IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2017
COM(2017) 387 final
2017/0166(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fir-rigward ta’ materji li mhumiex marbuta mal-liġi kriminali sostantiva u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Waħda mill-ikbar theddidiet għall-isport fi żmienna hi t-tbagħbis tal-logħob. Dan jimmina l-valuri tal-isport bħalma huma l-integrità, il-kompetizzjoni ġusta (fair play) u r-rispett lejn l-oħrajn. It-tbagħbis tal-logħob jista’ jtellef l-interess tal-partitarji u tas-sapporters fl-isport organizzat. Barra minn hekk, it-tbagħbis tal-logħob ta’ sikwit jinvolvi netwerks tal-kriminalità organizzata li jkunu attivi fuq skala globali. Issa din il-problema saret prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-moviment sportiv u għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fid-dinja kollha. Sabiex jindirizza dawn l-isfidi, matul is-sajf tal-2012, il-Kunsill tal-Ewropa stieden lill-partijiet tal-Konvenzjoni Kulturali Ewropea biex jibdew in-negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-manipolazzjoni tar-riżultati sportivi. In-negozjati bdew f’Ottubru tal-2012 bl-ewwel laqgħa tal-grupp tal-abbozzar tal-Kunsill tal-Ewropa.
Fit-13 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat “ir-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipolazzjoni tar-riżultati sportivi”. Fil-15 ta’ Novembru 2012, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport tal-Kunsill. Wara diskussjonijiet li saru fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill, il-Kunsill qasam l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill f’żewġ Deċiżjonijiet minħabba li żied bażijiet ġuridiċi sostantivi, fosthom bażi ġuridika li toħroġ mill-Parti 3, tat-Titolu V tat-TFUE. Fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill adotta waħda mid-Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-imħatri u mal-isport. Id-Deċiżjoni l-oħra dwar il-materji marbuta mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u mal-kooperazzjoni tal-pulizija ġiet adottata mill-Kunsill fit-23 ta’ Settembru 2013.
Fid-9 ta’ Lulju 2014 il-Viċi Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adottaw l-Konvenzjoni dwar il-Manipolazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi. Fit-18 ta’ Settembru 2014, il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar waqt il-Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli għall-Isport. Skont l-Artikolu 32(1), il-Konvenzjoni hi miftuħa għall-firma tal-Unjoni Ewropea. Minn dak iż-żmien ’il hawn għadd ta’ partijiet iffirmaw il-Konvenzjoni, inklużi bosta Stati Membri.
Fit-2 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposti tagħha għad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni; (i) proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji marbuta mal-liġi kriminali sostantiva u mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali {COM(2015)86} abbażi tal-Artikoli 82(1) u 83(1) tat-TFUE; u (ii) proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji mhux marbuta mal-liġi kriminali sostantiva u mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali {COM(2015)84} abbażi tal-Artikoli 114 u 165 tat-TFUE. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ dawn il-proposti tal-Kummissjoni kien fihom analiżi dettaljata tal-kompetenzi tal-Konvenzjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni ġew diskussi l-aħħar fil-Coreper fil-11 u fl-20 ta’ Novembru 2015. F’din l-okkażjoni l-Presidenza kkonkludiet li ma kinitx se tipproċedi bid-dokument qabel ma jkollha l-kunsens tad-delegazzjonijiet kollha.
F’dan l-isfond, l-Unjoni għadha ma ffirmatx il-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-iffirmar tal-Konvenzjoni jenħtieġ li jkun parti mill-isforzi tal-Unjoni biex tieħu sehem fil-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob flimkien ma’ għodod oħra bħall-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar it-tbagħbis tal-logħob minħabba l-imħatri, b’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2012 tal-Kummissjoni dwar il-logħob tal-azzard onlajn, il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar it-tbagħbis tal-logħob, u l-Azzjonijiet Preparatorji u l-proġetti ddedikati għat-tbagħbis tal-logħob.
Il-proposta attwali tikkonċerna l-istrument ġuridiku li jikkonkludi l-ftehim.
2.
IL-FTEHIM
Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, l-għan tal-Konvenzjoni hu “l-ġlieda kontra l-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi sabiex jiġu protetti l-integrità tal-isport u l-etika sportiva b’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija tal-isport”. Għalhekk, l-għan aħħari tal-Konvenzjoni hu “l-protezzjoni tal-integrità tal-isport u tal-etika sportiva”. Dan l-għan jintlaħaq billi jittieħdu għadd ta’ miżuri bil-ħsieb li jkun hemm il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u s-sanzjonar tal-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Fid-dawl ta’ dak l-għan, il-Konvenzjoni tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex tiżgura li jiġu segwiti d-dispożizzjonijiet stipulati fil-Konvenzjoni.
B’hekk il-Konvenzjoni tinkorpora approċċ multidimensjonali biex tiġi indirizzata l-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Skont dan, il-miżuri li jridu jiġu adottati jvarjaw fin-natura tagħhom u jaffettwaw oqsma differenti tal-liġi, iżda lkoll iħaddmu l-aspett tal-prevenzjoni. Fost l-oqsma l-oħra tal-liġi li huma kkonċernati hemm il-liġi kriminali sostantiva, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-imħatri.
Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni qegħdin fil-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni, filwaqt li l-Kapitolu III jistabbilixxi għadd ta’ dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha.
Il-miżuri relatati mas-servizzi tal-imħatri jaf jirreferu fuq fuq għal-libertajiet tas-suq intern fir-rigward tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, peress li l-operaturi tal-imħatri jeżerċitaw attività ekonomika. Fir-rigward tal-Artikoli 3(5)(a) u 11 b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “imħatri sportivi illegali” tirreferi għal kull imħatra sportiva li t-tip jew l-operatur tagħha ma jkunux permessi skont il-liġi applikabbli fil-ġurisdizzjoni tal-Parti, li fiha jkun jinsab il-lagħbi. It-terminu “liġi applikabbli” jinkludi l-liġi tal-UE. Dan jimplika li jrid jinżamm amment ta’ kull dritt mogħti bil-liġi tal-UE u li l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri trid tkun konformi mal-liġi tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli tas-suq intern.
Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 9 sa 11 jipprevedu miżuri li jistgħu jwasslu għal ċertu grad ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet. Pereżempju, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jipproponi lista indikattiva ta’ miżuri li jistgħu jiġu applikati mill-awtorità regolatorja rispettiva tal-imħatri “meta dan ikun xieraq” għall-ġlieda kontra l-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi b’rabta mal-imħatri sportivi. L-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni jiddikjara li “kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u l-użu ħażin ta’ informazzjoni privileġġata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu involuti fil-provvista ta’ prodotti tal-imħatri sportivi (...)” (enfasi miżjuda). L-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni għandu l-għan li jistabbilixxi obbligi ta’ rapportar billi jiddikjara li: “Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont kif ikun meħtieġ biex l-operaturi tal-imħatri sportivi jkunu obbligati jirrapportaw mingħajr dewmien l-imħatri irregolari jew suspettużi lill-awtorità regolatorja tal-imħatri (...)” (enfasi miżjuda). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar l-imħatri sportivi illegali jagħti ferm iżjed flessibilità lill-Partijiet. Dan jiddikjara li: “kull Parti għandha ssib l-iktar mezz xieraq għall-ġlieda kontra l-operaturi tal-imħatri sportivi illegali u għandha tqis li tadotta miżuri skont il-liġi applikabbli tal-ġurisdizzjoni rilevanti, bħal pereżempju (…)”.
Dan juri li l-Artikoli 9, 10(1) u 10(3) tal-Konvenzjoni joħolqu bażi għal armonizzazzjoni possibbli skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, peress li l-operaturi tal-imħatri jeżerċitaw attività ekonomika. L-Artikolu 11, li fih formulazzjoni ferm iżjed flessibbli, xorta waħda jinvolvi ċertu grad ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jaf ikunu koperti wkoll bl-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.
Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jaf jaffettwa wkoll is-servizzi pprovduti minn pajjiż terz. Il-miżuri inkwistjoni, li jikkonċernaw direttament l-“aċċess” ta’ servizzi bħal dawn, ikunu koperti bil-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni skont l-Artikolu 207 tat-TFUE.
Il-Kapitolu IV huwa dwar il-liġi kriminali u l-koperazzjoni fir-rigward tal-infurzar (l-Artikoli 15 sa 18). L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ma jimponix l-inkriminazzjoni ġenerali tal-imġiba ta’ manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, iżda ċerti forom biss (meta dawn ikunu jinvolvu l-korruzzjoni, il-koerċizzjoni jew il-frodi). L-Artikolu 16 huwa dwar il-ħasil tal-flus. Fil-livell tal-Unjoni, dan huwa rregolat bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI u bid-Direttiva 2014/42/UE. L-Artikolu 16(3) tal-Konvenzjoni jaqa’ fil-kompetenza tal-UE u tal-Artikolu 114 tat-TFUE (id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu). Il-Kapitolu V dwar il-ġurisdizzjoni, il-proċedura kriminali u l-miżuri tal-infurzar, u l-Kapitolu VI dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri, fihom dispożizzjonijiet li jakkumpanjaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali sostantiva li hemm fl-Artikoli 15 sa 18 tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni (il-ġurisdizzjoni) hu dispożizzjoni aċċessorja għall-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet kriminali. L-Artikoli 20, 21 u 25 tal-Konvenzjoni (il-miżuri ta’ investigazzjoni, il-miżuri ta’ protezzjoni, is-sekwestru u l-konfiska) huma miżuri proċedurali kriminali li jistgħu jkunu koperti bl-Artikolu 82(2) tat-TFUE (il-punti (a) u (b)).
Il-Kapitolu VII huwa dwar il-kooperazzjoni internazzjonali f’materji ġudizzjarji u f’materji oħra. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Konvenzjoni ma fiha l-ebda reġim ġuridiku li jieħu post ir-regoli eżistenti, u għaldaqstant hija mingħajr preġudizzju għall-istrumenti li diġà jeżistu fil-qasam tal-assistenza reċiproka f’materji kriminali u fl-estradizzjoni. F’dan il-kuntest, fil-livell Ewropew hemm għadd komprensiv ta’ strumenti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li japplikaw għall-modi operandi differenti tat-tbagħbis tal-logħob jew inkella għall-kriminalizzazzjoni tat-tbagħbis tal-logħob bħala reat ġdid fl-ordinament ġuridiku domestiku tal-Istati Membri. Dan ikun ikopri l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni.
Konklużjonijiet
Attwalment ċerti reati mhumiex koperti bl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. L-Unjoni għandha l-kompetenza fuq il-kumplament, iżda din hi esklużiva biss għal żewġ dispożizzjonijiet – l-Artikolu 11 (peress li tapplika għal servizzi minn pajjiżi terzi u lejhom) u l-Artikolu 14 dwar il-protezzjoni tad-dejta (parzjalment). Il-kumplament huma ta’ kompetenza kondiviża jew ta’ “sostenn”.
3.BAŻI ĠURIDIKA TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA
3.1. Il-bażi ġuridika sostantiva
Fir-rigward tal-bażi ġuridika, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-għażla tal-bażi ġuridika għal miżura tal-UE trid tissejjes fuq fatturi oġġettivi li jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju; dawn jinkludu l-għan u l-kontenut tal-miżura. Jekk l-eżaminazzjoni ta’ miżura tal-Unjoni Ewropea tiżvela li din ikollha żewġ għanijiet jew li jkollha żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk jingħaraf bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, il-miżura tkun trid tissejjes fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. Bħala eċċezzjoni, jekk jiġi stabbilit li l-miżura jkollha diversi għanijiet li jkunu marbutin flimkien b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed mill-għanijiet ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor, il-miżura tkun trid tissejjes fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
Il-bażijiet ġuridiċi sostantivi li potenzjalment għandhom rilevanza hawnhekk huma: l-Artikolu 16 tat-TFUE (il-protezzjoni tad-dejta), l-Artikoli 82(1) u 82(2) tat-TFUE (il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali), l-Artikolu 83(1) tat-TFUE (il-liġi kriminali sostantiva), l-Artikolu 114 tat-TFUE (l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern), l-Artikolu 165 tat-TFUE (l-isport) u l-Artikolu 207 tat-TFUE (il-politika kummerċjali komuni).
B’mod sħiħ, l-għan tal-ġlieda kontra l-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fih elementi ta’ prevenzjoni u ta’ kooperazzjoni li huma koperti prinċipalment bl-Artikolu 165 tat-TFUE u fih elementi ta’ kooperazzjoni u ta’ approssimazzjoni li huma koperti bl-Artikolu 114 (għad-dispożizzjonijiet mhux kriminali), bl-Artikolu 207 tat-TFUE (diment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu marbuta mal-aċċess tal-operaturi tal-imħatri ta’ pajjiżi terzi) u l-Artikoli 82(1) u 83 tat-TFUE (għal materji kriminali).
Fir-rigward tas-servizzi tal-imħatri, l-Artikoli 114 u 207 tat-TFUE jaf ikunu rilevanti, skont jekk dawn is-servizzi ikunux “intra-UE” jew le. Jidher li l-aspett tas-suq intern hu prominenti iktar fil-Konvenzjoni kollha kemm hi, filwaqt li jidher li l-aspett tal-politika kummerċjali komuni huwa preżenti biss fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni. Madankollu, anke jekk l-Artikolu 207 tat-TFUE ma jissemmiex u jitqies anċillari għall-aspetti tas-suq intern, l-Istati Membri mhumiex kompetenti fir-rigward tal-aspetti rilevanti tal-politika kummerċjali komuni.
Fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, din mhijiex l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tagħha huma biss inċidentali. Daż-żmien, bosta Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa jfakkru li hemm bżonn li l-protezzjoni tad-dejta tiġi rrispettata, anke jekk dawn l-obbligi jaf joħorġu minn Konvenzjonijiet oħra wkoll (bħall-Konvenzjoni Nru 108 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali), peress li l-Partijiet ta’ kull Konvenzjoni jaf ma jkunux l-istess.
Minħabba f’hekk, sabiex l-UE teżerċita l-kompetenzi tagħha fuq il-Konvenzjoni kollha kemm hi (esklużi l-elementi li ma jkollhiex kompetenza fuqhom), il-bażijiet ġuridiċi sostantivi ewlenin huma l-Artikoli 82(1), 83(1), 114 u 165 tat-TFUE.
Minħabba n-natura interkonnessa tal-Konvenzjoni u l-fatt li din tinvolvi kompetenzi tal-UE li jaf ikunu esklużivi u kompetenzi li mhumiex tal-UE, l-Unjoni jew l-Istati Membri ma jistgħux jikkonkludu l-Konvenzjoni waħedhom.
3.2. Il-bażi ġuridika proċedurali
L-Artikolu 218(6) tat-TFUE jistipula li l-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta Deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.
L-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE jistipula li meta ftehim “ikopri oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja”, il-Kunsill għandu jadotta Deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew.
Kif intwera hawn fuq, il-Konvenzjoni dwar il-Manipolazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tkopri oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni hija soġġetta għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata b’konformità mal-Artikolu 218(8) tat-TFUE.
3.3
Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika ta’ din id-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 114 u 165 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE.
2017/0166 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fir-rigward ta’ materji li mhumiex marbuta mal-liġi kriminali sostantiva u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 165 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Id-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni jinsabu b’mod prinċipali fil-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jaf potenzjalment ikunu koperti, għalkollox jew il-biċċa l-kbira minnhom, bl-Artikolu 165 tat-TFUE. Ta’ min isemmi li l-Artikolu 165 tat-TFUE huwa biss kompetenza ta’ sostenn li teskludi kull miżura ta’ armonizzazzjoni u ma jiħux post il-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma.
(2)Miżuri oħra, b’mod partikolari l-Artikoli 9, 10(1) u (3) u 11 tal-Konvenzjoni fihom għadd limitat ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet li jaf ikunu koperti bl-Artikolu 114 tat-TFUE.
(3)L-Artikolu 11 jaf jaffettwa wkoll is-servizzi pprovduti minn pajjiż terz. Il-miżuri inkwistjoni, li jikkonċernaw direttament l-“aċċess” ta’ servizzi bħal dawn, ikunu koperti bil-politika kummerċjali komuni (l-Artikolu 207 tat-TFUE). L-Istati Membri mhumiex kompetenti fir-rigward tal-aspetti rilevanti tal-politika kummerċjali komuni.
(4)Skont l-Artikolu 16 tat-TFUE, l-Artikolu 14 dwar il-protezzjoni tad-dejta huwa kompetenza tal-Unjoni u huwa ta’ natura esklużiva.
(5)L-Unjoni Ewropea qed tippromwovi l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, bħala kontribuzzjoni għall-isforzi tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bl-għan li jkun hemm il-protezzjoni tal-integrità tal-isport u tal-etika sportiva b’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija tal-isport.
(6)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill [……..] ta’ [………], il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipolazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi ġiet iffirmata minn [...] fil-[...], hija soġġetta għall-konklużjoni tagħha f’data iktar ’il quddiem.
(7)Ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jikkonċernaw il-liġi kriminali sostantiva u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u għaldaqstant jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. B’mod parallel għal din id-Deċiżjoni, se tiġi adottata Deċiżjoni separata mill-Kunsill fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
(8)Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi approvata f’isem l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’dan, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipolazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi hija approvata f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għad-depożitu tal-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Konvenzjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Din għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President