This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IP0494
European Parliament resolution of 13 December 2017 on the Annual Report on Human Rights and Democracy in the World 2016 and the European Union’s policy on the matter (2017/2122(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2017/2122(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2017/2122(INI))
ĠU C 369, 11.10.2018, p. 56–72
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 369/56 |
P8_TA(2017)0494
Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2016 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2017/2122(INI))
(2018/C 369/07)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 (1), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ġenerali nri 12, 19 u 35 tas-CEDAW dwar il-vjolenza kontra n-nisa, nru 26 dwar il-ħaddiema migranti nisa u nru 32 dwar id-dimensjonijiet relatati mal-ġeneru tal-istatus ta' rifuġjat, tal-asil, taċ-ċittadinanza u tal-apolidija tan-nisa, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 69/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-18 ta' Diċembru 2014 (2), dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-migranti kollha, ikun xi jkun l-istatus tagħhom, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta' Diċembru 1990 (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889, 1960, 2106, 2122 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (4), kif ukoll il-Konvenzjonijiet tal-ILO nri 43 u 97, |
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (5), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016 (6), |
— |
wara li kkunsidra is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jimmiraw li jiżguraw il-paċi u l-prosperità għall-popli u għall-pjaneta (7), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul) tat-12 ta' April 2011, li l-UE ffirmat fit-13 ta' Ġunju 2017 (8), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, adottati fl-1976 u riveduti fl-2011 (9), |
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012 (10), |
— |
wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015 (11), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019): Rieżami ta' Nofs it-Terminu – Ġunju 2017” (SWD(2017)0254), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-Trasformazzjoni tal-Ħajjiet ta' Bniet u Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020”, adottat fl-2015 (SWD(2015)0182), |
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fit-28 ta' Ġunju 2016 (12), kif ukoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Globali bit-titolu “Minn Viżjoni Kondiviża għal Azzjoni Komuni: l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali”, ippubblikat fl-2017 (13), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (14), |
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, (COM(2016)0385), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati fl-2007 u riveduti fl-2017 (15), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjaranzzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp: “id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna,” (16), adottata mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017, |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati fl-2014 (17), |
— |
wara li kkunsidra l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni offline u online li jagħtu l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati fl-2013 (18), |
— |
wara li kkunsidra l-protezzjoni internazzjonali tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li jagħtu l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u tad-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew twemmin, adottati fil-21 ta' Frar 2011 (19), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati fl-2013 (20), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji gwida għall-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2012 (21), |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (22), u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati fl-2013 (23), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi, adottati fl-2001 u riveduti fl-2009 (24), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali, adottati fl-2005 u riveduti fl-2009 (25), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, adottati fl-2008 (26), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-konflitti armati, adottati fl-2003 u riveduti fl-2008 (27), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (28), |
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati fl-2005 u riveduti fl-2008 (29), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015 (30), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (31), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 (32), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-suġġett, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi (33), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (34), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (35), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016 (36), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (37), li tistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li timponi embargo fuq l-armi tal-UE kontra l-Arabja Sawdija, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, |
— |
wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb, li fl-2016 ingħata lil Nadia Murad u lil Lamiya Aji Bashar, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (38), ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi tat-28 ta' Jannar 2016 dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u s-sistemi analogi tal-istatus inerenti (39), u l-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (40), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0365/2017), |
A. |
billi l-Artikolu 21 tat-TUE jimpenja lill-Unjoni Ewropea fil-konfront ta' politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess, u li hija se taħdem biex tmexxi 'l quddiem fid-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt internazzjonali; billi l-Unjoni ser taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; |
B. |
billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju, li jseħħu fid-dinja llum jeżiġu sforzi determinati min-naħa tal-komunità internazzjonali kollha; |
C. |
billi r-rispett, il-promozzjoni, l-indiviżibbiltà u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma pedamenti tal-PESK; billi fil-qafas tar-rwol tiegħu ta' skrutinju fuq il-PESK, il-Parlament għandu d-dritt li jinżamm infurmat u kkonsultat dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tagħha (Artikolu 36 tat-TUE); |
D. |
billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill f'Ġunju 2016, issostni li d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu integrati b'mod sistematiku fis-setturi ta' politika u l-istituzzjonijiet kollha, fosthom il-kummerċ internazzjonali u l-politika kummerċjali; |
E. |
billi ż-żieda fil-koerenza bejn il-politika interna u dik esterna tal-UE kif ukoll fost il-politiki esterni nnifishom tal-UE hija rekwiżit fundamentali għal politika effikaċi u ta' suċċess tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-konsistenza mtejba għandha tippermetti lill-UE tirrispondi aktar malajr fil-fażijiet bikrin tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u, f'ċerti każi, tipprevedi u tipprevjeni li jiġi kommess, inkluż fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-politika kummerċjali; |
F. |
billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni u huwa bbażat fuq il-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar adatta biex jiġu indirizzati kriżijiet, sfidi u theddid globali; |
G. |
billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jiddisponi li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tissejjes fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jħallu impatt fuq xulxin fil-pajjiżi terzi, u billi f'sistema ta' responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, kif qiegħed jiġi diskuss fi ħdan in-NU, u ta' ktajjen ta' valur mondjali, il-komunità kummerċjali għandha rwol importanti xi twettaq biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-responsabbiltà tal-kumpaniji; billi l-governanza tajba u l-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu fl-interess ġenerali jiżvolġu rwol importanti fl-imġiba kummerċjali; billi l-UE qiegħda tipparteċipa fl-isforzi ħalli jkun abbozzat trattat vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; |
H. |
billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħal minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, in-nisa, it-tfal, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti, ħaqqha attenzjoni speċjali; |
I. |
billi n-nisa u t-tfal iħabbtu wiċċhom ma' theddid, diskriminazzjoni u vjolenza, partikolarment fiż-żoni tal-gwerra u taħt reġimi awtoritarji; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tħaddan il-valuri fundamentali Ewropej u hija minquxa fil-qafas ġuridiku u politiku tal-UE; billi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet żdiedu f'dawn l-aħħar snin; |
J. |
billi l-Istati għandhom ir-responsabbiltà aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet kollha tal-bniedem permezz tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-garanzija ta' rimedju effettiv għall-vittmi; |
K. |
billi l-atturi statali u mhux statali qegħdin dejjem aktar jikkommettu ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, inklużi ġenoċidji; |
L. |
billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li dak li jkun jemmen jew ma jemminx u li jipprattika jew li ma jipprattikax ir-reliġjon li jagħżel, u li jħaddan, jabbanduna jew ibiddel reliġjon, trid tkun garantita fid-dinja kollha kemm hi u miżmuma mingħajr kundizzjonijiet, partikolarment bis-saħħa tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali; billi l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-blasfemija hija prattika mifruxa, inkwantu l-Istati jistabbilixxu s-sanzjonijiet li jvarjaw minn sentenzi ta' priġunerija, swat bil-frosta għall-pieni tal-mewt; |
M. |
billi l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u t-twettiq ta' proċessi elettorali regolari, trasparenti u awtentiċi huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi fis-soċjetajiet fraġli, suxxettibbli għal kunflitt jew oppressivi, l-elezzjonijiet jistgħu xi kultant jikkawżaw vjolenza mifruxa; |
N. |
billi l-involviment f'diskussjoni ma' pajjiżi terzi fil-fora bilaterali u multilaterali kollha, pereżempju matul id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, huwa wieħed mill-aktar strumenti effikaċi għall-indirizzar ta' tħassib marbut mad-drittijiet tal-bniedem; |
O. |
billi jridu jsiru disponibbli riżorsi adegwati u jintużaw bl-aktar mod effiċjenti sabiex tittejjeb il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi; |
P. |
billi l-aċċess għall-ilma u għas-sanità huwa dritt tal-bniedem fundamentali u r-restrizzjonijiet ta' dan l-aċċess huma waħda mill-kawżi tat-tensjoni ġeopolitika f'ċerti reġjuni; |
Q. |
billi s-siti ta' patrimonju kulturali qegħdin dejjem iktar jgħaddu minn theddid fil-forma ta' sakkeġġi u vandaliżmu illeċiti, speċjalment fil-Lvant Nofsani; |
R. |
billi l-edukazzjoni għandha rwol kruċjali x'tiżvolġi fil-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kunflitti u tgħin biex iżżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan is-sistemi demokratiċi; billi l-istituti tal-edukazzjoni li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett u d-diversità għandhom ikunu sostnuti mill-Istati; billi l-kanali ta' komunikazzjoni, li n-numru tagħhom żdied, jirrappreżentaw strument importanti li permezz tiegħu jiġu kkomunikati malajr l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jilħqu numru konsiderevoli ta' vittmi jew vittmi potenzjali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, b'hekk jingħataw kemm informazzjoni kif ukoll assistenza; billi l-ġbir ta' data diżaggregata huwa essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dawk tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, il-gruppi emarġinati u l-gruppi f'riskju ta' emarġinazzjoni; billi l-użu ta' indikaturi adegwati huwa wkoll mod effikaċi ta' valutazzjoni tal-progress min-naħa tal-Istati li jonoraw l-obbligi tagħhom skont it-trattati internazzjonali; |
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. |
Jesprimi tħassib serju dwar ir-repressjoni fil-konfront tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, li għadhom mhedda fuq livell dinji; ifakkar li l-UE impenjat ruħha li tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet u tal-valuri fundamentali, kif ukoll li tmexxi 'l quddiem lill-prinċipji demokratiċi, li jridu jissaħħu fuq skala dinjija; |
2. |
Itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jżommu mal-prinċipju tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b'mod attiv, billi huma prinċipji fundamentali li jsaħħu lil xulxin fil-qalba tal-UE, fil-politiki kollha tal-UE, fosthom dawk b'dimensjoni esterna, bħal fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tas-sigurtà, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tat-tkabbir tal-Unjoni u tal-kummerċ; itenni, f'dan ir-rigward, l-importanza kruċjali tal-iżgurar ta' aktar koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE, u koordinament akbar bejn il-politiki esterni tal-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-kumplessità dejjem akbar tal-kunflitti fid-dinja kollha teżiġi approċċ u kooperazzjoni internazzjonali integrati, magħqudin u vigorużi; ifakkar li l-objettiv tal-UE li żżid l-influwenza internazzjonali tagħha bħala attur internazzjonali kredibbli u leġittimu jissawwar fil-biċċa l-kbira tiegħu mill-kapaċità tagħha li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'ambitu intern u f'dak estern, konformement mal-impenji stabbiliti fit-trattati fundaturi tagħha; |
3. |
Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Parlament u d-delegazzjonijiet tal-UE bil-għan li tiġi promossa u żgurata vuċi konsistenti u magħquda favur id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza ta' impenn qawwi favur il-promozzjoni ta' dawn il-valuri fil-fora multilaterali, inkluż permezz ta' koordinament tempestiv fil-livell tal-UE kif ukoll approċċ attiv matul in-negozjati; jinkoraġġixxi lill-UE, f'dan il-kuntest, tagħti bidu u tkun sponsor konġunt ta' riżoluzzjonijiet kif ukoll tintensifika l-implimentazzjoni ta' inizjattivi transreġjonali fil-qafas tal-mekkaniżmi tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; |
4. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016, kien hemm dibattitu regolari fis-sessjonijiet plenarji tiegħu dwar l-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li kienu s-suġġett ta' diversi riżoluzzjonijiet parlamentari u tqajmu fil-laqgħat tal-kumitati u d-delegazzjonijiet interparlamentari; |
5. |
Jenfasizza l-ħidma tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), li jżomm relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib mas-SEAE, ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, mas-soċjetà ċivili, mal-istituzzjonijiet multilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem; |
6. |
Ifakkar li, fl-2016, il-Kumitat DROI fassal tliet rapporti, konkretament dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi, ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni konkreta b'segwitu għal dawn ir-rapporti fuq inizjattiva tal-Parlament; |
7. |
Josserva li, fl-2016, bosta missjonijiet tal-Kumitat DROI siefru f'pajjiżi differenti bil-għan li jiġbru informazzjoni u jaqsmuha mal-atturi governattivi u mhux governattivi lokali impenjati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Parlament u jinkoraġġixxu t-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett tagħhom; |
Nindirizzaw l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem
8. |
Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' attakki kontra minoranzi reliġjużi, li ta' spiss isiru minn atturi mhux statali bħall-ISIS/Daesh; jiddeplora l-fatt li bosta pajjiżi għandhom u japplikaw liġijiet kontra l-konverżjoni u l-blasfemija, li jillimitaw effettivament, jew saħansitra jċaħħdu, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà tal-espressjoni tal-minoranzi reliġjużi u tal-atei; jitlob miżuri maħsuba biex iħarsu lill-minoranzi reliġjużi, lil dawk li ma jemmnux u lill-atei, li jisfaw vittmi tal-liġijiet kontra l-blasfemija u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jidħlu f'diskussjonijiet politiċi bil-għan li dawn il-liġijiet jiġu revokati; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu r-rispett tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin u jippromwovu d-djalogu interreliġjuż u interkulturali fl-impenn tagħhom mal-pajjiżi terzi; jitlob li tittieħed azzjoni konkreta għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, inkluż billi jiġi żgurat taħriġ sistematiku u konsistenti tal-persunal tal-UE fis-sede ċentrali u fid-delegazzjonijiet; jappoġġa bis-sħiħ il-prattika tal-UE li tieħu l-inizjattiva fejn jidħlu riżoluzzjonijiet tematiċi dwar il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC) u fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Promozzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin barra mill-UE, is-Sur Ján Figel; |
9. |
Itenni l-fatt li l-libertà tal-espressjoni, online u offline, hija komponent vitali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika, billi trawwem kultura ta' pluraliżmu li tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini li jżommu responsabbli lill-gvernijiet tagħhom u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal għemilhom, u tappoġġa r-rispett tal-istat tad-dritt; jenfasizza li r-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni online jew offline, pereżempju permezz tat-tneħħija ta' kontenut online, għandha ssir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta preskritti mil-liġi u ġustifikati biex jintlaħaq għan leġittimu; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni permezz tal-politiki u tal-istrumenti esterni tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex itejbu l-monitoraġġ tagħhom ta' kull tip ta' restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja f'pajjiżi terzi, jikkundannaw malajr u sistematikament tali restrizzjonijiet u jużaw il-mezzi u l-istrumenti diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jeliminaw tali restrizzjonijiet; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u li jsir monitoraġġ regolari tal-impatt tagħhom; jikkundanna l-mewt u l-inkarċerazzjoni ta' ħafna ġurnalisti u bloggers fl-2016 u jistieden lill-UE tagħtihom protezzjoni effettiva; jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrument Ewropew il-ġdid għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li tnieda fl-2016, bl-għan speċifiku tiegħu jkun fuq l-għoti ta' taħriġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-operaturi tal-midja fil-pajjiżi terzi dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żvelati u kkundannati d-diskors ta' mibegħda u l-inċitamenti għall-vjolenza, kemm fl-Internet kif ukoll fi bnadi oħra, billi jikkostitwixxu theddida għall-istat tad-dritt u għall-valuri rrappreżentati mid-drittijiet tal-bniedem; |
10. |
Jinsab ferm inkwetat bil-fatt li s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjoni konfessjonali, qiegħda dejjem aktar tkun taħt attakk fid-dinja kollha, fost oħrajn, minn għadd dejjem akbar ta' liġijiet repressivi adottati mad-dinja kollha, f'ċerti każi bil-pretest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jissottolinja li t-tiċkin tal-ispazju tas-soċjetà ċivili huwa fenomenu globali; ifakkar li soċjetà ċivili indipendenti tiżvolġi rwol essenzjali fid-difiża u fil-progress tad-drittijiet tal-bniedem u fil-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi, primarjament bis-saħħa tal-promozzjoni tat-trasparenza, tal-obbligu ta' rendikont u tas-separazzjoni tal-poteri; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw b'mod kostanti u jqajmu każi ta' ksur tal-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, inkluż permezz ta' forom differenti ta' projbizzjonijiet u limitazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-attivitajiet tagħhom, pereżempju liġijiet li t-tir tagħhom ikunu li jċekknu l-ispazju tas-soċjetà ċivili jew il-promozzjoni tal-NGOs sponsorjati mill-gvernijiet awtoritarji (organizzazzjonijiet mhux governattivi kkontrollati mill-Istat (GONGOs)); jistieden ukoll lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lid-delegazzjonijiet tal-UE jużaw il-mezzi disponibbli kollha, bħad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-djalogi politiċi u d-diplomazija pubblika, biex iqajmu b'mod sistematiku każijiet individwali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili f'riskju, b'mod partikolari dawk f'detenzjoni jew fil-ħabs minħabba raġunijiet arbitrarji u/jew minħabba l-fehmiet politiċi jew l-impenn soċjali tagħhom, u jiddenunzjaw b'mod inekwivoku r-repressjoni, il-vessazzjonijiet u l-qtil tad-DDB, anki dawk attivi fl-isfera ambjentali; jitlob it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ effikaċi tal-ispazju tas-soċjetà ċivili, b'parametri ta' riferiment u b'indikaturi ċari biex ikun żgurat kuntest ġuridiku favorevoli u propizju għas-soċjetà ċivili; |
11. |
Iħeġġeġ lill-persunal diplomatiku tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jappoġġaw b'mod attiv lid-DDB billi jimmonitorjaw b'mod sistematiku l-proċessi, iżuru lil attivisti miżmuma l-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun xieraq; jenfasizza l-importanza tal-istrumenti tad-diplomazija tas-silenzju f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016, l-UE qajmet każijiet ta' DDB fi djalogi u konsultazzjonijiet fil-livell tal-UE ma' aktar minn 50 pajjiż; jenfasizza l-fatt li fl-2016, il-Fond ta' Emerġenza tal-EIDHR appoġġa aktar minn 250 DDB fil-livell tal-UE – ċifra li tirrappreżenta żieda ta' 30 % meta mqabbla mal-2015; japprezza l-ħolqien u s-suċċess ta' “ProtectDefenders.eu”, mekkaniżmu tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem implimentat mis-soċjetà ċivili, li ta sostenn kruċjali lil bosta DDB; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi t-tkomplija tal-programm wara Ottubru 2018 u żżid il-kapaċitajiet tiegħu ħalli jagħti aktar sostenn lid-DDB fid-dinja kollha; |
12. |
Iqis li huwa ta' dispjaċir kbir li t-tortura, it-trattament inuman jew degradanti u l-piena tal-mewt jibqgħu jippersistu f'ħafna pajjiżi tad-dinja kollha u jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex teqridhom; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew piena oħrajn li jkunu krudili, inumani jew degradanti; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-VP/RGħ jinvolvu ruħhom b'aktar qawwa fil-ġlieda kontra t-tortura u trattament jew pieni oħra krudili, inumani u degradanti, inkluża l-piena tal-mewt, permezz ta' aktar sforzi diplomatiċi u teħid ta' pożizzjonijiet pubbliċi b'mod aktar sistematiku; jevidenzja, f'dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet inkwetanti ta' inkarċerazzjoni f'ċerti ħabsijiet, fosthom in-nuqqas ta' kura tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u jirrakkomanda li s-SEAE, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jisfruttaw sal-massimu l-istrumenti kollha eżistenti, ngħidu aħna l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-riżoluzzjoni tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Diċembru 2016, bl-appoġġ ta' 117-il pajjiż; josserva li, fl-2016, in-numru ta' eżekuzzjonijiet imwettqa fuq livell dinji niżel meta mqabbel mas-snin preċedenti u jesprimi t-tħassib serju tiegħu li n-numru kumplessiv ta' eżekuzzjonijiet madankollu baqa' ogħla mill-medja rreġistrata fl-għaxar snin preċedenti; jenfasizza li dawk li jkunu bersall spiss huma dissidenti tas-soċjetà u gruppi vulnerabbli; jistieden lill-pajjiżi li għadhom jirrikorru għal din il-prattika jadottaw moratorju u jabolixxu l-piena tal-mewt; |
13. |
Jirrikonoxxi l-importanza enormi li jista' jkollhom it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni moderni fil-promozzjoni, fid-difiża u fir-rimedju tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tagħha jinqdew bil-kanali ta' informazzjoni tagħhom biex itennu sistematikament, fil-qafas tal-kompetenzi speċifiċi tagħhom, il-pożizzjoni tal-Parlament dwar id-diversi kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxu għall-effikaċja u għall-viżibbiltà tal-isforzi komuni tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem akbar frekwenti ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront tal-politiċi, tal-attivisti u tal-ġurnalisti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-ħidma li għaddejja fl-istituzzjonijiet tal-UE biex ikun aġġornat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (41), jikkundanna bil-qawwa n-numru dejjem jiżdied ta' DDB li jħabbtu wiċċhom ma' theddid diġitali, inkluża data kompromessa permezz ta' konfiska ta' tagħmir, is-sorveljanza remota u l-kxif ta' data; jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi pjattaformi online jħassru filmati leġittimi ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra potenzjali bħala parti mit-tneħħija tal-kontenut u tal-propaganda terroristiċi ta' dawn il-pjattaformi; |
14. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-privatizzazzjoni dejjem aktar frekwenti tal-istat tad-dritt online, fejn xi kumpaniji privati jiddeċiedu li jirrestrinġu ċerti drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-kelma, abbażi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta' bejgħ tagħhom pjuttost milli skont il-liġijiet adottati b'mod demokratiku; |
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni tadotta mekkaniżmu ta' avviż u azzjoni biex iżżid it-trasparenza u l-proporzjonalità tal-proċeduri ta' tneħħija ta' kontenut online filwaqt li toffri rimedji effikaċi lill-utenti li l-kontenut tagħhom tneħħa illeġittimament; |
16. |
Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-istupri tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, il-forom ta' persekuzzjoni bbażati fuq il-ġeneru, it-traffikar, it-turiżmu sesswali u kull forma ta' vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika, bħala arma tal-gwerra; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-delitti relatati mal-ġeneru u d-delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni, tal-edukazzjoni u b'sostenn lill-OSĊ; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, li jipprovdi lista komprensiva ta' miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa rigward l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-awtonomizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu; jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019, li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa fid-dinja kollha; jisħaq fuq l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-Istati Membri kollha; jirrimarka li l-edukazzjoni hija l-aħjar strument għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal; jitlob li l-Kummissjoni, is-SEAE u l-VP/RGħ jintensifikaw il-proċess li bih jonoraw l-obbligi u l-impenji tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fil-qafas tas-CEDAW u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jagħmlu pariġġ; jemmen fil-ħtieġa li l-UE tkompli tintegra l-appoġġ lin-nisa fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni wara kunflitt; itenni l-importanza tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà; jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jipparteċipaw b'mod sistematiku, ugwali, sħiħ u attiv fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-riformi demokratiċi, kif ukoll fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-assistenza umanitarja, fil-proċessi ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u ta' tranżizzjoni demokratika li jwasslu għal soluzzjonijiet politiċi dejjiema u stabbli; ifakkar li, fl-2016, il-Premju Sakharov ingħata lil Nadia Murad u lil Lamiya Aji Bashar, superstiti tat-tjassir sesswali min-naħa tal-ISIS/Daesh; |
17. |
Jenfasizza li l-kura tas-saħħa aċċessibbli u r-rispett u l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, l-ippjanar tal-familja u l-aċċess għall-prodotti għall-iġjene tan-nisa adegwati kif ukoll għall-kura tas-saħħa materna, prenatali u neonatali u għal servizzi għal abort sigur, huma elementi importanti biex tissalva l-ħajja tan-nisa u li jikkontribwixxu biex ikun evitat it-twelid b'riskju għoli u tonqos il-mortalità infantili u tat-trabi; iqis li hu inaċċettabbli li l-ġisem tan-nisa u tal-bniet, speċifikament fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, għadu battalja ideoloġika; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u tal-bniet għall-integrità fiżika u l-possibbiltà li jiddeċiedu b'mod awtonomu f'dan l-ambitu, u jikkundanna l-ksur frekwenti tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, inkluż it-tiċħid ta' aċċess għal servizzi tal-ippjanar tal-familja, għal kontraċettivi u għal servizzi ta' abort sigur u legali; |
18. |
Jikkundanna bil-qawwa r-reintroduzzjoni u l-espansjoni tar-Regola “Global Gag” u l-impatt tagħha fuq il-kura tas-saħħa globali tan-nisa u tal-bniet u d-drittijiet relatati; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex timtela l-lakuna ta' finanzjament dovuta għat-tluq tal-Istati Uniti fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, bl-użu ta' finanzjament għall-iżvilupp kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE; |
19. |
Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni hekk kif stabbiliti fit-trattati; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-linji gwida, fl-azzjonijiet u fil-finanzjament bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq il-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll dak tal-Konsulent Prinċipali tas-SEAE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi billi jiġi żgurat baġit speċifikament intiż għall-qasam tal-kompetenzi tagħha; |
20. |
Jistieden lis-SEAE jiżgura li l-eżiti tal-61 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) jiġu inklużi fil-politiki tiegħu u jipprovdu impetu ġdid favur il-promozzjoni tal-“awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa” u l-indirizzar tal-inugwaljanzi bejn is-sessi f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel; |
21. |
Josserva l-kontribut pożittiv tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa fil-kisba ta' soċjetà inklużiva, ekwa u paċifika u favur żvilupp sostenibbli; jissottolinja li l-enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa hija espliċita fl-SDGs kollha u li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa jkunu sostnuti b'mod sħiħ u li l-politiki li jippromwovu l-awtonomizzazzjoni ekonomika u soċjali u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess deċiżjonali jkunu implimentati b'mod effettiv; jissottolinja l-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-awtonomizzazzjoni tan-nisa indiġeni; |
22. |
Josserva li n-nisa għandhom jitħeġġu jorganizzaw ruħhom fi trade unions, u li m'għandhomx jiġu diskriminati meta jkunu qed ifittxu finanzjament għal negozju; |
23. |
Jistieden lill-UE tappoġġa l-assoċjazzjonijiet tan-nisa kollha li ta' kuljum jaħdmu biex jappoġġaw lin-nisa fi kriżijiet umanitarji u kunflitti; |
24. |
Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti għar-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, biex it-tfal jingħataw protezzjoni ġuridika; jissottolinja li t-tfal spiss huma esposti għal abbuż speċifiku, bħal żwieġ prekoċi jew mutilazzjoni ġenitali, u għalhekk għandhom bżonn protezzjoni msaħħa; jissottolinja li t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal fil-kunflitti armati u ż-żwieġ prekoċi u furzat għadhom problemi ta' importanza kritika f'ċerti pajjiżi; jitlob li l-UE tikkonsulta b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet rilevanti lokali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal u, fid-djalogi politiċi tagħha u dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem, tqajjem il-kwistjoni tal-obbligu tal-Istati Partijiet li jimplimentaw il-Konvenzjoni; jilqa' pożittivament l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021); jitlob li l-UE tkompli tippromwovi s-sett ta' għodod għad-Drittijiet tat-Tfal tal-UE u l-UNICEF għall-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz tad-delegazzjonijiet esterni tagħha, u li tħarreġ il-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE b'mod adegwat f'dan il-qasam; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal kif ukoll pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin bil-għan li tagħti l-prijorità lid-drittijiet tat-tfal fil-politiki esterni tal-UE; japprezza l-fatt li fl-ambitu tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-2016, ġew allokati riżorsi biex tingħata għajnuna lill-aġenziji tan-NU ħalli jieħdu miżuri mmirati li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, li jridu jitfasslu biex ikun immassimizzat il-benefiċċju effettiv għat-tfal fil-bżonn, partikolarment fil-qasam tas-sistemi tas-saħħa u tal-aċċess għall-edukazzjoni, għall-ilma u għas-sanità; jitlob li tinstab b'urġenza soluzzjoni għall-kwistjoni tat-tfal apolidi, b'mod partikolari dawk li twieldu barra mill-pajjiż tal-oriġini tal-ġenituri tagħhom, kif ukoll it-tfal migranti; |
25. |
Jikkundanna bil-qawwa kollha kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik fuq il-bażi ta' razza, kulur, reliġjon, ġeneru, orjentament sesswali, karatteristiċi sesswali, lingwa, kultura, oriġini soċjali, kasta, twelid, età, diżabilità jew kwalunkwe stat ieħor; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex telimina kull tip ta' diskriminazzjoni, razziżmu, ksenofobija u forom oħrajn ta' intolleranza permezz tad-djalogi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-djalogi politiċi, il-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-UE u d-diplomazija pubblika; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE tkompli tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet kollha tan-NU favur dan is-suġġett; |
26. |
Itenni l-fatt li “traffikar tal-bnedmin” tfisser ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-ħabi jew l-ilqugħ ta' persuni, permezz tat-theddid tal-forza jew tal-użu tagħha jew forom oħra ta' koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta' poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew teħid ta' ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiskoraġġixxu t-talba li fuqha jissejsu l-forom kollha ta' sfruttament tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, li twassal għat-traffikar, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u ċċentrat fuq il-vittmi; itenni l-bżonn li l-Istati Membri kollha jimplimentaw l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin u d-Direttiva 2011/36/UE (42) f'dan ir-rigward; Jesprimi tħassib kbir għall-vulnerabbiltà estrema tal-migranti u tar-rifuġjati għall-isfruttament, għat-traffikar u għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; jisħaq fuq il-bżonn li tinżamm distinzjoni bejn il-kunċetti ta' traffikar tal-bnedmin u ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; |
27. |
Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jsofru minħabba ġerarkiji ta' kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inkluż it-tiċħid tal-ugwaljanza u ta' aċċess għall-ġustizzja u għax-xogħol, is-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-ksib tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp bażiċi; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti u biex l-UE taħtaf kull opportunità biex tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi u s-sostenn favur inizjattivi relatati fil-livell tan-NU u ta' delegazzjoni, billi jiġu implimentati u sorveljati l-SDGs għall-2030, tkun immonitorjata l-osservanza tal-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza u tkun sostnuta l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati, tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-ambitu tal-mekkaniżmu tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem rigward il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-kasta; |
28. |
Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-minoranzi għadhom f'periklu ikbar ta' diskriminazzjoni u li huma speċjalment vulnerabbli għall-bidliet u t-taqlib politiċi, ekonomiċi, ambjentali u dawk marbuta max-xogħol; jinnota li ħafna minnhom ftit li xejn għandhom aċċess għar-rappreżentanza politika u li huma affettwati b'mod qawwi mill-faqar; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tqawwi l-isforzi tagħha biex telimina l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jiġi kommess fil-konfront tal-minoranzi; jenfasizza li l-komunitajiet minoritarji għandhom ħtiġijiet speċjali u għandu jkunilhom garantit aċċess sħiħ u trattament indaqs fis-setturi kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali; |
29. |
Jilqa' favorevolment ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u jtenni l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni effikaċi tagħha min-naħa kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza li d-diżabilitajiet ma jċaħħdux lill-persuni mid-dinjità umana, u dan ifisser li l-Istat għandu d-dmir li jipproteġihom; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod kredibbli l-prinċipju ta' aċċessibbiltà universali u d-drittijiet kollha ta' persuni b'diżabilità fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jenfasizza n-natura preskrittiva u orizzontali ta' din il-kwistjoni; jappella li l-UE tinkorpora l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tad-diżabilità fl-azzjoni esterna tagħha u fil-politiki dwar l-għajnuna għall-iżvilupp; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp; |
30. |
Itenni l-appoġġ tiegħu favur l-introduzzjoni sistematika ta' klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar li huwa indispensabbli li jingħata valur ugwali lid-drittijiet tal-bniedem kollha, u dawn tal-aħħar huma indiviżibbli, interdipendenti u marbutin ma' xulxin; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn il-klawsoli b'mod effikaċi u sistematiku u tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament dwar ir-rispett min-naħa tal-pajjiżi sħab għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar strutturat u strateġiku fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-ftehimiet futuri; jesprimi fehma pożittiva dwar is-sistema ta' preferenzi SPĠ+ bħala mezz biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi ta' 27 konvenzjoni internazzjonali fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol; jappella għall-applikazzjoni reali tal-SPĠ+ u jistenna li l-Kummissjoni tirrapporta lura għand il-Parlament u il-Kunsill dwar l-istat ta' ratifika tagħha u l-progress li sar f'din l-iskema; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni korretta tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; |
31. |
Jafferma mill-ġdid il-fatt li l-attivitajiet tal-kumpaniji kollha, inklużi dawk Ewropej, li joperaw f'pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li dan isir; jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, l-importanza li tiġi promossa responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u li l-impriżi Ewropej jiżvolġu rwol minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn id-drittijiet tal-bniedem u d-dinja tan-negozju tkun tawtonomizza lill-atturi lokali u tippromwovi s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li l-ktajjen ta' valur mondjali jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali fundamentali fil-qasam tax-xogħol kif ukoll ta' natura ambjentali u soċjali u jirrappreżentaw opportunità u sfidi rigward il-progress sostenibbli u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE tiżvolġi rwol aktar attiv biex tikseb ġestjoni adegwata, ekwa, trasparenti u sostenibbli tal-ktajjen ta' valur mondjali u ttaffi l-effetti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ksur tad-drittijiet tax-xogħol; jissottolinja, madankollu, li fil-każ ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju, lill-vittmi għandu jiġihom garantit aċċess effettiv għar-rimedji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti sostnuti mill-BEI jkunu konformi mal-politika tal-UE u mal-impenji tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin għal trattat vinkolanti dwar il-kumpaniji transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-UE tieħu sehem kostruttiv f'dawn in-negozjati; |
32. |
Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-piż politiku kollu tagħhom biex jevitaw kwalunkwe att li jista' jitqies bħala ġenoċidju, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, jirrispondu b'mod effiċjenti u koordinat meta jseħħu delitti bħal dawn, jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli, anki bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali, u jgħinu lill-vittmi u jappoġġaw il-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni; jistieden lill-komunità internazzjonali toħloq strumenti li jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li l-kunflitti vjolenti jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid u jeskalaw; |
33. |
Jistieden lill-UE ssostni lill-organizzazzjonijiet (fosthom l-NGOs, l-organizzazzjonijiet li jinvestigaw abbażi ta' sorsi miftuħa u s-soċjetà ċivili) li jiġbru, iżommu u jipproteġu informazzjoni, kemm f'format diġitali jew f'format ieħor, relatata mad-delitti kommessi, bil-għan li tkun iffaċilitata il-prosekuzzjoni internazzjonali tagħhom; |
34. |
Jesrpimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-qerda ta' siti ta' patrimonju kulturali fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Jemen u fil-Libja; josserva li fost it-38 sit ta' patrimonju kulturali fil-periklu fid-dinja, 22 jinsabu fil-Lvant Nofsani; jappoġġa l-attivitajiet tal-Inizjattiva “Patrimonju Kulturali” u l-attivitajiet tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sirja u fl-Iraq b'rabta mal-qerda tal-patrimonju arkeoloġiku u kulturali; |
35. |
Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-UE maħsuba biex isostnu l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) stabbilit min-NU biex jassisti fl-investigazzjoni dwar id-delitti l-aktar serji li twettqu fis-Sirja; jisħaq fuq il-bżonn li jitwaqqaf mekkaniżmu indipendenti simili fl-Iraq; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri li għadhom ma kkontribwewx finanzjarjament għall-MIII biex jagħmel dan; |
36. |
Jikkundanna bil-qawwa d-delitti faħxin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn atturi statali u mhux statali; jinsab imwaħħax quddiem il-firxa wiesgħa ta' delitti kommessi, fosthom omiċidji, tortura, stupru bħala arma tal-gwerra, tjassir u skjavitù sesswali, reklutaġġ ta' suldati tfal, konverżjonijiet reliġjużi furzati u t-“tindif” sistematiku u l-qtil tal-minoranzi reliġjużi; ifakkar li s-sitwazzjoni li fiha jinsabu l-minoranzi reliġjużi fit-territorji ggvernati mill-ISIS/Daesh ġiet kkwalifikata bħala ġenoċidju mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (43); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jmisshom isostnu l-prosekuzzjoni tal-membri ta' gruppi mhux statali bħall-ISIS/Daesh billi jitolbu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fil-materja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jew jiggarantixxi li ssir ġustizzja permezz ta' tribunal ad hoc jew il-ġurisdizzjoni universali; |
37. |
Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress magħmul fil-ftuħ ta' investigazzjonijiet ġodda bħala mezz essenzjali fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti atroċi; jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw l-emendi ta' Kampala dwar id-delitt ta' aggressjoni u jżidu d-“delitti atroċi” fil-lista tar-reati li għalihom hija kompetenti l-UE; jikkundanna kwalunkwe tentattiv biex ikunu mminati l-leġittimità jew l-indipendenza tal-QKI u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod konsistenti biex ikunu sostnuti l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-QKI, bl-iskop li tintemm l-impunità tad-delitti internazzjonali, anki fejn jidħol l-arrest ta' persuni mfittxija mill-QKI; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu sostenn kostanti għall-eżamijiet, għall-investigazzjonijiet u għad-deċiżjonijiet tal-QKI u jieħdu provvedimenti kif ukoll jirreaġixxu b'mod effikaċi għall-istanzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mal-QKI u jipprevedu finanzjamenti adegwati; jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa tas-6 ta' Lulju 2016 bejn ir-rappreżentanti tal-UE u tal-QKI fi Brussell, bi tħejjija għat-tieni diskussjoni madwar mejda tonda UE-QKI, li tagħti lill-persunal rilevanti tal-QKI u tal-istituzzjonijiet tal-UE l-possibbiltà li jidentifikaw oqsma ta' interess komuni, jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet rilevanti u jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn iż-żewġ partijiet; jinnota b'dispjaċir kbir id-dikjarazzjonijiet reċenti ta' rtirar mill-Istatut ta' Ruma, li jirrappreżentaw sfida f'dak li jirrigwarda l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u li jenħtieġ li jiġu kkundannati bla riżervi; iqis lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lis-Istati Membri għandhom ikompli jinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jirratifikaw u japplikaw l-Istatut ta' Ruma; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u favur il-QKI fil-politiki barranin tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsostnu l-mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont u r-riżoluzzjonijiet tan-NU fil-fora multilaterali tan-NU, inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; |
38. |
Iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura f'livell multilaterali u bilaterali bħala prinċipju fundamentali għall-konsolidament tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja mad-dinja kollha billi tassisti r-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali fil-pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi wkoll lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi b'mod sistematiku bil-għan li tiġi promossa l-indipendenza tal-ġudikatura; |
39. |
Jesprimi tħassib profond u solidarjetà mal-għadd kbir ta' rifuġjati, migranti u persuni li jfittxu asil, fosthom għadd dejjem ikbar ta' nisa, bħala vittmi ta' kunflitti, vjolenza, persekuzzjoni, nuqqasijiet fil-governanza, faqar, migrazzjoni irregolari u netwerks ta' traffikar u ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittieħdu passi reali biex jingħelbu l-kawżi profondi tal-flussi migratorji u jinstabu soluzzjonijiet fit-tul ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità, u għalhekk tkun indirizzata d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-rifuġjati, anki billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti fil-viċinat Ewropew, pereżempju bis-saħħa tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni u ta' sħubijiet mal-pajjiżi terzi kkonċernati li jikkonformaw mad-dritt internazzjonali u jkun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-vjolenza kontra t-tfal migranti, inklużi t-tfal migranti li għebu, mhux akkumpanjati, u jitlob pjanijiet ta' risistemazzjoni, riunifikazzjoni tal-familja u kurituri umanitarji; jinsab inkwetat mhux ftit għas-sitwazzjoni mwiegħra u n-numru dejjem akbar ta' persuni spostati internament u jappella għar-ritorn sikur tagħhom, għar-risistemazzjoni tagħhom jew għall-integrazzjoni lokali tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu assistenza umanitarja fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tas-saħħa u għal żoni umanitarji oħrajn li jassistu lir-rifuġjati l-eqreb tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u jimplimentaw adegwatament il-politiki ta' ritorn; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-migrazzjoni u jistieden lill-UE tikkoopera aktar man-NU, mal-organizzazzjonijiet reġjonali, mal-gvernijiet u mal-NGOs; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett Ewropew komuni fil-qasam tal-asil u l-leġiżlazzjoni komuni fil-qasam tal-migrazzjoni, partikolarment bil-għan li jitħarsu l-persuni vulnerabbli li jfittxu asil; jissottolinja li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu ma għandhom l-ebda mod jimpedixxu l-eżami tal-applikazzjonijiet individwali għall-asil; iwissi kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-politika barranija tal-UE bħala “ġestjoni tal-migrazzjoni”; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu trasparenza totali rigward il-fondi allokati lill-pajjiżi terzi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u jiżguraw li tali kooperazzjoni ma tmurx għall-vantaġġ tal-istrutturi involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, iżda pjuttost tmur pari passu mat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi; |
40. |
Iqis li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, inklużi l-istat tad-dritt u l-governanza tajba għandhom jimxu pari passu; ifakkar f'dan il-kuntest li n-NU ddikjaraw li, mingħajr approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-objettivi ta' żvilupp ma jistgħux jintlaħqu bis-sħiħ; ifakkar ukoll li l-UE impenjat ruħha li tappoġġa lill-pajjiżi sħab filwaqt li tqis is-sitwazzjoni tal-iżvilupp u tal-progress tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija; |
41. |
Jirrimarka li r-rata ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali hija ogħla fost in-nisa, u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex timplimenta miżuri biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala parti mill-politiki ta' żvilupp tagħha; |
42. |
Ifakkar li t-tieni kriterju tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK jobbliga lill-Istati Membri jeżaminaw kull liċenzja tal-esportazzjoni ta' armi skont ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' destinazzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija b'rabta mal-forzi tas-sigurtà u mal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika ta' diliġenza dovuta f'dan is-settur; |
43. |
Itenni l-appell tiegħu għal pożizzjoni tal-UE komuni dwar l-użu ta' droni armati li ssostni d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, l-obbligu ta' rendikont, il-protezzjoni taċ-ċivili u t-trasparenza; jinsisti għal darb'oħra li l-UE tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; |
44. |
Iqis li l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha għat-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, b'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar is-suġġett; jappella għall-implimentazzjoni totali tal-Linji Gwida, inkluż permezz tat-taħriġ tal-persunal tal-UE fil-pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li 72 pajjiż għadhom jikkriminalizzaw l-omosesswalità; huwa mħasseb bil-fatt li 13 minnhom jipprevedu l-piena tal-mewt, u jemmen li l-prattiki vjolenti u l-atti ta' vjolenza kontra individwi għal raġunijiet tal-orjentament sesswali tagħhom, bħal dikjarazzjonijiet furzati tal-omosesswalità, reati ta' mibegħda u diskors ta' inċitament għall-mibegħda online u offline kif ukoll l-istupru korrettiv ma għandhomx jibqgħu mingħajr sanzjonijiet; jieħu nota tal-legalizzazzjoni f'ċerti pajjiżi taż-żwieġ u tal-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess u jinkoraġġixxi li dawn ikomplu jiġu rikonoxxuti; jikkundanna l-ksur tal-integrità fiżika fil-konfront tan-nisa u tal-gruppi minoritarji; jitlob lill-Istati jagħmlu dawn il-prattiki illegali, jaffrontaw dawk responsabbli għalihom u jagħtu appoġġ lill-vittmi; |
45. |
Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f'kull forma tagħha, bil-għan li jitħarsu l-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna bis-saħħa kwalunkwe mġiba jew aġir li jagħlqu għajnejhom għal tali prattiki korrotti; |
46. |
Ifakkar li l-korruzzjoni thedded il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem ma jitgawdewx b'mod ugwali minn kulħadd u ddgħajjef il-proċessi demokratiċi bħall-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tenfasizza fil-pjattaformi kollha ta' djalogu mal-pajjiżi terzi l-importanza tal-integrità, l-obbligu ta' rendikont u l-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi, tal-finanzi pubbliċi u tal-proprjetà pubblika, kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC); jirrakkomanda li l-UE tuża l-kompetenzi tagħha biex tappoġġa lill-pajjiżi terzi b'mod aktar konsistenti u sistematiku fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-korruzzjoni bit-twaqqif u bil-konsolidament ta' istituzzjonijiet indipendenti u effikaċi kontra l-korruzzjoni; jistieden partikolarment lill-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha futuri li tinnegozja mal-pajjiżi terzi; |
47. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-obbligi u għar-responsabbiltajiet essenzjali tal-Istati u ta' entitajiet responsabbli oħra biex itaffu t-tibdil fil-klima, jipprevjenu l-effetti negattivi tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-koerenza tal-politiki sabiex jiġi żgurat li l-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih ikunu adegwati, ambizzjużi biżżejjed, mhux diskriminatorji u ġeneralment konformi mal-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-fatt li n-NU jistimaw li sal-2050 se jkun hemm ħafna persuni spostati minħabba raġunijiet ambjentali; jenfasizza r-rabta bejn il-politiki kummerċjali, il-politiki ambjentali u l-politiki ta' żvilupp, kif ukoll l-impatt pożittiv u negattiv li tali politiki jistgħu jkollhom fuq id-drittijiet tal-bniedem; japprezza d-dedikazzjoni internazzjonali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet rigward id-diżastri ambjentali u naturali u t-tibdil fil-klima mad-drittijiet tal-bniedem; |
48. |
Jenfasizza ż-żieda konsiderevoli fil-ħtif tal-art ta' dawn l-aħħar snin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-ġlieda kontra l-isfruttament u l-approprjazzjoni ta' riżorsi għandha tkun prijorità; jikkundanna l-prattiki bħall-ħtif tal-art u l-użu indiskriminat tar-riżorsi naturali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'urġenza bħala reazzjoni għall-bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jittrattaw dan is-suġġett; |
49. |
Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem u li l-aċċess għall-beni u għas-servizzi bħall-ilma u s-sanità jkun ittrattat fil-politiki fil-qasam soċjali, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-sigurtà; |
50. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet internazzjonali, lill-gvernijiet nazzjonali, lill-NGOs u lill-individwi jaħdmu f'sinerġija biex ikun stabbilit qafas regolatorju xieraq bil-għan li jiżgura li lil kulħadd fid-dinja jkunlu garantit aċċess għal kwantità minima ta' ilma; jissottolinja l-fatt li l-ilma ma għandux jitqies bħala merkanzija iżda kwistjoni ta' żvilupp u ta' sostenibbiltà u li l-privatizzazzjoni tal-ilma ma teżonerax lill-Istati mir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-pajjiżi li fihom l-ilma huwa waħda mill-kawżi ta' tensjoni jew kunflitt jikkoorperaw biex l-ilma jinqasam bil-għan li jkun hemm sitwazzjoni vantaġġuża għal kulħadd għal finijiet ta' sostenibbiltà u żvilupp paċifiku tar-reġjun; |
Nindirizzaw l-isfidi u l-attivitajiet ta' sostenn għad-demokrazija
51. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkompli ssostni b'mod attiv l-istituzzjonijiet demokratiċi u effikaċi li jieħdu ħsieb id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom favur id-demokratizzazzjoni; japprezza l-assistenza imprezzabbli li tingħata lill-OSĊ mad-dinja kollha fil-qafas tal-EIDHR, li tkompli tikkostitwixxi l-istrument emblematiku tal-UE fl-implimentazzjoni tal-politika esterna tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', barra minn hekk, l-isforzi konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija biex jippromwovi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE; |
52. |
Ifakkar li l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet li nsiltu mit-tranżizzjoni għal demokrazija fil-qafas tal-politika ta' tkabbir u tal-viċinat jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jintużaw għall-appoġġ u l-konsolidament ta' proċessi oħrajn ta' demokratizzazzjoni mad-dinja kollha; |
53. |
Itenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida tal-UE għal appoġġ għad-demokrazija; |
54. |
Jirrakkomanda li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, fejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti jikkostitwixxu biss dimensjoni waħda minnhom, biex b'hekk jingħata kontribut pożittiv għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-fiduċja pubblika fil-proċessi elettorali fid-dinja kollha; |
55. |
Jilqa' t-tmien Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) u t-tmien Missjonijiet ta' Esperti Elettorali (MEE) min-naħa tal-UE fid-dinja kollha fl-2016; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mill-2015 'il quddiem l-UE bagħtet 17-il MOE u 23 MEE; itenni l-opinjoni pożittiva tiegħu tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċessi elettorali u l-għoti, min-naħa tagħha, ta' assistenza elettorali u appoġġ għall-osservaturi nazzjonali; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) f'dan ir-rigward; |
56. |
Ifakkar fl-importanza li jingħata segwitu tajjeb għar-rapporti u għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE bħala mod biex jittejjeb l-impatt tagħhom u jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għal standards demokratiċi fil-pajjiżi kkonċernati; |
57. |
Jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Istati Membri fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni attwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija biex jinvolvu ruħhom b'aktar qawwa u konsistenza mal-korpi tal-amministrazzjoni elettorali, l-istituzzjonijiet parlamentari u l-OSĊ fil-pajjiżi terzi, sabiex jikkontribwixxu biex jingħataw is-setgħa u, għaldaqstant, biex isaħħu l-proċessi demokratiċi; |
58. |
Jenfasizza li l-politika tat-tkabbir hija waħda mill-għodod l-aktar b'saħħithom għat-tisħiħ tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-iżviluppi politiċi attwali fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tirfed it-tisħiħ tal-kulturi politiċi demokratiċi, ir-rispett tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni kif ukoll tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-politika Ewropea tal-viċinat riveduta għandha tkompli żżomm fil-qalba tagħha l-protezzjoni, il-promozzjoni attiva u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; itenni l-fatt li l-protezzjoni, is-sostenn attiv u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huma fl-interess kemm tal-pajjiżi sħab kif ukoll tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa għall-UE li ssostni l-impenn tagħha mas-sħab tagħha, partikolarment fil-viċinat tagħha, biex tappoġġa r-riforma ekonomika, soċjali u politika, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tgħin ħalli jiġi stabbilit l-istat tad-dritt, bħala l-aħjar mezz sabiex jissaħħaħ l-ordni internazzjonali u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-viċinat tagħha; ifakkar li l-Unjoni għall-Mediterran tista' u jmissha ssawwar id-djalogu politiku f'dan ir-reġjun u teżerċita pressjoni qawwija favur aġenda b'saħħitha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-reġjun; ifakkar li kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir membru tal-UE għandu jiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfa b'mod rigoruż il-kriterji ta' Copenhagen, u n-nuqqas ta' konformità ma' dawn jaf iwassal għall-iffriżar tan-negozjati; |
59. |
Jenfasizza li l-konsolidament tal-paċi jinvolvi sforzi li jipprevjenu u jnaqqsu il-kunflitti kif ukoll isaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet politiċi, soċjoekonomiċi u tas-sigurtà, bil-għan li titwitta t-triq għal paċi u żvilupp sostenibbli fit-tul; jissottolinja li l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba u tad-drittijiet tal-bniedem hija fundamentali għal paċi sostenibbli; |
Niżguraw approċċ ta' sostenn komprensiv u koerenti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-politiki tal-UE
60. |
Jieħu nota tal-adozzjoni tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016; iqis li r-Rapport Annwali huwa strument indispensabbli għall-iskrutinju, għall-komunikazzjoni u għad-dibattitu rigward il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, u strument utli li jagħti deskrizzjoni komprensiva tal-prijoritajiet, tal-isforzi u tal-sfidi tal-UE f'dan il-qasam u li jista' jintuża biex ikunu identifikati aktar modi ta' kif dawn jiġu indirizzati b'mod effikaċi; |
61. |
Itenni bis-saħħa l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ biex tieħu sehem f'dibattitu mal-Membri tal-PE f'żewġ sessjonijiet plenarji fis-sena, darba meta ssir il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali u darba b'risposta għar-rapport tagħha stess; itenni l-importanza ta' djalogu interistituzzjonali kontinwu, partikolarment fir-rigward tas-segwitu mogħti lir-riżoluzzjonijiet urġenti tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li t-tweġibiet bil-miktub għandhom ukoll rwol importanti fir-relazzjonijiet interistituzzjonali, billi jippermettu li jingħata segwitu sistematiku u profond għall-punti kollha mqajma mill-Parlament u b'hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' koordinament effikaċi; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jwieġbu b'reqqa l-mistoqsijiet bil-miktub u jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem imqajma fl-ogħla livell ta' djalogu mal-pajjiżi involuti; |
62. |
Ifaħħar lis-SEAE u lill-Kummissjoni tar-rapportar eżawrjenti tagħhom dwar l-attivitajiet imwettqa mill-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-2016; iqis, madankollu, li l-format attwali tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jista' jitjieb billi tiġi offruta deskrizzjoni ġenerali aħjar tal-impatt konkret tal-azzjonijiet tal-UE fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi; |
63. |
Itenni l-opinjoni tiegħu li l-adozzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE u tal-Ewwel Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-2012 ikkostitwiet kisba importanti għall-UE fil-proċess biex tpoġġi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tar-relazzjonijiet esterni tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kunsill, f'Lulju 2015, ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-2015-2019 u t-twettiq ta' rieżami ta' nofs it-terminu fl-2017; jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effiċjenti u koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni attwali, anki permezz ta' kollaborazjoni reali mal-OSĊ; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrapportaw lura dwar kif implimentaw il-Pjan; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-importanza li tiżdied l-effikaċja u jiġi mmassimizzat l-impatt lokali tal-istrumenti użati biex jiġi promoss ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mad-dinja kollha; |
64. |
Itenni l-opinjoni tiegħu li huma meħtieġa kunsens sod u koordinament imsaħħaħ bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif anki kollaborazzjoni reali mal-OSĊ fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali, sabiex isir progress b'mod koerenti u konsistenti fl-aġenda tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Istati Membri jassumu sjieda akbar tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u tal-Qafas Strateġiku tal-UE u jużawhom bħala pjan ta' azzjoni li fuqu jibbażaw il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija b'mod bilaterali u multilaterali; |
65. |
Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sur Lambrinidis, fit-tisħiħ tal-viżibbiltà u tal-effikaċja tal-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fid-dinja kollha, u jenfasizza r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti u koerenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-proroga tal-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2019 u jtenni t-talba tiegħu sabiex dan il-mandat isir permanenti; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li r-RSUE jingħata setgħat ta' inizjattiva proprja, viżibbiltà pubblika akbar u riżorsi finanzjarji u ta' persunal adegwati biex jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu f'xogħlu; jirrakkomanda, barra minn hekk, li r-RSUE jżid it-trasparenza fl-attivitajiet, fil-pjanijiet, fir-rapporti ta' progress u fir-rieżamijiet tiegħu; |
66. |
Josserva li l-ħidma u l-impatt tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jkunu biss parzjalment aċċessibbli permezz ta' rieżami tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-kont tiegħu tal-midja soċjali u tad-diskorsi disponibbli; |
67. |
Jappoġġa bis-sħiħ l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jadattaw l-azzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull pajjiż; itenni l-appell tiegħu biex il-Membri tal-PE jingħataw aċċess għal kontenut strateġiku; jenfasizza b'mod qawwi l-importanza li jitqiesu l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha ta' tfassil tal-politika fir-rigward tal-pajjiżi terzi individwali; itenni li l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jikkorrispondu għal azzjonijiet tal-UE li għandhom jiġu implimentati f'kull pajjiż, skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu, u għandhom jinkludu indikaturi ta' progress u l-possibbiltà li dawn jiġu adattati fejn meħtieġ; |
68. |
Jilqa' pożittivament in-nomina ta' punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza tas-sessi mid-delegazzjonijiet kollha tal-UE u tal-missjonijiet tal-PSDK; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżviluppaw linji gwida operattivi ċari dwar ir-rwol tal-punti fokali fid-delegazzjonijiet, sabiex huma jkunu jistgħu jitjiebu, jaġixxu bħala konsulenti veri dwar id-drittijiet tal-bniedem u jwettqu xogħolhom b'mod effiċjenti; |
69. |
Jirrikonoxxi li d-djalogi mal-pajjiżi terzi rigward id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jkunu strumenti effiċjenti għal impenn u kooperazzjoni bilaterali fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' favorevolment l-istabbiliment ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' għadd dejjem akbar ta' pajjiżi; ifaħħar u jinkoraġġixxi aktar l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogi preparatorji; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu komprensiv għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-funzjonament tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; |
70. |
Ifakkar fl-impenn tal-UE li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi; jenfasizza, għaldaqstant, li l-progress tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi, inklużi l-klawsoli ta' kundizzjonalità marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali, irid jiġi appoġġat fil-politiki kollha tal-UE b'dimensjoni esterna, bħall-politiki tat-tkabbir tal-Unjoni u tal-viċinat, il-PSDK, u tal-ambjent, tal-iżvilupp, tas-sigurtà, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-kummerċ, tal-migrazzjoni u tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; |
71. |
Ifakkar li s-sanzjonijiet huma strument essenzjali tal-PESK; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta s-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE kull meta jitqiesu neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-PESK, b'mod partikolari bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u tiġi konsolidata u sostnuta d-demokrazija, filwaqt li jkun żgurat li ma jkollhomx impatt fuq il-popolazzjoni ċivili; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ikunu mmirati lejn uffiċjali identifikati bħala responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jkunu kkastigati għad-delitti u għall-abbuż li wettqu; |
72. |
Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tonora l-impenn tagħha li tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha għal proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, miżuri ta' implimentazzjoni u ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità u komprensività tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tiżgura l-inkorporazzjoni sistematika tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fit-test tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; |
73. |
Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal involviment qawwi tal-UE fil-promozzjoni tal-progress tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi permezz ta' kooperazzjoni mal-istrutturi tan-NU u mal-aġenziji speċjalizzati tagħhom, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), mal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), mal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC), mal-Unjoni Afrikana u mal-Lega Għarbija, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet oħrajn b'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tat-TUE; |
74. |
Jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid, l-UE għandha talloka r-riżorsi u l-kompetenzi suffiċjenti, kemm f'termini ta' riżorsi umani speċifiċi fi ħdan id-delegazzjonijiet u s-sede ċentrali kif ukoll f'termini ta' fondi disponibbli; |
75. |
Itenni wkoll li l-involviment attiv u konsistenti tal-UE fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-UNHRC, huwa ta' importanza kruċjali; jirrikonoxxi l-isforzi tas-SEAE, tad-delegazzjonijiet tal-UE f'New York u f'Ġinevra u tal-Istati Membri biex tiżdied il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex issemma' leħinha, inkluż billi tintensifika l-implimentazzjoni li qed tiżdied ta' inizjattivi transreġjonali u billi tressaq riżoluzzjonijiet ma' pajjiżi oħra jew teħodhom f'idejha hi; jenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja tal-UE jkunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' riforma tan-NU bil-għan li jissaħħu l-impatt u l-qawwa ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li tiġi garantita protezzjoni aktar effiċjenti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-avvanz tad-dritt internazzjonali; |
o
o o
76. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE. |
(1) http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/cedaw.pdf
(2) http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/167
(3) https://treaties.un.org/doc/source/docs/A_RES_45_158-E.pdf
(4) http://www.unhcr.org/3b66c2aa10
(5) http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf
(6) http://www.un.org/en/development/desa/population/migration/generalassembly/docs/ globalcompact/A_RES_71_1.pdf
(7) https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld
(8) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/090000168008482e
(9) http://www.oecd.org/corporate/mne/oecdguidelinesformultinationalenterprises.htm
(10) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf
(11) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf
(12) http://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/eugs_mt_version.pdf
(13) http://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/full_brochure_year_1.pdf
(14) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(15) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_guidelines_rights_of_child_0.pdf
(16) https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/european-consensus-on-development-final-20170626_en.pdf
(17) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_human_rights_guidelines_on_freedom_of_expression_online_and_offline_en.pdf
(18) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/137585.pdf
(19) http://www.ceceurope.org/wp-content/uploads/2015/08/CofEU_119404.pdf
(20) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8416-2013-INIT/mt/pdf
(21) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6129-2012-REV-1/mt/pdf
(22) https://www.osce.org/odihr/19223?download=true
(23) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/137584.pdf
(24) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16526-2008-INIT/mt/pdf
(25) ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.
(26) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16173-2008-INIT/mt/pdf
(27) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10019-2008-INIT/mt/pdf
(28) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(29) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16332-2008-REV-2/mt/pdf
(30) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10255-2016-INIT/mt/pdf.
(31) Testi adottati, P8_TA(2017)0344.
(32) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(33) Testi adottati, P8_TA(2016)0404.
(34) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(35) Testi adottati, P8_TA(2016)0300.
(36) Testi adottati, P8_TA(2016)0020.
(37) Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
(38) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 69.
(39) http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session31/ Documents/A_HRC_31_56_en.doc
(40) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
(41) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.