EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0397

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752 – 2017/2906(RSP))

ĠU C 346, 27.9.2018, p. 127–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/127


P8_TA(2017)0397

Fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 × 40-3-2

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752 – 2017/2906(RSP))

(2018/C 346/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-14 ta' Settembru 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-14 ta' Lulju 2016, u ppubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016 (3),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (4),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fl-20 ta' Settembru 2007, Pioneer Overseas Corporation ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn din il-fażola tas-sojja għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.

billi fl-14 ta' Lulju 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016;

C.

billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fit-tfassil tad-deċiżjoni tagħha;

D.

billi waħda mill-pjanti ġenituri, il-fażola tas-sojja 305423, ġiet ġenetikament modifikata bl-intenzjoni li tinbidel il-kompożizzjoni taż-żejt fil-pjanti u biex tkun reżistenti għall-erbiċidi li jinibixxu s-sintażi aċetolattat (ALS), li jinkludu l-erbiċidi tal-familji kimiċi tal-imidażolinon, tas-sulfonilurea, tat-triazolopirimidina, tat-(tio)benżoat tal-primidinil u tas-sulfonilaminokarboniltrijażolinonu; filwaqt li l-pjanta ġenitur l-oħra, il-fażola tas-sojja 40-3-2, tinkorpora l-ġene ESPS li jagħmilha reżistenti għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat; billi dawn il-varjetajiet ta' fażola tas-sojja ġenetikament modifikati ġew ikkombinati biex jinħoloq l-hekk imsejjaħ event multiplu li huwa reżistenti għal żewġ erbiċidi u li jinbidel f'kompożizzjoni taż-żejt;

E.

billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi (5); billi l-aktar kummenti kritiċi huma marbuta mal-osservazzjonijiet li mhuwiex possibbli li tingħata sentenza favorevoli, mill-perspettiva tan-nutrizzjoni tal-bniedem jew tal-annimal, dwar is-sikurezza tal-profil tal-prodotti li joħorġu mill-varjetajiet tas-sojja li għandhom eventi ta' trasformazzjoni 305423 u 40-3-2, li mhuwiex possibbli li jsiru konklużjonijiet dwar l-allerġeniċità ta' din il-fażola tas-sojja multipla, li “"m'hemmx biżżejjed data u komparaturi xierqa għall-valutazzjoni tal-interazzjonijiet potenzjali bejn linji parentali u għall-identifikazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati f'eventi multipli meta mqabbla mal-linja parentali” u li “l-valutazzjoni tar-riskju tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ma tistax tiġi ffinalizzata abbażi tad-data pprovduta”;

F.

billi l-applikant ipprovda studju tossikoloġiku dwar l-għalf ta' 90 ġurnata li ġie miċħud mill-EFSA minħabba l-kwalità insuffiċjenti tiegħu; billi, b'riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tar-riskju ma fihiex tali studju, fatt li ġie kkritikat minn għadd ta' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; billi din il-lakuna fid-data mhix aċċettabbli, speċjalment meta wieħed iqis li l-linji gwida tal-EFSA tal-2006 jeħtieġu tali studju (6);

G.

billi, abbażi ta' għadd ta' lakuni fid-data (inkluż in-nuqqas ta' valutazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati li jirriżultaw mill-modifika ġenetika inkwistjoni, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-effetti tossiċi u n-nuqqas ta' valutazzjoni ta' residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari), studju indipendenti jikkonkludi li l-valutazzjoni tar-riskju ma tistax tiġi konkluża u li l-applikazzjoni għandha, għalhekk, tiġi miċħuda (7);

H.

billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx dejjem se jkunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari meta mqabbel mal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom (8);

I.

billi l-awtorizzazzjoni attwali tal-glifosat tiskadi mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017; billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġenità tal-glifosat; billi f'Novembru 2015 l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku filwaqt li f'Marzu 2017 l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) kkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) tad-WHO kklassifikat il-glifosat bħala aktarx karċinoġeniku għall-bnedmin;

J.

billi, skont il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidi, abbażi tad-data pprovduta sa issa, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza tal-pestiċidi tar-residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formulazzjonijiet tal-glifosat (9); billi l-addittivi u t-taħlit tagħhom użat f'formulazzjonijiet kummerċjali għall-bexx tal-glisofat jistgħu juru tossiċità ogħla mill-ingredjent attiv waħdu (10); billi għadd ta' studji juru li l-formulazzjonijiet tal-glifosat jistgħu jaġixxu bħala sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (11);

K.

billi l-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata importata tintuża ħafna għall-għalf tal-annimali fl-Unjoni; billi studju xjentifiku evalwat bejn il-pari sab possibbiltà ta' korrelazzjoni bejn il-glifosat fl-għalf mogħti lill-majjali waqt it-tqala u żieda fl-inċidenza ta' anomaliji konġenitali serji fil-frieħ tagħhom (12);

L.

billi m'hemm l-ebda valutazzjoni tar-riskji komprensiva dwar ir-residwi mill-bexx ta' inibituri tal-ALS bħala erbiċidi komplementari fuq il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata; billi, għall-kuntrarju, il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidji identifika lakuni kbar fid-data fil-każ tat-thifensulfuron, li huwa wieħed mill-ingredjenti attivi li jaġixxi bħala inibitur tal-ALS (13);

M.

billi r-residwi mill-bexx tal-erbiċidi komplementari ma ġewx ivvalutati; billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ġenetikament modifikata u mbexxa bil-glifosat u b'erbiċidi inibituri tal-ALS hija sikura għall-użu fl-ikel u fl-għalf;

N.

billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 fl-Unjoni ser twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi u għal żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi komplementari;

O.

billi fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 hija kkultivata fl-Arġentina, fil-Kanada u fil-Ġappun; billi l-impatt devastanti tal-użu tal-glifosat fuq is-saħħa fl-Arġentina ġie ddokumentat b'mod wiesa';

P.

billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jinkludu impenn biex sal-2030 jitnaqqas sostanzjalment l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis u l-kontaminazzjoni fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija (SDG 3, il-mira 3.9) (14); billi l-Unjoni hija impenjata favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), li għandha l-għan li timinimizza l-kontradizzjonijiet u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura, għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u żżid l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

Q.

billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla tar-reżistenza tal-ħaxix ħażin għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati; billi f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi ġew dokumentati aktar minn 20 varjetà differenti ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat (15);

R.

billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fl-14 ta' Settembru 2017 ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 14-il Stat Membru vvutaw kontra, 10 Stati Membri biss – li jirrappreżentaw 38,43 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew;

S.

billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President tal-Kummissjoni Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika (16);

T.

billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (17) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

U.

billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tgħid li l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

V.

billi l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 mhix biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' demokrazija fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM;

W.

billi l-leġittimità demokratika tista' tiġi żgurata biss billi jiġi previst, tal-inqas, li meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tiġi rtirata; billi din il-proċedura diġà teżisti għal xi kumitati permanenti oħrajn;

1.

Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.

Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.

Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (“HT GMP”) mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-effetti kumulattivi speċifiċi tar-residwi mill-bexx b'taħlita tal-erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi tal-kultivazzjoni;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni titlob testijiet ħafna aktar dettaljati dwar ir-riskji għas-saħħa b'rabta ma' eventi ta' trasformazzjoni multipli bħall-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskji tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4566

(4)  

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).

Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 x T25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (Testi adottati, P8_TA(2015)0456).

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0040).

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0039).

Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (Testi adottati, P8_TA(2016)0038).

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (Testi adottati, P8_TA(2016)0271).

Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla ġenetikament modifikata (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (Testi adottati, P8_TA(2016)0272).

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).

Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).

Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).

Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).

Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).

Ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).

Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).

Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).

(5)  Anness G – Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2007-175

(6)  Idem.

(7)  https://www.testbiotech.org/sites/default/files/TBT%20Background%20Soybean%20305423%20x%2040-3-2.pdf

(8)  https://link.springer.com/article/10.1007%2Fs00267-015-0589-7

(9)  Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanza attiva glifosat bħala pestiċida. EFSA Journal 2015, 13 (11):4302 http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf

(10)  https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666

(11)  https://www.testbiotech.org/sites/default/files/TBT%20Background%20Soybean %20305423%20x%2040-3-2.pdf

(12)  https://www.omicsonline.org/open-access/detection-of-glyphosate-in-malformed-piglets-2161-0525.1000230.php?aid=27562

(13)  “Il-potenzjal ta' interferenza endokrinali tat-thifensulfuron-methyl ġie identifikat bħala kwistjoni li ma setgħetx tiġi ffinalizzata u materja ta' tħassib importanti”. Konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari rigward is-sustanza attiva thifensulfuron-methyl. EFSA journal 13(7):4201, p. 2 http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4201/epdf

(14)  https://sustainabledevelopment.un.org/sdg3

(15)  https://link.springer.com/chapter/10.1007/978-94-007-7796-5_12

(16)  Pereżempju fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

(17)  ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.

(18)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Top