Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0483

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius.

COM/2017/0483 final - 2017/0221 (NLE)

Brussell, 15.9.2017

COM(2017) 483 final

2017/0221(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Abbażi tad-Direttivi 1 tan-negozjati rilevanti, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern ta’ Mauritius bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunita Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius 2 . Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fis-26 ta’ April 2017. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ erba’ snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, jiġifieri mid-data li fiha jkun iffirmat, kif huwa indikat fl-Artikolu 15.

Il-Protokoll il-ġdid għandu l-għan ewlieni li lill-bastimenti tal-Unjoni jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius, skont l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u filwaqt li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u, meta applikabbli, fil-limiti tal-eċċess disponibbli. Il-Kummissjoni sejset il-pożizzjoni tagħha, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2014-2017) u ta’ valutazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. It-tnejn li huma twettqu minn esperti esterni. Il-Protokoll se jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius jaħdmu aktar mill-qrib għall-promozzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli, għall-isfruttar sod tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius, u għall-appoġġ tal-isforzi ta’ Mauritius biex jiżviluppa ekonomija sostenibbli tal-oċeani, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-Protokoll jistipula opportunitajiet tas-sajd f'dawn il-kategoriji:

   40 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun;

   45 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

Il-Protokoll il-ġdid se jipprovdi qafas għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius u għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Unjoni u Mauritius, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata u tad-dimensjoni esterna tagħha. L-għan huwa li tiġi stabbilita sħubija strateġika ma’ dan il-pajjiż.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Protokoll il-ġdid.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

2.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Matul l-evalwazzjonijiet ex-post u ex-ante, il-partijiet interessati ġew ikkonsultati dwar il-possibbiltà ta’ Protokoll ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius. Fil-laqgħat tekniċi li saru ġew ikkonsultati l-esperti mill-Istati Membri u mill-industrija. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika ta’ Mauritius li jiġi konkluż Protokoll ġdid għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali hija ta’ EUR 575 000, abbażi ta’:

(a) it-tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 4 000 tunnellata, li għalih ġie stabbilit ammont annwali ta’ EUR 220 000 marbut mal-aċċess;

(b) l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika ta’ Mauritius, li jammonta għal EUR 220 000 fis-sena; kif ukoll

(c) l-appoġġ għall-iżvilupp fil-qasam tal-ekonomija tal-oċeani, li jammonta għal EUR 135 000 fis-sena.

Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd, dik marittima u l-ekonomija tal-oċeani , u b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ Mautirius f’dak li għandu x’jaqsam ma’: ir-riċerka xjentifika; is-sajd artiġjanali; il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd; u l-ġlieda kontra s-sajd illegali.

2017/0221 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-28 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE 3 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju (minn hawn’il “il-Ftehim”).

(2)L-ewwel Protokoll tal-Ftehim stabbilixxa, għal perjodu ta’ tliet snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ Mauritius u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni. Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll skada fis-27 ta’ Jannar 2017.

(3)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/.../UE 4 , il-Protokoll il-ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) ġie ffirmat fil-... [please insert the date].

(5)Għandu jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 5 jistipula li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati jekk ikun jidher li bl-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd ma jkunx se jintuża l-ammont kollu ta’ opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll, u titlobhom jikkonfermaw li mhux qed jużaw dawk l-opportunitajiet tas-sajd. In-nuqqas ta' risposta fiż-żmen iffissat għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat.

(7)Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ żmien biex tiġi riċevuta tweġiba b’din il-konferma.

(8)Il-Protokoll se japplika b’mod proviżorju mid-data li fiha jiġi ffirmat sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr. Għaldaqstant, jenħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)L-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius huma b’dan allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:

Spanja:

   22    bastiment

Franza:

   16    -il bastiment

L-Italja:

    2    bastimenti

(b)bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:

   12    -il bastiment

Franza:

   29    bastiment

Il-Portugall:

    4    bastimenti

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr ħsara għall-Ftehim.

(3)Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

(4)Il-limitu taż-żmien li fih l-Istati Membri jridu jikkonfermaw, fuq talba tal-Kummissjoni, li mhumiex qed jużaw għalkollox l-opportunitajiet tas-sajd li ngħatawlhom skont il-Protokoll, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, huwa ta’ għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-Kummissjoni tagħmel it-talba tagħha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Adottat fil-11 ta’ April 2016 waqt it-3459 laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd.
(2) ĠU L 79 18.3.2014, p.3.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 2)
(4) ĠU L , , p. .
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).
Top