This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IP0281
European Parliament resolution of 4 July 2017 with recommendations to the Commission on limitation periods for traffic accidents (2015/2087(INL))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku (2015/2087(INL))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku (2015/2087(INL))
ĠU C 334, 19.9.2018, p. 30–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 334/30 |
P8_TA(2017)0281
Perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku (2015/2087(INL))
(2018/C 334/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-prinċipji ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (2) (“ir-Regolament Ruma II”), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta' Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku”), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (3) (“id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur”), |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-kalkolu tat-Termini ta' Limitazzjoni (4), |
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) intitolat “Termini ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku” li jakkumpanja rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew (5), |
— |
wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bit-titolu “Inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE – l-impatt potenzjali ta" karozzi mingħajr sewwieqa” (6), |
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu “Kumpens għall-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE: Tqabbil ta' prattiki nazzjonali, analiżi ta' problemi u evalwazzjoni ta' għażliet għat-titjib tal-pożizzjoni ta' vittmi transkonfinali” (7), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal- tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 intitolata “Kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma” (8), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-termini ta' limitazzjoni f'tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u inċidenti fatali (9), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2003 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE, 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur (10), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0206/2017), |
A. |
billi fl-Unjoni, ir-regoli ta' limitazzjoni fir-rigward tat-talbiet għad-danni jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, b'tali mod li l-ebda żewġ Stati Membri ma japplikaw eżattament l-istess regoli bażiċi ta' limitazzjoni; billi wkoll il-limitazzjoni rilevanti hija determinata abbażi ta' diversi fatturi, inkluż jekk hemmx proċedimenti kriminali relatati u jekk it-talba hijiex ikkunsidrata bħala delittwali jew kuntrattwali; |
B. |
billi s-sistemi ta' limitazzjoni nazzjonali huma kumplessi ħafna u ta' spiss jista' jkun diffiċli li wieħed jifhem liema hija applikabbli b'mod ġenerali, meta u kif il-limitazzjonijiet jibdew jiddekorru u kif dawn jiġu sospiżi, interrotti jew estiżi; |
C. |
billi n-nuqqas ta' familjarità ma' regoli barranin ta' limitazzjoni jista' jwassal għat-telf tad-dritt li wieħed jagħmel it-talba, jew li inkella għal ostakli għall-vittmi fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, fil-forma ta' spejjeż addizzjonali u dewmien; |
D. |
billi hemm biss ftit statistika disponibbli bħalissa dwar iċ-ċaħda ta' talbiet għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali għar-raġuni li t-terminu ta' limitazzjoni jkun skada; |
E. |
billi fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali, l-unika kawża ta' azzjoni diġà armonizzata fil-livell tal-Unjoni hija dik stabbilita fl-Artikolu 18 tal-istess Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, li permezz tiegħu l-vittmi jkunu jistgħu jitolbu kumpens fil-pajjiż ta' residenza tagħhom permezz ta' talba għal kumpens magħmula direttament kontra l-impriża ta' assigurazzjoni rilevanti jew kontra entità ta' kumpens rilevanti għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur (11); |
F. |
billi t-termini ta' limitazzjoni jikkostitwixxu parti importanti u integrali ta' responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri li joperaw f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku billi terminu ta' limitazzjoni qasir jista' jibbilanċja regola stretta dwar ir-responsabbiltà jew indennizzi ġenerużi mogħtija għad-danni; |
G. |
billi l-perjodi ta' limitazzjoni għal talbiet huma essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-finalità tat-tilwim; billi, madankollu, id-drittijiet tal-konvenut għaċ-ċertezza u l-finalità legali tat-tilwim għandhom ikunu bbilanċjati mad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li jkollu aċċess għall-ġustizzja u għal rimedju effettiv, u perjodi qosra mingħajr ħtieġa jistgħu jfixklu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja fl-Unjoni; |
H. |
billi, minħabba d-diverġenzi attwali f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' limitazzjoni u t-tipi ta' problemi li huma direttament relatati ma' diversi dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw każijiet tranżnazzjonali ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà, ċertu livell ta' armonizzazzjoni huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat grad adegwat ta' ċertezza, prevedibbiltà u sempliċità fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar it-termini ta' limitazzjoni f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali; |
I. |
billi tali inizjattiva leġiżlattiva għandha ssib bilanċ ġust bejn il-litiganti fir-rigward ta' kwistjonijiet li jirrigwardaw regoli ta' limitazzjoni u tiffaċilita l-kalkolu u s-sospensjoni tad-dekorrenza taż-żmien; billi, għalhekk, approċċ immirat li jikkunsidra l-ammont dejjem jikber ta' traffiku transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma jbiddel kompletament il-qafas legali tal-Istati Membri huwa hawnhekk previst; |
1. |
Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku tjiebet b'mod konsiderevoli matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin, inkluż fil-livell ta' ġurisdizzjoni fil-liġi privata internazzjonali, li biha l-vittmi viżitaturi jistgħu jibbenefikaw minn proċeduri fl-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għal kwalunkwe klejm diretta kontra l-assiguratur tar-responsabbiltà tal-karozza jew korpi ta' kumpens; |
2. |
Jinnota, madankollu, li l-eżistenza kontinwa fl-Unjoni ta' żewġ reġimi paralleli li jirregolaw il-liġi applikabbli f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku skont il-pajjiż fejn tiġi ppreżentata t-talba, jiġifieri jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u l-Konvenzjoni ta' Ruma II, li flimkien mal-għażla ta' possibilitajiet tal-forum taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), joħolqu inċertezza legali u kumplessità kif ukoll opportunitajiet potenzjali għal forum shopping; |
3. |
Itenni li f'tilwim transkonfinali, it-tul ta' żmien għal investigazzjonijiet u negozjati spiss ikun ħafna aktar milli f'talbiet domestiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li tali sfidi jistgħu jiġu aggravati meta t-teknoloġiji l-ġodda għandhom rwol, bħal fil-każ ta' karozzi mingħajr sewwieqa; |
4. |
Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-suġġett ta' regoli ta' limitazzjoni għandu jinftiehem bħala li jagħmel parti mill-miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Eworpea (TFUE); |
5. |
Jinnota li l-eżistenza ta' regoli minimi komuni f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni f'każijiet ta' tilwim transkonfinali hija essenzjali biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli mezzi ġuridiċi effikaċi għall-ħarsien tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali u biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali; |
6. |
Jenfasizza li perjodi ta' limitazzjoni qosra b'mod sproporzjonat f'sistemi legali nazzjonali huma ostaklu għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri, li jistgħu jiksru d-dritt għal proċess ġust minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB; |
7. |
Jenfasizza li d-differenza sinifikanti bejn ir-regoli tal-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali toħloq ostaklu addizzjonali għall-vittmi meta dawn iressqu talba għal kumpens minħabba korriment personali u ħsara lill-proprjetà li jkunu ġarrbu fi Stati Membri li mhumiex tagħhom; |
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni tal-Istati Membri għal klejms għal kumpens għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali jsiru aktar disponibbli u jiġu aġġornati b'mod kostanti fuq il-Portal tal-Ġustizzja elettronika; |
9. |
Jitlob ukoll lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-protezzjoni mogħtija fl-Istati Membri għal minuri u persuni b'diżabbiltà fir-rigward tad-dekorrenza taż-żmien għall-finijiet ta' limitazzjoni, u dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li dawn il-persuni ma jitilfux id-drittijiet tagħhom li jitolbu kumpens meta jkunu involuti f'inċident tat-traffiku transkonfinali u li dawn jingħataw il-garanzija li jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni; |
10. |
Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-TFUE, tippreżenta proposta għal att dwar il-perjodi ta' limitazzjoni fir-rigward ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż; |
11. |
Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja; |
12. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri. |
(1) Ara, inter alia: is-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Peter Pflücke vs Bundesanstalt für Arbeit (C-125/01, ECLI:EU:C:2003:477), is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Theresa Emmott vs Minister for Social Welfare u Attorney General, C-208/90, ECLI:EU:C:1991:333 u s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, Vincenzo Manfredi et v Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA et al., kawżi magħquda C-295/04 sa C-298/04, ECLI:EU:C:2006:461.
(2) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.
(3) ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
(4) CETS 076.
(5) PE 581.386, Lulju 2016.
(6) PE 571.362, Ġunju 2016.
(7) Disponibbli onlajn hawnhekk: http://ec.europa.eu/civiljustice/news/docs/study_compensation_road_victims_en.pdf (30 ta' Novembru 2008).
(8) ĠU C 121, 19.4.2011, p. 41.
(9) ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 99.
(10) Testi adottati, P5_TA(2003)0446.
(11) Ara wkoll: is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen NV v. Jack Odenbreit, C-463/06, ECLI:EU:C:2007:792.
(12) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
ANNESS GĦAR RIŻOLUZZJONI:
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR REGOLI PERJODI TA' LIMITAZZJONI KOMUNI GĦAL INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU TRANSKONFINALI
A. PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA
1. |
Fl-Unjoni Ewropea, l-infurzar tal-liġi quddiem il-qrati jibqa' fil-biċċa l-kbira kwistjoni li taqa' taħt ir-regoli proċedurali u l-prattika nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni. Għalhekk huma dawk il-Qrati, matul il-proċeduri mressqa quddiemhom, li jridu jiżguraw l-korrettezza, il-ġustizzja u l-effiċjenza kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, biex b'hekk jiġi ggarantit li d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej ikunu mħarsa fl-Unjoni Ewropea kollha. |
2. |
L-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt 38 tagħhom, għandha tiġi ppreparata leġiżlazzjoni proċedurali ġdida f'każijiet transkonfinali, b'mod partikolari fuq dawk l-elementi li huma strumentali għal kooperazzjoni ġudizzjarja armonjuża u għal aċċess aħjar għal-liġi, eż. miżuri provviżorji, it-teħid ta' xhieda, ordnijiet ta' ħlas ta' flus u limiti ta' żmien. |
3. |
Ir-regoli minimi komuni dwar perjodi ta' limitazzjoni applikabbli fil-litigazzjoni dwar korriment personali u ħsara lill-proprjetà transnazzjonali, li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku, huma meqjusa neċessarji biex jitnaqqsu l-ostakoli għal dawk li jagħmlu l-klejms meta dawn ikunu qed jitolbu d-drittijiet tagħhom fi Stati Membri li mhumiex tagħhom. |
4. |
Regoli minimi komuni ta' limitazzjoni jwasslu għal aktar ċertezza u prevedibbiltà, li jillimitaw ir-riskju ta' kumpens żgħir wisq lil vittmi tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali. |
5. |
Bħala tali, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tistabbilixxi reġim speċjali ta' limitazzjoni għal każijiet transkonfinali li jissalvagwardja l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri. |
6. |
Id-Direttiva proposta m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi sistemi ta' responsabbiltà ċivili nazzjonali fl-intier tagħhom, iżda, filwaqt li jiġu rrispettati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, hija għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE u li għandhom natura transkonfinali. |
7. |
Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jistabbilixxu sett minimu ta' regoli dwar il-perjodi ta' limitazzjoni, u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u ċertezza legali fl-Unjoni. |
B. TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar perjodi ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 67(4) u 81(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1) |
L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
(2) |
Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tajjeb ta' proċeduri ċivili, jekk ikun meħtieġ billi tiġi promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċeduri ċivili applikabbli fl-Istati Membri. |
(3) |
Skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 intitolata “Kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma (1), meta ċ-ċittadini jsuqu lejn Stat Membri ieħor u jkollhom l-isfortuna li jkollhom inċident bil-karozza, għandhom bżonn ta' ċertezza legali dwar it-termini ta' limitazzjoni tal-klejms tal-assigurazzjoni. Għal dan l-għan, tħabbar Regolament ġdid dwar it-termini ta' limitazzjoni fuq inċidenti tat-traffiku transkonfinali li għandu jiġi adottat fl-2011. |
(4) |
Regoli ta' limitazzjoni għandhom impatt konsiderevoli mhux biss fuq id-dritt tal-partijiet li ssirilhom ħsara għal aċċess għall-ġustizzja, iżda wkoll fuq drittijiet sostantivi, peress li ma jistax ikun hemm dritt effettiv mingħajr protezzjoni xierqa u adegwata tiegħu. Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta' termini ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut ta' aċċess għal ġustizzja huwa wkoll imtenni bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). |
(5) |
Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f'każijiet individwali huma elementi essenzjali fi kwalunkwe qasam tal-ġustizzja. Termini ta' limitazzjoni komuni li jsaħħu ċ-ċertezza legali, jiżguraw li t-tilwim jintemm u jikkontribwixxu għal sistema ta' infurzar effettiva huma għalhekk meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju. |
(6) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal klejms li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li huma ta' natura transkonfinali. |
(7) |
Xejn ma għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva wkoll għal każijiet dwar inċidenti tat-traffiku purament interni, fejn xieraq. |
(8) |
L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950 (KEDB). Il-materji msemmija f'din id-Direttiva jeħtieġ li jkunu ttrattati b'konformità ma' dik il-Konvenzjoni u b'mod partikolari d-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv. |
(9) |
Il-prinċipju ta' lex loci damni jikkostitwixxi r-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tal-liġi applikabbli għal każijiet ta' korriment personali jew ta' dannu lill-proprjetà, li għalhekk għandha tiġi determinata abbażi ta' fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Skont il-punt (h) tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali għandha tirregola partikolarment il-mod li bih obbligu jista' jitneħħa u r-regoli ta' preskrizzjoni u limitazzjoni, inklużi regoli relatati mal-bidu, mal-interruzzjoni u mas-sospensjoni ta' perjodu ta' preskrizzjoni jew limitazzjoni. |
(10) |
Fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku, jista' jkun diffiċli ħafna għal vittma viżitatur biex jikseb informazzjoni bażika dwar l-inċident minn ġurisdizzjoni barranija fi żmien relattivament qasir, bħalma huma l-identità tal-konvenut u r-responsabbiltajiet potenzjali involuti. Jaf ukoll jieħu wisq żmien biex jiġi identifikat liema rappreżentant tal-klejms jew assiguratur għandhom jittrattaw il-każ, il-ġbir ta' evidenza dwar l-inċident u t-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa. |
(11) |
Huwa komuni f'każijiet transkonfinali tat-traffiku li min jagħmel il-klejm ikun qrib ħafna l-iskadenza ta' limitu ta' żmien qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jinbdew mal-konvenut. Dan jiġri l-aktar meta l-limitu ta' żmien globali ikun partikolarment qasir jew meta jkun hemm ambigwità dwar il-mod li bih il-perjodu ta' limitazzjoni jkun jista' jiġi sospiż jew interrott. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar inċident li seħħ f'pajjiż differenti mill-pajjiż ta’ residenza tar-rikorrent jista' jieħu ħafna żmien. Għaldaqstant, id-dekorrenza tat-terminu ta' skadenza ġenerali stabbilit fid-Direttiva għandha tiġi sospiża, hekk kif issir klejm lill-assiguratur jew il-korp ta' kumpens, li jippermettu lil min jagħmel il-klejm li jkollu l-opportunità li jinnegozja r-riżoluzzjoni tal-klejm. |
(12) |
Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu livell ogħla ta' protezzjoni. Jenħtieġ li tali livell ogħla ta' protezzjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja li tali regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti, kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni għalhekk ma għandhomx jiġu kompromessi. |
(13) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(14) |
Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-drittijiet fundamentali u tieħu kont tal-prinċipji u l-valuri rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, u fl-istess ħin tfittex li tikseb l-objettiv tal-Unjoni li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. |
(15) |
Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-perjodi ta' limitazzjoni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(16) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva]/[mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu]. |
(17) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I:
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards minimi dwar it-tul kollu, il-bidu, is-sospensjoni u l-kalkolu tal-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms ta' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà u rekuperabbli skont id-Direttiva 2009/103/KE, fir-rigward ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali.
Artikolu 2
Kamp ta' Applikazzjoni
Din id-Direttiva tapplika għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' kwalunkwe telf jew korriment bħala riżultat ta' inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni kontra:
a. |
l-intrapriża ta' assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE; or |
b. |
il-korp ta' kumpens previst mill-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE. |
Artikolu 3
Inċident tat-traffiku transkonfinali
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, inċident tat-traffiku transkonfinali tfisser kwalunkwe inċident tat-traffiku kkawżat mill-użu ta' vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza abitwali tal-vittma jew f'pajjiżi terzi li l-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi tagħhom, kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/103/KE, ikunu ssieħbu fis-sistema tal-karta ħadra.
2. F'din id-Direttiva, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser Stat Membru ħlief [ir-Renju Unit, l-Irlanda u] d-Danimarka.
KAPITOLU II:
STANDARDS MINIMI GĦAL PERJODI TA' LIMITAZZJONI
Artikolu 4
Perjodu ta' limitazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta' limitazzjoni ta' erba' snin jew iktar japplika għal azzjonijiet relatati ma' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà bħala riżultat ta' inċident tat-traffiku transkonfinali, li jaqa' taħt l-Artikolu 2. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih min jagħmel il-klejm ikun sar jaf, jew kellu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf, l-ammont ta' ħsara, telf jew dannu, kawża u l-identità tal-persuna responsabbli u l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili jew ir-rappreżentant tal-klejm jew korp ta' kumpens responsabbli għall-provvista ta' kumpens u li kontrihom titressaq il-klejm.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-liġi xierqa tal-klejm tipprevedi terminu ta' limitazzjoni itwal minn erba' snin, għandu japplika tali perjodu ta' limitazzjoni itwal.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal danni kkawżati minn inċidenti tat-traffiku.
Artikolu 5
Sospensjoni ta' limitazzjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva tiġi sospiża matul il-perjodu bejn is-sottomissjoni tar-rikorrent għat-talba tiegħu jew tagħha għal:
a) |
l-impriża ta' assigurazzjoni tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew ir-rappreżentant għall-klejms tagħha kif ipprovduti fl-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2009/103/KE, jew |
b) |
il-korp ta' kumpens previst fl-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE, |
u r-rifjut tat-talba mill-konvenut.
2. Fejn il-parti li jifdal wara li jiskadi l-perjodu ta' limitazzjoni ladarba jintemm il-perjodu ta' sospensjoni tkun inqas minn sitt xhur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant huwa mogħti perjodu minimu ta' sitt xhur addizzjonali biex jibda l-proċedimenti fil-qorti.
Artikolu 6
Il-proroga awtomatika ta' perjodi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk perjodu jiskadi nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew f'wieħed mill-jiem tal-btajjel uffiċjali, dan għandu jiġi estiż sal-aħħar tal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.
Artikolu 7
Kalkolu tal-perjodi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' żmien preskritt minn din id-Direttiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:
a) |
il-kalkolu għandu jibda mill-jum wara l-jum li fih seħħ il-fatt rilevanti; |
b) |
meta perjodu ta' żmien huwa espress bħala sena waħda jew ċertu numru ta' snin, dan għandu jiskadi fis-sena sussegwenti rilevanti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fih tkun seħħet l-okkorrenza msemmija. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollux jum bl-istess numru, il-perjodu ta' żmien għandu jiskadi fl-aħħar jum ta' dak ix-xahar; |
c) |
il-perjodi m'għandhomx jiġu sospiżi waqt il-vaganzi tal-Qorti. |
Artikolu 8
Likwidazzjoni tal-klejms
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-vittmi jkollhom rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/103/KE għall-ħlas ta' klejms li joriġinaw minn inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni, dak il-fatt m'għandux ikollu l-effett li ma jħallix il-vittmi milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta' dawk it-talbiet sal-iskadenza ta' kwalunkwe perjodu ta' limitazzjoni taħt din id-Direttiva matul il-proċedura għas-soluzzjoni tal-klejm tagħhom.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA
Artikolu 9
Informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni
Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli u faċilment aċċessibbli, bi kwalunkwe mezz adatt u bil-lingwi kollha tal-Unjoni, informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' ħsarat ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku kkomunikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) ta' din id-Direttiva.
Artikolu 10
Relazzjoni mal-liġi nazzjonali
Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jestendu d-drittijiet stabbiliti fiha sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.
Artikolu 11
Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni
Din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012.
KAPITOLU IV:
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 12
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 13
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, u kull ħames snin minn hemm' il quddiem, tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi kemm ta' informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tivvaluta l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq iċ-ċertezza legali u l-moviment ħieles ta' persuni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex jadattaw u jsaħħu din id-Direttiva.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, [data]
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President
(1) COM(2010)0171.
(2) Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).
(4) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).