
|
|
2.
|
TITOLU:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.
|
|
3.
|
BAŻI ĠURIDIKA:
L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
4.
|
OBJETTIVI:
Dan ir-regolament għandu l-għan li jistabilixxi retroattivament il-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 sa 2000/2001, ikkalkolati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija ikkjarifikat mill-Qorti.
|
|
5.
|
IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI
|
PERJODU TA’ 12-IL XAHAR
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA
2018
(f’miljuni ta’ EUR)
|
SENA FINANZJARJA
2019
(f’miljuni ta’ EUR)
|
|
5.0
|
NEFQA
-
IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)
-
AWTORITAJIET NAZZJONALI
-
OĦRAJN
|
102,2
|
102,2
|
Mhux applikabbli
|
|
5.1
|
DĦUL
-
RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI) – Ara l-kummenti
-
NAZZJONALI
|
-93,1
|
-93,1
|
Mhux applikabbli
|
|
5.2
|
METODU TA’ KALKOLU:
Ara l-osservazzjonijiet
|
|
6.0
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
Mhux applikabbli
|
|
6.1
|
IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?
|
Le
|
|
6.2
|
SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?
|
Le
|
|
6.3
|
SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?
|
Ara l-osservazzjoni
|
|
OSSERVAZZJONIJIET:
Fid-9 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-585/15, Raffinerie Tirlemontoise SA vs État belge li permezz tagħha hija ddikjarat bħala invalidu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 tat-12 ta’ Ottubru 2000 dwar l-iffissar tal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001, tal-11 ta’ Ottubru 2001, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001.
Din is-sentenza segwiet ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012 (is-sentenza Jülich II), li permezz tagħha l-metodu korrett li kellu jintuża biex jiġu kkalkulati l-imposti fuq iz-zokkor ġie kkjarifikat. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi huma intitolati għar-rimborż tas-somom li ħallsu żejda rigward l-imposti tal-produzzjoni invalidi li tħallsu fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni rilevanti. Dawn l-imposti żejda ġew akkumulati favur il-baġit tal-Unjoni wara tnaqqis tat-tariffi tal-ġbir li ġew akkumulati favur il-baġits nazzjonali skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/(UE, Euratom) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan l-att legali korrettiv li jistabilixxi retroattivament l-imposti tal-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija ikkjarifikata mill-Qorti fil-kawża msemmija hawn fuq Jülich II. Wara s-sentenza u skont il-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu, ir-rimbors tad-differenza bejn l-imposti l-qodma u l-imposti kkalkulati mill-ġdid lill-operaturi għandu jinkludi l-imgħax kumpensatorju, ibbażat fuq ir-regoli nazzjonali.
L-ammont totali li għandu jiġi rrimborżat lill-Istati Membri huwa dan:
Riżorsi proprji — ammont prinċipali
EUR 66,9 miljun għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u EUR 49,4 miljun għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001; b’kollox EUR 116,3 miljun * 80 % = EUR 93,1 miljun ta’ imposti wara l-ġbir ta’ ħlasijiet.
Imgħax kumpensatorju
L-imgħax kumpensatorju mitlub mhuwiex inkluż fl-ammonti li jaqgħu fl-ambitu tar-riżorsi proprji. Ir-rati tal-imgħax se jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali u għalhekk l-ammont finali ma jistax jiġi ddeterminat b’mod definittiv f’dan il-waqt. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar ir-rati ta’ imgħax nazzjonali mill-kawża Jülich u jekk wieħed jassumi medja ta’ spejjeż ta’ mgħax ta’ 5 % kull sena, l-ammont prinċipali dovut għal 1999/2000 jiżdied b’90 % tal-imgħax (18*5 %) u l-ammont prinċipali dovut għal 2000/2001 jiżdied b’85 % (17*5 %).
Dan itella’ t-total tal-ispejjeż tal-imgħax stmati għal (66,9*90 %) + (49,4*85 %) = EUR 102,2 miljun.
L-ammont se jitħallas mil-linja baġitarja 05 07 02 – Soluzzjoni ta’ tilwim. Il-pagamenti huma mistennija li jsiru fis-sena baġitarja tal-2018.
|