Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IR0018

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

    ĠU C 342, 12.10.2017, p. 57–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/57


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi

    (2017/C 342/09)

    Relatur:

    József Ribányi (HU/PPE) Viċi President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tolna Megye

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    1.

    jilqa’ l-fatt li l-istrateġija attwali hija approċċ multidixxiplinari u komprensiv li jinkludi aspetti soċjoloġiċi u ekonomiċi, innovazzjonijiet fis-setturi tal-enerġija, tal-infrastruttura u dak diġitali, kif ukoll kompetittività industrijali u żvilupp fil-ħiliet;

    2.

    japprova l-għanijiet tal-istrateġija, li kienu diġà ġew stabbiliti fil-White Paper tal-2011 (1), jiġifieri li jitnaqqsu l-gassijiet b’effett serra mit-trasport b’mill-inqas 60 % meta mqabbla mal-1990;

    3.

    madankollu, jissuġġerixxi li din l-istrateġija, skont il-White Paper tal-2011, għandha tqis il-progress li sar mill-2011 ’l hawn f’termini ta’ titjib fl-effiċjenza tas-sistema tat-trasport u l-qafas ta’ politika dwar l-enerġija u l-klima attwali tal-UE għall-2030 u kif ukoll l-impenji li saru mill-UE fil-kuntest tal-ftehim ta’ Pariġi tal-2015;

    OTTIMIZZAZZJONI TAS-SISTEMA TAT-TRASPORT U TITJIB TAL-EFFIĊJENZA TAGĦHA

    Soluzzjonijiet għal mobbiltà diġitali

    4.

    jenfasizza li bl-isfruttar tal-potenzjal ta’ teknoloġiji diġitali ser ikun possibbli li jiġi ottimizzat it-trasport u jiġi stabbilit netwerk trans-Ewropew tat-trasport multimodali (TEN-T). Il-prerekwiżiti huma sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITSs) u l-infrastruttura. Huwa wkoll importanti li jittieħed kont tal-ekosistemi li jirriflettu l-karatteristiċi ambjentali lokali u jinsistu fuq l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażi ta’ implimentazzjoni;

    5.

    jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni Ewropej, meta jkollhom rwol attiv fl-istabbiliment tat-telekomunikazzjoni intelliġenti u l-infrastruttura tat-trasport, jistgħu jiżguraw l-użu effiċjenti ta’ vetturi konnessi u awtomatizzati tul il-kurituri tan-netwerk TEN-T li jaqsam il-fruntieri u t-territorji tal-Istati Membri fi ħdan iż-żoni urbani meta jitwasslu l-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPS) u l-pjani regolatorji tat-trasport sostenibbli reġjonali;

    6.

    jirrikonoxxi li s-soluzzjonijiet tal-IT isawru l-mudelli u x-xejriet kummerċjali tat-trasport. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom japplikaw soluzzjonijiet tal-IT li faċli jintużaw u inklużivi sabiex jintużaw l-ITSs fl-iżviluppi ta’ “bliet intelliġenti” u ta’ mobilità għaż-żona tagħhom;

    7.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ bażijiet ta’ data u interkonnessjoni semplifikati bejniethom billi jiġi propost l-iżvilupp ta’ standards Ewropej li jistgħu jiffaċilitaw l-interoperabilità ta’ data, servizzi u soluzzjonijiet tekniċi fil-livelli kollha. Din id-data għandha tiġi pprovduta u garantita mill-awtoritajiet tat-trasport reġjonali rilevanti permezz ta’ sistema unika ta’ kompressjoni tad-data;

    Prezzijiet ġusti u effiċjenti tat-trasport

    8.

    iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom biżżejjed kompetenzi legali u finanzjarji fihom infushom (eż. bl-użu ta’ spazji għall-parkeġġ, mogħdijiet għall-karozzi tal-linja, benefiċċji ta’ akkwist, pjanċi tar-reġistrazzjoni “ħodor” jew tnaqqis tat-tariffi fuq nollijiet) li jistgħu jinfluwenzaw il-preferenzi u l-għażliet tal-konsumaturi, u b’hekk iħeġġu l-użu ta’ vetturi bi fjuwil alternattiv. Iwissi lill-Kummissjoni li dawn l-għodod huma limitati mill-kondizzjonijiet imposti fuq l-użu tal-Fondi SIE għaliex ma jippermettux li jingħataw sussidji għat-tiġdid ta’ flotot ta’ vetturi privati. L-effett ta’ dan huma dewmien fir-rinnovazzjoni u telf ta’ opportunitajiet għal effiċjenza u kompetittività fit-trasport aħjar u għal kwalità tal-arja aħjar fl-ibliet, permezz ta’ titjib fl-użu tal-enerġija u fl-ambjent, pereżempju f’servizzi ta’ taxi jew tal-aħħar fażi tal-kunsinna (last-mile deliveries);

    9.

    jenfasizza li, għal skopijiet ta’ prezzijiet, l-informazzjoni dwar it-trasport disponibbli minn sorsi differenti relatata mal-mobbiltà għandha tkun armonizzata. Għad hemm ostakli għall-ħruġ integrat ta’ biljetti kontra l-użu wiesa’ tiegħu peress li l-mezzi ta’ trasport pubbliku huma differenti f’termini ta’ profitabbiltà. L-ispiża tal-introduzzjoni ta’ prezzijiet integrati tista’ tnaqqas jew tibdel il-profitti finanzjarji globali ta’ mezz ta’ trasport partikolari f’telf finanzjarju globali.

    10.

    iwissi li minkejja sforzi u riżorsi konsiderevoli li ġew mobilizzati biex jappoġġjaw it-trasport pubbliku u multimodali, l-informazzjoni disponibbli għall-passiġġieri li jużaw it-trasport multimodali hija kompletament inadegwata. Is-sitwazzjoni hija agħar f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi ta’ ħruġ ta’ biljetti. Dan mhuwiex minħabba l-fatt li jkun impossibbli minn perspettiva teknika li tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata u faċli għall-utent dwar it-trasport jew is-servizzi multimodali, jew li l-utenti jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-ħruġ ta’ biljetti; aktar milli hekk, huwa minħabba n-nuqqas ta’ rieda tal-operaturi tat-trasport pubbliku li jipprovdu l-informazzjoni u s-servizzi. L-UE għandha għalhekk tgħaddi leġislazzjoni li tagħmilha obbligatorja li jiġu ppubblikati l-iskedi ta’ żmien u informazzjoni oħra ta’ vvjaġġar u biex din l-informazzjoni tkun aċċessibbli b’mod sħiħ għaċ-ċittadini kollha tal-UE b’tali mod li kollha jkunu jistgħu jużawha b’mod kemm jista’ jkun faċli u effettiv; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għall-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Servizzi ta’ informazzjoni u ppjanar u bejgħ ta’ biljetti għall-ivvjaġġar multimodali, CdR 4895/2014;

    11.

    il-modi kollha tat-trasport għandhom jikkontribwixxu fi proporzjon ma’ kemm iniġġsu, u mal-ispejjeż esterni li huma jikkawżaw, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”;

    12.

    jirrimarka li l-grilji elettriċi, il-ħżin tal-elettriku, il-kummerċ, u l-ġestjoni tal-infrastruttura pubblika ser jeħtieġu jiġu modernizzati kollha, flimkien mar-regoli tat-trasport u t-tassazzjoni tal-vetturi, sabiex ikunu mgħammra kif suppost għal mezzi ta’ trasportazzjoni ġodda u innovattivi, inklużi ċelloli tal-fjuwil bil-batterija jew bl-idroġenu; F’dan ir-rigward, soluzzjonijiet ta’ pagament interoperabbli u faċli għal għall-iċċarġjar ta’ dan it-tip ta’ vetturi huma rakkomandati wkoll;

    13.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistema tal-eżenzjoni mit-taxxa applikata għall-fjuwils tal-avjazzjoni u l-biljetti tat-titjiriet internazzjonali tirrappreżenta distorsjoni ċara tas-suq fis-settur tat-trasport. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jiddiskutu s-sistema tat-tassazzjoni tal-fjuwil internazzjonali eżistenti fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ impenji internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, mingħajr preġudizzju għar-rikonoxximent tal-karatteristiċi speċifiċi u l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    Promozzjoni tal-multimodalità

    14.

    iħeġġeġ, fil-kuntest tal-SUMPs, il-multimodalità u l-użu kkoordinat b’emissjonijiet baxxi jew żero emissjonijiet tat-trasport u tal-loġistika urbani u reġjonali, u t-trasport ferrovjarju, marittimu u tax-xmajjar. B’mod partikolari l-bidla mit-trasport bit-triq għal mezzi oħra b’anqas emissjonijiet għandha jkollha potenzjal sinifikanti f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet. Fi kwalunkwe każ, is-soluzzjonijiet ta’ bidla modali li jinvolvu l-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi għandhom jingħataw prijorità għolja, pereżempju, billi jerġgħu jiġu kkunsidrati sussidji moħbija eżistenti jew miftuħin għat-trasport bit-triq;

    15.

    jitlob li jkun hemm approċċ ġdid għat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra billi jiġi żviluppat l-użu ta’ skemi ta’ bonus ekoloġiku u l-awtostradi tal-baħar jitqiesu bħala infrastrutturi li għandhom ikunu soġġetti għal approċċ adattat fir-rigward tal-kontrolli tal-għajnuna mill-Istat. Dan l-approċċ huwa partikolarment kruċjali għal oqsma li jibqgħu periferiċi għall-kurituri tat-trasport Ewropew;

    16.

    f’dan il-kuntest, għandhom jitqiesu b’mod speċifiku n-nodi urbani u l-pjattaformi loġistiċi kif inhuma definiti mit-TEN-T (netwerk bażiku u ġenerali) u kif definiti fir-Regolament Nikkollegaw l-Ewropa tal-2013, minħabba r-rwol fundamentali tagħhom fir-rigward tal-mobbiltà sostenibbli u intermodali fil-livell tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-UE. Għalhekk qed jiġi propost li tiġi inkluża riflessjoni dwar din il-kwistjoni fid-diversi fora Ewropej dwar il-kurituri multimodali fejn tiġi trattata speċifikament it-tema tan-nodi.

    17.

    jappoġġja lill-UE fir-rwol attiv tagħha fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni. L-iżvilupp u l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet aktar baxxi għandhom jiġu promossi;

    ŻIEDA TAL-UŻU TA’ ENERĠIJA ALTERNATTIVA B’EMISSJONIJIET BAXXI GĦAT-TRASPORT

    Qafas effettiv għall-enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi

    18.

    iħeġġeġ, billi jappoġġja l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija, l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija alternattivi fit-trasport, biex titwitta t-triq għal trasport “b’emissjonijiet żero”;

    19.

    jisħaq li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma mħeġġa jinvestu f’enerġija alternattiva għat-trasport permezz ta’ għotjiet mhux rimborsabbli taħt il-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika stabbilit fid-Direttiva 2014/94/UE dwar l-infrastrutturi tal-fjuwils alternattivi;

    20.

    jirrakkomanda użu aktar estensiv ta’ bijofjuwils rinnovabbli avvanzati, fejn il-produzzjoni tkun favur l-ambjent u fejn il-volum tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju jkunu inqas minn dawk tal-fjuwils fossili tradizzjonali, biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat. F’dan ir-rigward, il-bijofjuwils mhux abbażi tal-ikel (sintetiċi) jew ibbażati fuq l-għalf għandhom jingħataw prijorità. L-impatti pożittivi mistennija huma opportunitajiet ta’ xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi f’żoni rurali u dawk anqas żviluppati, minbarra l-produzzjoni tal-valur miżjud ekonomiku addizzjonali. Peress li l-bijofjuwils avvanzati mhumiex attwalment meqjusa sorsi kompetittivi tal-enerġija mingħajr appoġġ, il-produzzjoni tagħhom għandha tiġi sussidjata biex tikkompeti ma’ fjuwils fossili jew bijofjuwils ibbażati fuq l-ikel;

    21.

    jirrimarka li d-Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (2) diġà stabbiliet rekwiżiti obbligatorji dwar l-użu tal-elettriku, il-gass naturali u l-idroġenu għall-vetturi bil-fjuwil;

    22.

    jenfasizza li l-enerġiji alternattivi, il-bijometan u l-bijofjuwils attwalment disponibbli, ser jissostitwixxu parzjalment il-vetturi konvenzjonali li jaħdmu bid-diżil jew bil-petrol. Dan itejjeb is-sigurtà tal-enerġija billi jnaqqas id-domanda għall-fjuwils konvenzjonali;

    23.

    jappella għal definizzjoni aċċettata b’mod wiesa’ ta’ bijofjuwils u kif ukoll l-adozzjoni, f’dan il-qafas, ta’ sett ta’ kriterji li huma marbutin mas-sostenibbiltà u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li se jkun isaħħaħ iċ-ċertezza legali u jappoġġja l-infurzar tal-liġi u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-produzzjoni u l-użu tal-bijofjuwils;

    24.

    jirrakkomanda li huwa importanti li jitqiesu s-sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi, kif ukoll il-materja prima differenti disponibbli lokalment u reġjonalment. Il-bilanċ totali tal-enerġija (inkluża l-produzzjoni tal-fjuwil) jenħtieġ li jiġi kkunsidrat meta jiġi regolat l-użu ta’ fjuwils alternattivi minn riżorsi rinnovabbli;

    25.

    jenfasizza li mil-lat reġjonali u lokali, l-enerġija alternattiva ideali b’emissjonijiet baxxi għandha tkun prodotta lokalment, u tinħażen lokalment u tintuża/tiġi kkonsmata lokalment ukoll. Il-produzzjoni ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi u l-ħażna tagħha għall-konsum lokali huma saħansitra aktar importanti għal reġjuni remoti bħall-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex titnaqqas id-dipendenza esterna tagħhom;

    Tnedija tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi

    26.

    jenfasizza li l-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi jew b’emissjonijiet żero hija mistennija li twassal għal rivoluzzjoni fit-trasport f’termini ta’ netwerks, vetturi u fjuwils. Il-prerekwiżit ta’ dan huwa enerġija u fjuwils irħas u aċċessibbli; Minbarra l-muturi elettriċi u tal-idroġenu, li joffru alternattiva mingħajr tniġġis, il-bijofjuwils avvanzati, li mhumiex f’kompetizzjoni mal-produzzjoni tal-ikel u huma prodotti b’mod ekoloġiku, għandhom rwol importanti biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Għalhekk il-konċentrazzjoni għandha tkun prinċipalment, iżda mhux esklużivament, fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-iċċarġjar affordabbli għall-vetturi tal-elettriku u biċ-ċelloli tal-idroġenu filwaqt li jittieħed kont tal-funzjonament tal-fjuwil u tal-kapaċità ta’ ħżin ta’ dan il-gass. Madankollu, għandu jingħata appoġġ, permezz ta’ inċentivi finanzjarji, lit-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi bħall-bijofjuwils avvanzati;

    27.

    jirrakkomanda li jiġu stabbiliti skadenzi vinkolanti għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika sabiex l-offerti għax-xiri ta’ vetturi ġodda għall-flotot tagħhom kif ukoll il-konċessjonijiet tas-servizzi tat-trasport pubbliku tagħhom ikunu esklużivament għal vetturi ta’ enerġija alternattiva;

    28.

    jappella għall-ħtieġa ta’ strateġija biex jiġi promoss l-użu tal-LNG fit-trasport u l-kummerċ marittimu billi jissaħħaħ l-appoġġ għall-adattament ta’ infrastrutturi tal-port u bl-iżvilupp ta’ approċċ ġenerali għall-innovazzjoni u l-finanzjament tat-tagħmir li jagħmluha possibbli li l-bastimenti jużaw l-LNG u l-metanol prodotti mill-ipproċessar tal-iskart;

    29.

    jappoġġja l-ħtieġa għall-infrastruttura tal-elettriku tal-baċiri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-vapuri li jirmiġġaw fil-port bil-magni mixgħulin, u li jiddeterminaw il-parti l-kbira tat-tniġġis fil-bliet portwarji;

    30.

    jinnota li t-trasportazzjoni tal-elettriku u l-infrastruttura tal-iċċarġjar bl-elettriku għall-iċċarġjar tal-vetturi bil-batteriji elettriċi jew biċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu jistgħu jintużaw malajr ħafna f’żoni urbani u l-konurbazzjonijiet fejn l-awtoritajiet lokali jaraw li hu xieraq. L-infrastruttura tat-trasport bl-elettriku jeħtieġ li tinbena flimkien mar-rotot strateġiċi li jgħaqqdu r-reġjuni tal-Ewropa; peress li l-mobbiltà elettrika transkonfinali tista’ (il-mobbiltà elettronika) tegħleb il-frammentazzjoni tas-suq intern. Ħafna gżejjer Ewropej, pereżempju, jirrappreżentaw post ideali għall-mobbiltà elettronika minħabba d-daqs tagħhom. L-iskjerament adatt ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar mill-ġdid tista’ tikkontribwixxi b’mod rapidu għall-użu tal-mobilità elettrika fuq skala kbira f’dawn ir-reġjuni;

    31.

    jenfasizza li l-enerġija elettrika prodotta u maħżuna lokalment tista’ sservi bħala sors tal-fjuwil stabbli u rħis biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. L-applikazzjoni gradwali ta’ tali mobbiltà tista’ tindirizza l-iżvantaġġ kompetittiv tagħha meta mqabbla ma’ fjuwils konvenzjonali. Il-ħżin ta’ elettriku deċentralizzat li jkun integrat fil-grilja jista’ joffri servizzi addizzjonali ngħidu aħna billi jgħin biex tingħeleb id-diskrepanza bejn il-provvista tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u d-domanda għall-enerġija f’perjodi ta’ domanda għolja u baxxa, jew billi jgħin għar-regolazzjoni tal-frekwenza; Għal dan l-għan, huwa wkoll meħtieġ li jiġi ffaċilitat l-involviment attiv tal-konsumaturi fil-ġestjoni tas-sistema tal-elettriku, pereżempju permezz ta’ aggregaturi tad-domanda, filwaqt li jitneħħew l-ostakli leġislattivi eżistenti;

    Interoperabbiltà u standardizzazzjoni għall-mobbiltà elettrika

    32.

    jaqbel mal-fehma tal-KE dwar li jiġu introdotti standards tekniċi u teknoloġiċi komuni, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet tal-Istati Membri differenti u r-reġjuni. L-istandardizzazzjoni ser tmexxi l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ trasport lokali fi ħdan reġjuni individwali u bejn reġjuni differenti;

    33.

    jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-iżvilupp ta’ pjani ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-iskjerament ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi qed isir, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, mingħajr il-kontribut attiv tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti, minkejja li dawn il-pjani huma każ ċar fejn tinħtieġ governanza f’diversi livelli, u dwar il-fatt li l-pjani ta’ promozzjoni għall-mobilità elettronika mhux qed jirċievu biżżejjed appoġġ politiku u baġitarju;

    34.

    jirrimarka li l-istazzjonijiet ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi għandhom jiġu standardizzati u jistieden lill-KE biex tappoġġja l-introduzzjoni ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar bl-elettriku permezz tal-iżvilupp ta’ standards li jippermettu l-integrazzjoni ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-fjuwil f’bini/faċilitajiet eżistenti, f’konformità mal-leġislazzjoni attwali f’kull pajjiż;

    ID-DIREZZJONI LEJN VETTURI B’EMISSJONIJIET ŻERO

    Titjib fl-ittestjar tal-vetturi biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi

    35.

    jilqa’ l-arranġamenti riċenti għall-kejl u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ sustanzi ta’ ħsara mill-vetturi, sabiex jiġi żgurat li l-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi tkun trasparenti u affidabbli. Dan ser jgħin biex jiġu implimentati limiti fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi. Il-valuri tal-limitu ta’ emissjoni għal karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief għandhom ikunu adatti biex jiżguraw il-kisba tal-objettivi u l-ftehimiet fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu u s-saħħa tal-bniedem;

    36.

    jappoġġja l-abbozzar ta’ linji gwida ġodda dwar it-tikkettar tal-vetturi, billi dan jgħin biex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqin. Għandhom jiġu ċċarati u jintwerew ir-regoli dwar kif il-valuri mkejla permezz tal-Programm il-ġdid dwar il-Proċeduri Armonizzati għall-Ittestjar Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) u l-proċedura qadima (Ċiklu tas-Sewqan Ewropew Ġdid- NEDC) Għandu jiġi kkunsidrat mhux biss li jiġu emendati l-linji gwida, iżda wkoll id-Direttiva dwar it-tikkettar (3). B’mod simili, id-Direttiva dwar il-Promozzjoni ta’ Vetturi Nodfa u Effiċjenti fl-Enerġija (4) teħtieġ li tinbidel għal kollox sabiex tlaħħaq mal-iżviluppi tekniċi reċenti;

    Strateġija għall-karozzi u l-vannijiet ta’ wara l-2020

    37.

    jenfasizza li l-miżuri li jinkoraġġixxu l-introduzzjoni tal-mobbiltà elettronika għandhom jiġu stabbiliti b’parametri kwantitattivi u jkunu marbuta biż-żmien sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni sseħħ;

    Strateġija għal wara l-2020 għat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u l-kowċis

    38.

    iqis li t-trasport pubbliku għandu jkompli jissaħħaħ meta mqabbel mal-karozzi privati u għalhekk jipproponi li t-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà elettronika u l-użu ta’ fjuwils oħrajn meqjusin mill-UE li huma alternattivi għal derivattivi petroliferi jiġu aċċellerati billi jiġu prijoritizzati l-produzzjoni u l-użu ta’ karozzi tal-linja u trammijiet elettriċi, anke dawk li jaħdmu biċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu, flimkien mal-użu tal-gass naturali fil-karozzi tal-linja u l-kowċis, u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-karozzi tal-linja; Fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal, jipproponi li jitħaffef ir-ritmu tat-tranżizzjoni tal-flotot ta’ trakkijiet mid-diżil għall-gass naturali, peress li dan huwa l-uniku fjuwil li jista’ jissostitwixxi d-diżil, kważi mingħajr emissjonijiet li jniġġsu u b’inqas kontenut ta’ karbonju mid-diżil;

    39.

    jilqa’ l-isforzi mill-KE biex tippromovi l-Inizjattiva “Clean Bus Deployment” fl-UE, bl-għan li tappoġġja skambju aħjar ta’ informazzjoni u l-iskala tas-suq billi tipprovdi pjattaforma għal bliet, ir-reġjuni, l-operaturi u l-manifatturi. Dan isaħħaħ il-fiduċja tal-manifatturi tax-xarabanks Ewropej fid-domanda futura għal karozzi tal-linja li jaħdmu bi fjuwils alternattivi nodfa, tagħmel użu aħjar ta’ offerti pubbliċi li jmiss u hija iktar effettiva biex tfittex soluzzjonijiet ta’ finanzjament għal offerti akbar permezz pereżempju tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

    40.

    iqis li hemm bżonn li tiżdied l-intensità tal-għajnuna tal-UE, li tinkiseb sinerġija akbar bejn ir-riżorsi finanzjarji li ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), u li jsir użu tas-sussidji. B’hekk tiġi ffaċilitata s-sostituzzjoni rapida tal-flotot niġġiesa attwali tat-trasport pubbliku u jkun garantit l-aqwa użu tal-finanzjamenti tal-Unjoni disponibbli;

    Trasport tal-ajru u trasport fuq binarji

    41.

    jenfasizza l-vantaġġi ta’ mezzi ta’ trasport fuq il-binarji operati bl-użu ta’ enerġija elettrika rinnovabbli jew fjuwils alternattivi, li jkunu ekonomikament sostenibbli;

    42.

    jinnota l-ħtieġa li jsiru l-infrastrutturi meħtieġa, kemm fuq livell lokali kif ukoll reġjonali, f’dawk ir-reġuni inqas żviluppati fil-qasam ferrovjarju b’mod li jkun jista’ jsir użu mit-trasport bil-ferrovija taħt l-istess kundizzjonijiet bħal fil-kumplament tal-Istati Membri bl-għan li jiġi stabbilit l-ispazju ferrovjarju Ewropew uniku;

    AMBJENT LI JIFFAĊILITA L-MOBBILTÀ B’EMISSJONIJIET BAXXI

    L-Unjoni tal-Enerġija: rabta bejn is-sistemi ta’ trasport u l-enerġija

    43.

    jinsab kuntent li l-istrateġija hija meqjusa bħala pass tajjeb fi ħdan il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 adottat mill-Kunsill tal-UE fit-23-24 ta’ Ottubru 2014 (5), u mal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (6), billi tgħaqqad żewġ atturi ewlenin fi ħdan l-UE: it-trasport min-naħa tad-domanda, u l-atturi ewlenin fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija u t-trażmissjoni min-naħa tal-provvista;

    44.

    jikkunsidra li l-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha (7) huwa parti mill-isforzi tal-UE biex: twitti t-triq lejn enerġija aktar intelliġenti u aktar nadifa għal kulħadd, tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, l-investiment u t-tmexxija teknoloġika, toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u ttejjeb il-benessri taċ-ċittadini fir-reġjuni u l-bliet tal-UE;

    Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

    45.

    iqis li l-mobbiltà elettronika hija waħda mill-ixpruni għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, li għandha benefiċċji immedjati kif ukoll rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali;

    46.

    jemmen li t-tranżizzjoni lejn trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju tista’ tinkiseb primarjament permezz ta’ politika reġjonali u ta’ koeżjoni. Billi jsir investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jistgħu jappoġġjaw enerġiji rinnovabbli b’emissjonijiet baxxi, il-grilji intelliġenti u trasport urban sostenibbli;

    47.

    jappoġġja l-kapitalizzazzjoni mir-riżultati tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta’ Orizzont 2020 (H2020) għal soluzzjonijiet ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi aktar innovattivi li jinvolvu s-servizzi/investimenti;

    48.

    jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi għal tankijiet LNG fil-bastimenti u l-kowċis tal-passiġġieri sabiex itejbu l-effiċjenza tal-ħżin ta’ dan il-fjuwil alternattiv u jitlob li jkun hemm iffinanzjar ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq bastimenti tal-ġarr u tal-passiġġieri u fuq kowċis tal-passiġġieri fuq distanzi twal għal dan l-għan;

    49.

    Huwa jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi li jippermettu l-użu ta’ bijofjuwils, bħal pereżempju l-metanol, prodott mill-ipproċessar tal-iskart, anki għall-magni ta’ bastimenti għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u għalhekk jitlob li jkun hemm il-fondi għal dan;

    50.

    jappella wkoll għal fondi għall-infrastruttura tal-elettriku tal-baċiri portwarji u b’mod partikolari ta’ qafas regolatorju vinkolanti li japplika fil-portijiet kollha tal-UE;

    Teknoloġiji diġitali: Sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS), vetturi konnessi u awtonomi

    51.

    jinnota li s-soluzzjonijiet tal-IT jippromovu l-mobbiltà bbażata fuq l-użu kkombinat tal-mezzi kollha ta’ trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija (eż. sistemi ta’ biljetti u pedaġġ integrati, dokumenti tat-trasport tal-merkanzija intermodali, ippjanar elettroniku tar-rotta, informazzjoni tal-passiġġieri f’ħin reali, eċċ.);

    52.

    Jinnota li l-introduzzjoni ta’ vetturi konnessi u awtomatizzati (awtonomi) bl-użu ta’ teknoloġija diġitali tista’ toffri bosta opportunitajiet biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tat-trasport u biex jiġi pprovdut it-trasport f’żoni b’popolazzjoni aktar baxxa; jappella bis-sħiħ biex jiġu implimentati miżuri dwar is-sewqan konness u awtomatizzat, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam (8); jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi fit-30 ta’ Novembru 2016 f’dan ir-rigward (9); jappella f’dan ir-rigward għal viżjoni aktar koerenti tal-iżviluppi tat-trasport sostenibbli innovattivi u għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-pakketti ta’ ħidma relatati mill-qrib tal-Kummissjoni u l-komunikazzjoni li tikkonċernahom;

    53.

    jenfasizza li r-reġjuni Ewropej iridu jkunu involuti fl-istabbiliment ta’ telekomunikazzjonijiet u infrastruttura ta’ trasport intelliġenti. Permezz ta’ dan, il-vetturi konnessi u awtomatizzati jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti u mingħajr tfixkil fil-kurituri tat-TEN-T u fir-reġjuni urbani u rurali;

    54.

    jenfasizza li l-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddeċiedu jekk u kif għandhom jużaw l-ITS u l-vetturi li ma jniġġsux, kif ġie rikonoxxut mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana tal-UE, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport tagħhom u l-problemi ta’ konġestjoni, u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali;

    Ħiliet

    55.

    jirrikonoxxi li l-bidla lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi toħloq l-isfidi għas-suq tax-xogħol, u għalhekk hija prijorità li l-forza tax-xogħol titħarreġ mill-ġdid għal impjiegi ġodda. Minkejja rati għolja ta’ qgħad, hemm nuqqas ta’ persunal f’ħafna oqsma importanti tas-settur tat-trasport b’riżultat ta’ nuqqas ta’ ħiliet diġitali;

    56.

    jiddispjaċih li l-proposti inklużi fil-Komunikazzjoni preċedenti tal-2009 dwar il-mobbiltà urbana, fir-rigward tal-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli (SUMPS) mill-awtoritajiet lokali, mhumiex inklużi fil-Komunikazzjoni preżenti. Għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal kjarifika, kemm fl-ambitu ta’ din l-istrateġija u kif ukoll fl-inizjattivi u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, li l-ippjanar integrat tal-bliet huwa fattur ewlieni għall-iżvilupp ta’ mobbiltà sostenibbli, inkluż permezz tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli;

    57.

    jenfasizza l-importanza ta’ sistemi ta’ taħriġ doppju, jipproponi skambju intensiv ta’ esperjenza bejn ir-reġjuni tal-UE dwar prattiki tajba fil-qasam ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, li jinvolvu l-edukazzjoni vokazzjonali u n-negozji;

    Investiment

    58.

    jilqa’ l-fatt li l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ infrastruttura huma fil-qalba tal-objettivi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għall-inċentiv ta’ investimenti kkombinati (pubbliku-privat) għat-trasport u l-infrastruttura. Il-FEIS, flimkien mar-riżorsi fil-forma ta’ għotjiet mhux rimborsabbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), jista’ jipprovdi parteċipazzjoni aktar intensiva ta’ livelli lokali u reġjonali f’tali proġetti, sew jekk ikunu fuq skala żgħira u sew jekk fuq waħda kbira;

    59.

    jipproponi li jiżdied l-ammont u s-sehem ta’ fondi għal trasport b’emissjonijiet baxxi f’Orizzont 2020, kif ukoll tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), meta jiġi ppjanat il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandha tkompli tiġi promossa peress li toffri lieva konsiderevoli: kull euro li jintefaq mill-għotjiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jiġġenera EUR 3-3,5 f’investiment tat-trasport b’emissjonijiet baxxi;

    60.

    jirrimarka li l-iżviluppi bbażati fuq sħubija pubblika-privata, u dawk li jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi, fi bliet u reġjuni jistgħu jipprovdu l-effett ta’ lieva meħtieġ għall-finanzjament u l-operat effettiv tas-soluzzjonijiet għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi; jipproponi wkoll li l-użu tal-FEIS u l-FSIE għal soluzzjonijiet tat-trasport innovattivi u b’emissjonijiet baxxi għandhom jiġu prijoritizzati. Għandhom ikunu disponibbli għotjiet mhux rimborsabbli għall-għanijiet li ssemmew hawn fuq fil-Qafas ta’ Referenza Strateġiku ta’ wara l-2020;

    61.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni biex jistimulaw il-produzzjoni tal-enerġija lokali, kif ukoll fil-grilji elettriċi integrati u intelliġenti. Il-FSIE għandhom jiffaċilitaw l-investimenti meħtieġa permezz ta’ għotjiet mhux rimborsabbli, primarjament fir-reġjuni tal-UE anqas żviluppati li l-aktar qegħdin lura;

    62.

    jinnota li l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa jipprovdi wkoll finanzjament pubbliku għall-proġetti tat-trasport b’emissjonijiet baxxi u grilji intelliġenti bejn il-bidu tal-2015 u l-aħħar tal-2017;

    Azzjoni mill-bliet

    63.

    jipproponi li prattiki ta’ ppjanar urban u interurban ta’ bliet Ewropej għandhom, fi ħdan il-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli, jinkludu d-denominazzjoni ta’ żoni għal trasport b’emissjonijiet baxxi u l-mobbiltà elettronika. It-trasport attiv (iċ-ċikliżmu u l-mixi), is-soluzzjonijiet ta’ trasport pubbliku għall-passiġġieri, il-kondiviżjoni u l-pooling tal-karozzi għandhom jingħataw preferenza fl-ippjanar urban; jappella għalhekk għal politika ta’ investiment tat-trasport tal-UE li tħares ’il quddiem, li għandha ttejjeb is-saħħa pubblika u li tinvesti, b’konsiderazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Pariġi f’COP 21, tal-anqas 10 % tal-fondi tat-trasport tal-UE fiċ-ċikliżmu f’dawk ir-reġjuni fejn il-kundizzjonijiet ġeografiċi jippermettu dan;

    64.

    Qed jiġi propost li jsir studju preliminari tal-mobbiltà ġġenerata permezz ta’ ppjanar urban u territorjali fiż-żoni metropolitani. Hemm bżonn li tiżdied id-densità tal-bliet u ż-żoni metropolitani tagħhom bil-għan li, minn naħa, titnaqqas il-ħtieġa għal vjaġġi motorizzati, billi s-servizzi jkunu eqreb taċ-ċittadini u, minn naħa oħra, jippermettu titjib tan-netwerks tat-trasport pubbliku, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza soċjali u ekonomika u l-użu tiegħu.

    65.

    jenfasizza li l-ippjanar spazjali huwa element importanti ħafna fil-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Huma l-istruttura taċ-ċentri ta’ abitazzjoni u t-tfassil tal-ambjent urban li jipprovdu l-kundizzjonijiet topografiċi li jippermettu li l-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi tiġi żviluppata fuq medda twila ta’ żmien. Huwa rakkomandat, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-kompetenza fil-qasam tal-ippjanar spazjali skont is-sistemi tal-ordni legali jew kostituzzjonali tal-Istat Membru, biex il-pjani territorjali, supramuniċipali jew metropolitani funzjonali tagħhom jinkludu wkoll dan it-tip ta’ inizjattivi;

    66.

    jirrikonoxxi li ċ-ċikliżmu, f’konformità mal-opinjoni tal-KtR dwar “Pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu” (10), għandu jissaħħaħ bħala mezz ta’ trasport billi jiżdied ir-rwol ta’ finanzjament pubbliku tal-UE disponibbli għal proġetti tat-trasport għaċ-ċikliżmu, u jtenni mill-ġdid is-sejħa tiegħu għal Pjan Direzzjonali tal-UE għaċ-Ċikliżmu biex jiġi inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2018. Bħala promoturi attivi taċ-ċikliżmu u, f’din il-konnessjoni, tal-akkwisti ekoloġiċi wkoll, il-muniċipalitajiet jistgħu jsaħħu r-rwol tagħhom stess fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jipparteċipaw f’inizjattivi bħall-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa jew ix-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni. Il-proposti jistgħu jitressqu biex jintegraw rotot speċifiċi prinċipali tat-trasport taċ-ċikliżmu fin-netwerk TEN-T;

    67.

    jenfasizza li skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (11), il-bini ġdid li jinbena fl-UE għandu jinkludi punti ta’ ċċarġjar tal-vetturi elettriċi (preferibbilment bil-faċilità ta’ ħżin) B’mod simili, ir-restawr ta’ blokok ta’ flats għandu jinvolvi tali attivitajiet ta’ kostruzzjoni (12);

    68.

    jinnota li l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ ċċarġjar intelliġenti fil-bini, tista’ tgħin biex tiżgura li l-grilji elettriċi jibqgħu flessibbli, jiġifieri, l-enerġija maħżuna fil-batteriji tal-vetturi elettriċi tista’ tittella’ fin-netwerk. Għandu jiġi adottat approċċ olistiku li, pereżempju, jittratta l-vetturi elettriċi bħala partijiet integrali tal-istokk tal-bini;

    69.

    jenfasizza li l-bliet u l-irħula, huma l-partijiet interessati ewlenin tat-trasport f’termini ta’ ċentri għall-popolazzjoni, u jinnota li l-problemi tal-mobilità urbana ma jistgħux jissolvew b’approċċ settorjali biss. Għalhekk ifakkar fil-valur miżjud reali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jabbozzaw il-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs (13)) fl-istess ħin mal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli (SEAP), biex jittieħed kont tar-rabta bejn id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u l-kunċett aktar wiesa’ tal-ippjanar spazjali li jinkludu inventarju tat-taħlita tal-enerġija lokali reali u ideali. Dawn l-isforzi lokali jistgħu jirċievu gwida professjonali u l-assistenza mill-Patt tas-Sindki, sabiex jinħoloq trasport lokali aktar inklużiv b’inqas tniġġis tal-arja u tal-istorbju;

    70.

    bl-istess mod, fejn ir-reġjuni għandhom il-kompetenza fil-qasam tal-ippjanar spazjali skont is-sistema tal-ordni legali jew kostituzzjonali tal-Istat Membru, huwa rrakkomandat li fil-pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli tagħhom jiġu kkunsidrati wkoll dan it-tip ta’ inizjattivi;

    71.

    jipproponi li jiġu stabbiliti netwerks tal-bliet Ewropej tematiċi għall-promozzjoni ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi. Tali netwerks ikunu jippermettu intrapriżi lokali u anke lill-pubbliku ġenerali biex ikunu aktar involuti aktar fl-implimentazzjoni ta’ żviluppi ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, pereżempju billi jkunu pprovduti servizzi ta’ mobbiltà kondiviżi. Bl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IT aġġornata, dawn in-netwerks tal-bliet jistgħu wkoll jimmobilizzaw gruppi mmirati rilevanti għal konsenja usa’ ta’ mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

    Brussell, it-13 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  White paper – Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Brussell, 28 ta’ Marzu 2011, COM(2011) 144 final.

    (2)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    (3)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Reviżjoni tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija Brussell, 15 ta’ Lulju 2015, COM(2015) 345 final.

    (4)  Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija Direttiva 2009/33/KE.

    (5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (23-24 ta’ Ottubru 2014) Brussell, 24 ta’ Ottubru 2014, EUCO 169/14.

    (6)  Ftehim ta’ Pariġi COP21, 30 ta’ Novembru-11 ta’ Diċembru 2015.

    (7)  Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha – l-iżblukkar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ewropa. Bażi tad-data tal-istqarrijiet għall-istampa tal-KE. http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-4009_mt.htm

    (8)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam – Kooperazzjoni fil-qasam ta’ sewqan konness u awtomatizzat, 14-15 ta’ April 2016.

    (9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata, Brussell, 30.11.2016 COM(2016) 766 final.

    (10)  Pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu, Kumitat tar-Reġjuni. Adottata fit-12 ta’ Ottubru 2016.

    (11)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

    (12)  Opinjoni li qed tiġi diskussa ENVE-VI-019 dwar “L-effiċjenza enerġetika u l-bini” (M. Rijsberman ALDE/NL).

    (13)  Opinjoni tal-KtR dwar is-SUMPs COTER-V-048 dwar Il-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana.


    Top