EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0488

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar “Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali” (2017/2065(INI))

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 22–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/22


P8_TA(2017)0488

Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar “Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali” (2017/2065(INI))

(2018/C 369/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS),

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma dwar il-Kummerċ Elettroniku tad-WTO,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-ICT tal-G7 fil-Laqgħa f'Takamatsu, Kagawa tad-29 u t-30 ta' April 2016,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Ekonomija Diġitali f'Cancún fl-2016,

wara li kkunsidra l-Koalizzjoni Dinamika dwar il-Kummerċ (Dynamic Coalition on Trade) fil-Forum ta' Governanza tal-Internet,

wara li kkunsidra n-negozjati tal-UE li għaddejjin fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi,

wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju imħabbar mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 2017 dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika UE-Ġappun,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea” (COM(2016)0180),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2017 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u għall-Investiment (COM(2017)0338),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 bit-titolu “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” (COM(2017)0009),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika) (COM(2017)0010),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea (COM(2017)0495),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2017 bit-titolu “Digital4Development: mainstreaming digital technologies and services into EU Development Policy” (Digital4Development: integrazzjoni tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali fil-politika ta' żvilupp tal-UE) (SWD(2017)0157),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) (5),

wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli)", kif ukoll is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra il-11-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li se ssir fi Buenos Aires, l-Arġentina, mill-10 sat-13 ta' Diċembru 2017, fejn x'aktar se jiġi diskuss il-kummerċ elettroniku,

wara li kkunsidra l-inizjattivi tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni tan-NU b'appoġġ għall-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (ITU-D),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16(1) tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-protezzjoni tal-libertà tal-kelma dwar il-Libertà tal-Espressjoni u s-settur privat fl-era diġitali (A/HRC/32/38) u r-rwol tal-fornituri ta' aċċess diġitali (A/HRC/35/22),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Barranin) fit-12 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi tal-Kunsill tal-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam mal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, Serje tat-Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108, flimkien mal-Protokoll addizzjonali tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (6),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali għal Kulħadd, it-Twettiq ta' Politika Kummerċjali Progressiva li Tisfrutta b'Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni (COM(2017)0491),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0384/2017),

A.

billi l-iżviluppi teknoloġiċi, l-aċċess għall-internet miftuħ u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija jikkostitwixxu l-mutur tat-tkabbir peress li huma jippermettu lil kumpaniji, b'mod partikolari l-istart-ups, l-mikroimpriżi u l-SMEs, joħolqu opportunitajiet ġodda fl-iżvilupp, l-ordnijiet, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-kunsinna ta' prodotti u l-għoti ta' servizzi, u jilħqu klijenti madwar id-dinja kollha b'mod aktar rapidu u b'inqas spejjeż minn qatt qabel; billi teknoloġiji emerġenti bħat-teknoloġija tar-reġistru distribwit għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-kummerċ diġitali billi jtejbu t-trasparenza ta' kuntratti internazzjonali u jħaffu t-trasferiment ta' valur; billi l-kummerċ f'oġġetti fiżiċi qiegħed jiġi sostitwit b'ammonti dejjem akbar ta' trasferimenti transfruntiera ta' kontenut diġitali, fejn f'xi drabi tisfuma d-distinzjoni bejn prodotti u servizzi;

B.

billi l-ġbir ta' data, l-aggregazzjoni ta' data u l-kapaċità ta' trasferiment ta' data bejn il-fruntieri għandhom il-potenzjal li jkunu mutur fundamentali tal-innovazzjoni, tal-produttività u tal-kompetittività ekonomika;

C.

billi l-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna u tal-kummerċ internazzjonali ippermettew lill-impriżi jikbru u jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi liċ-ċittadini; billi d-diġitalizzazzjoni tal-industriji tradizzjonali taffettwa l-katini tal-provvista, il-manifattura u l-mudelli tas-servizzi, li tista' twassal għal ħolqien ta' impjiegi f'industriji ġodda, iżda tista' wkoll ixxekkel l-impjiegi attwali u twassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, peress li aktar u aktar kompiti tradizzjonali imwettqa mill-bniedem jibdew jsiru awtomatizzati u/jew jiġu trasferiti; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li jridu jiġu stabbiliti l-miżuri soċjali ta' sostenn neċessarji sabiex dawn ikunu ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha, bħal politiki b'saħħtihom ta' edukazzjoni u taħriġ, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u miżuri biex jingħeleb id-distakk diġitali;

D.

billi l-ekonomija diġitali teħtieġ qafas ibbażat fuq ir-regoli, inklużi regoli kummerċjali li jkunu jistgħu jirrikonċiljaw il-bidliet rapidi fis-suq mad-drittijiet tal-konsumaturi, li jipprovdi spazju għall-politika u lok għal inizjattivi regolatorji ġodda meħtieġa mill-gvernijiet biex jiddefendu u jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

E.

billi aċċess għal internet liberu, miftuħ u sigur huwa rekwiżit preliminari biex jinkisbu l-kummerċ u l-iżvilupp ibbażati fuq ir-regoli fil-qafas tal-ekonomija diġitali; billi l-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk għandu jkun parti ewlenija tal-istrateġija tal-UE għall-kummerċ diġitali sabiex ikun hemm kompetizzjoni ġusta u innovazzjoni fl-ekonomija diġitali, filwaqt li tiġi żgurata il-libertà tal-espressjoni online;

F.

billi l-investiment fl-infrastruttura u l-aċċess għall-ħiliet jibqgħu sfidi ewlenin għall-konnettività u, għalhekk, għall-kummerċ diġitali;

G.

billi l-SDGs tan-NU jenfasizzaw li l-għoti ta' aċċess universali u bi prezzijiet raġonevoli għall-internet lill-persuni li jinsabu fil-pajjiżi l-inqas żviluppati sal-2020, se jkun kruċjali biex jitrawwem l-iżvilupp, peress li l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali jista' jirrappreżenta l-mutur għall-impjiegi u t-tkabbir, inkwantu l-kummerċ elettroniku jikkostitwixxi opportunità biex jiżdied l-għadd ta' esportaturi żgħar, il-volumi tal-esportazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni;

H.

billi n-nisa jistgħu jibbenefikaw bħala imprendituri u bħala ħaddiema minn aċċess aħjar għas-swieq globali, u bħala konsumaturi minn prezzijiet orħos, billi ħafna sfidi u inugwaljanzi għadhom ixekklu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija globali, peress li ħafna nisa f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju, għad ma għandhomx aċċess għall-internet;

I.

billi l-kummerċ elettroniku qiegħed jikber ġmielu wkoll f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

J.

billi l-gvernijiet tad-dinja kollha qegħdin jadottaw miżuri ta' protezzjoniżmu diġitali permezz ta' ostakli li jxekklu l-aċċess għas-suq u l-investiment dirett, jew joħolqu vantaġġi inġusti għall-kumpaniji nazzjonali; billi għadd ta' miżuri wiesgħa f'pajjiżi terzi li ttieħdu f'ġieħ iċ-(ċiber)sigurtà nazzjonali għandhom impatt dejjem aktar negattiv fuq il-kummerċ ta' prodotti tal-ICTs;

K.

billi l-kumpaniji barranin bħalissa jibbenefikaw minn aċċess ħafna akbar għas-suq Ewropew milli għandhom l-Ewropej f'pajjiżi terzi; billi ħafna mis-sħab kummerċjali tagħna qegħdin dejjem aktar jagħlqu s-swieq nazzjonali tagħhom u jirrikorru għall-protezzjoniżmu diġitali; billi l-UE għandha tibbaża l-istrateġija għall-kummerċ diġitali tagħha fuq il-prinċipji ta' reċiproċità, kompetizzjoni ġusta, regolamentazzjoni intelliġenti u trasparenza, bl-għan li terġa' tikseb il-fiduċja tal-konsumaturi u kundizzjonijiet ta' parità għall-impriżi;

L.

billi l-imblukkar ġeografiku għandu jintemm, u fil-futur ma għandu jkun hemm l-ebda forma ta' diskriminazzjoni inġusta bbażata fuq in-nazzjonalità, il-post tar-residenza jew il-post ta' stabbiliment tal-konsumatur fis-suq intern;

M.

billi, fil-qafas tal-ftehimiet kollha ta' kummerċ ħieles, jenħtieġ li jkunu promossi l-pilastri fundamentali li jippreservaw l-internet miftuħ fis-suq uniku diġitali tal-UE, inklużi l-prinċipji bħall-kompetizzjoni ġusta, in-newtralità tan-netwerk u l-protezzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-intermedjarji; billi d-dimensjoni globali tal-kummerċ diġitali tagħmel lid-WTO s-sede naturali għan-negozjar ta' qafas multilaterali bbażat fuq ir-regoli; billi l-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Diċembru 2017 tipprovdi l-pjattaforma għat-tnedija ta' proċess bħal dan;

N.

billi l-Unjoni Ewropea hija marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż l-Artikolu 8 tagħha dwar id-dritt tal-protezzjoni ta' data personali, bl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-istess dritt fundamentali u bl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE); billi d-dritt għall-privatezza huwa dritt universali tal-bniedem; billi standards għoljin ta' protezzjoni tad-data jgħinu biex tinbena l-fiduċja fl-ekonomija diġitali fost iċ-ċittadini Ewropej, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp tal-kummerċ diġitali; billi l-promozzjoni ta' standards għoljin tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari fir-rigward ta' data sensittiva, u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ internazzjonali jridu jimxu id f'id fl-era diġitali, sabiex jappoġġaw il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-kummerċ elettroniku, u l-kriptaġġ, u jirrifjutaw il-protezzjoniżmu diġitali, is-sorveljanza tal-massa, l-ispjunaġġ ċibernetiku u ċ-ċensura online;

O.

billi l-kummerċ diġitali jrid jipproteġi l-ispeċi ta' fawna selvaġġa fil-periklu, u billi s-swieq online iridu jipprojbixxu l-bejgħ ta' fawna selvaġġa u prodotti mill-fawna selvaġġa fuq il-pjattaformi tagħhom;

P.

billi l-kumpaniji privati qegħdin dejjem aktar jistabbilixxu normi u standards fl-ekonomija diġitali, li se jkollhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini u l-konsumaturi, kif ukoll fuq il-kummerċ intern u internazzjonali, u fl-istess ħin qegħdin jaċċeleraw l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi biex jissalvagwardjaw lin-negozju u lill-konsumaturi;

Q.

billi r-rakkomandazzjonijiet tal-OECD kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, u l-pjanijiet tal-UE għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati għadd ta' sfidi tat-taxxa, inkluż dawk marbuta mal-ekonomija diġitali; billi t-taxxi għandhom jitħallsu fejn jiġu ġġenerati l-profitti; billi sistema aktar trasparenti, effiċjenti u ġusta għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa ta' kumpaniji transfruntiera għandha tipprevjeni t-trasferiment tal-profitti u l-evitar tat-taxxa; billi approċċ koerenti tal-UE għat-tassazzjoni fl-ekonomija diġitali huwa neċessarju biex tinkiseb tassazzjoni ġusta u effettiva għall-kumpaniji kollha u biex jinħolqu kundizzjonijiet ta' parità; ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jinkludu klawsola dwar il-governanza tajba tat-taxxa li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw l-istandards internazzjonali maqbula fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

R.

billi, skont l-OECD, aktar minn 5 % tal-prodotti importati fl-UE huma ffalsifikati, li jirriżulta f'telf sostanzjali ta' impjiegi u dħul mit-taxxi;

S.

billi setturi sensittivi bħas-servizzi awdjoviżivi, u drittijiet fundamentali bħall-protezzjoni ta' data personali, ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati kummerċjali;

T.

billi l-kummerċ diġitali jrid jimmira wkoll li jippromwovi t-tkabbir tal-SMEs u impriżi ġodda, u mhux biss tal-kumpaniji multinazzjonali;

U.

billi l-Messiku jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-data;

V.

billi l-protezzjoni ta' data personali mhijiex negozjabbli fil-ftehimiet kummerċjali, u billi l-protezzjoni ta' data dejjem ġiet eskluża mill-mandati għan-negozjati kummerċjali tal-UE;

W.

billi l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jintużaw bħala lieva biex jittejbu d-drittijiet diġitali; billi l-inklużjoni fil-ftehimiet kummerċjali ta' dispożizzjonijiet dwar in-newtralità tan-netwerk, il-projbizzjoni ta' rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni furzata inġustifikata ta' data, is-sigurtà tad-data, is-sigurtà tal-ipproċessar u l-ħżin tad-data, il-kriptaġġ u r-responsabbiltà tal-intermedjarji tista' ssaħħaħ, b'mod partikolari, il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni;

1.

Jissottolinja li l-UE, bħala komunità ta' valuri u l-akbar esportatur tad-dinja ta' servizzi, għandha tiffissa l-istandards fir-regoli u fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-flussi tal-kummerċ diġitali billi tibbażahom fuq tliet elementi: (1) tiggarantixxi l-aċċess għas-suq ta' oġġetti u servizzi diġitali f'pajjiżi terzi, (2) tiggarantixxi li r-regoli kummerċjali joħolqu benefiċċji konkreti għall-konsumaturi, u (3) tippromwovi r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

2.

Jenfasizza li minkejja li l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tindirizza ħafna mill-problemi li jiffaċċja l-kummerċ diġitali, il-kumpaniji tal-UE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli globali bħal nuqqas ta' trasparenza tar-regolamenti, l-intervent tal-gvern jew lokalizzazzjoni tad-data jew ħżin tad-data inġustifikati; jirrimarka li xi wħud mill-azzjonijiet ewlenin tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, bħalma huma l-inizjattiva tal-UE dwar il-cloud u r-riforma tad-drittijiet tal-awtur, għandhom dimensjoni internazzjonali li tista' tiġi indirizzata fi strateġija kummerċjali diġitali Ewropea;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali sabiex jiġu minimizzati l-impatti negattivi potenzjali fuq is-soċjetà u fuq l-iżvilupp; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), tat-tneħħija tal-ostakoli għat-tagħlim tul il-ħajja, u tal-għeluq tad-distakki bejn is-sessi fl-aċċess għal teknoloġiji ġodda u għall-użu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina aktar kif il-politika kummerċjali ta' bħalissa u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma marbuta flimkien, u kif il-kummerċ jista' jippromwovi t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa;

4.

Jinnota li l-effett tan-netwerk fuq l-ekonomija diġitali jippermetti lil kumpanija waħda jew għadd żgħir ta' kumpaniji biex ikollhom sehem kbir tas-suq, li jista' jwassal għal konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq; jenfasizza l-importanza li fil-ftehimiet kummerċjali tiġi promossa l-kompetizzjoni ġusta u effettiva, b'mod partikolari bejn il-fornituri tas-servizzi diġitali, bħal pjattaformi online, u l-utenti, bħal mikroimpriżi, SMEs u impriżi ġodda, u li tiġi promossa l-għażla tal-konsumatur, li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, li jiġi żgurat it-trattament nondiskriminatorju tal-parteċipanti tas-swieq kollha, u li jiġi evitat il-ħolqien ta' pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għad-distorsjoni tas-suq; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza li tiġi inkluża n-newtralità tan-netwerk bħala parti ewlenija tal-istrateġija kummerċjali diġitali tagħha; iqis li strateġija kummerċjali diġitali trid tkun ikkomplementata b'qafas internazzjonali b'saħħtu u effettiv dwar il-politika tal-kompetizzjoni, inkluż permezz ta' aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, u kapitoli b'saħħithom dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impriżi u l-kumpaniji jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni, u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra kompetituri għad-detriment tal-interessi tal-konsumaturi;

5.

Jenfasizza li l-aċċess għal-konnettività ma' internet ta' banda wiesgħa u metodi ta' ħlas diġitali sikuri, protezzjoni effikaċi tal-konsumatur, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-mekkaniżmi ta' rimedju għall-bejgħ transfruntier online, u proċeduri doganali prevedibbli, huma elementi essenzjali li jippermettu li jkun hemm il-kummerċ diġitali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

6.

Iqis li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jipprevedu aktar kooperazzjoni bejn l-aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur, u jilqa' l-inizjattivi għat-trawwim ta' miżuri li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fin-negozjati kummerċjali, bħal dispożizzjonijiet dwar il-firem elettroniċi u l-kuntratti u komunikazzjonijiet mhux mitluba; jenfasizza li d-drittijiet tal-konsumaturi jridu jipproteġu u fl-ebda każ ma għandhom jiddgħajfu;

7.

Jissottolinja li l-SMEs f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-impriżi u jimpjegaw il-parti l-kbira tal-ħaddiema fis-setturi tal-manifattura u tas-servizzi; ifakkar li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ elettroniku transfruntier jista' jkollha impatt dirett fuq it-titjib tal-għajxien, trawwem standards ta' ħajja ogħla u tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku;

8.

Ifakkar li xejn fil-ftehimiet kummerċjali ma għandu jipprevjeni lill-UE u lill-Istati Membri tagħha milli jżommu, jtejbu u japplikaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tagħhom; ifakkar li d-data personali tista' tiġi trasferita lejn pajjiżi terzi mingħajr l-użu tad-dispożizzjonijiet ġenerali fil-ftehimiet kummerċjali meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti – kemm dawk fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni – minquxa fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data (7), u fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, jirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza, inklużi dawk parzjali u dawk speċifiċi għas-settur, jikkostitwixxu mekkaniżmu fundamentali fir-rigward tas-salvagwardja tat-trasferiment ta' data personali mill-UE lejn pajjiż terz; josserva li l-UE adottat biss deċiżjonijiet ta' adegwatezza ma' erbgħa minn fost l-akbar 20 sieħeb kummerċjali tagħha; ifakkar fl-importanza li jiġi ggarantit it-trasferiment tad-data minn pajjiżi terzi lejn l-UE, b'mod partikolari permezz ta' djalogi fil-qasam tal-adegwatezza;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità u tħaffef l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza, dment li l-pajjiżi terzi jiżguraw, permezz tad-dritt nazzjonali jew tal-impenji internazzjonali tagħhom, livell ta' protezzjoni “sostanzjalment ekwivalenti” għal dak garantit fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tadotta, tippubblika u taġġorna proċeduri vinkolanti dettaljati f'perjodu ta' żmien speċifiku biex jintlaħqu tali deċiżjonijiet, filwaqt li tirrispetta bi sħiħ is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-opinjoni tal-Parlament;

10.

Ifakkar li l-kapaċità ta' aċċess, ġbir, ipproċessar u trasferiment tad-data bejn il-fruntieri qiegħda ssir dejjem aktar importanti għal kull tip ta' kumpanija li tforni oġġetti u servizzi fuq livell internazzjonali; jinnota li din tirrigwarda kemm data personali u dik mhux personali, u tinkludi komunikazzjoni bejn magna u oħra;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tabbozza mill-aktar fis possibbli regoli għat-trasferimenti transfruntieri ta' data li jkunu totalment konformi mar-regoli fis-seħħ u futuri tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tinkorpora fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE dispożizzjoni orizzontali li żżomm bis-sħiħ id-dritt ta' parti li tipproteġi d-data personali u l-privatezza, dment li tali dritt ma jintużax b'mod inġustifikat biex il-parti taħrab mir-regoli tat-trasferimenti tranfruntieri ta' data għal raġunijiet għajr il-protezzjoni tad-data personali; iqis li tali regoli u dispożizzjonijiet għandhom jiffurmaw parti min-negozjati kummerċjali kollha, kemm ġodda kif ukoll dawk varati dan l-aħħar, mal-pajjiżi terzi; jenfasizza li kwalunkwe dispożizzjoni għandha tkun eżentata mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe kapitolu futur li jittratta l-protezzjoni tal-investimenti;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi b'mod rigoruż ir-rekwiżiti inġustifikati ta' lokalizzazzjoni tad-data fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles; iqis li t-tneħħija ta' tali rekwiżit għandha tkun prijorità assoluta, u jenfasizza li l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data għandha tiġi rrispettata; jiddispjaċih bit-tentattivi li jintużaw tali rekwiżiti bħala forma ta' ostaklu mhux tariffarju għall-kummerċ u bħala forma ta' protezzjoniżmu diġitali; iqis li dan il-protezzjoniżmu jostakola b'mod gravi l-opportunitajiet tal-impriżi Ewropej fis-swieq tal-pajjiżi terzi u jimmina l-benefiċċji ta' effiċjenza tas-suq diġitali;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, il-pożizzjoni tagħha rigward it-trasferimenti transfruntieri ta' data, ir-rekwiżiti inġustifikati ta' lokalizzazzjoni tad-data u s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data fin-negozjati kummerċjali, konformement mal-pożizzjoni tal-Parlament, bil-għan li tkun inkluża fin-negozjati kollha, kemm ġodda kif ukoll dawk varati dan l-aħħar, u biex ikun evitat li l-UE tingħata il-ġenb fin-negozjati dwar il-kummerċ internazzjonali;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-miżuri ta' pajjiżi terzi, bħall-politiki favur il-konsum ta' prodotti lokali, ir-rekwiżiti ta' kontenut lokali jew it-trasferimenti tat-teknoloġija furzati, sa tali punt li ma jkunux ġustifikati mill-programmi ggwidati min-NU dwar l-għeluq tad-distakk diġitali jew mill-eżenzjonijiet relatati mit-TRIPS, sabiex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu joperaw f'ambjent ġust u prevedibbli;

15.

Jenfasizza li l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha mil-lati bilaterali, plurilaterali u multilaterali biex tiżgura li l-pajjiżi terzi joffru livelli ta' ftuħ lejn l-investimenti barranin ekwivalenti għal tagħha, kif ukoll biex iżommu kundizzjonijiet ta' parità għall-operaturi tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-UE għal regolament li jistabbilixxi qafas għar-rieżami tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni, u jsostni l-objettivi tagħha biex jiġu protetti b'mod aħjar l-infrastrutturi u t-teknoloġiji kritiċi;

16.

Jissottolinja l-fatt li strateġija għall-kummerċ diġitali trid tkun totalment konformi mal-prinċipju tan-newtralità tan-netwerk u tħares it-trattament indaqs tat-traffiku tal-internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew indħil, indipendentement minn min jibgħat, min jirċievi, mit-tip, mill-kontenut, mill-apparat, mis-servizz jew mill-applikazzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-miżuri ta' ġestjoni tat-traffiku għandhom ikunu permessi f'każijiet eċċezzjonali biss meta jkunu strettament neċessarji, u matul il-perjodu neċessarju biss, bil-għan li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi, żamma tal-integrità u tas-sigurtà tan-netwerk jew prevenzjoni tal-konġestjoni imminenti tan-netwerk;

17.

Jenfasizza li l-użu tal-infrastruttura, u l-aċċess għaliha, speċjalment f'żoni rurali, muntanjużi u remoti, li tkun adegwata fir-rigward tal-kopertura, tal-kwalità u tas-sigurtà u li tappoġġa n-newtralità tan-netwerk, huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u għat-tisħiħ tal-governanza elettronika;

18.

Jiddeplora bil-qawwa l-prattiki tal-pajjiżi terzi li jrendu l-aċċess għas-suq kundizzjonat għad-divulgazzjoni u għat-trasferiment lejn l-awtoritajiet statali tal-kodiċijiet sors tas-software li l-kumpaniji biħsiebhom ibigħu; iqis li tali miżuri huma sproporzjonati bħala rekwiżit ġenerali għall-aċċess għas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi lill-gvernijiet firmatarji tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles milli jinvolvu ruħhom f'attivitajiet bħal dawn; jisħaq fuq il-fatt li dan ta' hawn fuq ma għandux jimpedixxi lill-awtoritajiet statali milli jippromwovu t-trasparenza tas-software, filwaqt li titħeġġeġ id-divulgazzjoni pubblika tal-kodiċijiet sors permezz ta' software liberu u b'sors miftuħ, kif ukoll tkun kondiviża d-data permezz ta' liċenzji ta' data miftuħa;

19.

Ifakkar li f'ċerti każijiet ir-rekwiżiti ta' preżenza lokali huma neċessarji biex tkun garantita s-superviżjoni prudenzjali effikaċi jew is-sorveljanza u l-infurzar tar-regolamentazzjoni; itenni għaldaqstant l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tassumi impenji limitati fil-Modalità 1, bil-għan li jkun evitat l-arbitraġġ regolatorju;

20.

Jemmen li l-kummerċ diġitali għandu jkun iffaċilitat aktar fil-politiki tal-akkwist, inkluż billi jittieħed vantaġġ tal-possibbiltajiet biex jiġu pprovduti servizzi mill-bogħod u billi l-kumpaniji Ewropej jitħallew, b'mod partikolari l-SMEs, jiksbu aċċess għall-akkwist pubbliku u privat;

21.

Josserva r-rekwiżiti tat-trasferiment tat-teknoloġija favur tal-iżvilupp ma għandhomx ikunu esklużi mid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ diġitali;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi milli jirrikjedu d-divulgazzjoni jew it-trasferiment tad-dettalji tat-teknoloġija (krittografika) użata fil-prodotti bħala kundizzjoni tal-manifattura, tal-bejgħ jew tad-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti;

23.

Josserva li l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (PI) u tal-investimenti fir-R&Ż hija kundizzjoni preliminari biex tinkiseb ekonomija tal-UE bbażata fuq l-għarfien, u li l-kooperazzjoni internazzjonali hija fundamentali għall-ġlieda kontra l-kummerċ ta' prodotti ffalsifikati matul il-katina tal-valur kollha kemm hi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, għalhekk, teżerċita pressjoni biex ikunu implimentati, mad-dinja kollha, l-istandards internazzjonali bħall-Ftehim TRIPS tad-WTO u t-Trattati tad-WIPO dwar l-internet; ifakkar li l-protezzjoni ġuridika, kemm online kif ukoll offline, fl-UE kollha hija neċessarja għall-kreazzjonijiet kollha inkwantu se tinkoraġġixxi l-investimenti u twassal għal aktar innovazzjonijiet; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-ftehimiet kummerċjali ma jagħtux lok biex jiġi estiż il-livell ta' protezzjoni tal-PI għad-detenturi tad-drittijiet billi jipprevedu aktar setgħat estensivi dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur; jenfasizza li l-aċċess għall-mediċini fil-pajjiżi terzi ma għandux ikun ikkontestat fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-PI; jenfasizza li l-kummerċ tal-oġġetti ffalsifikati jeħtieġ approċċ għalkollox differenti fil-konfront tal-ksur tal-PI fl-ekonomija diġitali;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' għassa tal-Programm gTLD tal-ICANN, li jespandi l-ismijiet ta' dominju għal eluf ta' ismijiet ġeneriċi, u tiggarantixxi, bi qbil mal-impenn tagħha għal internet liberu u miftuħ, il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, partikolarment dawk relatati mal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet kummerċjali biex tipprevjeni lill-partijiet milli jimponu limiti ta' kapital barrani, tistabbilixxi regoli ta' aċċess bl-ingrossa favur il-kompetizzjoni għan-netwerks tal-operaturi tradizzjonali, tipprovdi regoli u tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji għall-ħruġ ta' liċenzji, u tiżgura aċċess veritier għaċ-ċirkwit lokali tal-infrastrutturi fis-swieq tal-esportazzjoni għall-fornituri tat-telekomunikazzjoni tal-UE; ifakkar li l-kompetizzjoni bbażata fuq ir-regoli fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet twassal għal servizzi ta' kwalità ogħla u għal prezzijiet orħos;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha favur l-iżvilupp ta' ġabra ta' normi multilaterali vinkolanti dwar il-kummerċ elettroniku fi ħdan id-WTO, u tkompli tikkonċentra fuq objettivi konkreti u realistiċi;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tniedi b'urġenza n-negozjati TiSA konformement mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament; jaqbel mal-fehma li l-UE jmissha taħtaf l-okkażjoni li tassumi rwol ta' tmexxija biex tiffissa standards diġitali globali tal-aħħar ġenerazzjoni;

28.

Ifakkar li, sa mill-1998, il-membri tad-WTO appoġġaw moratorju fuq it-tariffi fuq trażmissjonijiet elettroniċi; jisħaq fuq il-fatt li tali tariffi jkunu jinvolvu spejjeż addizzjonali bla bżonn kemm għall-impriżi kif ukoll għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tbiddel il-moratorju fi ftehim permanenti dwar il-projbizzjoni ta' tariffi fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi, soġġett għal analiżi bir-reqqa tal-implikazzjonijiet fil-qasam tal-istampar tridimensjonali;

29.

Jinnota l-isforzi li saru mid-WTO biex tmexxi 'l quddiem il-programm ta' ħidma tagħha dwar il-kummerċ elettroniku; jitlob lill-Kummissjoni tfittex li jkun hemm aktar espansjoni tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni tad-WTO, bil-għan li jinkludi aktar prodotti u aktar membri tad-WTO, u jieħu nota tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Buenos Aires skedata għal Diċembru 2017; jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-impriżi Ewropej u lill-Istati Membri kemm jista' jkun malajr dwar il-pożizzjoni tagħha dwar il-kummerċ elettroniku u kwistjonijiet oħra relatati mal-kummerċ diġitali li se jintlaħaq ftehim dwarhom fil-konferenza, sabiex tiżgura pożizzjoni Ewropea magħquda;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet kummerċjali biex tippromwovi l-interoperabbiltà tal-istandards tal-ICTs li tkun ta' ġid kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, partikolarment fil-kuntest ta' internet tal-oġġetti sikur, tal-5 ġenerazzjoni (5G) u taċ-ċibersigurtà, u fl-istess ħin ma tevitax il-fora leġittimi għall-governanza b'bosta partijiet interessati li kienu ferm siewja għall-internet miftuħ;

31.

Jappoġġa l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu “L-istandards tal-ICT bħala l-pedament tas-suq uniku diġitali” (COM(2016)0176); jenfasizza li filwaqt li l-istandardizzazzjoni tal-ICT trid tkompli titmexxa primarjament mill-industrija, tkun volontarja u titmexxa b'kunsens, abbażi tal-prinċipji ta' trasparenza, ftuħ, imparzjalità, kunsens, effikaċja, rilevanza u koerenza, sett aktar ċar ta' prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni tal-ICTs, flimkien ma' appoġġ politiku ta' livell għoli, jagħtu spinta lill-kompetittività; jinnota li dan il-proċess għandu jagħmel użu mill-istrumenti tas-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni u jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali, sabiex jiġu żgurati proċessi mtejba għall-iffissar tal-istandards, b'konformità mal-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni trawwem l-emerġenza ta' standards tal-industrija globali taħt it-tmexxija tal-UE għat-teknoloġiji 5G u l-arkitetturi tan-netwerks ewlenin, b'mod partikolari permezz tal-isfruttament tar-riżultati tas-sħubija pubblika-privata tal-5G (SPP 5G) fil-livell tal-korpi għall-istandardizzazzjoni tal-UE u internazzjonali ewlenin;

32.

Jenfasizza l-importanza ta' standards internazzjonali dwar it-tagħmir u s-servizzi diġitali, speċjalment fil-qasam taċ-ċibersigurtà; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura l-introduzzjoni ta' miżuri bażiċi ta' ċibersigurtà fejn għandhom x'jaqsmu prodotti tal-internet tal-oġġetti u servizzi bbażati fuq il-cloud.

33.

Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lin-numru dejjem akbar ta' konsumaturi u individwi li qegħdin ibigħu u jixtru oġġetti fuq l-internet u jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' proċeduri doganali kkumplikati għall-oġġetti li jkunu xtraw online; ifakkar fil-bżonn li jinħoloq trattament doganali semplifikat, eżenti mit-taxxi u mid-dazji għall-oġġetti mibjugħa online u għall-oġġetti mhux użati li jinraddu lura; ifakkar li l-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO jimmira li jħaffef il-proċeduri doganali u jtejbilhom l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza; jisħaq fuq il-bżonn tad-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni u tal-ġestjoni doganali permezz tar-reġistrazzjoni u tal-operazzjoni online tal-informazzjoni, fatt li għandu jiffaċilita l-iżdoganar fil-fruntieri, il-kooperazzjoni fil-kxif ta' frodi, l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet marbuta mad-dwana; jemmen li l-użu usa' ta' strumenti bħas-soluzzjonijiet tat-tilwim online jkun ta' ġid għall-konsumaturi;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-firmatarji tal-ftehimiet kummerċjali jinkludu, fil-kapitolu ddedikat għat-telekomunikazzjonijiet tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tagħhom, dispożizzjonijiet li jagħmlu t-tariffi tar-roaming internazzjonali u dawk applikati għat-telefonati u għall-messaġġi internazzjonali trasparenti, ġusti, raġonevoli u orjentati lejn il-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-politiki li jippromwovu prezzijiet bl-imnut orjentati lejn il-kostijiet għas-servizzi tar-roaming bil-għan li jorħsu l-prezzijiet, tkun promossa t-trasparenza, ikunu evitati l-prattiki kummerċjali inġusti jew b'xi mod huma negattivi għall-konsumaturi;

35.

Jirrikonoxxi li l-prinċipji tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (2000/31/KE) taw il-kontribut tagħhom sabiex tiġi żviluppata l-ekonomija diġitali billi ħalqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjonijiet u ggarantew il-libertà tal-kelma u l-libertà ta' impriża; ifakkar li, fin-negozjati kummerċjali tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta bl-acquis tal-UE;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra t-teknoloġiji u s-servizzi diġitali fil-politika ta' żvilupp tal-UE, kif definit, fost oħrajn, fl-aġenda Digital4Development; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet kummerċjali biex ittejjeb u tippromwovi d-drittijiet diġitali; jirrikonoxxi li 53,6 % biss tal-unitajiet domestiċi fid-dinja kollha għandhom aċċess għall-internet; jiddeplora l-fatt li għad hemm distakk diġitali notevoli; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-investimenti fl-infrastruttura diġitali fin-Nofsinhar tad-dinja bil-għan li jingħalaq dan id-distakk diġitali, anki billi jiġu stimolati s-sħubijiet pubbliċi-privati, iżda xorta waħda fir-rispett tal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; josserva, f'dan il-kuntest, il-kontribut li tat l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni – Settur tal-Iżvilupp (ITU-D) tan-NU fil-ħolqien, fl-iżvilupp u fit-titjib tat-telekomunikazzjoni u tat-tagħmir u netwerks tal-ICTs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tara li l-investimenti fl-infrastruttura ta' banda wiesgħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu totalment għar-rispett ta' internet liberu, miftuħ u sikur, kif ukoll ikunu subordinati għal dan ir-rispett, u tiżviluppa soluzzjonijiet adegwati għall-promozzjoni ta' aċċess għall-internet mobbli; jisħaq fuq l-importanza partikolari ta' tali investimenti għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fil-livell lokali, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li jkunu jistgħu jinteraġixxu b'mod diġitali mal-impriżi multinazzjonali u jaċċedu għall-ktajjen tal-valur mondjali; ifakkar li l-aġevolazzjoni tal-kummerċ elettroniku transfruntier jista' jkollha impatt dirett fuq it-titjib tal-għajxien, trawwem standards ta' ħajja ogħla u tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku; ifakkar il-kontribut li sforzi bħal dawn jistgħu jagħtu għall-ugwaljanza bejn is-sessi billi numru mdaqqas ta' dawn il-kumpaniji huma tan-nisa jew immexxijin minn nisa; itenni li l-kummerċ diġitali jaf ukoll ikun riżorsa għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u b'hekk ikun sostnut l-iżvilupp tal-gvern elettroniku;

37.

Jenfasizza li huwa importantissmu li kwalunkwe strateġija għall-kummerċ diġitali trid tirrispetta għalkollox il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki, u għandha b'mod partikolari tipprova tippromwovi u tippermetti l-istart-ups u lill-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fil-kummerċ elettroniku transfruntier, bi tfakkira tal-kontribut li dan jista' jagħti għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

38.

Iqis li l-kwistjonijiet diġitali għandhom ukoll ikunu preżenti b'aktar prominenza fil-politika “Għajnuna għall-Kummerċ” tal-UE bil-għan li jkun iffaċilitat it-tkabbir tal-kummerċ elettroniku permezz ta' iżjed sostenn għall-innovazzjoni u għall-infrastruttura kif ukoll aċċess għall-finanzjamenti, partikolarment bis-saħħa ta' inizjattivi ta' mikrofinanzjament, u anki permezz ta' assistenza biex tiżdied il-viżibbiltà online għall-impriżi tal-kummerċ elettroniku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex ikun iffaċilitat l-aċċess u tkun promossa d-disponibbiltà tas-soluzzjonijiet ta' pagament elettroniku u l-aċċess għal loġistika u servizzi ta' konsenja effikaċi f'termini ta' kostijiet;

39.

Jenfasizza li kwalunkwe strateġija għall-kummerċ diġitali, inklużi l-miżuri ta' akkumpanjament tagħha, trid tkun konformi għalkollox mat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u trid tikkontribwixxi lejn dan it-twettiq; josserva li l-SDG nru 4 dwar l-edukazzjoni ta' kwalità dwar l-għoti ta' edukazzjoni primarja u sekondarja li tkun b'xejn, ekwa u ta' kwalità lill-bniet u lis-subien kollha, l-SDG nru 5 dwar il-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet, l-SDG nru 8.10 dwar il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, partikolarment billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u jitwessa' l-aċċess għas-servizzi finanzjarji, kif ukoll l-SDG nru 9.1 dwar l-iżvilupp ta' infrastruttura affidabbli u reżiljenti b'enfasi fuq aċċess ekwu għal kulħadd, u l-SDG nru 9.3 dwar iż-żieda fl-aċċess tal-impriżi ż-żgħar, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għas-servizzi finanzjarji, inkluż għall-kreditu bi mgħax raġonevoli, u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur u fis-swieq, huma partikolarment rilevanti f'dan ir-rigward;

40.

Jimpenja ruħu li jaġġorna l-istrateġija għall-kummerċ diġitali tiegħu kull ħames snin;

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-SEAE.

(1)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0299.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0041.

(5)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 35.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0233.

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


Top